KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

NORKUS

Ippreżentati fl-20 ta’ Novembru 2025 ( 1 )

Kawża C-498/24 P u C‑499/24 P

Çolakoğlu Metalurji AŞ,

Çolakoğlu Dış Ticaret AŞ

vs

Il-Kummissjoni Ewropea (C‑498/24 P)

u

Ereğli Demir ve Çelik Fabrikaları TAŞ,

İskenderun Demir ve Çelik AŞ,

Erdemir Çelik Servis Merkezi Sanayi ve Ticaret AŞ

vs

Il-Kummissjoni Ewropea (C‑499/24 P)

“Appell – Dumping – Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/1100 – Importazzjonijiet ta’ ċerti prodotti ċatti llaminati bis-sħana tal-ħadid, tal-azzar bil-karbonju jew azzar illigat ieħor li joriġinaw mit-Turkija – Dazju anti-dumping definittiv – Regolament (UE) 2016/1036 – Dazji fuq l-importazzjoni – Kalkolu tal-marġni ta’ dumping – Artikolu 2(10)(j) – Kuntratt ta’ kopertura tar-riskju tal-kambju”

I. Introduzzjoni

1.

Dawn il-kawżi jirrigwardaw żewġ appelli ppreżentati minn impriżi Torok kontra s-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea mogħtija fil-Kawżi T‑629/21 ( 2 ) u T‑630/21 ( 3 ) (iktar ’il quddiem is-“sentenzi appellati”) dwar id-dazju antidumping. Ir-rikorrenti jallegaw li l-Qorti Ġenerali wettqet sensiela ta’ żbalji ta’ liġi meta eżaminat ir-rikorsi tagħhom għal annullament indirizzati kontra r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/1100 tal‑5 ta’ Lulju 2021 li jimponi dazju anti-dumping definittiv u jiġbor b’mod definittiv id-dazju proviżorju impost fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti prodotti ċatti llaminati bis-sħana tal-ħadid, tal-azzar bil-karbonju jew azzar illigat ieħor li joriġinaw mit-Turkija (iktar ’il quddiem ir-“Regolament kontenzjuż”) ( 4 ).

2.

Konformement mat-talba tal-Qorti tal-Ġustizzja, dawn il-konklużjonijiet ser ikunu mmirati lejn l-aggravju komuni taż-żewġ appelli, li essenzjalment iqajjem kwistjoni ta’ interpretazzjoni tal-Artikolu 2(10)(j) tar-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem ir-“Regolament bażiku”) ( 5 ). B’mod iktar partikolari, għandu jiġi ddeterminat jekk, għall-finijiet tal-istabbiliment tal-eżistenza ta’ dumping, il-Kummissjoni Ewropea għandhiex tieħu inkunsiderazzjoni l-kuntratti ta’ kopertura tar-riskju ta’ kambju konklużi bejn l-impriżi li joperaw fil-kummerċ internazzjonali, jew jekk tistax, għall-kuntrarju, tkompli tapplika l-metodu tagħha stess fil-qasam tal-konverżjoni ta’ valuta.

3.

Din il-kwistjoni hija ta’ importanza partikolari fil-prattika tal-kummerċ internazzjonali, fejn it-tranżazzjonijiet ġeneralment jitwettqu f’valuti differenti. Ma huwiex rari li operaturi ekonomiċi jikkonkludu ftehimiet ta’ kopertura sabiex jipproteġu lilhom infushom kontra varjazzjonijiet kbar fir-rati tal-kambju li jistgħu joħolqu distorsjoni tal-prezz reali tal-merkanzija kkonċernata. Madankollu, għandu jitfakkar li l-Unjoni Ewropea, bħala membru sħiħ tas-sistema multilaterali tal-kummerċ internazzjonali, għandha interess leġittimu li tiżgura d-determinazzjoni tal-prezz reali ta’ din il-merkanzija, bil-għan li tiggarantixxi l-effettività tal-politika tagħha ta’ ġlieda kontra d-dumping. F’din il-perspettiva, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tiddetermina jekk tali ftehimiet konklużi bejn operaturi privati jistgħux jinfluwenzaw l-eżekuzzjoni tal-kompiti li d-dritt tal-Unjoni jafda lill-Kummissjoni fl-implimentazzjoni tar-Regolament bażiku.

II. Il-kuntest ġuridiku

A.   Id-dritt tal-WTO

4.

Permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 94/800/KE tat‑22 ta’ Diċembru 1994 dwar il-konklużjoin f’isem il-Komunità Ewropea, fejn għandhom x’jaqsmu affarijiet fil-kompetenza tagħha, fuq il-ftehim milħuq fil-Laqgħa ta’ negozjati multilaterali fl-Urugwaj (1986-1994) ( 6 ), il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea approva l-Ftehim li jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO), iffirmat f’Marrakesh fil-15 ta’ April 1994, kif ukoll il-ftehimiet li jinsabu fl-Annessi 1 sa 3 ta’ dan il-ftehim, fosthom il-Ftehim dwar l-Implementazzjoni ta’ l-Artikolu VI tal-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ 1994 (GATT) (iktar ’il quddiem il-“Ftehim antidumping”) ( 7 ).

5.

L-Artikolu 2 tal-Ftehim antidumping, intitolat “Determinazzjoni ta’ d-damping”, jipprevedi:

“[...]

2.4   Isir paragun imparzjali bejn il-prezzijiet ta’ esportazzjoni u l-valur normali. Dan il-paragun iseħħ fl-istess livell ta’ kummerċ, normalment fil-livell ex-fabbrika, u fir-rigward ta’ bejgħ magħmul kemm jista jkun fl-istess żmien. Jitqies b’mod sostanzjali f’kull każ, fuq il-mertu a bażi ta’ differenzi li jaffetwaw il-komparibbilità tal-prezzijiet, li jinkludi wkoll id-differenzi fit-termini u l-kondizzjonijiet fir-rigward tal-bejgħ, taxxa, livelli ta kummerċ, kwantitajiet, karatteristiċi fisiċi, u kwalunkwe differenzi oħra li jidhru li jaffetwaw il-komparabbilità tal-prezzijiet [...]. Fil-każ indikat fil-paragrafu 3, sussidji għall-ispejjeż, inklużi dwana u taxxi, li ntefqu bejn l-importazzjoni u l-bejgħ mill-ġdid, u għandhom isiru wkoll għall-profitti li jiżdiedu. Jekk f’dawn il-każijiet il-komparibbilità tal-prezzijiet ġiet affettwata, l-awtoritajiet jistabbilixxu valuri normali fil-livell tal-kummerċ ekwivalenti għall-livell ta’ kummerċ tal-prezz kostruwit ta’ l-esportazzjoni, jew jagħtu konsiderazzjoni mistħoqqa kif indikata f’dan il-paragrafu. L-awtoritajiet għandhom jindikaw lill-partijiet in kwistjoni x’tip ta’ informazzjoni hi meħtieġa biex jassiguraw paragun imparzjali u ma jimponux oneru tal-prova ta’ natura mhux raġonevoli fuq il-partijiet.

2.4.1   Meta l-paragun taħt paragrafu 4 jeħtieġ konverżjoni ta’ muniti, din il-konverżjoni għandha ssir permezz ta’ l-użu tar-rata tal-kambju eżistenti fiż-żmien id-data tal-bejgħ [...], stante li meta bejgħ ta’ munita barranija fuq swieq mixtieqa huwa direttament marbut mal-bejgħ ta’ l-esportazzjoni involuta, tintuża r-rata tal-kambju eżistenti waqt il-bejgħ mixtieq. Varjazzjonijiet fir-rati tal-kambju jkunu injorati u f’investigazzjoni l-awtoritajiet għandhom jippermettu lill-esportaturi mill-inqas 60 ġurnata biex jirranġaw il-prezzijiet ta’ l-esportazzjoni sabiex jiġu jirriflettu l-moviment sostenut fir-rati tal-kambju waqt il-perjodu ta’ l-investigazzjoni.

2.4.2   Soġġett għad-disposizzjonijiet li jirregolaw paragun ġust fil-paragrafu 4, l-eżistenza ta’ marġini ta’ d-damping waqt il-fażi ta’ l-investigazzjoni għandha normalment tiġi stabbilita fuq bażi tal-paragun bejn il-medja stabbilita tal-valur normali u l-medja stabbilita tal-prezzijiet ta’ transazzjonijiet ta’ esportazzjoni komparabbli jew permezz ta’ paragun bejn il-valur normali u l-prezzijet ta’ l-esportazzjoni fuq bażi ta’ żewġ transazzjonijiet bejn xulxin. [...]”

B.   Id-dritt tal-Unjoni

1. Ir-Regolament bażiku

6.

L-Artikolu 1 tar-Regolament bażiku jipprovdi:

“1.   Jista’ jiġi applikat dazju anti-dumping għal kwalunkwe prodott oġġett ta’ dumping li r-rilaxx tiegħu għaċ-ċirkolazzjoni ħielsa fl-Unjoni jikkawża dannu.

2.   Prodott għandu jiġi kkunsidrat bħala oġġett ta’ dumping jekk il-prezz tal-esportazzjoni tiegħu għall-Unjoni ikun inqas minn prezz paragonabbli għal prodott simili, fil-kors ordinarju tal-kummerċ, kif stabbilit għall-pajjiż esportatur.

[...]”

7.

L-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Determinazzjoni ta’ dumping”, jipprevedi:

“[...]

C. PARAGUN

10.   Għandu jsir paragun xieraq bejn il-prezz tal-esportazzjoni u l-valur normali. Dan il-paragun għandu jsir fl-istess livell tal-kummerċ u fir-rigward ta’ bejgħ magħmul, kemm jista’ jkun viċin, fl-istess ħin, u b’kont dovut meħud ta’ differenzi oħra li jaffettwaw il-paragonabbiltà tal-prezz. Fejn il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni kif stabbiliti mhumiex fuq bażi daqshekk komparabbli għandu jkun hemm adattament, f’forma ta’ aġġustamenti, f’kull każ, fuq il-merti tiegħu, għal differenzi fil-fatturi li huma pretiżi, u murija, li jaffettwaw il-prezzijiet u l-paragonabbiltà tal-prezzijiet. Kwalunkwe duplikazzjoni meta jsiru l-aġġustamenti għandha tiġi evitata, b’mod partikolari relattivament għal tnaqqis, ribassi, kwantitajiet u l-livell tal-kummerċ. Meta l-kondizzjonijiet speċifikati jkunu sodisfatti, il-fatturi li għalihom jista’ jsir aġġustament huma elenkati kif ġej:

[...]

(j) Kambju tal-munita

Meta l-paragun tal-prezz jeħtieġ kambju tal-munita, tali kambju għandu jsir bl-użu tar-rata tal-kambju fid-data tal-bejgħ, għajr li, meta bejgħ ta’ munita barranija fuq is-swieq bil-quddiem ikun marbut b’mod dirett mal-bejgħ involut għall-esportazzjoni, ir-rata tal-kambju fil-bejgħ bil-quddiem għandha tintuża. Normalment, id-data tal-bejgħ għandha tkun id-data tal-fattura iżda d-data tal-kuntratt, l-ordni tax-xiri jew il-konferma tal-ordni jistgħu jintużaw jekk dawn jistabbilixxu b’mod iktar adegwat it-termini materjali tal-bejgħ. Il-varjazzjonijiet fir-rati tal-kambju għandhom jiġu injorati u l-esportaturi għandhom jiġu mogħtija 60 ġurnata biex jirriflettu moviment sostenut fir-rati tal-kambju matul il-perjodu ta’ investigazzjoni.

[...]”

2. Ir-Regolament kontenzjuż

8.

Il-premessi 96 sa 101 tar-regolament kontenzjuż ikkontestat jiddikjaraw:

“(96)

Produttur esportatur wieħed u żewġ produtturi esportaturi relatati kkontestaw ir-rifjut proviżorju ta’ aġġustament tal-konverżjoni tal-munita, li huma talbu minħabba kuntratti ta’ ħħeġġjar relatati mal-bejgħ tagħhom lill-Unjoni. L-affermazzjoni tikkonċerna r-rata tal-kambju li għandha tintuża meta l-valur tal-bejgħ f’muniti barranin (f’dan il-każ l-euro) jiġi kkonvertit fil-munita tal-pajjiż esportatur (lira Torka jew TRY). Il-kumpaniji invokaw id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2(10)(j) tar-Regolament bażiku li ‘(…) meta bejgħ ta’ munita barranija fuq is-swieq bil-quddiem ikun marbut b’mod dirett mal-bejgħ involut għall-esportazzjoni, ir-rata tal-kambju fil-bejgħ bil-quddiem għandha tintuża’.

