SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

29 ta’ Frar 2024 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Trasport bl-ajru – Regolament (KE) Nru 261/2004 – Artikolu 5(1) u (3) – Artikolu 7(1) – Kumpens lill-passiġġieri tal-ajru fil-każ tal-kanċellazzjoni ta’ titjira – In-natura u bażi tad-dritt għal kumpens – Trasferiment lil kumpannija kummerċjali tal-kreditu tal-passiġġieri fir-rigward tat-trasportatur tal-ajru – Klawżola kuntrattwali li tipprojbixxi tali trasferiment – Artikolu 15 – Inammissibbiltà ta’ derogi”

Fil-Kawża C‑11/23,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Juzgado de lo Mercantil n. 1 de Palma de Mallorca (il-Qorti Kummerċjali Nru 1 ta’ Palma de Mallorca, Spanja), permezz ta’ deċiżjoni tal‑31 ta’ Ottubru 2022, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑12 ta’ Jannar 2023, fil-proċedura

Eventmedia Soluciones SL

vs

Air Europa Líneas Aéreas SAU

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn K. Jürimäe (Relatriċi), Presidenta tal-Awla, K. Lenaerts, President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qed jaġixxi bħala Imħallef tat-tielet Awla, N. Piçarra, N. Jääskinen u M. Gavalec, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Szpunar,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–

għal Eventmedia Soluciones SL, minn R. M. Jiménez Varela, procuradora, u A. M. Martínez Cuadros, abogada,

–

għal Air Europa Líneas Aéreas SAU, minn N. de Dorremochea Guiot, procurador, u E. Olea Ballesteros, abogado,

–

għall-Gvern Spanjol, minn L. Aguilera Ruiz, bħala aġent,

–

għall-Gvern Litwan, minn S. Grigonis u V. Kazlauskaitė-Švenčionienė, bħala aġenti,

–

għall-Kummissjoni Ewropea, minn J. L. Buendía Sierra, N. Ruiz García u G. Wilms, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 5(1)(ċ) u tal-Artikolu 7(1) u l-Artikolu 15 tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Frar 2004 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet, u li li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 295/91 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 8, p. 10), kif ukoll tal-Artikolu 6(1) u tal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal‑5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288, rettifika fil-ĠU 2023, L 17, p. 100.

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Eventmedia Soluciones SL (iktar ’il quddiem “Eventmedia”), ċessjonarja ta’ krediti ta’ sitt passiġġieri tal-ajru, u Air Europa Líneas Aéreas SAU (iktar’ il quddiem “Air Europa”) dwar kumpens minħabba l-kanċellazzjoni ta’ titjira.

Id‑dritt tal‑Unjoni

Ir‑Regolament (KE) Nru 44/2001

3

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001 tat‑22 ta’ Diċembru 2000 dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42), jipprevedi fil-punt 1(a) tal-Artikolu 5:

“Persuna domiċiljata fi Stat Membru tista’, fi Stat Membru ieħor, tkun imfittxijja:

1) a)

f’materji li għandhom x’jaqsmu ma’ xi kuntratt, fil-qrati tal-post tat-twettieq ta’ l-obbligi f’dak il-każ […]”

Ir‑Regolament Nru 261/2004

4

Il-premessi 1, 7 u 20 tar-Regolament Nru 261/2004 huma fformulati kif ġej:

“(1)

Azzjoni mil-Komunitá fil-qasam ta’ transport permezz ta’ l-ajru għandha jkollha l-iskop, fost affarijiet oħrajn, li tassigura livell ogħli ta’ protezzjoni għall-passiġġieri. ’Il fuq minn dan, konsiderazzjoni sħiħa għandha tiġi meħuda tal-ħtiġijiet ta’ protezzjoni tal-konsumatur b’mod ġenerali.

[…]

(7)

Sabiex tiġi assigurata l-applikazzjoni effettiva ta’ dan ir-Regolament, l-obbligazzjonijiet li joħloq għandhom jibqgħu mal-trasportatur ta’ l-ajru li qed jopera li jwettaq jew li għandu l-ħsieb li jwettaq titjira, kemm jekk b’inġenji ta’ l-ajru li qegħdin fil-proprjetá, taħt kiri dry jew wet, jew fuq kwalunkwe bażi oħra.

[…]

(20)

Passiġġieri għandhom jiġu informati b’mod sħiħ bid-drittijiet tagħhom fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet, sabiex ikunu jistgħu jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom b’mod effettiv.”

