KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

CAMPOS SÁNCHEZ-BORDONA

ippreżentati fl‑20 ta’ Novembru 2025 ( 1 )

Kawża C‑882/24 P

AL

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Appell — Servizz pubbliku — Remunerazzjoni — Allowances tal-familja — Allowance għal wild dipendenti — Artikolu 2 tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal — Irtirar tal-allowance — Irkupru tal-ammonti mħallsa indebitament skont l-Artikolu 85 tar-Regolamenti tal-Persunal — Stħarriġ tal-legalità — Effetti ta’ deċiżjoni nazzjonali definittiva u retroattiva — Protezzjoni ġudizzjarja effettiva”

1.

Permezz ta’ dan l-appell, (ex) ( 2 ) uffiċjal tas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill jitlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-10 ta’ April 2024, AL vs Il‑Kummissjoni ( 3 ).

2.

Is-sentenza appellata tikkonferma deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea ( 4 ) li kienet ordnat l-irkupru ta’ ċerti ħlasijiet magħmula favur l-appellant, bħala allowances tal-familja.

3.

Hija ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja li l-legalità ta’ att li jikkawża preġudizzju, ikkontestat fil-kuntest ta’ rikors għal annullament, għandha, bħala prinċipju, tiġi evalwata fid-dawl tal-punti ta’ fatt u ta’ liġi eżistenti fil-mument tal-adozzjoni tiegħu.

4.

Issa għandu jiġi ddeterminat jekk il-Qorti Ġenerali żnaturatx il-fatti billi ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-effetti retroattivi ta’ sentenza nazzjonali definittiva, debitament inkluża fil-proċess u mogħtija wara l-adozzjoni tal-att li jikkawża preġudizzju, iżda qabel it-tmiem tal-proċedura bil-miktub tar-rikors għal annullament.

I. Il-kuntest ġuridiku. Ir-Regolamenti tal-Persunal ( 5 )

5.

Skont l-Artikolu 85:

“Kull somma li tħallset żejda għandha tkun irkuprata jekk ir-riċevitur ma kienx jaf [kien jaf] li ma kien hemm l-ebda raġun[i] dovuta għall-pagament jew jekk il-fatt tal-ħlas żejjed kien tali evidenti li ma setax jinduna [ma setax ma jindunax] bih.

It-talba għall-irkuprar trid issir mhux aktar tard minn ħames snin mid-data meta s-somma tħallset. Fejn l-Awtorità tal-Ħatra kapaċi tistabbilixxi li r-riċevitur deliberatament ta informazzjoni ħażina lill-amministrazzjoni bil-ħsieb li jikseb is-somma kkonċernata, it-talba għall-irkuprar ma tkunx invalidata jekk dan il-perjodu jkun skada”.

II. Il-fatti li wasslu għall-kawża

6.

Il-fatti li wasslu għall-kawża huma miġbura fid-dettall fil-punti 2 sa 13 tas-sentenza appellata. Ser nillimita ruħi biex insemmi dawk li huma rilevanti għal dawn il-konklużjonijiet.

7.

AL nħatar uffiċjal fl‑1 ta’ Diċembru 2007 u ġie assenjat lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill, fil-Belġju.

8.

Fit-28 ta’ Lulju 2010, l-awtorità Rumena kompetenti qegħdet żewġ minuri f’foster care ta’ AL ( 6 ) Ġie awtorizzat it-trasferiment tagħhom lejn il-Belġju sabiex jgħixu ma’ AL u l-konjuġi tiegħu.

9.

Skont l-Artikolu 2 tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal, AL talab l-għoti tal-allowance għal ulied dipendenti, li ngħatatlu u tħallas mill‑1 ta’ Awwissu 2010 sal‑31 ta’ Lulju 2013 ( 7 ). Insostenn tat-talba tiegħu, huwa pproduċa dokumenti konsulari ekwivalenti għal awtorizzazzjoni tal-ġenituri.

10.

Fit‑30 ta’ Jannar 2013, wara talba konġunta ta’ AL u tal-ġenituri tal-minuri, ippreżentata fis‑16 ta’ Ottubru 2012, il-Kummissjoni għall-Protezzjoni tat-Tfal adottat żewġ deċiżjonijiet li jtemmu t-tqegħid f’foster care ( 8 ).

11.

Mill-proċess jirriżulta li dawn iż-żewġ deċiżjonijiet nazzjonali tat‑30 ta’ Jannar 2013, adottati fl-assenza tal-applikanti, qatt ma ġew innotifikati lil AL ( 9 ).

12.

Fit-22 ta’ Marzu 2021, billi bbażat ruħha fuq il-konstatazzjonijiet ta’ investigazzjoni tal-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) miftuħa fl-2016, il-Kummissjoni, skont id-Deċiżjoni (UE) 2019/792 ( 10 ), ordnat, skont l-Artikolu 85 tar-Regolamenti tal-Persunal ( 11 ), l-irkupru (fost diversi allowances) tal-allowances imħallsa indebitament lil AL għaż-żewġ minuri, matul il-perijodu mill‑1 ta’ Awwissu 2010 sal‑31 ta’ Lulju 2013.

13.

AL irreaġixxa billi uża żewġ rimedji:

–

Fis‑16 ta’ Marzu 2021, huwa stess u l-ġenituri tal-minuri ppreżentaw quddiem it-Tribunalul Bucureşti (il-Qorti tal-Muniċipalità ta’ Bukarest, ir-Rumanija) rikors għall-annullament tad-deċiżjonijiet nazzjonali tat‑30 ta’ Jannar 2013 ( 12 ). Huma sostnew li kienu jmorru kontra l-aħjar interessi tal-minuri, li ma kinux ġew innotifikati u difetti formali oħra.

–

Huwa ressaq ilment kontra d-deċiżjoni tat‑22 ta’ Marzu 2021, skont l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal.

14.