(97)

Fil-kummenti tiegħu sottomessi wara d-divulgazzjoni proviżorja, l-ilmentatur oppona l-affermazzjonijiet tal-produtturi esportaturi li jiddikjaraw li l-iħħeġġjar huwa proċess intern, u l-kumpaniji ma jistgħux jargumentaw li mingħajr l-iħħeġġjar il-prezz tal-bejgħ kien ikun ogħla minħabba li ma huwiex evidenti li l-klijenti kienu jħallsu prezz ogħla.

(98)

Il-Kummissjoni nnotat li l-Artikolu 2(10)(j) tar-Regolament bażiku huwa applikabbli f’sitwazzjonijiet fejn hija meħtieġa konverżjoni tal-munita għall-finijiet ta’ tqabbil bejn il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni. Hija l-prattika stabbilita li jsir tali tqabbil fil-munita tal-pajjiż ikkonċernat. Għalhekk, f’dan il-każ, il-Kummissjoni użat il-lira Torka bħala l-munita tat-tqabbil. Iż-żewġ kumpaniji li affermaw l-aġġustament tal-konverżjoni tal-munita ħħeġġjaw dawk it-tranżazzjonijiet ta’ bejgħ għall-esportazzjoni li ġew iddenominati f’euro. Ir-riskju ta’ konverżjoni tal-munita li jirriżulta minn dawk it-tranżazzjonijiet kien fil-każijiet kollha ħħeġġjat kontra d-dollaru Amerikan. Peress li t-tqabbil sar fil-lira Torka u t-tranżazzjonijiet kollha f’euro ġew ikkonvertiti f’lira Torka direttament mingħajr konverżjoni intermedja għal dollaru Amerikan, l-istess bħall-bejgħ domestiku kollu li sar fil-lira Torka, il-Kummissjoni kkunsidrat li r-rata ta’ konverżjoni bejn l-euro u d-dollaru Amerikan miftiehma fil-kuntratti tal-iħħeġġjar kienet irrilevanti għall-fini ta’ tqabbil. Konsegwentement, il-Kummissjoni ċaħdet l-affermazzjoni tat-tliet produtturi esportaturi.

(99)

Wara d-divulgazzjoni finali, it-tliet produtturi esportaturi rrepetew it-talbiet tagħhom għal aġġustament tal-konverżjoni tal-munita fuq il-bejgħ lill-Unjoni, biex jitqiesu l-operazzjonijiet ta’ ħħeġġjar tar-riskju tal-munita li jirriżultaw minn tranżazzjonijiet f’euro. Huma rrepetew l-argument li, irrispettivament mill-munita użata għat-tqabbil tal-prezzijiet, il-qligħ jew it-telf li jirriżulta mir-rata ta’ konverżjoni fil-mument tal-iħħeġġjar għandu impatt sinifikanti fuq it-tqabbil tal-prezzijiet. B’mod partikolari, huma taw eżempju teoretiku ta’ ordni ta’ bejgħ domestiku bi prezz ta’ unità f’USD miftiehem f’jum partikolari u ordni ta’ bejgħ għall-esportazzjoni bl-istess prezz ta’ unità f’ekwivalenti ta’ EUR miftiehem fl-istess jum. Il-kalkolu tal-kumpaniji wera li meta dawk l-ordnijiet tal-bejgħ jiġu kkonsenjati fl-istess jum u l-valur fatturat jiġi kkonvertit direttament mill-munita tal-fattura għal TRY, it-tqabbil jirriżulta f’dumping għalkemm il-prezz miftiehem fiż-żewġ ordnijiet tal-bejgħ kien l-istess fid-data tal-ordnijiet tal-bejgħ. Imbagħad sostnew li aġġustament għall-iħħeġġjar jenħtieġ li jsir jew abbażi tal-Artikolu 2(10)(j) jew l-Artikolu 2(10)(k) tar-Regolament bażiku.

(100)

Il-Kummissjoni analizzat l-affermazzjoni, b’mod partikolari l-eżempju teoretiku, li allegatament wera li r-rata tal-kambju fil-kuntratti ta’ ħħeġġjar jenħtieġ li titqies għall-fini tat-tqabbil tal-prezzijiet. L-ewwel nett, il-Kummissjoni nnotat li għalkemm l-eżempju kien matematikament korrett, dan ma kienx jirrifletti r-realtà tal-attivitajiet kummerċjali tal-kumpaniji jew tal-kalkoli tal-marġni tad-dumping. B’mod partikolari, l-eżempju implika li l-marġni tad-dumping huwa kkalkulat bi tqabbil ta’ żewġ tranżazzjonijiet individwali mwettqa fl-istess ħin, li ma huwiex il-każ peress li l-Kummissjoni tqabbel il-valur normali medju u l-prezz medju tal-esportazzjoni kif determinat matul il-PI għal kull tip ta’ prodott. It-tieni, l-eżempju assuma li l-ordnijiet kollha tal-bejgħ konklużi f’jum partikolari jiġu ssodisfati f’ħin simili, li ntwera li ma kienx korrett. Fil-fatt, wieħed mill-produtturi esportaturi għamel affermazzjoni separata li ż-żmien ta’ tħejjija bejn il-finalizzazzjoni tal-produzzjoni u l-ġbir tal-oġġetti mill-klijent kien ħafna itwal fis-suq domestiku meta mqabbel mal-bejgħ għall-esportazzjoni. Għalhekk, instab li l-eżempju mogħti mill-kumpaniji ma kienx akkurat għas-sitwazzjoni inkwistjoni. Minbarra dan, l-ebda waħda mill-kumpaniji ma pprovdiet evidenza li t-tranżazzjonijiet ta’ bejgħ għall-esportazzjoni tagħhom denominati f’EUR kienu oriġinarjament innegozjati fuq il-prezz f’USD tagħhom. Għall-kuntrarju, il-kuntratti tal-bejgħ u/jew l-ordnijiet tal-bejgħ ta’ dawk it-tranżazzjonijiet ta’ bejgħ għall-esportazzjoni kienu denominati direttament f’EUR mingħajr ebda referenza għal USD. Konverżjoni minn EUR għal TRY permezz tal-USD għalhekk tqieset bħala irrilevanti. Konsegwentement, il-Kummissjoni ċaħdet l-aġġustament affermat fuq il-bażi tal-Artikolu 2(10)(j) tar-Regolament bażiku.

(101)

Barra minn hekk, għalkemm il-kumpaniji sostnew li kienu kapaċi jorbtu t-tranżazzjonijiet tal-esportazzjoni ma’ operazzjonijiet ta’ ħħeġġjar individwali, dawn setgħu, u f’ħafna każijiet kienu, aġġustati wara l-bejgħ skont kif żviluppat il-perspettiva finanzjarja u sabiex jimmassimizzaw ir-redditu tal-kumpaniji. Il-Kummissjoni għalhekk ma kkunsidratx li l-ħeġġ seta’ jkun marbut direttament mal-bejgħ tal-esportazzjoni involut, u li t-teħid inkunsiderazzjoni tal-prezz tal-bejgħ bil-quddiem kien jirriskja li jgħawweġ il-prezz tal-esportazzjoni attwali.”

III. Il-fatti li wasslu għall-kawża, il-proċeduri quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenzi appellati

A.   Il-Kawża C‑498/24 P (Çolakoğlu Metalurji u Çolakoğlu Dış Ticaret vs Il‑Kummissjoni)

1. Il-fatti li wasslu għall-kawża

9.

Il-fatti li wasslu għall-kawża esposti fil-punti 2 sa 10 tas-sentenza appellata fil-Kawża C‑498/24 P jistgħu jiġu deskritti fil-qosor kif ġej.

10.

Çolakoğlu Metalurji AŞ (iktar ’il quddiem “CM”) huwa produttur esportatur Tork ta’ prodotti ċatti llaminati bis-sħana u Çolakoğlu Dış Ticaret AŞ (iktar ’il quddiem “ÇOTAŞ”) hija kumpanija relatata ta’ kummerċ u ta’ esportazzjoni Torka.

11.

Fl‑14 ta’ Mejju 2020, il-Kummissjoni fetħet investigazzjoni antidumping dwar l-importazzjonijiet fl-Unjoni Ewropea ta’ ċerti prodotti ċatti llaminati bis-sħana tal-ħadid, tal-azzar bil-karbonju jew azzar illigat ieħor (iktar ’il quddiem il-“prodott ikkonċernat”) li joriġinaw mit-Turkija.

12.

L-investigazzjoni kopriet il-perijodu bejn l‑1 ta’ Jannar u l‑31 ta’ Diċembru 2019 (iktar ’il quddiem il-“perijodu ta’ investigazzjoni”). L-eżami tat-tendenzi rilevanti għall-evalwazzjoni tad-dannu kopra l-perjodu inkluż bejn l‑1 ta’ Jannar 2016 u tmiem il-perjodu ta’ investigazzjoni.

13.

Fis‑6 ta’ Jannar 2021, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/9, li jimponi dazju anti-dumping provviżorju fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti prodotti ċatti b’laminazzjoni termali tal-ħadid, azzar mhux illigat jew liga oħra tal-azzar li joriġinaw mit-Turkija (iktar ’il quddiem ir-“Regolament proviżorju”) ( 8 ), li ssuġġetta l-esportazzjonijiet tar-rikorrenti fl-ewwel istanza lejn l-Unjoni tal-prodott ikkonċernat għal dazju antidumping provviżorju ta’ 7.6 %.

14.

Fil‑5 ta’ Lulju 2021, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament kontenzjuż, li jimponi dazju antidumping ta’ 7.3 % fuq l-importazzjonijiet fl-Unjoni tal-prodott ikkonċernat immanifatturat mir-rikorrenti fl-ewwel istanza.

2. Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata fil-Kawża C‑498/24 P

15.

Permezz ta’ talba sottomessa fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid‑29 ta’ Settembru 2021, CM u ÇOTAŞ ippreżentaw rikors għall-annullament tar-regolament kontenzjuż.

16.

Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti fl-ewwel istanza invokaw erba’ motivi. L-ewwel motiv kien ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 2(10)(i) tar-Regolament bażiku. It-tieni motiv kien ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 2(10)(b) tar-Regolament bażiku minħabba r-rekwiżit ta’ ħlas ta’ dazji fuq l-importazzjoni sabiex isir aġġustament. It-tielet motiv kien ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni dovut għar-rifjut li jsir kalkolu trimestrali tal-marġni ta’ dumping u għal ksur konsekuttiv tal-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku. Ir-raba’ motiv kien ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 2(10)(j) tar-Regolament bażiku minħabba r-rifjut ta’ aġġustament fir-rigward tal-qligħ u tat-telf ta’ kopertura.

17.

Permezz tas-sentenza appellata fil-Kawża C‑498/24 P, il-Qorti Ġenerali ċaħdet dawn l-erba’ motivi u, għaldaqstant, ir-rikors kollu kemm hu.

B.   Il-Kawża C‑499/24 (Ereğli Demir ve Çelik Fabrikaları et vs Il‑Kummissjoni)

1. Il-fatti li wasslu għall-kawża

18.

Il-fatti li wasslu għall-kawża esposti fil-punti 2 sa 10 tas-sentenza appellata fil-Kawża C‑499/24 P jistgħu jiġu deskritti fil-qosor kif ġej.

19.

Ir-rikorrenti huma kumpanniji rregolati mid-dritt Tork. Ereğli Demir ve Çelik Fabrikaları TAŞ u İskenderun Demir ve Çelik AŞ huma attivi fil-produzzjoni u l-bejgħ ta’ prodotti ċatti b’laminazzjoni termali. Erdemir Çelik Servis Merkezi Sanayi ve Ticaret AŞ huwa n-negozjant relatat tagħhom.

20.