5

L-Artikolu 1(1)(b) ta’ dan ir-regolament huwa fformulat kif ġej:

“Dan ir-Regolament jistabbilixxi, taħt il-kondizzjonijiet speċifikati hawnhekk, drittijiet minimi għal passiġġieri meta:

[…]

(b)

it-titjira tagħhom hi kkanċellata […]”

6

L-Artikolu 2(b) ta’ dan ir-regolament jiddefinixxi ta’ “trasportatur ta’ l-ajru li jopera” bħala li huwa “trasportatur ta’ l-ajru li jwettaq jew li għandu l-ħsieb li jwettaq titjira taħt kuntratt ma’ passiġġier jew f’isem persuna oħra, legali jew naturali, li għandha kuntratt ma’ dak il-passiġġier”.

7

L-Artikolu 3 ta’ l-istess regolament, intitolat “Skop”, jipprevedi, fil-paragrafu 5 tiegħu:

“Dan ir-Regolament għandu japplika għal kwalunkwe trasportatur ta’ l-ajru li jopera li jipprovdi trasport għall-passiġġieri koperti mil-paragrafi 1 u 2. Fejn trasportatur ta’ l-ajru li jopera li m’għandu l-ebda kuntratt mal-passiġġier iwettaq obbligazzjonijiet taħt dan ir-Regolament, għandu jiġi meqjus li qed jagħmel dan f’isem il-persuna li għandha kuntratt ma’ dak il-passiġġier.”

8

Skont kliem l-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 261/2004, intitolat “Kanċellazzjoni”:

“1.   Fil-każ ta’ kanċellazzjoni ta’ titjira, il-passiġġieri in kwistjoni għandhom:

[…]

(ċ)

jkollhom id-dritt għal kumpens mil-trasportatur ta’ l-ajru li jopera skond l-Artikolu 7, kemm-il darba:

[…]

3.   Trasportatur ta’ l-ajru li jopera m’għandux ikun obbligat iħallas kumpens skond l-Artikolu 7, jekk jista’ juri li l-kanċellazzjoni hi kkawżata minn ċirkostanzi staordinarji li ma setgħux jiġu evitati anki jekk il-miżuri raġonevoli kollha ġew meħudin.

[…]”

9

L-Artikolu 7 tal-istess regolament, intitolat “Dritt għall-kumpens”, jiddisponi, fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 tiegħu:

“Fejn referenza hi magħmula għal dan l-Artikolu, passiġġieri għandhom jirċievu kumpens li jammonta għal:

(a)

EUR 250 għat-titjiriet kollha ta’ 1500 kilometru jew inqas;

(b)

EUR 400 għat-titjiriet intra-Komunitarji kollha ta’ aktar minn 1500 kilometru, u għat-titjiriet oħrajn kollha bejn 1500 u 3500 kilomentru:

(ċ)

EUR 600 għat-titjiriet kollha li ma jaqawx taħt (a) jew (b).”

10

L-Artikolu 15 tal-imsemmi regolament, intitolat “Esklużjoni tar-rinunzja”, jipprevedi:

“1.   Obbligazzjonijiet fir-rigward ta’ passiġġieri skond dan ir-Regolament ma jistgħux jiġu limitati jew irrinunzjati, partikolarment permezz ta’ deroga jew klawżola li tirrestrinġi fil-kuntratt ta’ ġarr.

2.   Jekk, minkejja dan, din id-deroga jew klawżola li tirrestrinġi hi applikata fir-rigward ta’ passiġġier, jew jekk il-passiġġier mhuwiex informat b’mod korrett tad-drittijiet tiegħu u għal dik ir-raġuni aċċetta kumpens li hu inferjuri għal dak previst f’dan ir-Regolament, il-passiġġier għandu jibqa’ intitolat li jieħu l-proċeduri neċessarji quddiem il-qrati jew organi kompetenti sabiex jikseb kumpens addizzjonali.”

Id‑Direttiva 93/13

11

Skont l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13:

“L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu li klawżoli inġusti użati f’kuntratt konkluż ma konsumatur minn bejjiegħ jew fornitur għandhom, kif previst fil-liġi nazzjonali tagħhom, ma jkunux jorbtu lill-konsumatur u li l-kuntratt għandu jkompli jorbot lill-partijiet fuq dawn il-klawżoli jekk dan ikun kapaċi jkompli jeżisti mingħajr il-klawżoli inġusti.”