Ir-riżultat ta’ din il-linja doppja ta’ kontestazzjoni wasslet għal dan li ġej:

–

F’dak li jirrigwarda l-kontestazzjoni quddiem l-awtoritajiet Rumeni tad-deċiżjonijiet nazzjonali tat‑30 ta’ Jannar 2013, it-Tribunalul Bucureşti (il-Qorti tal-Muniċipalità ta’ Bukarest), permezz ta’ sentenza tas‑16 ta’ Mejju 2022 ( 13 ), ikkonstatat in-nullità assoluta ta’ dawk id-deċiżjonijiet, b’effett retroattiv. Din is-sentenza saret res judicata fis‑16 ta’ Awwissu 2022 ( 14 ).

–

Fir-rigward tal-ilment quddiem il-Kummissjoni, fit‑22 ta’ Ottubru 2021, l-Awtorità tal-Ħatra laqgħetu parzjalment, b’mod li: a) stabbilixxiet mill-ġdid l-allowance għall‑perijodu mill‑1 ta’ Awwissu 2010 sad‑29 ta’ Jannar 2013; u (b) ordnat l-irkupru tal-allowances imħallsa indebitament irċevuti wara l-adozzjoni tad-deċiżjonijiet nazzjonali tat‑30 ta’ Jannar 2013, għal perijodu ta’ sitt xhur għal wieħed mill-minuri u ta’ xahrejn għall-minuri l-ieħor ( 15 ). Minkejja li ġiet informata fi żmien xieraq bl-eżistenza tal-proċedura pendenti quddiem it-Tribunalul Bucureşti (il-Qorti tal-Muniċipalità ta’ Bukarest), l-Awtorità tal-Ħatra tal-Kummissjoni ċaħdet ir-rilevanza tagħha għad-deċiżjoni dwar l-ilment ( 16 ).

III. Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

15.

Fil‑21 ta’ Jannar 2022, AL ippreżenta quddiem il-Qorti Ġenerali rikors għal annullament kontra d-deċiżjoni tat‑22 ta’ Ottubru 2021.

16.

Insostenn tar-rikors tiegħu, huwa invoka ħames motivi ta’ annullament. Ir-raba’ motiv kien ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 85 tar-Regolamenti tal-Persunal u fuq żball ta’ evalwazzjoni f’dak li jirrigwarda l-allowance mħallsa għaż-żewġ minuri għall-perijodu wara d-deċiżjonijiet nazzjonali tat‑30 ta’ Jannar 2013 u sal-iskadenza tat-terminu li għalih kienet ingħatat (mill‑1 ta’ Frar sal‑31 ta’ Lulju 2013).

17.

Permezz ta’ dan il-motiv ta’ annullament, AL:

–

irrepeta n-nuqqas ta’ għarfien tiegħu tad-deċiżjonijiet nazzjonali tat‑30 ta’ Jannar 2013 u, għaldaqstant, l-assenza ta’ intenzjoni li deliberatament iqarraq bl-amministrazzjoni fir-rigward tad-data tat-tmiem tal-perijodu ta’ fostering ( 17 );

–

enfasizza l-eżistenza tal-proċedura ta’ rikors pendenti quddiem it-Tribunalul Bucureşti (il-Qorti tal-Muniċipalità ta’ Bukarest) ( 18 );

–

sostna li d-deċiżjonijiet nazzjonali tat‑30 ta’ Jannar 2013 ma kinux jaffettwaw il-validità tad-dokumenti konsulari li, fil-fehma tiegħu, kienu jiġġustifikaw l-għoti tal-allowance għal wild dipendenti.

18.

F’nota sussegwenti (fir-replika), ippreżentata fit‑30 ta’ Awwissu 2022, AL informa lill-Qorti Ġenerali bl-eżitu tal-proċedura quddiem it-Tribunalul Bucureşti (il-Qorti tal-Muniċipalità ta’ Bukarest), billi bagħtilha kopja tas-sentenza tas‑16 ta’ Mejju 2022.

19.

Il-Kummissjoni, fil-kontroreplika tagħha, sostniet li s-sentenza tas‑16 ta’ Mejju 2022 ma setgħetx taffettwa l-legalità tad-deċiżjoni kkontestata, peress li din kellha tiġi evalwata esklużivament fid-dawl tal-elementi eżistenti fil-mument tal-adozzjoni tagħha ( 19 ).

20.

Fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali:

–

ddikjarat, b’risposta għar-raba’ motiv għal annullament, li l-amministrazzjoni setgħet tikkunsidra, ġustament, li AL kien deliberatament żgwidaha, meta ma kkomunikax it-tmiem tal-foster care mill-1 ta’ Frar 2013 ( 20 ).

–

qieset li “l-fatt li [kien] pendenti rikors quddiem il-qrati Rumeni kontra d-deċiżjoni li [kienet] ittemm il-foster care [ma kienx] rilevanti għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 85 tar-Regolamenti tal-Persunal, peress li din id-deċiżjoni effettivament ipproduċiet effetti legali mix-xahar ta’ Jannar 2013” ( 21 ).

–

qieset li l-Awtorità tal-Ħatra ma wettqitx żball ta’ evalwazzjoni meta talbet ir-rimbors tal-allowances imħallsa, wara l-adozzjoni tad-deċiżjonijiet nazzjonali tat‑30 ta’ Jannar 2013. Għalkemm mogħtija u miżmuma abbażi ta’ dokumenti konsulari li juru li l-minuri kienu jirrisjedu mal-appellant, huma l-ispejjeż ta’ manteniment ta’ dawn tal-aħħar li jiġġustifikaw l-għoti ta’ dawn l-allowances ( 22 ).

21.

Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-raba’ motiv tar-rikors għal annullament bħala infondat.

IV. Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

22.

Permezz tal-appell tiegħu ppreżentat fid‑19 ta’ Diċembru 2024, AL jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–

tannulla s-sentenza appellata;

–

tannulla d-deċiżjoni tat‑22 ta’ Ottubru 2021, sa fejn din tiċħad l-ilment imressaq kontra d-deċiżjoni tat‑22 ta’ Marzu 2021.

–

tippermettilu jifformula aggravji ġodda konnessi, jekk jiġu skoperti punti ta’ fatt jew ta’ liġi ġodda.

–

tqajjem ex officio kull aggravju ieħor ta’ interess pubbliku li hija tqis xieraq.