Fl‑14 ta’ Mejju 2020, il-Kummissjoni fetħet investigazzjoni antidumping dwar l-importazzjonijiet fl-Unjoni Ewropea ta’ ċerti prodotti ċatti b’laminazzjoni termali tal-ħadid, azzar mhux illigat jew liga oħra tal-azzar li joriġinaw mit-Turkija (iktar ’il quddiem “l-investigazzjoni”).

21.

L-investigazzjoni kienet tirrigwarda l-perijodu inkluż bejn l‑1 ta’ Jannar u l‑31 ta’ Diċembru 2019. L-eżami tat-tendenzi rilevanti għall-evalwazzjoni tad-dannu kopra l-perjodu inkluż bejn l‑1 ta’ Jannar 2016 u tmiem il-perjodu ta’ investigazzjoni. Ir-rikorrenti ressqu l-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom matul l-investigazzjoni.

22.

Fis‑6 ta’ Jannar 2021, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament provviżorju, li ssuġġetta l-esportazzjonijiet tar-rikorrenti fl-ewwel istanza lejn l-Unjoni tal-prodott ikkonċernat għal dazju antidumping provviżorju ta’ 5.4 %.

23.

Fil‑5 ta’ Lulju 2021, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament kontenzjuż, li jimponi dazju antidumping ta’ 5 % fuq l-importazzjonijiet fl-Unjoni tal-prodott ikkonċernat immanifatturat mir-rikorrenti fl-ewwel istanza.

2. Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata fil-Kawża C‑499/24 P

24.

Permezz ta’ talba sottomessa fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid-29 ta’ Settembru 2021, ir-rikorrenti fl-ewwel istanza ppreżentat rikors intiż għall-annullament tar-Regolament kontenzjuż.

25.

Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti fl-ewwel istanza invokaw erba’ motivi. L-ewwel motiv kien ibbażat fuq il-ksur tal-ewwel tliet sentenzi kif ukoll tal-ħames sentenza tal-Artikolu 2(10) u tal-Artikolu 2(10) (j) tar-Regolament bażiku, kif ukoll fuq il-ksur tal-Artikolu 2(5) ta’ dan ir-regolament. It-tieni motiv kien ibbażat fuq il-fatt li ċ-ċaħda, mill-Kummissjoni, ta’ aġġustament għall-kopertura tal-qligħ u tat-telf, kisret l-Artikolu 2(10)(j) tar-Regolament bażiku, l-Artikolu 2.4 tal-Ftehim antidumping u l-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba. Permezz tat-tielet motiv tagħhom, l-appellanti sostnew ksur tal-paragrafi 5 u 6 tal-Artikolu 2 tar-Regolament bażiku u tal-ewwel tliet sentenzi tal-Artikolu 2(10) ta’ dan ir-regolament. Fl-aħħar nett, ir-raba’ motiv kien ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 2(6) tar-Regolament bażiku u tal-Artikolu 2.2.2 tal-Ftehim antidumping.

26.

Permezz tas-sentenza appellata fil-Kawża C‑499/24 P, il-Qorti Ġenerali ċaħdet dawn l-erba’ motivi u, għaldaqstant, ir-rikors kollu kemm hu.

C.   Il-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u t-talbiet tal-partijiet

27.

L-appelli fil-Kawżi C‑498/24 P u C‑499/24 P ġew ippreżentati fis‑17 ta’ Lulju 2024 u ġew irreġistrati fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fl-istess jum.

28.

Permezz tal-appelli rispettivi tagħhom, l-appellanti jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–

prinċipalment, tannulla s-sentenzi appellati, tannulla r-Regolament kontenzjuż u tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż sostnuti minnhom fil-kuntest tal-appell kif ukoll dawk relatati mal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali, u

–

sussidjarjament, tibgħat il-kawża lura quddiem il-Qorti Ġenerali u tirriżerva l-ispejjeż tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u tal-appell.

29.

Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–

tiċħad l-appelli, u

–

tikkundanna lill-appellanti għall-ispejjeż tal-istanza.

30.

Konformement mal-Artikolu 76(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li tipproċedi mingħajr seduta għas-sottomissjonijiet orali.

IV. Analiżi ġuridika

A.   Rimarki preliminari

1. L-Unjoni Ewropea fis-sistema kummerċjali multilaterali

31.

Il-WTO tiżgura l-osservanza ta’ sistema kummerċjali multilaterali bbażata fuq ċerti regoli vinkolanti. Fil-kapaċità tagħha bħala organizzazzjoni reġjonali mogħnija b’personalità ġuridika, l-Unjoni Ewropea tgawdi minn status partikolari fi ħdan il-WTO, fejn tpoġġi bħala membru sħiħ flimkien mal-Istati Membri tagħha ( 9 ). Fid-dawl tal-kompetenza esklużiva mogħtija lilha mill-Artikolu 3(1)(e) TFUE fil-qasam tal-politika kummerċjali komuni, l-Unjoni għandha kompetenza fir-rigward tal-impenji internazzjonali tal-Istati Membri tagħha, b’mod partikolari dawk li jirriżultaw mill-ftehimiet tal-WTO. Il-Ftehim antidumping, parti integrali minn dan il-corpus, jirregola kemm il-kundizzjonijiet sostantivi kif ukoll ir-regoli proċedurali dwar l-adozzjoni, l-implementazzjoni u ż-żamma tal-miżuri antidumping. In-nuqqas ta’ osservanza ta’ dawn id-dispożizzjonijiet jesponi l-miżuri adottati għal riskju ta’ kontestazzjoni fil-kuntest tal-mekkaniżmu ta’ riżoluzzjoni tat-tilwim tal-WTO ( 10 ).

32.

Sabiex jittrasponi dawn l-impenji internazzjonali fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, il-leġiżlatur Ewropew adotta, fuq il-bażi tal-Artikolu 207(2) TFUE, ir-Regolament bażiku fil-qasam tad-difiża kummerċjali. Dan it-test jiddefinixxi l-kundizzjonijiet li taħthom il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tintervjeni kontra prattiki kummerċjali inġusti minn esportaturi stabbiliti f’pajjiżi terzi, meta dawn jippreġudikaw l-industrija Ewropea. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni teżerċita l-funzjonijiet ta’ awtorità ta’ investigazzjoni u ta’ deċiżjoni, kif jirriżulta mill-Artikolu 6 u mill-Artikolu 9(4) tar-Regolament bażiku. Madankollu, konformement mal-prinċipju fundamentali tal-Istat tad-dritt, kull deċiżjoni li tipproduċi effetti legali għandha tkun soġġetta għal stħarriġ ġudizzjarju effettiv. F’dan ir-rigward, l-atti tal-Kummissjoni fil-qasam tal-antidumping jistgħu jkunu s-suġġett ta’ rikors għal annullament quddiem il-Qorti Ġenerali, bil-possibbiltà ta’ stħarriġ mill-Qorti tal-Ġustizzja f’każ ta’ appell. Din il-kawża turi l-eżerċizzju ta’ dan l-istħarriġ ta’ legalità, li huwa intiż li jiżgura l-konformità tal-atti tal-Kummissjoni mar-regoli tal-Unjoni kif ukoll mal-obbligi internazzjonali li jirriżultaw mill-Ftehim antidumping ( 11 ).

33.

Ir-raba’ aggravju mqajjem fil-Kawża C‑498/24 P u s-sitt aggravju mqajjem fil-Kawża C‑499/24 P huma identiċi sa fejn huma intiżi li jqiegħdu inkwistjoni, essenzjalment, l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni, jiġifieri l-Artikolu 2(10)(j) tar-Regolament bażiku, kif ukoll l-applikazzjoni tiegħu mill-Kummissjoni waqt id-determinazzjoni tal-marġni ta’ dumping. F’dan il-kuntest, il-Qorti Ġenerali qed tiġi kkritikata talli adottat il-pożizzjoni legali tal-Kummissjoni fir-rigward tal-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, filwaqt li injorat l-importanza tal-kuntratti ta’ kopertura fil-kuntest tat-tranżazzjonijiet kummerċjali internazzjonali.

34.

Peress li l-argumenti tal-appellanti jirrigwardaw biss aspetti iżolati tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni, mingħajr ma huwa possibbli li jiġi identifikat b’mod ċar x’inhuma l-intenzjonijiet tagħhom wara dawn l-argumenti, ser nibda, għall-finijiet ta’ ċarezza, bi preżentazzjoni ta’ din il-leġiżlazzjoni, sabiex il-punti essenzjali ta’ dawn il-kawżi jinftiehmu aħjar. Għal dan il-għan, ser nispjega, b’mod partikolari, kif iseħħ il-kalkolu tal-marġni ta’ dumping fil-prattika ( 12 ) u kif wieħed għandu jipproċedi fil-kuntest ta’ tranżazzjonijiet li jinvolvu valuti differenti ( 13 ). Barra minn hekk, ser nispjega l-funzjoni tal-kuntratti ta’ kopertura invokati mill-appellanti, kif ukoll il-kwistjoni dwar jekk il-Kummissjoni għandhiex tieħu inkunsiderazzjoni, fil-kalkoli tagħha, tali ftehimiet kuntrattwali konklużi bejn partijiet privati ( 14 ). Dawn l-ispjegazzjonijiet preliminari għandhom jippermettu li ssir evalwazzjoni aħjar tal-fondatezza tal-argumenti tal-partijiet. Huwa fl-aħħar parti tal-konklużjonijiet li l-aggravju komuni ser jiġi eżaminat fil-fond ( 15 ).

2. Ir-regoli dwar id-determinazzjoni tal-marġni ta’ dumping

35.

Konformement mal-Artikolu 1(2) tar-Regolament bażiku, prodott għandu jiġi kkunsidrat bħala oġġett ta’ dumping jekk il-prezz tal-esportazzjoni tiegħu lejn l-Unjoni jkun inqas mill-prezz paragunabbli mitlub taħt kundizzjonijiet kummerċjali normali, kif stabbilit għal prodott simili fil-pajjiż esportatur. Għaldaqstant, id-dumping huwa ddeterminat billi jiġu pparagunati żewġ valuri: l-ewwel valur, li jikkorrispondi għall-prezz tal-prodott fis-suq domestiku tal-pajjiż terz ikkonċernat, jissejjaħ “valur normali”; it-tieni valur huwa l- “prezz tal-esportazzjoni” tal-prodott ikkonċernat lejn l-Unjoni Ewropea. Ir-riżultat miksub jikkostitwixxi l- “marġni ta’ dumping”, iddefinit fl-Artikolu 2(12) tar-Regolament bażiku bħala “l-ammont li permezz tiegħu il-valur normali jaqbeż il-prezz tal-esportazzjoni”.

36.

Kif osservat il-Qorti tal-Ġustizzja fil-ġurisprudenza tagħha ( 16 ), id-determinazzjoni tal-valur normali ta’ prodott tikkostitwixxix wieħed mill-istadji essenzjali li għandhom jippermettu li tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ possibbiltà ta’ dumping. F’dan ir-rigward, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(1) tar-Regolament bażiku jipprevedi li l-valur normali huwa normalment ibbażat fuq il-prezzijiet imħallsa jew li għandhom jitħallsu, fil-kuntest ta’ tranżazzjonijiet kummerċjali normali, minn xerrejja indipendenti fil-pajjiż esportatur. Fir-rigward tal-prezz tal-esportazzjoni, mill-Artikolu 2(8) tar-Regolament bażiku jirriżulta li dan jikkorrispondi għall-prezz realment imħallas jew li għandu jitħallas għall-prodott mibjugħ għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni. Dan huwa l-prezz tal-prodott fil-fruntiera tal-Unjoni, jiġifieri qabel id-dħul tiegħu fis-suq tal-Unjoni, u mhux il-prezz imħallas meta jiġi kkummerċjalizzat ġewwa l-Unjoni.

37.

Ladarba dawn iż-żewġ valuri jiġu ddeterminati, għandu jsir il-paragun tagħhom, li għandu jsir b’mod “xieraq” u “fl-istess livell kummerċjali”, konformement mar-rekwiżiti tal-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku. Sabiex jinkiseb dan il-paragun, għandhom isiru aġġustamenti. Jekk parti titlob tali aġġustamenti, hija għandha tipproduċi l-prova li t-talba tagħha hija ġġustifikata ( 17 ). Fil-prattika, il-Kummissjoni tipparaguna l-prezzijiet – jiġifieri, il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni – fl-istadju tal-“ħruġ mill-fabbrika”, billi tnaqqas l-ispejjeż involuti fil-bejgħ tal-prodott.