12

L-Artikolu 7(1) ta’ din id-direttiva jipprevedi:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fl-interessi tal-konsumaturi u l-kompetituri, jeżistu mezzi adegwati u effettivi biex jipprevjenu li jibqgħu jintużaw klawżoli inġusti f’kuntratti konklużi mal-konsumaturi mill-bejjiegħa jew fornituri.”

Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari

13

Sitt passiġġieri tal-ajru kkonċernati mill-kanċellazzjoni ta’ titjira bi tluq mill-ajruport Viru Viru ta’ Santa Cruz (il-Bolivja) u b’destinazzjoni Madrid (Spanja), prevista għall‑24 ta’ Marzu 2022, ċedew il-krediti tagħhom għal kumpens fir-rigward ta’ Air Europa lil Eventmedia, kumpannija kummerċjali.

14

Sussegwentement, Eventmedia marret quddiem il-Juzgado de lo Mercantil n. 1 de Palma de Mallorca (il-Qorti Kummerċjali Nru 1 ta’ Palma de Mallorca, Spanja), li hija l-qorti tar-rinviju, bi proċedura kontra Air Europa sabiex tikseb kumpens ta’ EUR 600 għal kull wieħed minn dawn il-passiġġieri, abbażi tar-Regolament Nru 261/2004.

15

Quddiem din il-qorti, Air Europa tikkontesta l-locus standi ta’ Eventmedia. Fil-fehma tagħha, it-trasferiment ta’ kreditu ma kienx legalment validu peress li kien jikser il-projbizzjoni li jiġu ttrasferiti d-drittijiet tal-passiġġier prevista mill-klawżola 15.1 tal-kundizzjonijiet ġenerali tat-trasport tiegħu (iktar ’il quddiem il-“klawżola inkwistjoni”). Skont din il-klawżola, “[i] ir-responsabbiltà ta’ Air Europa u dik ta’ kull trasportatur, skont l-Artikolu 1, [huma ddeterminati] mill-kundizzjonijiet ta’ trasport tat-trasportatur li joħroġ il-biljett, sakemm ma jiġix stipulat mod ieħor. Id-drittijiet li jappartjenu lill-passiġġier huma marbuta mal-persuna tiegħu u t-trasferiment tagħhom ma huwiex awtorizzat.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

16

Il-qorti tar-rinviju tispjega li, skont id-dritt Spanjol, passiġġier tal-ajru jista’ jinvoka quddiem il-qrati d-dritt tiegħu għal kumpens kontra t-trasportatur tal-ajru li jopera, previst mir-Regolament Nru 261/2004, fil-kuntest ta’ proċedura msejħa “ssimplifikata”, mingħajr ma jkollu jiġi rrappreżentat minn avukat. Fil-prattika, il-passiġġieri tal-ajru rarament jirrikorru għal din il-possibbiltà minħabba d-difiża opposta mill-parti l-kbira tat-trasportaturi tal-ajru u l-kumplessità tar-regoli proċedurali. Barra minn hekk, passiġġier tal-ajru jista’ jagħti mandat ad litem lil avukat sabiex dan jidher quddiem il-qorti f’ismu u għan-nom tiegħu.

17

Fl-aħħar nett, konformement mad-dritt Spanjol, passiġġier tal-ajru jista’ jittrasferixxi d-dritt ta’ kreditu tiegħu fir-rigward tat-trasportatur bl-ajru, b’mod partikolari lil entità speċjalizzata fit-talbiet imressqa skont ir-Regolament Nru 261/2004. F’każ bħal dan, din l-entità tidher fil-proċedura f’isimha u għan-nom tagħha stess, billi tiddefendi l-interess tagħha bħala ċessjonarja tal-kreditu.

18

Issa, il-qorti tar-rinviju tosserva li l-klawżola inkwistjoni tirrestrinġi din il-possibbiltà, għall-passiġġieri tal-ajru, li jittrasferixxu d-drittijiet tagħhom. Konsegwentement, hija tistaqsi dwar il-kompatibbiltà ta’ tali klawżola mad-dritt tal-Unjoni.

19

Qabelxejn, din il-qorti tqis neċessarju li jiġi ddeterminat jekk klawżola li tinsab fil-kundizzjonijiet ġenerali tal-kuntratt ta’ trasport u li tipprojbixxi t-trasferiment tad-drittijiet li jappartjenu lill-passiġġier tal-ajru tikkostitwixxix limitazzjoni tal-obbligi fir-rigward tal-passiġġieri tal-ajru li jaqgħu taħt l-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 261/2004. Li kieku dan kien il-każ, il-klawżola inkwistjoni tkun nulla ipso jure għaliex tmur kontra regola imperattiva jew projbittiva fis-sens tad-dritt Spanjol.