–

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż tagħha u għal dawk tal-appellant.

23.

Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–

tiċħad l-appell.

–

tikkundanna lill-appellant għall-ispejjeż.

V. Fuq it-tieni aggravju

24.

Fl-appell tiegħu, AL jinvoka tliet aggravji għall-annullament tas-sentenza appellata, li minnhom, kif diġà indikajt, ser nindirizza biss it-tieni wieħed. Dan l-aggravju huwa maqsum fi tliet partijiet.

A.   L-argumenti ta’ AL u tal-Kummissjoni

25.

Permezz tal-ewwel parti tat-tieni aggravju tiegħu, AL jikkritika lill-Qorti Ġenerali li żnaturat il-fatti meta ddeċidiet (punt 100 tas-sentenza appellata) li kontra d-deċiżjonijiet nazzjonali tat‑30 ta’ Jannar 2013 “[kien] pendenti rikors” quddiem il-qrati Rumeni, meta, fil-verità, dan ir-rikors kien ingħalaq permezz ta’ sentenza tas‑16 ta’ Mejju 2022, inkorporata fil-proċess bir-replika.

26.

Permezz tat-tieni parti tat-tieni aggravju, AL isostni li, wara s-sentenza tas‑16 ta’ Mejju 2022, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta affermat (punt 100 tas-sentenza appellata) li d-deċiżjonijiet nazzjonali tat‑30 ta’ Jannar 2013 kienu pproduċew effetti legali mix-xahar ta’ Jannar 2013.

27.

Permezz tat-tielet parti tat-tieni aggravju, AL isostni li l-Qorti Ġenerali ma osservatx ir-regola tal-parallelliżmu tar-rekwiżiti formali meta ddeċidiet (punt 101 tas-sentenza appellata) li l-Awtorità tal-Ħatra ma wettqitx żball ta’ evalwazzjoni meta ordnat ir-rimbors tal-allowances imħallsa, billi bbażat ruħha fuq id-deċiżjonijiet nazzjonali tat‑30 ta’ Jannar 2013.

28.

Il-Kummissjoni topponi dan l-aggravju billi tirrepeti li, sabiex tevalwa l-legalità ta’ att li jikkawża preġudizzju, il-Qorti Ġenerali għandha tqiegħed lilha nfisha fil-mument li fih l-Awtorità tal-Ħatra adottat l-att ikkontestat, jiġifieri fit‑22 ta’ Ottubru 2021. F’din id-data, il-proċedura quddiem it-Tribunalul Bucureşti (il-Qorti tal-Muniċipalità ta’ Bukarest) kienet għadha pendenti.

29.

Bl-istess mod, il-Kummissjoni tenfasizza li, fit‑22 ta’ Ottubru 2021, l-annullament ex tunc tad-deċiżjonijiet nazzjonali tat‑30 ta’ Jannar 2013 kien għadu ma ġiex deċiż.

30.

Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tiċħad it-tielet parti tat-tieni aggravju, minħabba nuqqas ta’ ċarezza u ta’ fondatezza.

B.   Evalwazzjoni

1. Osservazzjonijiet preliminari

31.

L-ewwel u t-tieni parti tat-tieni aggravju huma marbuta mill-qrib. Għalkemm minn perspettivi differenti, huma t-tnejn jikkritikaw lill-Qorti Ġenerali talli ma ħaditx inkunsiderazzjoni: a) l-għeluq tal-proċedura ta’ annullament mibdija quddiem it-Tribunalul Bucureşti (il-Qorti tal-Muniċipalità ta’ Bukarest); u (b) il-konsegwenzi tas-sentenza tas‑16 ta’ Mejju 2022 fuq l-effetti legali tad-deċiżjonijiet nazzjonali tat‑30 ta’ Jannar 2013.

32.

Preliminarjament, infakkar li s-sentenza (definittiva) tas‑16 ta’ Mejju 2022 iddikjarat in-nullità ab initio tad-deċiżjonijiet nazzjonali tat‑30 ta’ Jannar 2013. Dawn tal-aħħar għalhekk qatt ma pproduċew l-ebda effett legali. B’mod partikolari, huma ma temmewx, legalment, il-miżura ta’ foster care eżistenti fl‑2013.

33.

AL irċieva l-allowances għal ulied dipendenti sal‑31 ta’ Lulju 2013. Għaldaqstant, matul il-perijodu li matulu huwa rċieva din l-allowance, il-miżura ta’ foster care deċiża permezz tad-deċiżjoni tat‑28 ta’ Lulju 2010 kellha titqies valida u effettiva: il-minuri setgħu jiġu assimilati għal tfal dipendenti, skont l-Artikolu 2(2) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal.

34.

Għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 85 tar-Regolamenti tal-Persunal, la kien hemm somma żejda bħala allowance għal ulied dipendenti ( 23 ), u lanqas intenzjoni manifesta li “deliberatament l-amministrazzjoni tiġi mqarrqa” dwar id-data tat-tmiem tal-miżura ta’ foster care.

35.

F’dan il-kuntest, il-kritika magħmula minn AL kontra l-punt 100 tas-sentenza appellata għandha żewġ aspetti:

–

fir-rigward tal-konstatazzjoni li r-rikors għal annullament kontra d-deċiżjonijiet nazzjonali tat‑30 ta’ Jannar 2013 kien għadu pendenti, AL jinvoka espressament “żnaturament importanti tal-fatti” ( 24 );

–

fir-rigward tal-effetti tad-deċiżjonijiet nazzjonali tat‑30 ta’ Jannar 2013 mid-data ta’ meta saru definittivi, AL jikkontesta l-interpretazzjoni li l-Qorti Ġenerali għamlet tas-sentenza li annullathom.

2. L-ewwel parti tat-tieni aggravju

36.

Kif diġà indikajt, AL jikkritika lill-Qorti Ġenerali li żnaturat il-fatti billi ddikjarat li r-rikors għal annullament tad-deċiżjonijiet nazzjonali tat‑30 ta’ Jannar 2013, ippreżentat quddiem il-qorti Rumena, kien għadu pendenti, meta fir-realtà kien diġà ntemm. Huwa jikkritikaha wkoll talli ma ħaditx inkunsiderazzjoni s-sentenza (definittiva) tas‑16 ta’ Mejju 2022 li temmet dan ir-rikors għal annullament.