38.

Konformement mal-Artikolu 2(11) tar-Regolament bażiku, il-marġni ta’ dumping huwa ddeterminat jew permezz ta’ metodu msejjaħ “simetriku”, li jikkonsisti fil-paragun ta’ valur normali medju pponderat mal-medja pponderata tal-prezzijiet tal-esportazzjonijiet kollha lejn l-Unjoni, jew permezz ta’ metodu msejjaħ “asimetriku”, li jikkonsisti fil-paragun ta’ valur normali medju pponderat mal-prezzijiet ta’ kull tranżazzjoni ta’ esportazzjoni individwali lejn l-Unjoni. Ikun liema jkun il-metodu użat, dan għandu jippermetti li jiġi rifless fedelment id-daqs reali tad-dumping ikkonstatat. Il-kalkolu preċiż tal-marġni ta’ dumping għandu importanza partikolari fil-prattika, peress li d-dazju antidumping eventwalment impost ma jistax jaqbeż dan il-marġni ta’ dumping ( 18 ).

3. Id-diffikultajiet prattiċi marbuta mal-kalkolu tal-marġni ta’ dumping, b’mod partikolari fir-rigward tat-teħid inkunsiderazzjoni tal-valuti differenti

39.

Il-kalkolu eżatt tal-marġni ta’ dumping fil-prattika ta’ spiss iqajjem diffikultajiet. Rigorożità partikolari hija meħtieġa, b’mod partikolari minħabba r-rekwiżit, previst fl-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku, li l-paragun bejn il-prezz tal-esportazzjoni u l-valur normali għandu jkun “xieraq”. Din id-dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni ma tiddefinixxix x’inhu kopert mill-kunċett ta’ “paragun xieraq”. Madankollu, il-kunċett korrispondenti previst fl-Artikolu 2.4 tal-Ftehom antidumping, li fuqu huwa bbażat l-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku, ġie interpretat fil-livell tal-WTO fis-sens li jimplika li l-paragun għandu jkun “imparzjali u oġġettiv” ( 19 ). L-obbligu li jiġi żgurat “paragun xieraq” għandu jinftiehem fis-sens li huwa estiż għad-dispożizzjonijiet kollha tal-Artikolu 2 tal-Ftehim antidumping ( 20 ).

40.

Fl-interess ta’ interpretazzjoni konformi mad-dritt tal-WTO ( 21 ), dawn l-istess prinċipji għandhom ikunu applikabbli għad-dispożizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 2 tar-Regolament bażiku Tali approċċ huwa ġġustifikat b’mod partikolari mill-għażla espliċita tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jirriproduċi fedelment id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-WTO dwar antidumping fid-dritt tal-Unjoni ( 22 ).

41.

Paragun rilevanti bejn il-prezz tal-esportazzjoni u l-prezz mitlub għall-konsum fis-suq intern tal-pajjiż esportatur jirrikjedi, loġikament, li dawn iż-żewġ valuri jkunu espressi fl-istess valuta – kundizzjoni li, fil-prattika, ma hijiex sistematikament issodisfatta fil-kuntest tal-kummerċ internazzjonali ( 23 ). Minn dan tirriżulta l-ħtieġa li ssir konverżjoni monetarja ta’ wieħed mill-prezzijiet fil-valuta ta’ referenza tas-suq l-ieħor, operazzjoni li, minkejja n-newtralità teknika apparenti tagħha, iġġib magħha ċertu numru ta’ sfidi ta’ natura metodoloġika u ġuridika li jeħtieġ li jiġu esposti iktar ’il quddiem.

42.

B’mod partikolari meta jintużaw valuti differenti, jirriżultaw diffikultajiet speċifiċi fil-kalkolu tal-marġni ta’ dumping peress li l-varjazzjonijiet fir-rati tal-kambju jistgħu jwettqu distorsjoni fuq il-valur reali tal-oġġetti kkonċernati, u, konsegwentement, li tinbidel il-firxa tal-marġni ta’ dumping ( 24 ). Fil-fatt, ir-rata ta’ konverżjoni bejn il-muniti applikabbli tista’ tvarja skont id-data meħuda inkunsiderazzjoni għad-determinazzjoni tal-prezzijiet. Sakemm il-konverżjoni ma ssirx b’rata ta’ kambju adegwata, il-paragun tal-prezzijiet minn awtorità ta’ investigazzjoni tista’ twassal għal stima żbaljata tal-marġni ta’ dumping, bi ksur tar-rekwiżit ta’ “paragun xieraq” ( 25 ). Għalhekk, f’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa imperattiv li jkun hemm kriterji uniformi li jippermettu lill-awtorità kompetenti telimina, fil-kalkolu, id-distorsjonijiet li jirriżultaw mill-varjazzjonijiet fir-rati ta’ kambju.

43.

L-Artikolu 2(10)(j) tar-Regolament bażiku, li huwa s-suġġett ta’ dawn il-proċeduri, jinkludi dispożizzjonijiet speċifiċi dwar il-konverżjonijiet monetarji għall-finijiet tal-paragun bejn il-prezz tal-esportazzjoni u l-valur normali. B’mod ġenerali, il-prezzijiet tal-esportazzjoni ma humiex espressi fil-munita nazzjonali tal-pajjiż esportatur iżda pjuttost f’waħda mill-valuti l-iktar skambjati fuq livell internazzjonali. L-ewwel sentenza ta’ din id-dispożizzjoni “[t]eħtieġ” konverżjoni monetarja meta l-valur normali jkun espress fil-munita lokali tal-esportaturi, differenti minn dik użata għall-bejgħ għall-esportazzjoni. Min-naħa l-oħra, konverżjoni monetarja tkun kuntrarja għal din id-dispożizzjoni meta l-prezzijiet li għandhom jiġu pparagunati jkunu diġà ddenominati fl-istess valuta ( 26 ). Fil-prattika, sabiex jiġi ddeterminat jekk konverżjoni monetarja tkunx neċessarja, l-awtoritajiet investigattivi għandhom jivverifikaw jekk il-bejgħ isirx fl-istess valuta.

44.

L-ewwel sentenza tal-Artikolu 2(10)(j) tar-Regolament bażiku tistabbilixxi li, bħala regola ġenerali, il-konverżjoni għandha tkun ibbażata fuq ir-“rata tal-kambju fid-data tal-bejgħ”. It-tieni sentenza tippreċiża li “[n]ormalment, id-data tal-bejgħ għandha tkun id-data tal-fattura iżda d-data tal-kuntratt, l-ordni tax-xiri jew il-konferma tal-ordni jistgħu jintużaw jekk dawn jistabbilixxu b’mod iktar adegwat it-termini materjali tal-bejgħ” ( 27 ). Fi kwalunkwe każ, huwa importanti li tiġi stabbilita data li toffri l-aqwa garanziji għall-identifikazzjoni tal-kundizzjonijiet essenzjali tal-bejgħ. Il-prova għandha tiġi prodotta għal kull każ individwali mill-Kummissjoni jew mill-parti kkonċernata. Il-kuntratti qafas jew is-sempliċi dikjarazzjonijiet ta’ intenzjoni b’mod ġenerali ma jissodisfawx dawn il-kriterji ( 28 ). B’deroga minn din ir-regola ġenerali, “ir-rata tal-kambju fil-bejgħ bil-quddiem” għandha tintuża jekk il-bejgħ għall-esportazzjoni inkwistjoni jkun direttament marbut ma’ bejgħ ta’ valuta fis-swieq bil-quddiem. Ser nittratta din l-aħħar varjanti fid-dettall iktar ’il quddiem f’dawn il-konklużjonijiet.

45.

Billi jistabbilixxu regola dwar il-mument adegwat għad-determinazzjoni tar-rata tal-kambju (“id-data tal-bejgħ”), il-Ftehim antidumping u r-Regolament bażiku naturalment jitilqu mill-prinċipju li l-konverżjoni tista’ ssir biss fuq il-bażi tar-rata tal-kambju. Kull metodu ieħor ta’ konverżjoni huwa għalhekk espressament eskluż. B’mod partikolari, il-valuri astratti, bħall-partijiet tal-kapaċità ta’ akkwist tal-konsumaturi, ikkalkolati fost oħrajn mill-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u għall-Iżvilupp Ekonomiku (OECD) u l-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti (ONU), ma jistgħux jitqiesu bħala referenzi determinanti. Bl-istess mod, l-impatt konkret tal-importazzjonijiet bi prezz ta’ dumping fuq l-industrija tal-Unjoni huwa ddeterminat skont ir-rati tal-kambju uffiċjali li fuqhom huma bbażati t-tranżazzjonijiet kummerċjali internazzjonali.

46.

La l-Ftehim antidumping u lanqas ir-Regolament bażiku ma jispeċifikaw is-sors li minnu għandhom jinkisbu r-rati tal-kambju. Fil-prattika, jintużaw ir-rati tal-kambju ppubblikati mill-Bank Ċentrali Ewropew. Meta ma tiġi pprovduta ebda rata tal-kambju mill-Bank Ċentrali Ewropew għal munita partikolari, ġeneralment jiġu applikati r-rati tal-kambju ddeterminati mill-Fond Monetarju Internazzjonali. Il-Kummissjoni għandha tuża r-rati tal-kambju medji ta’ kull xahar, ħlief fil-każ ta’ żvalutazzjoni sinjifikattiva, f’liema każ tista’ tibbaża ruħha fuq ir-rati tal-kambju ta’ kuljum. Għaldaqstant, ftit jimporta jekk il-manifattur esportatur jużax jew le, għal finijiet interni, rati differenti fis-sistemi tal-kontabbiltà tiegħu, minkejja l-fatt li, għal raġunijiet prattiċi, il-Kummissjoni ta’ spiss tibbaża ruħha fuq il-konverżjoni normalment applikata mill-impriża għall-ġbir u l-verifika tad-data fil-kuntest ta’ diversi proċeduri ta’ investigazzjoni ( 29 ).

47.

Lil hinn mir-regoli ġenerali stabbiliti fl-Artikolu 2.4.1 tal-Ftehim antidumping, li jinsabu fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni fl-Artikolu 2(10)(j) tar-Regolament bażiku, l-awtoritajiet investigattivi għandhom setgħa diskrezzjonali fir-rigward ta’ aspetti oħra relatati mal-konverżjoni tal-valuti. Pereżempju, dawn l-awtoritajiet normalment jikkonvertu l-munita tal-esportazzjonijiet fil-valuta nazzjonali tal-pajjiż esportatur. Madankollu, huma jistgħu wkoll jagħżlu li jikkonvertu l-munita tal-bejgħ lokali fil-valuta użata għall-bejgħ għall-esportazzjoni ( 30 ). Bħala regola ġenerali, il-prezz tal-esportazzjoni huwa kkonvertit fil-munita nazzjonali tal-pajjiż esportatur fuq il-bażi tar-rata ta’ kambju medja matul il-perijodu ta’ investigazzjoni ( 31 ).

48.

Fl-aħħar nett, għandu jiġi osservat li l-leġiżlatur tal-Unjoni, billi tbiegħed mid-dispożizzjonijiet tal-Ftehim antidumping, integra r-regoli dwar il-konverżjonijiet monetarji f’dispożittiv legali li jagħti lill-operaturi ekonomiċi d-dritt li jitolbu l-korrezzjoni tal-valuri marbuta ma’ fatturi stabbiliti bħala li għandhom effett fuq il-prezzijiet u, konsegwentement, fuq il-paragunabbiltà ta’ dawn tal-aħħar. Dan il-punt għandu importanza partikolari peress li jippermetti lill-impriżi jipparteċipaw b’mod attiv, mal-Kummissjoni, fl-aġġustamenti u fir-rettifiki magħmula għall-kalkolu tal-marġni ta’ dumping.

4. Fuq l-importanza tal-ftehimiet ta’ kopertura fil-kummerċ internazzjonali

49.