20

Sussegwentement, l-imsemmija qorti tqis li, f’kuntest ta’ approċċi diverġenti adottati mill-qrati Spanjoli, huwa essenzjali li tiġi ddeterminata n-natura tad-dritt għal kumpens previst fl-Artikolu 5 fl-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 261/2004. F’dan ir-rigward, is-sentenzi tas‑7 ta’ Marzu 2018, flightright et (C‑274/16, C‑447/16 u C‑448/16, EU:C:2018:160, punt 63), kif ukoll tas‑26 ta’ Marzu 2020, Primera Air Scandinavia (C‑215/18, EU:C:2020:235, punt 49), jistgħu jagħtu x’jifhem li dan huwa dritt ta’ natura kuntrattwali. Għall-kuntrarju, il-fatt li l-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 261/2004, ikkunsidrat fid-dawl tal-premessa 7 u tal-Artikolu 2(b) ta’ dan ir-regolament, jagħmel responsabbli lit-trasportatur tal-ajru li jopera anki jekk ma jkunx ikkonkluda kuntratt mal-passiġġier tal-ajru, jagħti x’jifhem li l-passiġġier tal-ajru jislet id-dritt tiegħu għal kumpens direttament mill-imsemmi regolament.

21

Sussidjarjament, fil-każ li l-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 261/2004 ma jipprekludix klawżola li tipprojbixxi t-trasferiment tad-drittijiet tal-passiġġier tal-ajru jew dak fejn id-dritt għal kumpens previst minn dan ir-regolament ikollu bażi kuntrattwali, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, fl-aħħar nett, dwar l-interpretazzjoni tad-Direttiva 93/13. Hija tistaqsi, f’dan ir-rigward, jekk, u jekk ikun il-każ taħt liema kundizzjonijiet, hija tista’, f’tilwima bejn żewġ bejjiegħa jew fornituri, tikkonstata ex officio n-natura, fil-fehma tagħha, inġusta ta’ klawżola li tinsab f’kuntratt konkluż bejn wieħed minn dawn il-bejjiegħa jew fornituri u konsumatur li ttrasferixxa d-drittijiet tiegħu lill-bejjiegħ jew fornitur l-ieħor.

22

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Juzgado de Primera Instancia n. 1 de Palma de Mallorca (il-Qorti tal-Ewwel Istanza Nru 1 ta’ Palma de Mallorca) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1.

L-inklużjoni, f’kuntratt ta’ trasport bl-ajru, ta’ klawżola [bħall-klawżola inkwistjoni], tista’ titqies bħala eċċezzjoni inammissibbli fis-sens tal-Artikolu 15 tar-[Regolament Nru 207/2009], minħabba li tillimita l-obbligi tat-trasportatur, billi tillimita l-possibbiltà li d-dritt tal-passiġġieri għal kumpens minħabba kanċellazzjoni ta’ titjira jiġi ssodisfatt permezz ta’ trasferiment ta’ kreditu?

2)

L-Artikolu 7(1), moqri flimkien mal-Artikolu 5(1)(ċ) u mal-Artikolu 5(3) tar-Regolament (KE) Nru 261/04, jista’ jiġi interpretat fis-sens li l-ħlas ta’ kumpens minħabba kanċellazzjoni ta’ titjira, dovut mit-trasportatur inkarigat mit-twettiq tat-titjira, huwa obbligu impost mir-Regolament irrispettivament mill-eżistenza ta’ kuntratt ta’ trasport mal-passiġġier u min-nuqqas, kolpuż, ta’ twettiq ta’ obbligi kuntrattwali tat-trasportatur tal-ajru?

[…]

3)

[Sussidjarjament, fil-każ li jitqies li l-imsemmija klawżola ma tikkostitwixxix eċċezzjoni inammissibbli konformement mal-Artikolu 15 tar-Regolament (KE) Nru 261/04 jew jekk jiġi kkunsidrat li d-dritt għal kumpens huwa ta’ natura kuntrattwali, l-Artikolu] 6(1) u [l-Artikolu] 7(1) tad-Direttiva [93/13] għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-qorti nazzjonali, li quddiemha titressaq talba abbażi tad-dritt għall-kumpens minħabba kanċellazzjoni ta’ titjira previst fl-Artikolu 7(1) tar-[Regolament Nru 207/2009] għandha tistħarreġ ex officio l-eventwali natura inġusta ta’ klawżola, inkluża fil-kuntratt ta’ trasport, li ma tippermettix li l-passiġġier jittrasferixxi d-drittijiet tiegħu, meta t-talba titressaq mill-persuna li favuriha sar t-trasferiment li, b’kuntrast mal-persuna li titrasferixxi, ma hijiex konsumatur jew utent?