37.

Bħala aggravju ta’ “natura eċċezzjonali” ( 25 ), l-iżnaturament tal-fatti għandu jiġi interpretat b’mod strett. Sabiex ikunu jista’ jiġi evalwat, għandhom jiġu ssodisfatti l-kundizzjonijiet li ġejjin:

–

l-appellant għandu “jindika b’mod preċiż l-provi li[, fil-fehma tiegħu,] ġew żnaturati mill-Qorti Ġenerali u […] juri l-iżbalji ta’ analiżi li, fl-evalwazzjoni [tiegħu], [wasslu lill-Qorti Ġenerali] għal dan l-iżnaturament” ( 26 );

–

l-iżball imwettaq mill-Qorti Ġenerali għandu jirriżulta f’ineżattezza materjali tal-osservazzjonijiet tagħha, li tirriżulta b’mod ċar mill-atti tal-proċess, mingħajr ma jkun meħtieġ li ssir evalwazzjoni ġdida tal-fatti ( 27 );

–

l-iżnaturament tal-fatti, jekk jiġi stabbilit, għandu jkun ta’ natura li jaffettwa l-fondatezza tas-sentenza appellata ( 28 ).

38.

Fir-rigward tal-ewwel kundizzjoni, AL issodisfa, fil-fehma tiegħi, l-obbligu ta’ motivazzjoni u ta’ prova tal-allegazzjoni tiegħu: huwa identifika bi preċiżjoni l-fatt allegatament żnaturat u l-iżball ta’ analiżi li jirriżulta mill-iżnaturament tiegħu ( 29 ).

39.

Fir-rigward tat-tielet kundizzjoni, l-effett tas-sentenza tas‑16 ta’ Mejju 2022, li ddikjarat in-nullità ab initio tad-deċiżjonijiet nazzjonali tat‑30 ta’ Jannar 2013, jidhirli li ma jistax jiġi miċħud. Dawn tal-aħħar, kif diġà indikajt, qatt ma pproduċew l-ebda effett legali, skont il-qorti Rumena, li għandu effett qawwi fuq il-“fondatezza” tas-sentenza appellata.

40.

Min-naħa l-oħra, l-evalwazzjoni tat-tieni kundizzjoni tippreżenta diffikultajiet ikbar, minħabba l-mument li fih ingħatat is-sentenza tas‑16 ta’ Mejju 2022. Din is-sentenza ngħatat wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, iżda qabel l-għeluq tal-proċedura bil-miktub tar-rikors għal annullament pendenti quddiem il-Qorti Ġenerali.

41.

F’dan ir-rigward, ser nenfasizza żewġ aspetti rilevanti.

42.

Qabel kollox, ma huwiex ikkontestat li AL ipproduċa quddiem il-Qorti Ġenerali s-sentenza tas‑16 ta’ Mejju 2022, li ehmeż mar-replika tiegħu flimkien mat-traduzzjoni tagħha fil-lingwa tal-kawża.

43.

Lanqas ma huwa kkontestat li l-Qorti Ġenerali naqset milli tevalwa l-eżistenza u l-effetti legali tas-sentenza tas‑16 ta’ Mejju 2022 fuq id-deċiżjonijiet nazzjonali tat‑30 ta’ Jannar 2013.

44.

Jiena naqbel mal-opinjoni espressa mill-Avukat Ġenerali Mengozzi: żnaturament tal-fatti jista’ jkun konċepibbli “kemm jekk [j]irrigwarda konstatazzjoni manifestament ineżatta tal-kontenut tal-provi li ttieħdu inkunsiderazzjoni, u […] anki jekk [j]irrigwarda l-ommissjoni jew is-selezzjoni ta’ provi li jwasslu għal impressjoni manifestament qarrieqa u żbaljata tar-realtà” ( 30 ).

45.

Għalhekk ikun hemm żnaturament tal-fatti fil-preżenza ta’ ommissjoni jew ta’ għażla ta’ provi inġustifikata jew arbitrarja.

46.

Il-Kummissjoni ssostni li, f’dan il-każ, l-ommissjoni mhux biss kienet iġġustifikata, iżda meħtieġa mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-mument li fih għandha tiġi evalwata l-legalità tal-att ikkontestat, skont il-punti ta’ fatt u ta’ liġi eżistenti fid-data tal-adozzjoni tiegħu ( 31 ).

47.

Għar-raġunijiet li ser nispjega iktar ’il quddiem, inqis li dan l-argument ma jistax jintlaqa’ f’dan il-każ.

a) Elementi “eżistenti” fid-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata

48.

Il-Qorti Ġenerali kellha tibbaża l-evalwazzjoni tagħha biss fuq l-elementi eżistenti fil-mument meta l-amministrazzjoni adottat id-deċiżjoni kkontestata, fit‑22 ta’ Ottubru 2021 ( 32 )?

49.

Fil-fehma tiegħi, kemm il-Kummissjoni (fir-risposta tagħha) kif ukoll il-Qorti Ġenerali (fis-sentenza appellata) jadottaw perspettiva żbaljata meta jiddeterminaw liema punti ta’ fatt u ta’ liġi “kienu jeżistu” f’dik id-data. It-tnejn li huma jibbażaw ruħhom fuq viżjoni purament materjali tal-fatturi rilevanti, jiġifieri li:

–

fit‑22 ta’ Ottubru 2021, “kienu jeżistu”de facto (fis-sens li kienu ġew adottati) id-deċiżjonijiet nazzjonali tat‑30 ta’ Jannar 2013, li l-effetti legali tagħhom (apparenti) kienu jikkonsistu fit-tmiem tal-miżura ta’ foster care.

–

għall-kuntrarju, fit‑22 ta’ Ottubru 2021, is-sentenza tas‑16 ta’ Mejju 2022 kienet għadha “ma teżistix”. Għalhekk, ikun korrett li jiġi affermat li r-rikors għal annullament kien pendenti quddiem it-Tribunalul Bucureşti (il-Qorti tal-Muniċipalità ta’ Bukarest).