Sabiex jipproteġu lilhom infushom kontra r-riskji finanzjarji marbuta mal-varjazzjonijiet fir-rati tal-kambju jew mal-bidla fil-valur tal-materja prima, l-operaturi ekonomiċi ta’ spiss jużaw kuntratti ta’ kopertura jew jinkludu klawżoli ta’ konverżjoni kuntrattwali fil-ftehimiet tagħhom. L-istrumenti ta’ kopertura tal-kambju għandhom bħala effett li jistabbilixxu rata tal-kambju applikabbli għal tranżazzjoni futura. Tali mekkaniżmu jippermetti, pereżempju, li jekk ikun hemm deprezzament tal-euro wara li esportatur ikun stabbilixxa l-prezzijiet tiegħu f’euro, il-kopertura tal-kambju, minkejja kull bidla, tiggarantilu li jirċievi ammont prevedibbli fil-valuta nazzjonali tiegħu.

50.

Dawn il-kuntratti ta’ kopertura jikkostitwixxu ftehimiet konklużi bejn partijiet privati, li għandhom bħala għan il-ġestjoni interna tar-riskji, u, bħala prinċipju, ma għandhom ebda effett legali fuq il-metodu ta’ kalkolu tal-marġni ta’ dumping applikat mill-awtorità ta’ investigazzjoni. B’mod partikolari, dawn il-kuntratti ma għandhom ebda effett fuq il-politika tal-Kummissjoni dwar ir-rata tal-kambju. Huma lanqas ma jistgħu jeżentaw mir-responsabbiltà għad-dazji antidumping. F’dan il-kuntest, għandu jiġi rrilevat li, fil-passat, il-Kummissjoni sistematikament irrifjutat li tadotta rata tal-kambju li ma kinitx ir-rata tal-kambju spot uffiċjali, b’tali mod li eskludiet kull teħid inkunsiderazzjoni tal-kuntratti ta’ futuri jew tat-tranżazzjonijiet ta’ kopertura ( 32 ).

51.

Ir-raġunijiet li jiġġustifikaw, bħala prinċipju, ir-rifjut li tingħata kwalunkwe portata legali lil tali ftehimiet ta’ kopertura huma manifesti u diġà jirriżultaw mill-kunsiderazzjonijiet esposti iktar ’il fuq dwar il-kalkolu tal-marġni ta’ dumping. Fl-ewwel lok, għandu jiġi rrilevat li r-Regolament bażiku b’ebda mod ma jsemmi tali kuntratti fil-kuntest tar-regola ġenerali ddikjarata fl-Artikolu 2(10)(j).

52.

Fit-tieni lok, għandu jiġi osservat li huwa biss il-metodu adottat mill-Kummissjoni, ibbażat fuq l-użu tar-rati tal-kambju uffiċjali, li huwa adegwat sabiex jiggarantixxi l-livell ta’ newtralità meħtieġ għall-konverżjoni tal-prezz normali u ta’ dak tal-esportazzjoni, sa fejn dan jibqa’ protett minn kull influwenza min-naħa ta’ terzi li jistgħu jfittxu l-interessi finanzjarji tagħhom infushom ( 33 ).

53.

Barra minn hekk, dan il-metodu jissodisfa kompletament ir-rekwiżiti ta’ trasparenza tal-azzjoni amministrattiva, sa fejn dan jippermetti lill-partijiet ikkonċernati – impriżi u Stati terzi – jifhmu l-modalitajiet li bihom il-Kummissjoni teżerċita l-kompetenzi tagħha, u li jivverifikaw il-konformità tagħhom mar-regoli tas-sistema kummerċjali multilaterali.

54.

Barra minn hekk, minħabba l-kostanza tagħha, kif ukoll minħabba l-fatt li l-Kummissjoni timmotiva regolarment, fid-deċiżjonijiet tagħha – f’dan il-każ, fil-premessa 98 tar-Regolament kontenzjuż ( 34 ) –, iż-żamma ta’ din il-prattika, din tippermetti lill-qrati tal-Unjoni jeżerċitaw stħarriġ ġudizzjarju effettiv

55.

Min-naħa l-oħra, li kieku l-Kummissjoni kellha televa s-sempliċi ftehimiet konklużi bejn partijiet privati għal kriterju determinanti għall-operazzjoni ta’ konverżjoni monetarja fil-kuntest tal-kalkolu tal-marġni ta’ dumping, ikun hemm riskju serju li l-prattika amministrattiva tagħha tevolvi lejn approċċ skont il-każ, ikkaratterizzat minn imprevedibbiltà inkompatibbli mar-rekwiżiti ta’ ċertezza legali.

56.

Tali żvilupp jippreġudika l-istabbiltà tar-relazzjonijiet kummerċjali tal-Unjoni mal-pajjiżi terzi. Huwa wkoll ta’ natura li jivvizzja l-kredibbiltà istituzzjonali tal-Kummissjoni, billi jagħti b’mod żbaljat x’jifhem li l-metodu ta’ konverżjoni applikabbli jista’ jkun suġġett għall-arbitrarjetà jew għall-influwenza ta’ interessi privati.

57.

Bl-istess mod, ma jistax jiġi eskluż li Stati terzi jiġu inċentivati, permezz tal-iffissar kuntrattwali ta’ rati tal-kambju astratti jew awtonomi minn operaturi privati, għax-xewqa li jeżerċitaw influwenza indebita fuq il-prassi amministrattiva tal-Kummissjoni ( 35 ), li huwa ta’ natura li jikkomprometti s-sovranità tal-Unjoni fil-qasam tal-politika kummerċjali komuni Sabiex jiġu evitati tali riskji, għandha tiġi ppreżervata l-prattika stabbilita tal-Kummissjoni, li, barra minn hekk, ġiet espressament ivvalidata mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ( 36 ).

58.

Minkejja dak li ntqal iktar ’il fuq, il-kuntratti ta’ kopertura għandhom madankollu jittieħdu inkunsiderazzjoni taħt l-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 2(10)(j) tar-Regolament bażiku fir-rigward tat-tranżazzjonijiet bil-quddiem. Kif jirriżulta minn din id-dispożizzjoni, “ir-rata tal-kambju fil-bejgħ bil-quddiem” għandha tintuża, bil-kundizzjoni li l-bejgħ ta’ valuta fuq tranżazzjonijiet bil-quddiem ikun direttament marbut mat-tranżazzjoni ta’ esportazzjoni. Fi kliem ieħor, il-kuntratt ta’ kopertura għandu jkollu rabta diretta mal-prezz effettivament iffatturat fil-bejgħ għall-esportazzjoni li huwa s-suġġett tal-investigazzjoni.

59.

Għal kull skop ta’ preċiżjoni terminoloġika, għandu jitfakkar li “kopertura” tfisser strument finanzjarju maħsub biex inaqqas jew jinnewtralizza r-riskju finanzjarju li għalih tkun esposta impriża. F’dan ir-rigward, il-kuntratt bil-quddiem ta’ bejgħ ta’ valuta jopera bħala impenn sod, meħud fid-data tal-konklużjoni tiegħu, li jiġi ttrasferit ammont determinat ta’ valuta b’rata tal-kambju stabbilita minn qabel, u dan bi skadenza miftiehma, u b’tali mod li jkun jista’ jiġi żgurat ir-riżultat tal-operazzjoni tal-kambju indipendentement mill-varjazzjonijiet ulterjuri tas-suq.

60.

Barra minn hekk, l-istrument ta’ kopertura ma għandux ikun ta’ natura ġenerali jew spekulattiva, iżda għandu jkun marbut ma’ tranżazzjonijiet jew bejgħ speċifiċi matul il-perijodu ta’ investigazzjoni. Huwa l-esportatur li għandu juri b’mod attiv u dokumentat li l-kuntratt ta’ kopertura jinfluwenza l-prezz tal-esportazzjoni b’tali mod li aġġustament ikun ġustifikat. Jekk dawn il-kundizzjonijiet ma jiġux issodisfatti, għandha tapplika r-regola ġenerali, billi tittieħed bħala bażi r-rata tal-kambju uffiċjali fis-seħħ fid-data tal-bejgħ.

61.

Huwa fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti li, fil-kumplament tal-analiżi, għandu jiġi eżaminat ir-raba’ aggravju invokat fil-Kawża C‑498/24 P kif ukoll is-sitt aggravju mqajjem fil-Kawża C‑499/24 P. Dawn l-aggravji, ibbażati essenzjalment fuq argumenti identiċi, għandhom jiġu eżaminati flimkien f’din l-analiżi. Madankollu, qabel kollox, għandhom jitfakkru l-motivi tas-sentenzi appellati kif ukoll l-argumenti li l-partijiet qajmu kontrihom fil-kuntest tal-appell.

B.   Eżami tal-aggravji

1. Il-motivazzjoni adottata mill-Qorti Ġenerali fis-sentenzi appellati

62.

Kif ġie indikat preċedentement ( 37 ), il-Qorti Ġenerali, fis-sentenzi appellati, ċaħdet ir-rikorsi għal annullament ippreżentati mir-rikorrenti fl-ewwel istanza, ibbażati, fost l-oħrajn, fuq il-ksur tal-Artikolu 2(10)(j) tar-Regolament bażiku ( 38 ).

63.

Fihom, il-Qorti Ġenerali fakkret b’mod partikolari li l-kuntratti ta’ kopertura invokati mir-rikorrenti fl-ewwel istanza insostenn tat-talba tagħhom għal aġġustament skont id-dispożizzjoni msemmija iktar ’il fuq kienu jirrigwardaw il-bejgħ għall-esportazzjoni ddenominat f’euro u li r-riskju ta’ konverżjoni kien kopert f’dawn il-kuntratti kollha kontra d-dollaru tal-Istati Uniti. Madankollu, peress li l-Kummissjoni kellha tiżgura paragun xieraq bejn il-valur normali ddenominat f’lira Torka u l-prezz tal-esportazzjoni, hija kkonvertiet direttament f’lira Torka t-tranżazzjonijiet kollha tal-esportazzjoni ddenominati f’euro, peress li konverżjoni intermedja f’dollaru tal-Istati Uniti ma kinitx neċessarja sabiex jiġi żgurat paragun xieraq ( 39 ).

64.

Il-Qorti Ġenerali rrilevat ukoll li r-rata tal-konverżjoni minn euro għal dollaru tal-Istati Uniti prevista fil-kuntratti ta’ kopertura invokati mir-rikorrenti fl-ewwel istanza biex jitolbu aġġustament taħt l-Artikolu 2(10)(j) tar-Regolament bażiku kienet indikata għall-kopertura f’dollaru tal-Istati Uniti, filwaqt li ma kellhiex x’taqsam mal-konverżjoni li l-Kummissjoni kellha tagħmel sabiex tiggarantixxi paragun xieraq bejn il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni ( 40 ). Konsegwentement, il-kuntratti ta’ kopertura msemmija mir-rikorrenti fl-ewwel istanza kienu neqsin minn rilevanza għall-finijiet ta’ din il-konverżjoni, kif indikat fil-premessa 98 tar-Regolament kontenzjuż.

65.

Għaldaqstant, l-argument imressaq mir-rikorrenti fl-ewwel istanza, li l-Kummissjoni kellha tuża r-rata tal-konverżjoni prevista fil-kuntratti ta’ kopertura, ġie miċħud bħala infondat ( 41 ). Konsegwentement, fid-dawl tal-assenza ta’ rilevanza tal-kuntratti ta’ kopertura invokati mir-rikorrenti fl-ewwel istanza insostenn tat-talba tagħhom għal aġġustament taħt l-Artikolu 2(10)(j) tar-Regolament bażiku, il-Qorti Ġenerali ċaħdet ukoll l-allegazzjonijiet l-oħra tal-istess rikorrenti dwar allegat ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, li kien invokat fuq il-bażi ta’ allegat ksur tal-Artikolu 2(10)(j) tar-Regolament bażiku ( 42 ).

2. L-osservazzjonijiet tal-partijiet

a) L-argumenti tal-appellanti

66.

L-appellanti jsostnu li peress li l-Artikolu 2(10)(j) tar-Regolament bażiku jiffoka fuq id-data tal-bejgħ iktar milli fuq il-munita u r-rata tal-konverżjoni, kif ikkonstatat il-Qorti Ġenerali fis-sentenzi appellati ( 43 ), dan għandu jkun l-element rilevanti li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni, peress li r-rati tal-kambju huma reċiprokament “interkonnessi”. Skont ir-rikorrenti, dan ifisser li l-munita rilevanti għall-prezz tal-esportazzjoni għandha tiġi kkonvertita billi tintuża konverżjoni f’dollaru tal-Istati Uniti. Tali approċċ huwa kkonfermat f’waħda mis-sentenzi appellati ( 44 ).