4)

Fil-każ li jkun hemm lok li jitwettaq l-istħarriġ ex officio, id-dmir li l-konsumatur jiġi informat u li jiġi kkonstatat jekk jinvokax in-natura inġusta tal-klawżola jew inkella jekk jaċċettahiex, jista’ jiġi injorat fid-dawl tal-intenzjoni li huwa wera meta ttrasferixxa l-kreditu tiegħu, bi ksur tal-klawżola eventwalment inġusta li ma kinitx tippermetti t-trasferiment tal-kreditu?” Fuq id‑domandi preliminari

Fuq it‑tieni domanda

23

Permezz tat-tieni domanda tagħha, li għandha tiġi eżaminata fl-ewwel lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 5(1)(ċ) u (3) kif ukoll tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 261/2004 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li, fil-każ ta’ kanċellazzjoni ta’ titjira, id-dritt tal-passiġġieri tal-ajru li jiksbu l-kumpens imsemmi f’dawn id-dispożizzjonijiet impost fuq it-trasportatur tal-ajru li jopera u l-obbligu korrelattiv ta’ dan tal-aħħar li jħallas il-kumpens jirriżultaw minn dan ir-regolament, jew fis-sens li dan id-dritt u dan l-obbligu huma bbażati fuq kuntratt li, jekk ikun il-każ, ġie konkluż bejn dan it-trasportatur u l-passiġġier tal-ajru kkonċernat, jew saħansitra fin-nuqqas ta’ eżekuzzjoni żbaljata ta’ tali kuntratt mill-imsemmi trasportatur.

24

Skont ġurisprudenza stabbilita, għall-finijiet tal-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, hemm lok li ma jittiħdux inkunsiderazzjoni biss it-termini tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li tagħha hija tagħmel parti (sentenzi tal‑11 ta’ Mejju 2017, Krijgsman, C‑302/16, EU:C:2017:359, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tad‑29 ta’ Settembru 2022, LOT (Kumpens impost mill-awtorità amministrattiva), C‑597/20, EU:C:2022:735, punt 21).

25

L-Artikolu 5(1)(ċ) tar-Regolament Nru 261/2004 jistipula li, fil-każ ta’ kanċellazzjoni ta’ titjira, il-passiġġieri kkonċernati “jkollhom id-dritt għal kumpens mil-trasportatur ta’ l-ajru li jopera” skont l-Artikolu 7 ta’ dan ir-regolament, sakemm dawn ma jiġux informati dwar il-kanċellazzjoni tat-titjira fil-kundizzjonijiet previsti f’din l-ewwel dispożizzjoni (sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2021, Airhelp, C‑263/20, EU:C:2021:1039, punt 49). Il-paragrafu 3 ta’ dan l-artikolu jiddetermina l-kundizzjonijiet li fihom it-trasportatur tal-ajru li jopera ma huwiex obbligat iħallas dan il-kumpens, meta l-kanċellazzjoni tkun dovuta għal ċirkustanzi straordinarji (ara f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Diċembru 2008, Wallentin-Hermann (C‑549/07, EU:C:2008:771, punt 20).

26

L-Artikolu 7(1) ta’ dan ir-regolament jistabbilixxi, min-naħa tiegħu, fil-forma ta’ somma f’daqqa, l-ammont tal-kumpens li għalih għandu dritt passiġġier meta jsir riferiment għal din id-dispożizzjoni fl-imsemmi regolament.

27

Fid-dawl tal-formulazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, u konformement mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-dritt għal kumpens standardizzat u kkalkolat b’rata fissa mħallas mit-trasportatur tal-ajru li jopera jinsab fost id-drittijiet essenzjali li ngħataw lill-passiġġieri tal-ajru mir-Regolament Nru 261/2004 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2020, Primera Air Scandinavia,C‑215/18, EU:C:2020:235, punt 37).