50.

Madankollu, dan l-approċċ għandu t-tendenza li jevita l-problema fundamentali mqajma mill-kawża, jiġifieri t-teħid inkunsiderazzjoni tal-effett retroattiv u sempliċement dikjaratorju tas-sentenza tas‑16 ta’ Mejju 2022, flimkien mal-awtorità tagħha ta’ res judicata.

51.

Is-sentenza tas‑16 ta’ Mejju 2022 kienet tipprekludi lill-Qorti Ġenerali milli tirrikonoxxi effett utli lid-deċiżjonijiet nazzjonali tat‑30 ta’ Jannar 2013, invalidi de jure, sabiex tiddefinixxi l-kuntest fattwali u leġiżlattiv.

52.

Billi injorat dan l-element (jiġifieri billi ma rrikonoxxietx li, fit‑22 ta’ Ottubru 2021, id-deċiżjonijiet nazzjonali tat‑30 ta’ Jannar 2013 ma setgħux jiġu aċċettati bħala validi), il-Qorti Ġenerali injorat l-effett retroattiv tas-sentenza tas‑16 ta’ Mejju 2022 ( 33 ). Hija, għalhekk, żnaturat il-fatt essenzjali tat-tilwima, jiġifieri, is-sitwazzjoni tal-minuri fir-rigward ta’ AL, u l-komprensjoni tad-dritt Rumen applikabbli ratione temporis għall-fatti.

53.

Fil-kuntest tal-konstatazzjoni tal-iżnaturament tal-fatti, il-fatt li n-nullità tad-deċiżjonijiet nazzjonali tat‑30 ta’ Jannar 2013 irriżultat minn sentenza definittiva mogħtija wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata huwa irrilevanti jekk — bħalma huwa l-każ hawnhekk — il-formulazzjoni ta’ din is-sentenza turi li l-effetti legali tagħha huma retroattivi għal data preċedenti.

54.

Is-sentenza tas‑16 ta’ Mejju 2022, nirrepeti, biddlet is-sitwazzjoni“eżistenti” f’Jannar 2013, billi ddikjarat mingħajr ekwivoku, b’mod retroattiv, in-nullità assoluta tad-deċiżjonijiet nazzjonali tat‑30 ta’ Jannar 2013. Dawn tal-aħħar kienu ġew eliminati radikalment (ex tunc) mill-ordinament ġuridiku Rumen.

55.

Barra minn hekk, is-sentenza tas‑16 ta’ Mejju 2022 ma kellhiex effett kostituttiv awtonomu: hija llimitat ruħha li “tikkonstata” id-difett li affettwa d-deċiżjonijiet nazzjonali tat‑30 ta’ Jannar 2013 sa mill-oriġini tagħhom ( 34 ). Billi annullat dawn id-deċiżjonijiet nazzjonali, il-qorti Rumena reġgħet stabbilixxiet is-sitwazzjoni legali preċedenti, kif kienet teżisti qabel l-adozzjoni tagħhom (sitwazzjoni ddefinita mid-deċiżjoni tat‑28 ta’ Lulju 2010) ( 35 ).

56.

Fl-aħħar nett, is-sentenza tas‑16 ta’ Mejju 2022 kienet ir-risposta definittiva (u finali) ta’ qorti Rumena għar-rikors fejn kienet ikkontestata l-validità ta’ att nazzjonali, li fuqu l-Qorti Ġenerali ma kellhiex ġurisdizzjoni. Din kellha taċċetta l-evalwazzjonijiet tal-qorti Rumena u tirrikonoxxi l-awtorità ta’ res judicata ta’ dik is-sentenza ( 36 ).

57.

Fid-dawl tal-kontenut tas-sentenza tas‑16 ta’ Mejju 2022, is-sitwazzjoni li kienet teżisti fit‑22 ta’ Ottubru 2021 kellha, nirrepeti, tiġi evalwata fis-sens li l-foster care li kien jeżisti fit‑22 ta’ Ottubru 2021 ma kienx inbidel, de jure, bid-deċiżjonijiet nazzjonali tat‑30 ta’ Jannar 2013.

58.

Sabiex jintlaħaq il-limitu ta’ żnaturament tal-fatti, huwa neċessarju li l-Qorti Ġenerali tkun “manifestament qabżet il-limiti ta’ evalwazzjoni raġonevoli” tal-provi inklużi fil-proċess ( 37 ). L-interpretazzjoni proposta mill-parti li tinvokaha għandha tkun l-unika waħda li tista’ tingħata lid-dokumenti prodotti. L-evalwazzjoni diverġenti ta’ dawn id-dokumenti mill-Qorti Ġenerali għandha tiżvela żnaturament tal-kontenut tagħhom, “b’mod li huwa manifestament kuntrarju għall-kliem tagħhom” ( 38 ).

59.

Inqis li dan huwa l-każ f’din il-kawża.

60.

Il-formulazzjoni tas-sentenza tas‑16 ta’ Mejju 2022 ma tippermettix interpretazzjoni oħra ħlief dik ibbażata fuq in-nullità ab initio u ex tunc tad-deċiżjonijiet nazzjonali tat‑30 ta’ Jannar 2013 ( 39 ). Il-qari ta’ din is-sentenza ma jsostnix interpretazzjoni oħra tal-fatti magħmula fil-punt 100 tas-sentenza appellata.

61.

Dak li ntqal iktar ’il fuq huwa biżżejjed sabiex jiġi konkluż li l-Qorti Ġenerali żnaturat il-fatti f’dak li jirrigwarda l-istat tar-rikors quddiem it-Tribunalul Bucureşti (il-Qorti tal-Muniċipalità ta’ Bukarest) u r-rilevanza tas-sentenza tas‑16 ta’ Mejju 2022, bħala fattur ewlieni għall-applikazzjoni tal-Artikolu 85 tar-Regolamenti tal-Persunal.

62.