67.

L-appellanti jżidu li, kieku kellha tiġi aċċettata l-interpretazzjoni tal-Qorti Ġenerali li t-tranżazzjonijiet ta’ kopertura jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni biss meta t-tranżazzjoni tikkonċerna l-valuta tal-fattura u l-valuta ta’ konverżjoni użata mill-Kummissjoni, ikun faċli wisq li jiġi evitat l-obbligu ddikjarat fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 2(10)(j) tar-Regolament bażiku. Barra minn hekk, huma jikkontestaw il-konklużjonijiet addizzjonali tal-Qorti Ġenerali fis-sentenzi appellati ( 45 ).

b) L-argumenti tal-Kummissjoni

68.

Il-Kummissjoni tosserva li l-appellanti jikkontestaw biss l-argument żviluppat fis-sentenzi appellati dwar id-differenza kunċettwali bejn ir-rata ta’ konverżjoni tal-euro f’dollaru tal-Istati Uniti li tinsab fil-kuntratti ta’ kopertura u dik applikata mill-Kummissjoni biex tipparaguna l-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni ( 46 ). Huma ma jikkontestawx ir-raġunament li l-kuntratti kienu intiżi li jkopru riskju ta’ konverżjoni f’dollaru tal-Istati Uniti, bil-konsegwenza li r-referenza min-naħa tagħhom għad-dollaru tal-Istati Uniti ma hijiex rilevanti għall-konverżjoni mwettqa mill-Kummissjoni. Konsegwentement, il-Kummissjoni tqis li l-aggravju huwa ineffettiv.

69.

Il-Kummissjoni tfakkar li, skont l-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku, hija għandha setgħa ta’ evalwazzjoni wiesgħa sabiex twettaq konverżjonijiet monetarji bil-għan li tipparaguna valuri ekonomiċi kumplessi. Ir-rikorrenti fl-ewwel istanza kellhom juru li l-konverżjoni fil-munita tal-pajjiż esportatur kienet tikkostitwixxi żball manifest, ħaġa li huma ma għamlux, billi llimitaw ruħhom jinvokaw ksur tat-termini ta’ dan ir-regolament. Is-sentenzi appellati jikkonfermaw li l-argumenti tagħhom ma kinux suffiċjenti sabiex iqiegħdu inkwistjoni l-metodu ta’ konverżjoni użat.

70.

Il-Kummissjoni tfakkar li l-paragun jeħtieġ konverżjoni tal-muniti sabiex tiġi żgurata l-ekwità bejn il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni. Hija prattika komuni li l-paragun isir fil-munita tal-pajjiż esportatur – f’dan il-każ il-lira Torka. Ir-riferiment għad-dollaru tal-Istati Uniti fil-kuntratti ta’ kopertura kellu biss l-għan li jkopri riskju ta’ konverżjoni u għaldaqstant ma kienx rilevanti biex jiġi żgurat paragun xieraq, speċjalment peress li l-prezz tal-esportazzjoni kien iddenominat f’euro. L-argumenti tar-rikorrenti fl-ewwel istanza dwar id- “data tal-bejgħ” u l- “interkonnessjoni tar-rati tal-kambju” ma jbiddlux din l-analiżi, u l-ġurisprudenza ċċitata tikkonferma fir-realtà l-metodu ta’ konverżjoni adottat mill-Kummissjoni.

3. Teħid ta’ pożizzjoni

a) Rimarki ġenerali

71.

Preliminarjament, għandu jitfakkar li mit-tieni subparagrafu tal‑Artikolu 256(1) TFUE u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal‑Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea jirriżulta li l-appell huwa limitat għall-kwistjonijiet ta’ liġi. Għaldaqstant, hija biss il-Qorti Ġenerali li hija kompetenti sabiex tikkonstata u tevalwa l-fatti rilevanti kif ukoll il-provi prodotti quddiemha. Għaldaqstant l-evalwazzjoni ta’ dawn il-fatti u provi, ħlief fil-każ tal-iżnaturament tagħhom, ma tikkostitwixxix kwistjoni ta’ liġi suġġetta, bħala tali, għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ appell ( 47 ).

72.

Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, peress li appellant jikkontesta l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mwettqa mill-Qorti Ġenerali, il-punti ta’ liġi eżaminati fl-ewwel istanza jistgħu jerġgħu jiġu diskussi mill-ġdid waqt l-appell. Fil-fatt, li kieku appellant ma jkunx jista’ jibbaża l-appell tiegħu b’dan il-mod fuq motivi u argumenti diġà mqajma quddiem il-Qorti Ġenerali, l-imsemmija proċedura tiġi mċaħħda minn parti mill-għan tagħha ( 48 ).

73.

Dawn ir-rimarki ġenerali japplikaw sa fejn l-appellanti jikkritikaw kemm lill-Kummissjoni kif ukoll lill-Qorti Ġenerali billi jallegaw li wettqu, essenzjalment, l-istess żbalji fl-interpretazzjoni u fl-applikazzjoni tal-Artikolu 2(10)(j) tar-Regolament bażiku. L-iżbalji ta’ liġi jinsabu, minn naħa, fir-rifjut tal-Kummissjoni li tilqa’ t-talbiet għal rettifika fformulati mir-rikorrenti fl-ewwel istanza fuq il-bażi ta’ din id-dispożizzjoni, u, min-naħa l-oħra, fil-fatt li l-Qorti Ġenerali approvat din il-pożizzjoni. B’mod iktar speċifiku, l-appellanti jilmentaw li l-Kummissjoni u l-Qorti Ġenerali ma rrikonoxxew ebda portata ġuridika għall-kuntratti ta’ kopertura li huma kienu kkonkludew għall-finijiet tal-konverżjoni monetarja. Skont l-appellanti, din il-konverżjoni kellha ssir permezz tad-dollaru tal-Istati Uniti, u mhux direttament mill-euro lejn il-lira Torka.

b) L-evalwazzjoni tal-motivazzjoni tas-sentenzi appellati

74.

Qabel kollox għandu jiġi kkonstatat li l-applikabbiltà tal-Artikolu 2(10)(j) tar-Regolament bażiku għall-fatti tal-każ ma hija kkontestata minn ebda waħda mill-partijiet fil-proċedura. It-tranżazzjonijiet inkwistjoni kienu jikkonċernaw l-iskambju ta’ merkanzija ffatturata f’valuti differenti – jiġifieri f’euro u f’dollaru tal-Istati Uniti – prodotta fit-Turkija u intiża għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni Ewropea. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni kienet obbligata twettaq konverżjoni monetarja konformement ma’ din id-dispożizzjoni fil-kuntest tal-paragun tal-prezzijiet. It-tilwima bejn il-Kummissjoni u l-appellanti, li hija s-suġġett tal-proċeduri fl-ewwel istanza, hija limitata esklużivament għall-kwistjoni tal-modalitajiet ta’ din il-konverżjoni.

75.

Għalkemm ir-rikorrenti jixtiequ jsostnu li d-data tal-bejgħ tikkostitwixxi l-kriterju determinanti għall-iffissar tar-rata ta’ konverżjoni applikabbli, tali affermazzjoni ma tistax tiġi kkontestata. Fid-dawl tal-varjazzjonijiet inerenti fis-swieq tal-kambju, hija meħtieġa l-identifikazzjoni ta’ mument preċiż bħala punt ta’ riferiment għall-konverżjoni. Billi ddeterminat id-data tal-bejgħ, ittieħdet deċiżjoni legalment vinkolanti fi ħdan is-sistema multilaterali tal-kummerċ internazzjonali, fejn diversi elementi oġġettivi, bħad-data ta’ fatturazzjoni, id-data tal-kuntratt, tal-ordni jew tal-konferma tal-ordni, jistgħu jintużaw sabiex tiġi ddeterminata din id-data. Niġbed l-attenzjoni dwar dan l-aspett fir-rimarki preliminari tiegħi ( 49 ). Dan premess, ebda element tas-sentenzi appellati ma jippermetti li jiġi kkunsidrat li l-Qorti Ġenerali adottat pożizzjoni kuntrarja. Għaldaqstant, ma jistax jiġi kkunsidrat li twettaq żball ta’ liġi.

76.

Min-naħa l-oħra, għalkemm l-appellanti jsostnu li fl-assenza ta’ regoli preċiżi tad-dritt tal-Unjoni dwar il-munita applikabbli għall-konverżjoni huma esklużivament l-imsieħba kummerċjali li għandhom jiddeterminaw din il-munita fil-kuntratti ta’ kopertura tagħhom, tali interpretazzjoni għandha tiġi miċħuda. Hija tinjora l-fatt li, minn naħa, il-merkanzija inkwistjoni ġiet esportata lejn l-Unjoni Ewropea, b’tali mod li l-euro tikkostitwixxi l-munita ta’ referenza applikabbli, u li, min-naħa l-oħra, l-Artikolu 2(10)(j) tar-Regolament bażiku jagħti lill-Kummissjoni setgħa ta’ evalwazzjoni fl-assenza ta’ dispożizzjoni kuntrarja. Huwa paċifiku li l-Kummissjoni tibbaża l-kalkoli tagħha fuq ir-rata tal-kambju tal-munita tal-pajjiż esportatur – f’dan il-każ, il-lira Torka ( 50 ). Din l-għażla tal-konverżjoni monetarja lejn il-munita tal-pajjiż ikkonċernat la hija każwali u lanqas arbitrarja. Il-Kummissjoni ma wettqitx konverżjoni monetarja mingħajr ebda rabta mal-operazzjonijiet ta’ esportazzjoni inkwistjoni, u barra minn hekk l-appellanti ma jissuġġerixxux il-kuntrarju ( 51 ).

77.

F’dan il-każ, il-kuntratti ta’ kopertura konklużi mill-appellanti kellhom bħala għan uniku li jinnewtralizzaw ir-riskji potenzjali tal-kambju marbuta mal-konverżjoni bejn l-euro u d-dollaru tal-Istati Uniti. Madankollu, il-Kummissjoni wettqet konverżjoni diretta tal-euro lejn lira Torka mingħajr konverżjoni intermedja f’dollaru tal-Istati Uniti. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ġustament ikkunsidrat li la kienet teżisti bażi legali, la element fattwali li jiġġustifika t-teħid inkunsiderazzjoni ta’ muniti oħra minbarra l-euro u l-lira Torka, u lanqas l-użu ta’ konverżjoni intermedja f’dollaru tal-Istati Uniti. Peress li l-prezzijiet tal-esportazzjoni suġġetti għal konverżjoni huma ddenominati f’euro ( 52 ), kif jirriżulta mill-premessa 98 tar-Regolament kontenzjuż, mingħajr ebda riferiment apparenti għad-dollaru, u fid-dawl tad-destinazzjoni tal-merkanzija, konverżjoni intermedja f’dollaru tal-Istati Uniti ma kinitx meħtieġa mill-Artikolu 2(10)(j) tar-Regolament bażiku.

78.

Din il-konklużjoni ma hijiex invalidata mill-argument tal-appellanti li jgħid li l-Kummissjoni għaddiet minn konverżjoni intermedja f’euro minflok ma kkonvertiet direttament id-dollaru tal-Istati Uniti f’lira Torka. Kif tfakkar il-Qorti Ġenerali fil-punti 20 sa 24 tas-sentenza appellata fil-Kawża C‑499/24 P, ir-rikorrenti fl-ewwel istanza kienu ffatturaw ċertu bejgħ domestiku u kienu ddikjaraw l-ispejjeż ta’ produzzjoni tagħhom f’dollaru tal-Istati Uniti. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni għażlet li tipproċedi għal konverżjoni permezz tal-euro sabiex tiżgura paragun xieraq. Għalkemm dan il-metodu jista’ jidher dubjuż – peress li jista’ jkun hemm dubju dwar in-neċessità jew il-valur miżjud ta’ tali konverżjoni intermedja fir-rigward tal- “interkonnessjoni” tar-rati tal-kambju ( 53 ) – din id-diverġenza tibqa’ mingħajr effett fuq l-analiżi. Fil-fatt, ebda obbligu legali ma jimponi li jittieħdu inkunsiderazzjoni tranżazzjonijiet f’valuta barranija fis-swieq bil-quddiem f’munita differenti minn dik użata mill-Kummissjoni għall-paragun.