28

Minn dan isegwi li, fil-każ ta’ kanċellazzjoni ta’ titjira, id-dritt għal kumpens tal-passiġġieri tal-ajru msemmi fl-Artikolu 5(1)(ċ) tar-Regolament Nru 261/2004 u l-obbligu korrelattiv tat-trasportatur tal-ajru li jopera li jħallas il-kumpens previst fl-Artikolu 7(1) ta’ dan ir-regolament jirriżultaw direttament minn dan tal-aħħar. Dan id-dritt u dan l-obbligu ma jistgħux, għaldaqstant, jitqiesu li huma bbażati fuq kuntratt li kien, jekk ikun il-każ, konkluż bejn il-passiġġier tal-ajru u t-trasportatur tal-ajru li jopera kkonċernati u lanqas, a fortiori, fin-nuqqas ta’ eżekuzzjoni inkorretta ta’ tali kuntratt minn dan tal-aħħar.

29

Din l-interpretazzjoni hija sostnuta mill-kuntest tal-Artikolu 5(1)(ċ) u (3), kif ukoll mill-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 261/2004, kif ukoll mill-għan ta’ dan ir-regolament.

30

Fir-rigward, fl-ewwel lok, ta’ dan il-kuntest, għandu jiġi rrilevat, minn naħa, li, konformement mal-Artikolu 1(1)(b) tiegħu, ir-Regolament Nru 261/2004 “irrikonoxxa” fil-kundizzjonijiet li huwa jistabbilixxi, drittijiet minimi għall-passiġġieri tal-ajru fil-każ ta’ kanċellazzjoni tat-titjira tagħhom.

31

Min-naħa l-oħra, minn qari flimkien tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2(b) u tal-Artikolu 3(5) tar-Regolament Nru 261/2004 jirriżulta li l-passiġġier ta’ titjira kkanċellata jew imdewma jista’ jinvoka dan ir-regolament kontra t-trasportatur tal-ajru li jopera, anki jekk dan il-passiġġier u dan it-trasportatur ma jkunux ikkonkludew kuntratt bejniethom (ara s-sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2020, Primera Air Scandinavia (C‑215/18, EU:C:2020:235, punti 48 u 29).

32

Dawn id-dispożizzjonijiet jikkorroboraw b’hekk l-interpretazzjoni li d-dritt tal-passiġġieri tal-ajru, fil-każ ta’ kanċellazzjoni tat-titjira tagħhom, għall-kumpens imsemmi fl-Artikoli 5 u 7 tar-Regolament Nru 261/2004 jirriżulta direttament minn dan ir-regolament.

33

Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-għan tar-Regolament Nru 261/2004, dan jikkonsisti, kif jirriżulta mill-premessa 1 tiegħu, f’li jiġi ggarantit livell għoli ta’ protezzjoni tal-passiġġieri tal-ajru, b’tali mod li d-drittijiet irrikonoxxuti lil dawn tal-aħħar għandhom jiġu interpretati b’mod wiesa’ (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑4 ta’ Ottubru 2012, Rodríguez Cachafeiro u Martínez-Reboredo Varela-Villamor, C‑321/11, EU:C:2012:609, punt 25, kif ukoll tat‑30 ta’ April 2020, Blue Air–Airline Management Solutions, C‑584/18, EU:C:2020:324, punt 93).

34

Issa, l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 5(1)(ċ) u tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 261/2004 stabbilita fil-punt 28 ta’ din is-sentenza hija konformi ma’ dan l-għan, peress li din tiggarantixxi li kull passiġġier tal-ajru kkonċernat minn kanċellazzjoni ta’ titjira għandu dritt għal kumpens, fil-kundizzjonijiet previsti minn dawn id-dispożizzjonijiet, indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk huwa kkonkludiex jew le kuntratt ta’ trasport mat-trasportatur tal-ajru li jopera.

35

Barra minn hekk, l-imsemmija interpretazzjoni bl-ebda mod ma hija inkompatibbli mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tgħid li r-rikorsi relatati mad-dritt għal kumpens skont ir-Regolament Nru 261/2004 jaqgħu taħt il-“materji kuntrattwali”, fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 44/2001 (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑7 ta’ Marzu 2018, flightright et, C‑274/16, C‑447/16 u C‑448/16, EU:C:2018:160, punti 63 sa 65, kif ukoll tas-26 ta’ Marzu 2020, Primera Air Scandinavia, C‑215/18, EU:C:2020:235, punt 49). Fil-fatt, permezz ta’ din il-ġurisprudenza, dwar il-ġurisdizzjoni f’materji ċivili u kummerċjali, il-Qorti tal-Ġustizzja riedet tiżgura applikazzjoni uniformi tal-kunċett ta’ “materji kuntrattwali”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, billi ddeċidiet li, sabiex jaqa’ taħt dan il-kunċett, huwa irrilevanti li l-kuntratt ta’ trasport ikun ġie konkluż mill-passiġġier tal-ajru, mhux direttament mat-trasportatur tal-ajru li jopera kkonċernat, iżda ma’ fornitur ta’ servizzi ieħor, bħal aġenzija tal-ivvjaġġar. Kif sostnew il-Gvern Spanjol u l-Kummissjoni Ewropea, l-imsemmija ġurisprudenza ma għandhiex l-intenzjoni li tippreġudika l-bażi stess tad-dritt għal kumpens previst mir-Regolament Nru 261/2004.