Loġikament, meta adottat id-deċiżjoni kkontestata (fit‑22 ta’ Ottubru 2021), l-amministrazzjoni ma kinitx taf bl-eżistenza tas-sentenza tas‑16 ta’ Mejju 2022 u n-nullità assoluta tad-deċiżjonijiet nazzjonali tat‑30 ta’ Jannar 2013. Madankollu, dan in-nuqqas ta’ għarfien ma jaffettwax dak li għadni kif għidt, kif ser nispjega iktar ’il quddiem.

b) Ir-rekwiżit ta’ għarfien minn qabel, mill-amministrazzjoni, tal-elementi “eżistenti” fid-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata

63.

Fl-astratt, jista’ jiġi sostnut li l-elementi li fuqhom hija bbażata l-evalwazzjoni tal-legalità ta’ deċiżjoni kkontestata għandhom ikunu mhux biss “eżistenti” fil-mument tal-adozzjoni ta’ din tal-aħħar, iżda wkoll “magħrufa” mill-amministrazzjoni awtriċi tal-att ( 40 ).

64.

Madankollu, inqis li l-għarfien minn qabel tal-amministrazzjoni ma huwiex kundizzjoni indispensabbli. Il-ġurisprudenza dwar l-istħarriġ tal-legalità (li tirrikonoxxi l-awtonomija deċiżjonali tal-amministrazzjoni fil-konfront tal-Qorti Ġenerali) ( 41 ) tippermetti li titwarrab in-neċessità tal-għarfien minn qabel f’każijiet speċifiċi.

65.

Ir-rekwiżit li l-amministrazzjoni kienet f’pożizzjoni li tkun taf u li tevalwa, minn qabel u b’mod awtonomu, il-punti ta’ fatt u ta’ liġi li fuqhom huwa bbażat l-istħarriġ tal-legalità tal-att li jikkawża preġudizzju huwa, skont il-każ, superfluwu ( 42 ) jew, għall-kuntrarju, indispensabbli ( 43 ), fil-kuntest ta’ dan l-istħarriġ.

66.

Il-varjazzjonijiet fit-trattament irriżervat għar-rekwiżit ta’ għarfien minn qabel (mill-amministrazzjoni) jiddependu: a) mill-istruttura u mill-għanijiet imfittxija mill-proċedura amministrattiva fid-diversi oqsma tad-dritt tal-Unjoni; u (b) mid-differenza fil-bilanċ bejn dawn l-għanijiet u l-interess (oppost) tad-destinatarju ta’ att li jikkawża preġudizzju, li jibbenefika mid-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva ( 44 ).

67.

Il-punt ta’ bilanċ inerenti fil-qasam tas-servizz pubbliku jimplika l-ibbilanċjar raġunat ta’ żewġ elementi distinti:

–

minn naħa, l-għanijiet speċifiċi tal-ilment previst fil-qasam tas-servizz pubbliku, b’mod partikolari fil-każijiet dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 85 tar-Regolamenti tal-Persunal;

–

min-naħa l-oħra, il-konsegwenzi ta’ interpretazzjoni restrittiva li tista’ tippreġudika d-dritt ta’ rikorrent għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva (b’mod partikolari, id-drittijiet tad-difiża tiegħu).

68.

Fir-rigward tal-ewwel element, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat “il-prinċipju mfakkar minn ġurisprudenza stabbilita, li l-Artikolu 91 tar-Regolamenti tal-Persunal għandu l-għan li jippermetti u jiffavorixxi ftehim bonarju tat-tilwim bejn l-uffiċjali u l-amministrazzjoni. Sabiex jiġi ssodisfatt dan ir-rekwiżit, jeħtieġ li din tal-aħħar tkun f’pożizzjoni li tkun taf bi preċiżjoni suffiċjenti l-ilmenti jew ix-xewqat tal-persuna kkonċernata” sa mill-istadju tal-ilment ( 45 ).

69.

Fir-rigward, b’mod iktar partikolari, tal-Artikolu 85 tar-Regolamenti tal-Persunal, dan huwa intiż li jipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Unjoni: ( 46 ) ladarba jiġu stabbiliti l-kundizzjonijiet neċessarji għall-applikazzjoni tiegħu, l-amministrazzjoni hija obbligata tipproċedi għall-irkupru sħiħ tas-somom imħallsa indebitament.

70.

Issa, fil-kuntest tal-Artikolu 85 tar-Regolamenti tal-Persunal, l-ilment ma huwiex daqstant intiż sabiex jintlaħaq ftehim bonarju veru, ibbażat fuq konċessjonijiet reċiproċi bejn il-partijiet, iżda, iktar sabiex jiġi evitat l-użu inutli tal-mezz kontenzjuż.

71.

Minn din il-perspettiva, l-intervent tal-uffiċjal lanjant jippermetti lill-amministrazzjoni tikseb kjarifiki dwar il-kundizzjonijiet oġġettivi u suġġettivi ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 85 tar-Regolamenti tal-Persunal u, jekk ikun il-każ, li tirrettifika deċiżjoni preċedenti fid-dawl tal-provi l-ġodda miġbura.

72.

Ir-rekwiżit li evalwazzjoni tal-legalità tal-azzjoni tal-amministrazzjoni tkun limitata għall-elementi effettivament magħrufa fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata jista’, f’ċerti ċirkustanzi, jillimita d-drittijiet tad-difiża tar-rikorrent.

73.

B’mod partikolari, ikun hemm restrizzjoni indebita jekk rikorrent ma jkunx jista’ jissottometti lill-qorti tal-Unjoni l-elementi kollha li, anki jekk jiġu skoperti sussegwentement, ikunu rilevanti għad-difiża tiegħu, sa fejn dawn ikollhom effett fuq il-legalità tal-att li jikkawżalu preġudizzju.

74.

B’mod ġenerali, fil-preżenza ta’ deċiżjoni amministrattiva li diġà saret definittiva, minħabba l-iskadenza tat-termini għat-tressiq ta’ lment u għall-preżentata ta’ rikors, il-Qorti tal-Ġustizzja ( 47 ) tasal għal bilanċ bejn dan l-għan u d-drittijiet tad-difiża tar-rikorrent, billi tippermettilu jitlob lill-amministrazzjoni, f’terminu raġonevoli ( 48 ), eżami mill-ġdid tas-sitwazzjoni tiegħu, meta jseħħ fatt ġdid u “sostanzjali” ( 49 ). Rikorrent jista’ jikkontesta quddiem il-Qorti Ġenerali l-legalità tad-deċiżjoni adottata wara dan l-eżami ulterjuri.