79.

Il-kuntratti ta’ kopertura konklużi mill-appellanti ma kinux rilevanti għall-konverżjoni monetarja kontenzjuża. Għaldaqstant, ma kien hemm ebda raġuni oġġettiva sabiex dawn jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kalkolu. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ġustament ikkonkludiet fis-sentenzi appellati li l-konverżjoni prevista fil-kuntratti ta’ kopertura bejn l-euro u d-dollaru tal-Istati Uniti ma kellhiex effett fuq il-konverżjoni mwettqa mill-Kummissjoni u setgħet tiġi injorata.

80.

Fil-fehma tal-Qorti Ġenerali, din il-konstatazzjoni kienet biżżejjed sabiex jiġi miċħud il-motiv invokat mir-rikorrenti fl-ewwel istanza. Fil-fehma tiegħi, dan ma jikkostitwixxix żball ta’ liġi. Kif irrilevat korrettament il-Qorti Ġenerali, il-Kummissjoni ma kinitx obbligata tieħu inkunsiderazzjoni r-rata tal-kambju stabbilita fil-kuntratti ta’ kopertura, iżda setgħet – kif tippreċiża espressament il-premessa 98 tar-Regolament kontenzjuż – issegwi l-prassi amministrattiva stabbilita tagħha u tuża, għall-paragun bejn il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni, il-munita tal-pajjiż esportatur, jiġifieri l-lira Torka.

c) Osservazzjonijiet addizzjonali

81.

Għalkemm il-motivazzjoni tas-sentenzi appellati hija diġà preċiża u ddettaljata biżżejjed biex jiġi miċħud l-aggravju komuni, nixtieq nagħmel xi osservazzjonijiet addizzjonali sabiex niċċara ulterjorment il-kuntest ġuridiku u sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tkun tista’ tidentifika aħjar il-punti ċentrali tal-kawżi inkwistjoni.

82.

L-ewwel nett, mill-proċess ma jirriżultax li konverżjoni f’dollaru tal-Istati Uniti kienet tibdel b’mod sostanzjali r-riżultat tal-kalkolu, speċjalment peress li l-appellanti ma pproduċew ebda prova ta’ dannu. Huma llimitaw ruħhom – kif tippreċiża l-premessa 99 tar-Regolament kontenzjuż – sabiex isostnu li l-konverżjoni affettwat il-paragunabbiltà tal-prezzijiet u pproduċew eżempju teoretiku li jsostni li kellha tintuża r-rata tal-kambju prevista fil-kuntratti ta’ kopertura. Kif tindika l-premessa 100 tar-Regolament kontenzjuż, dan l-eżempju teoretiku ma jikkostitwixxix prova, peress li la jirrifletti t-tranżazzjonijiet reali tal-appellanti u lanqas il-kalkolu tal-marġni ta’ dumping. Peress li l-appellanti ma pproduċew ebda argument konvinċenti sabiex jikkontestaw din il-konklużjoni, jeħtieġ li tiġi segwita l-analiżi tal-Kummissjoni.

83.

Barra minn hekk, l-argument tal-appellanti dwar “interkonnessjoni” tal-muniti f’ebda każ ma juri effett sfavorevoli tal-konverżjoni lejn il-lira Torka; għall-kuntrarju, dan jista’ jikkonfuta din l-ipoteżi. Li kieku tali interkonnessjoni kienet teżisti, ikollu jiġi konkluż li ma jirriżulta ebda żvantaġġ mill-konverżjoni. Għalhekk, il-Kummissjoni ġustament sostniet li l-appellanti ma kinux urew li żball manifest fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tagħha kien iwassal għal paragun inġust bejn il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni.

84.

It-tieni nett, billi kkonstatat li l-Kummissjoni ma kinitx obbligata tieħu inkunsiderazzjoni l-kuntratti ta’ kopertura, il-Qorti Ġenerali, b’mod definittiv, esprimiet li l-Kummissjoni ma kinitx obbligata titbiegħed mill-prassi amministrattiva tagħha stabbilita għad-determinazzjoni tal-marġni ta’ dumping. Jeħtieġ li wieħed jaqbel ma’ dan il-punt ta’ liġi. Kif spjegat f’dawn il-konklużjonijiet, iż-żamma ta’ din il-prattika amministrattiva hija ġġustifikata fil-qasam tar-relazzjonijiet kummerċjali internazzjonali, peress li tiggarantixxi n-newtralità, l-oġġettività, l-istabbiltà, l-indipendenza u t-trasparenza tal-azzjoni amministrattiva ( 54 ).

85.

Dawn l-għanijiet ta’ interess ġenerali jieħdu preċedenza fuq l-interessi privati tal-operaturi ekonomiċi. Il-kuntratti ta’ kopertura huma ftehimiet irregolati mid-dritt privat li jirrigwardaw biss il-ġestjoni interna tar-riskju u ma jistgħux, bħala prinċipju, jaffettwaw legalment il-metodu użat mill-awtorità investigattiva għall-kalkolu tal-marġni ta’ dumping. Għalhekk, il-Kummissjoni ma kellhiex obbligu tadatta l-kalkoli tagħha għall-muniti jew għar-rati tal-kambju magħżula mill-partijiet.

86.

Għandu jitfakkar li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni għandhom, skont ġurisprudenza stabbilita, marġni ta’ evalwazzjoni wiesgħa fil-kuntest tal-politika kummerċjali komuni, b’mod partikolari fir-rigward ta’ miżuri ta’ protezzjoni kummerċjali, fid-dawl tal-kumplessità teknika u ekonomika tal-analiżi sottostanti ( 55 ). It-teħid inkunsiderazzjoni tal-muniti jew tar-rati tal-kambju magħżula esklużivament biex jiġu protetti interessi finanzjarji privati jqiegħed inkwistjoni din il-marġni ta’ evalwazzjoni.

87.

It-tielet nett, il-kuntratti ta’ kopertura kellhom jittieħdu inkunsiderazzjoni biss jekk it-tranżazzjonijiet kienu josservaw il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 2(10)(j) tar-Regolament bażiku, li jipprevedi eċċezzjoni għat-tranżazzjonijiet bil-quddiem direttament marbuta mal-esportazzjoni. Għandu jitfakkar li dawn l-eċċezzjonijiet għandhom jingħataw interpretazzjoni stretta ( 56 ). F’dan il-każ, il-Kummissjoni esprimiet dubji fir-rigward tal-osservanza ta’ dawn il-kundizzjonijiet. Fin-nuqqas ta’ provi konvinċenti, għandu jitqies li dawn ma kinux issodisfatti.

88.

F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni rrilevat li l-bejgħ f’dollaru tal-Istati Uniti fis-swieq barranin ma kienx “direttament marbut” mal-bejgħ għall-esportazzjoni, kif jeżiġi l-Artikolu 2(10)(j) tar-Regolament bażiku. Il-premessa 101 tar-Regolament kontenzjuż tippreċiża barra minn hekk li ċerti tranżazzjonijiet ta’ kopertura setgħu jiġu aġġustati wara l-bejgħ sabiex jittieħed inkunsiderazzjoni l-iżvilupp tal-perspettivi finanzjarji u sabiex tiġi ottimizzata l-profittabbiltà tal-impriżi, fatt li l-appellanti kkontestaw fl-ewwel istanza quddiem il-Qorti Ġenerali. Madankollu, hija ma eżaminatx dawn l-argumenti, billi qieset li r-raġunijiet mogħtija mill-Kummissjoni fil-premessa 98 tar-Regolament kontenzjuż kienu suffiċjenti sabiex jiġġustifikaw iċ-ċaħda tat-talba għal aġġustament skont l-Artikolu 2(10)(j) tar-Regolament bażiku. Min-naħa l-oħra, fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja kellha tiddeċiedi li din il-motivazzjoni ma kinitx suffiċjenti sabiex tiċħad il-motiv ibbażat fuq il-ksur ta’ din id-dispożizzjoni u tiddeċiedi li terġa’ tibgħat il-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali, din tal-aħħar ikollha għalhekk teżamina n-natura potenzjalment spekulattiva ta’ dawn it-tranżazzjonijiet.

89.

Bħala konklużjoni, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-kontroll eżerċitat mill-qrati tal-Unjoni dwar l-evalwazzjonijiet ta’ natura ekonomika mwettqa mill-Kummissjoni, inkluż fir-rigward tad-dazju antidumping, jillimita ruħu għall-verifika tal-osservanza tar-regoli ta’ proċedura, tal-eżattezza materjali tal-fatti kkunsidrati, tal-assenza ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni kif ukoll tal-assenza ta’ użu ħażin ta’ poter ( 57 ). Issa, ma jidhirlix li r-raġunament segwit mill-Qorti Ġenerali jista’, anki fid-dawl ta’ stħarriġ ġudizzjarju partikolarment eżiġenti, jitqies li huwa vvizzjat bi żball ta’ liġi.

90.

Fuq il-bażi tal-elementi esposti fl-analiżi tiegħi, hemm lok, fil-fehma tiegħi, li jiġi miċħuda bħala infondati r-raba’ aggravju invokat fil-Kawża C‑498/24 P, kif ukoll is-sitt aggravju mqajjem fil-Kawża C‑499/24 P.

V. Konklużjoni

91.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad ir-raba’ aggravju invokat fil-Kawża C‑498/24 P (Çolakoğlu Metalurji u Çolakoğlu Dış Ticaret vs Il‑Kummissjoni), kif ukoll is-sitt aggravju mqajjem fil-Kawża C‑499/24 P (Ereğli Demir ve Çelik Fabrikaları et vs Il‑Kummissjoni).


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 ) Sentenza tat‑8 ta’ Mejju 2024, Ereğli Demir ve Çelik Fabrikaları et vs Il‑Kummissjoni (T‑629/21, iktar ’il quddiem is-sentenza appellata fil-Kawża C‑499/24 P, EU:T:2024:303).

( 3 ) Sentenza tat‑8 ta’ Mejju 2024, Çolakoğlu Metalurji u Çolakoğlu Dış Ticaret vs Il‑Kummissjoni (T‑630/21, iktar ’il quddiem is-sentenza appellata fil-Kawża C‑498/24 P, EU:T:2024:304).

( 4 ) ĠU 2021, L 238, p. 32, u r-rettifika fil-ĠU 2021, L 140, p. 199.

( 5 ) ĠU 2016, L 176, p. 21, u r-rettifika fil-ĠU 2023, L 90208, p. 1.

( 6 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 21, p. 80.

( 7 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 21, p. 189.

( 8 ) ĠU 2021, L 3, p. 4.

( 9 ) Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Pikamäe fil-kawża Il‑Kummissjoni vs Hansol Paper (C‑260/20 P, EU:C:2022:13, punt 71).

( 10 ) Ara t-tilwima DS591, dwar l-ilment tal-Unjoni dwar id-dazji antidumping imposti mill-Kolombja fuq l-importazzjonijiet ta’ ċips tal-patata ffriżati mill-Ġermanja, mill-Belġju u mill-Pajjiżi l-Baxxi. L-Unjoni rebħet il-kawża quddiem il-Bord (Ottubru 2022) u sussegwentement fl-appell (Diċembru 2022), fejn iż-żewġ istanzi kkonkludew li l-Kolombja kienet kisret diversi dispożizzjonijiet tal-Ftehim antidumping.

( 11 ) Billi taġixxi b’dan il-mod, l-Unjoni twettaq ukoll l-obbligi kuntrattwali tagħha, peress li hija obbligata, bis-saħħa tal-Artikolu 13 tal-Ftehim antidumping u tal-Artikolu X:3(b) tal-Ftehim GATT, li tistabbilixxi qrati jew proċeduri ġudizzjarji, ta’ arbitraġġ jew amministrattivi, sabiex tiżgura stħarriġ ġudizzjarju tal-miżuri antidumping adottati.

( 12 ) Ara l-punti 35 et seq. ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 13 ) Ara l-punti 39 et seq. ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 14 ) Ara l-punti 49 et seq. ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 15 ) Ara l-punti 62 et seq. ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 16 ) Ara s-sentenza tal‑1 ta’ Ottubru 2014, Il‑Kunsill vs Alumina (C‑393/13 P, EU:C:2014:2245, punt 20).