36

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li azzjoni li l-kawża tagħha hija kuntrattwali tista’ tkun intiża sabiex tiġi sostnuta pretensjoni li l-bażi tagħha hija bbażata fuq l-istipulazzjonijiet tal-kuntratt inkwistjoni bħala tali jew fuq dispożizzjonijiet legali li huma applikabbli minħabba dan il-kuntratt (ara f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ Novembru 2020, Wikingerhof, C‑59/19, EU:C:2020:950, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata). Fil-kawża prinċipali, għalkemm il-kawżali tal-azzjoni għal kumpens tal-passiġġier tal-ajru kontra t-trasportatur tal-ajru li jopera tinsab neċessarjament fl-eżistenza ta’ kuntratt, kemm jekk ma’ dan it-trasportatur tal-ajru jew ma’ fornitur ieħor (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2020, Primera Air Scandinavia, C‑215/18, EU:C:2020:235, punti 50 sa 52), id-dritt għal kumpens li dan il-passiġġier jista’ jinvoka fil-kuntest ta’ din l-azzjoni, b’mod partikolari fil-każ ta’ kanċellazzjoni ta’ titjira, jirriżulta, min-naħa tiegħu, direttament mid-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 5(1)(ċ) u tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 261/2004, kif dan jirriżulta mill-punti 28 u 32 ta’ din is-sentenza.

37

Fid-dawl tal-motivi kollha preċedenti, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li d-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 5(1)(ċ) u (3) kif ukoll tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 261/2004 għandhom jiġu interpretati fis-sens li, fil-każ ta’ kanċellazzjoni ta’ titjira, id-dritt tal-passiġġieri tal-ajru li jiksbu l-kumpens imsemmi f’dawn id-dispożizzjonijiet fil-konfront tat-trasportatur tal-ajru li jopera u l-obbligu korrelattiv ta’ dan tal-aħħar li jħallas dan il-kumpens jirriżultaw direttament minn dan ir-regolament.

Fuq l‑ewwel domanda

38

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, li għandha tiġi eżaminata fit-tieni lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 261/2004 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi l-inklużjoni, f’kuntratt ta’ trasport, ta’ klawżola li tipprojbixxi t-trasferiment tad-drittijiet li jgawdi l-passiġġier tal-ajru fir-rigward tat-trasportatur tal-ajru li jopera skont id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament.

39

L-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 261/2004, bit-titolu “Esklużjoni tar-rinunzja”, jistabbilixxi, fil-paragrafu 1 tiegħu, li l-obbligi tat-trasportaturi bl-ajru fir-rigward tal-passiġġieri stabbiliti minn dan ir-regolament ma jistgħux jiġu limitati jew irrinunzjati, partikolarment permezz ta’ deroga jew ta’ klawżola restrittiva inkluża fil-kuntratt ta’ trasport.

40

Konformement ma’ din id-dispożizzjoni u fid-dawl tar-risposta għat-tieni domanda, l-obbligu tat-trasportatur tal-ajru li jopera li jħallas il-kumpens previst fl-Artikolu 7(1) ta’ dan ir-regolament fil-każ ta’ kanċellazzjoni ta’ titjira ma jistax għalhekk jiġi limitat jew irrinunzjat permezz ta’ kuntratt.

41

F’dan ir-rigward, għandu jingħad ukoll li, fid-dawl tal-għan ta’ livell għoli ta’ protezzjoni tal-passiġġieri tal-ajru, sottostanti, b’mod partikolari, l-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 261/2004 u l-interpretazzjoni wiesgħa li għandha, konformement mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 33 ta’ din is-sentenza, lid-drittijiet mogħtija lil dawn il-passiġġieri, din id-dispożizzjoni għandha, sa fejn tiddetermina l-inammissibbiltà tad-derogi minn dawn id-drittijiet, tkun ukoll is-suġġett ta’ interpretazzjoni wiesgħa (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑30 ta’ April 2020, Blue Air–Airline Management Solutions, C‑584/18, EU:C:2020:324, punt 102).