75.

Din is-soluzzjoni tippreżerva kemm l-awtonomija deċiżjonali tal-amministrazzjoni kif ukoll id-drittijiet tad-difiża tar-rikorrent, li b’hekk tevita n-natura definittiva ta’ deċiżjoni preċedenti.

76.

Sakemm mhux qiegħed niżbalja, il-Qorti tal-Ġustizzja għad ma kellhiex l-okkażjoni li tiddeċiedi dwar każ bħal dak inkwistjoni, fejn il-fatt ġdid ( 50 ) u sostanzjali jitnissel meta d-deċiżjoni kkontestata tkun għadha ma saritx definittiva, peress li r-rikors ippreżentat kontriha quddiem il-Qorti Ġenerali għadu pendenti (Artikolu 270 TFUE).

77.

F’tali każ, interpretazzjoni restrittiva tal-ġurisprudenza li torbot il-konformità mad-dritt ta’ att li jikkawża preġudizzju mal-elementi mhux biss eżistenti, iżda wkoll magħrufa mill-amministrazzjoni:

–

tkun tipprekludi lill-Qorti Ġenerali milli tieħu inkunsiderazzjoni fatti li seħħew wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, minkejja l-inklużjoni tagħhom fil-ħin fil-proċess u l-eventwali portata retroattiva tagħhom;

–

tkun tobbliga lir-rikorrent, bħala kundizzjoni tad-dritt tiegħu li jinvoka l-elementi kollha skaġonanti eżistenti, li jerġa’ jressaq il-każ quddiem l-amministrazzjoni sabiex isostni fatti ġodda u sostanzjali b’rabta ma’ deċiżjonijiet diġà definittivi.

78.

Fiċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ, la jkun raġonevoli u lanqas proporzjonat li AL jintalab iressaq ilment ġdid quddiem l-amministrazzjoni.

79.

Ir-rekwiżit li AL jitlob eżami mill-ġdid min-naħa tal-amministrazzjoni (bl-uniku għan li jippermetti lil din, jekk ikun il-każ, li tevita r-rikors għal rimedju kontenzjuż fir-rigward ta’ dan il-fatt ġdid u sostanzjali) ma huwiex iġġustifikat meta diġà kien hemm proċedura ġudizzjarja dwar l-effett ta’ dan l-istess fatt fuq il-legalità tad-deċiżjoni kkontestata ( 51 ).

80.

Tali rekwiżit imur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan imfittex u tiġi ppreżervata amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja. Barra minn hekk, dan jikkostitwixxi ostakolu sabiex il-kawża tiġi deċiża, fil-mertu u malajr, mill-qorti tal-Unjoni.

81.

Fil-fehma tiegħi, kieku kklassifikatu bħala fatt “ġdid u sostanzjali”, il-Qorti Ġenerali kienet tkun f’pożizzjoni li tevalwah, direttament u b’mod awtonomu, ladarba debitament iddaħħal fil-proċess u kien suġġett għal dibattitu kontradittorju bejn il-partijiet. Hija kienet tkun tista’, għalhekk, tislet il-konklużjonijiet tagħha stess fir-rigward tal-effett ta’ dan il-fatt fuq il-legalità tal-azzjoni amministrattiva fid-data inkwistjoni.

82.

Is-soluzzjoni li nirrakkomanda jidhirli, barra minn hekk, li hija konformi mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-konkordanza bejn l-ilment u r-rikors.

83.

Bħala prinċipju, ir-regola ta’ konkordanza, l-istess bħal dik dwar l-istħarriġ tal-legalità, tirrestrinġi l-possibbiltà li jitressqu direttament quddiem il-qorti, matul il-fażi kontenzjuża, elementi u motivi li ma jkunux ġew invokati u diskussi fil-kuntest tal-ilment amministrattiv imressaq qabel.

84.

Issa, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li tali lment, filwaqt li huwa obbligatorju, “ma għandux l-għan li jorbot, b’mod rigoruż u definittiv, il-fażi kontenzjuża eventwali, bil-kundizzjoni li r-rikors ġudizzjarju la jbiddel il-kawża u lanqas is-suġġett tal-ilment” ( 52 ). “Il-kunċett ġenerali kemm tal-proċedura prekontenzjuża kif ukoll dik kontenzjuża jmur kontra interpretazzjoni tal-Artikolu 91(2) li, meħuda litteralment, sempliċement ittawwal inutilment il-proċedura” ( 53 ).

85.

Dawn il-kunsiderazzjonijiet jistgħu jiġu estrapolati għal-limitazzjoni stabbilita mill-ġurisprudenza dwar l-istħarriġ tal-legalità. It-tnaqqis tas-setgħa ta’ evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali ma għandux imur sal-punt li jirrestrinġi l-possibbiltà li jittieħdu inkunsiderazzjoni elementi prodotti mir-rikorrent li, mingħajr ma jbiddlu s-suġġett jew il-portata tat-tilwima, huma marbuta ma’ motivi diġà invokati u li għandhom l-għan li jiġu stabbiliti l-elementi effettivament eżistenti fid-data inkwistjoni.

86.

Fil-kuntest tal-Artikolu 85 tar-Regolamenti tal-Persunal, l-amministrazzjoni ma għandhiex, fir-realtà, marġni ta’ evalwazzjoni. Ir-rwol tagħha huwa limitat għall-verifika tal-eżistenza tal-kundizzjonijiet oġġettivi (eżistenza ta’ ħlas indebitu) u suġġettivi (għarfien jew prova tal-irregolarità tal-ħlas) li jiġġustifikaw l-applikazzjoni ta’ dik id-dispożizzjoni.

87.

Għalhekk, ma hemmx riskju ta’ sostituzzjoni tal-motivazzjoni (li l-ġurisprudenza dwar l-istħarriġ tal-legalità għandha l-għan li tevita) ( 54 ) jekk il-Qorti Ġenerali tikkonstata li l-kundizzjonijiet oġġettivi jew suġġettivi mfakkra iktar ’il fuq ma humiex issodisfatti.