( 17 ) Ara s-sentenza tas‑16 ta’ Frar 2012, Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni vs Interpipe Niko Tube u Interpipe NTRP (C‑191/09 P u C‑200/09 P, EU:C:2012:78, punt 58).

( 18 ) Hahn, M., EUV/AEUV - Kommentar (Calliess/Ruffert), is-sitt edizzjoni, München 2022, Artikolu 207 TFUE, punt 141.

( 19 ) Ara r-rapport tal-Korp tal-Appell tal-WTO fit-tilwima DS442, Unjoni Ewropea – Miżuri anti-dumping fuq l-importazzjonijiet ta’ ċertu alkoħol xaħmi mill-Indoneżja, punt 5.21. Skont il-verżjoni Ingliża, il-paragun għandu jkun “unbiased, objective, and even-handed”, filwaqt li l-verżjoni bil-lingwa Spanjola tuża l-kliem “imparcial, objetiva y equilibrada”.

( 20 ) Ara r-rapport tal-Korp tal-Appell tal-WTO fit-tilwima DS141, Komunitajiet Ewropej – Dazji antidumping fuq l-importazzjonijiet ta’ bjankerija tas-sodda tal-qoton mill-Indja, punt 59.

( 21 ) Ara s-sentenza tal‑20 ta’ Jannar 2022, Il‑Kummissjoni vs Hubei Xinyegang Special Tube (C‑891/19 P, EU:C:2022:38, punti 31 u 32).

( 22 ) Anders, H., EU Dumping Determinations and WTO Law, Alphen aan den Rijn, 2009, p. 234.

( 23 ) Palmetter, N. D., “Exchange Rates and Antidumping Determinations”, Journal of World Trade, vol. 22, Nru 2, 1988, p. 73.

( 24 ) Ara s-sentenza tas‑7 ta’ Mejju 1987, Nachi Fujikoshi vs Il‑Kunsill (255/84, EU:C:1987:203, punt 52).

( 25 ) Kim, J. B., “Currency Conversion in the Anti-dumping Agreement”, Journal of World Trade, vol. 34. Nru 4, 2000, p. 125.

( 26 ) Ara r-rapport tal-Grupp Speċjali tal-WTO fit-tilwima DS179, l-Istati Uniti – Miżuri anti-dumping relatati ma’ pannelli tal-azzar inossidabbli f’rombli u mal-folji u l-istrixxi tal-azzar inossidabbli mill-Korea, punti 6.13, 6.41.

( 27 ) B’differenza mill-Ftehim antidumping, ir-Regolament bażiku jiffavorixxi d-data ta’ fatturazzjoni bħala referenza għad-“data tal-bejgħ” pjuttost milli d-data tal-kuntratt, tal-ordni jew tal-konferma tal-ordni (ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 8 tal-Artikolu 2.4.1 tal-Ftehim antidumping).

( 28 ) Bungenberg, M./Reinhold, P., EU-Außenwirtschafts- und Zollrecht, München 2024, AD‑GVO 2016 Artikolu 2, punt 346.

( 29 ) Bungenberg, M./Reinhold, P., EU-Außenwirtschafts- und Zollrecht, München 2024, AD‑GVO 2016 Artikolu 2, punt 345.

( 30 ) De Baere, P./du Parc, C./Van Damme, I., The WTO Anti-Dumping-Agreement – A Detailed Commentary, Cambridge 2021, p. 123.

( 31 ) Van Bael & Bellis, EU Anti-Dumping and Other Trade Defence Instruments, Alphen aan den Rijn 2011, p. 123. Ara wkoll is-sentenza tas‑7 ta’ Mejju 1987, Nachi Fujikoshi vs Il‑Kunsill (255/84, EU:C:1987:203, punt 52).

( 32 ) Van Bael & Bellis, EU Anti-Dumping and Other Trade Defence Instruments, Alphen aan den Rijn 2011, p. 123. Kif jirriżulta mill-premessa 17 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 1696/88 tal‑14 ta’ Ġunju 1988 li jimponi dazju antidumping provviżorju fuq l-importazzjonijiet ta’ fibri tessili sintetiċi tal-poliesteri, li joriġinaw mill-Istati Uniti tal-Amerika, mill-Messiku, mir-Rumanija, mit-Tajwan, mit-Turkija u mill-Jugoslavja (ĠU 1988, L 151, p. 47), “il-Kummissjoni [...] ma aċċettatx aġġustament fir-rigward tal-korrispettivi tal-kambju (‘hedging of exchange rates’) billi bbażat ruħha fuq il-fatt li tali aġġustament ma kienx previst fil-[leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni kontra l-prattiċi ta’ dumping]. Fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni qieset li l-korrispettiv tal-kambju kien teknika finanzjarja indipendenti mit-tranżazzjoni kummerċjali nnifisha. Aġġustament għal dan l-għan, barra minn hekk, jintalab biss fil-każijiet fejn ikun favorevoli għall-esportatur.”

( 33 ) Van Bael & Bellis, EU Anti-Dumping and Other Trade Defence Instruments, Alphen aan den Rijn 2011, p. 123, jagħmlu riferiment għar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 738/92 tat‑23 ta’ Marzu 1992 ili jimponi dazju antidumping provviżorju fuq l-importazzjonijiet ta’ ħjut tal-qoton li joriġina mill-Brażil u mit-Turkija (ĠU 1992, L 82, p. 1). Kif jirriżulta mill-premessa 28 ta’ dan ir-regolament, “[l]-istabbiliment, mill-awtoritajiet kompetenti, tar-rata tal-kambju tal-munita ta’ pajjiż terz huwa deċiżjoni li ma tistax tiġi evalwata mill-istituzzjonijiet [tal-Unjoni] fil-kuntest ta’ proċedura antidumping. Bħala konsegwenza, il-Kummissjoni kellha l-prattika stabbilita, ikkonfermata mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li tuża r-rata tal-kambju uffiċjali applikata fit-tranżazzjonijiet kummerċjali internazzjonali. L-aġġustament ta’ din ir-rata tal-kambju għall-finijiet tad-determinazzjoni ta’ dumping ma jkunx xieraq u jmur kontra l-prinċipju tan-newtralità osservata għall-aspetti monetarji fil-fajls antidumping” (il-korsiv huwa tiegħi).

( 34 ) Il-premessa 98 tar-Regolament kontenzjuż tiddikjara: “Il-Kummissjoni nnotat li l-Artikolu 2(10)(j) tar-Regolament bażiku huwa applikabbli f’sitwazzjonijiet fejn hija meħtieġa konverżjoni tal-munita għall-finijiet ta’ tqabbil bejn il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni. Hija l-prattika stabbilita li jsir tali tqabbil fil-munita tal-pajjiż ikkonċernat. Għalhekk, f’dan il-każ, il-Kummissjoni użat il-lira Torka bħala l-munita tat-tqabbil” (il-korsiv huwa tiegħi).

( 35 ) Ara r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2025/670 tal‑4 ta’ April 2025 li jimponi dazju anti-dumping proviżorju fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti prodotti ċatti b’laminazzjoni termali tal-ħadid, azzar mhux illigat jew liga oħra tal-azzar li joriġinaw mill-Eġittu, mill-Ġappun u mill-Vjetnam (ĠU 2025, L 670, p. 1), li minnu jirriżulta, fil-premessi 19 u 20, li l-awtoritajiet Eġizzjani u l-produttur-esportatur ippruvaw jikkonvinċu lill-Kummissjoni tuża r-rata tas-suq parallel (minflok ir-rata tal-kambju uffiċjali) sabiex tikkalkola l-valur normali u l-marġni ta’ dumping. Il-Kummissjoni inizjalment opponiet din it-talba billi invokat il-prattika stabbilita tagħha li tuża rati tal-kambju uffiċjali fejn jiġi allegat li qed jiġu applikati rati tal-kambju paralleli.

( 36 ) Ara s-sentenza tas‑7 ta’ Mejju 1987, Nachi Fujikoshi vs Il-Kunsill (255/84, EU:C:1987:203, punti 51 sa 54).

( 37 ) Ara l-punti 17 u 26 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 38 ) Ara l-punti 81 sa 87 tas-sentenza appellata fil-Kawża C‑499/24 P u l-punti 195 sa 208 tas-sentenza appellata fil-Kawża C‑498/24 P.

( 39 ) Ara l-punt 82 tas-sentenza appellata fil-Kawża C‑499/24 P u l-punt 196 tas-sentenza appellata fil-Kawża C‑498/24 P.

( 40 ) Ara l-punt 85 tas-sentenza appellata fil-Kawża C‑499/24 P u l-punt 199 tas-sentenza appellata fil-Kawża C‑498/24 P.

( 41 ) Ara l-punt 86 tas-sentenza appellata fil-Kawża C‑499/24 P u l-punt 200 tas-sentenza appellata fil-Kawża C‑498/24 P.

( 42 ) Ara l-punti 88 sa 93 tas-sentenza appellata fil-Kawża C‑499/24 P u l-punti 201 sa 208 tas-sentenza appellata fil-Kawża C‑498/24 P.

( 43 ) L-appellanti jirreferu rispettivament għall-punt 84 tas-sentenza appellata fil-Kawża C‑499/24 P u għall-punt 198 tas-sentenza appellata fil-Kawża C‑498/24 P.

( 44 ) L-appellanti jirreferu għall-punti 20 sa 24 tas-sentenza appellata fil-Kawża C‑499/24 P.

( 45 ) L-appellanti jirreferu rispettivament għall-punti 91 sa 94 tas-sentenza appellata fil-Kawża C‑499/24 P u għall-punti 204 sa 208 tas-sentenza appellata fil-Kawża C‑498/24 P.

( 46 ) Il-Kummissjoni tirreferi għall-punt 82 tas-sentenza appellata fil-Kawża C‑499/24 P u għall-punt 199 tas-sentenza appellata fil-Kawża C‑498/24 P.

( 47 ) Ara s-sentenza tal‑24 ta’ Marzu 2011, Ferrero vs UASI (C‑552/09 P, EU:C:2011:177, punt 73).

( 48 ) Ara s-sentenza tad‑19 ta’ Lulju 2012, Il-Kunsill vs Zhejiang Xinan Chemical Industrial Group (C‑337/09 P, EU:C:2012:471, punt 61).

( 49 ) Ara l-punt 44 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 50 ) Ara l-punt 47 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 51 ) Anki jekk jitqies li l-appellanti għandhom l-intenzjoni jsostnu li l-Kummissjoni tista’, skont id-diskrezzjoni tagħha, tikkonverti t-tranżazzjonijiet f’euro lejn kwalunkwe valuta oħra, pereżempju f’kroner Daniż, sabiex ma jkollhiex tieħu inkunsiderazzjoni tranżazzjonijiet ta’ kopertura bejn euro u lira Torka, huma b’ebda mod la jallegaw u lanqas ma jissostanzjaw li l-għażla ta’ konverżjoni lejn il-munita tal-pajjiż esportatur saret bl-għan li jiġi eskluż it-teħid inkunsiderazzjoni tal-kuntratti ta’ kopertura tagħhom.

( 52 ) Ara l-punt 85 tas-sentenza appellata fil-Kawża C‑499/24 P u l-punt 196 tas-sentenza appellata fil-Kawża C‑498/24 P.

( 53 ) Ara l-punti 70 u 83 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 54 ) Ara l-punti 51 et seq. ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 55 ) Ara s-sentenza tas‑7 ta’ April 2016, ArcelorMittal Tubular Products Ostrava et vs Hubei Xinyegang Steel (C‑186/14 P u C‑193/14 P, EU:C:2016:209, punt 34).

( 56 ) Ara s-sentenzi tad‑29 ta’ Settembru 2011, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda (C‑82/10, mhux ippubblikata, EU:C:2011:621, punt 44), tad‑19 ta’ Settembru 2013, Dashiqiao Sanqiang Refractory Materials vs Il‑Kunsill (C‑15/12 P, EU:C:2013:572, punt 17) u tal‑10 ta’ Frar 2021, RFA International vs Il‑Kummissjoni, C‑56/19 P, EU:C:2021:102, punt 54).

( 57 ) Ara s-sentenza tad‑29 ta’ Frar 2024, Methanol Holdings (Trinidad) vs Il‑Kummissjoni (C‑688/22 P, mhux ippubblikata, EU:C:2024:180, punt 34).