42

B’hekk, fid-dawl tal-użu, fl-imsemmija dispożizzjoni, tal-avverbju “partikolarment” u fid-dawl ta’ dan l-għan, għandhom jitqiesu li huma inammissibbli mhux biss id-derogi li jinsabu f’kuntratt ta’ trasport, att ta’ natura sinallagmatika li l-passiġġier tal-ajru jkun issottoskriva, iżda wkoll, u a fortiori, dawk li jinsabu f’dokumenti oħra stabbiliti unilateralment mit-trasportatur tal-ajru li jopera u li dan għandu l-intenzjoni li jinvoka fir-rigward tal-passiġġieri tal-ajru kkonċernati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑30 ta’ April 2020, Blue Air –Airline Management Solutions, C‑584/18, EU:C:2020:324, punt 102). L-istess dispożizzjoni tista’ b’hekk tapplika għal derogi li jinsabu fil-kundizzjonijiet ġenerali tat-trasport.

43

Barra minn hekk, fid-dawl tal-imsemmi għan u sabiex tiġi ggarantita l-effettività tad-dritt għal kumpens tal-passiġġieri tal-ajru, għandhom jitqiesu li huma inammissibbli, fis-sens tal-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 261/2004, mhux biss id-derogi jew il-limitazzjonijiet li jirrigwardaw direttament dan id-dritt bħala tali, iżda wkoll dawk li jirrestrinġu, għad-detriment ta’ dawn il-passiġġieri, il-modalitajiet tal-eżerċizzju tal-imsemmi dritt meta mqabbla mad-dispożizzjonijiet legali applikabbli.

44

Fil-fatt, sabiex jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tal-passiġġieri tal-ajru u sabiex dawn tal-aħħar ikunu jistgħu jeżerċitaw b’mod effikaċi d-drittijiet tagħhom konformement mal-għan stabbilit fil-premessa 20 tar-Regolament Nru 261/2004, il-passiġġier ikkonċernat minn kanċellazzjoni ta’ titjira għandu jiġi ggarantit li jagħżel l-iktar mod effikaċi sabiex jiddefendi d-dritt tiegħu, b’mod partikolari billi jippermettilu jiddeċiedi li jindirizza direttament lit-trasportatur tal-ajru li jopera, li jmur quddiem il-qrati kompetenti jew, meta dan ikun previst mid-dritt nazzjonali rilevanti, li jittrasferixxi l-kreditu tiegħu lil terz sabiex jevita diffikultajiet u spejjeż li jistgħu jiddiswaduh milli jieħu passi personali fir-rigward ta’ dan it-trasportatur għal interess finanzjarju limitat.

45

Minn dan isegwi li klawżola li tinsab fil-kundizzjonijiet ġenerali tal-kuntratt ta’ trasport u li tipprojbixxi t-trasferiment tad-drittijiet tal-passiġġier tal-ajru kontra t-trasportatur tal-ajru li jopera tikkostitwixxi “deroga inammissibbli”, fis-sens tal-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 261/2004.

46

Fid-dawl tal-motivi kollha preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 261/2004 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi l-inklużjoni, f’kuntratt ta’ trasport, ta’ klawżola li tipprojbixxi t-trasferiment tad-drittijiet li jgawdi l-passiġġier tal-ajru fir-rigward tat-trasportatur tal-ajru li jopera skont id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament.

Fuq it‑tielet u r‑raba’domanda

47

Fid-dawl tar-risposti mogħtija għall-ewwel u għat-tieni domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tielet u r-raba’ domanda.

Fuq l‑ispejjeż

48

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Id-dispożizzjonijiet moqrija flimkien tal-Artikolu 5(1)(ċ) u (3) kif ukoll tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Frar 2004 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet, u li li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 295/91,

għandhom jiġi interpretat fis-sens li:

fil-każ ta’ kanċellazzjoni ta’ titjira, id-dritt tal-passiġġieri tal-ajru li jiksbu l-kumpens imsemmi f’dawn id-dispożizzjonijiet fil-konfront tat-trasportatur tal-ajru li jopera u l-obbligu korrelattiv ta’ dan tal-aħħar li jħallas dan il-kumpens jirriżultaw direttament minn dan ir-regolament.

 

2)

L-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 261/2004

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

jipprekludi l-inklużjoni, f’kuntratt ta’ trasport, ta’ klawżola li tipprojbixxi t-trasferiment tad-drittijiet li jgawdi l-passiġġier tal-ajru fir-rigward tat-trasportatur tal-ajru li jopera skont id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.