88.

Dawn il-kunsiderazzjonijiet iwassluni sabiex nikkonferma li n-nuqqas ta’ għarfien minn qabel, mill-amministrazzjoni, tan-nullità tad-deċiżjonijiet nazzjonali tat‑30 ta’ Jannar 2013 ma kienx jipprekludi l-istħarriġ tal-legalità tad-deċiżjoni kkontestata, mill-Qorti Ġenerali.

89.

Il-Qorti Ġenerali kellha tosserva l-effett retroattiv tas-sentenza tas‑16 ta’ Mejju 2022, sabiex tiddetermina l-elementi “eżistenti”, minn perspettiva legali, fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. Billi naqset milli tagħmel dan, hija wettqet żnaturament tal-fatti.

90.

Is-soluzzjoni li nipproponi hija konformi maċ-ċirkustanzi speċifiċi ta’ dan il-każ. Ma naħsibx li dan l-appell huwa l-okkażjoni xierqa sabiex tittieħed deċiżjoni fir-rigward tad-diskrepanza apparenti bejn is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-limiti tal-istħarriġ tal-legalità ( 55 ). Kieku kellha tingħata preferenza lil linja ta’ ġurisprudenza fuq oħrajn, jiena tal-fehma li għandha tiġi ġġeneralizzata dik esposta fis-sentenza Galp Energía España.

91.

Konsegwentement, l-ewwel parti tat-tieni aggravju għandha tiġi milqugħa. Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja taqbel ma’ dan, ma jkunx indispensabbli li jiġi analizzat il-kumplament ta’ dan it-tieni aggravju. Fi kwalunkwe każ, ser nagħmel dan b’mod sussidjarju.

3. It-tieni parti tat-tieni aggravju

92.

AL jikkritika lill-Qorti Ġenerali talli ddikjarat li d-deċiżjonijiet nazzjonali tat‑30 ta’ Jannar 2013 ipproduċew effetti legali mix-xahar ta’ Jannar 2013. Skont dan, fil-mument tal-għoti tas-sentenza appellata, diġà ġie stabbilit li dawn id-deċiżjonijiet kienu vvizzjati b’nullità assoluta u għalhekk qatt ma kienu pproduċew effett ġuridiku.

93.

AL jikkritika l-interpretazzjoni li l-Qorti Ġenerali għamlet tad-dritt Rumen applikabbli, mhux biss f’dak li jirrigwarda l-validità tad-deċiżjonijiet nazzjonali tat‑30 ta’ Jannar 2013, iżda wkoll, b’mod indirett, f’dak li jirrigwarda l-effett ratione temporis tal-miżura ta’ foster care ( 56 ).

94.

Għalkemm AL ma invokax f’din il-parti tat-tieni aggravju, tal-inqas b’mod espress, l-iżnaturament tad-dritt Rumen, inqis li tali kritika hija impliċita u tirriżulta, loġikament, mill-ewwel parti tal-aggravju tiegħu.

95.

Hemm rabta mill-qrib bejn il-“fatt” li AL jallega żnaturament tiegħu (l-eżistenza tas-sentenza tas‑16 ta’ Mejju 2022) u d-“dritt” applikabbli (il-konsegwenzi legali ta’ din is-sentenza fuq id-deċiżjonijiet nazzjonali tat‑30 ta’ Jannar 2013) ( 57 ).

96.

Ikun formaliżmu eċċessiv li tiġi miċħuda l-ammissibbiltà tat-tieni parti tat-tieni aggravju għas-sempliċi raġuni li AL ma użax, meta fformulah, it-terminu “żnaturament”. Sabiex jiġi evalwat jekk dan seħħx, fir-rigward tad-dritt Rumen, huwa biżżejjed li jiġi vverifikat jekk il-kundizzjonijiet diġà deskritti fil-punti preċedenti ta’ dawn il-konklużjonijiet humiex issodisfatti ( 58 ).

97.

Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, ikun hemm żnaturament tad-dritt meta “l-Qorti Ġenerali [tkun] wettqet evalwazzjonijiet li manifestament imorru kontra l-kontenut tad-dispożizzjonijiet ta’ dik il-leġiżlazzjoni jew tat lil dawn tal-aħħar portata li mhix dovuta lilhom” ( 59 ).

98.

B’mod partikolari, fil-kuntest ta’ appell, “il-Qorti tal-Ġustizzja hija kompetenti sabiex teżamina, l-ewwel nett, jekk il-Qorti Ġenerali, abbażi tad-dokumenti u tal-atti l-oħra li ġew ippreżentati quddiemha, żnaturatx il-formulazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni jew il-ġurisprudenza nazzjonali relatata magħhom jew inkella d-duttrina legali li tittrattahom, it-tieni nett, jekk il-Qorti Ġenerali għamlitx, fid-dawl ta’ dawn l-elementi, konstatazzjonijiet li jmorru manifestament kontra l-kontenut tagħhom u, fl-aħħar nett, jekk il-Qorti Ġenerali, fil-kuntest tal-eżami tal-elementi kollha, tatx lil wieħed minn dawn l-elementi, sabiex tikkonstata l-kontenut tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni, portata li ma tixraqlux meta mqabbel mal-elementi l-oħra, sa fejn dan jirriżulta b’mod manifest mill-atti tal-proċess” ( 60 ).

99.

Għaldaqstant, hija l-Qorti Ġenerali li għandha l-obbligu li “teżamina l-elementi kollha”, validament inklużi fil-proċess, sabiex tattribwixxi lil kull wieħed minnhom il-portata li għandu “meta mqabbel mal-elementi l-oħra”.

100.

F’din il-kawża, il-Qorti Ġenerali kellha tiddetermina, “abbażi tad-dokumenti u tal-atti l-oħra li ġew ippreżentati quddiemha”, il-portata ratione temporis eżatta tal-miżura ta’ foster care. Sabiex dan isir b’mod korrett, kien indispensabbli li jiġu evalwati d-deċiżjonijiet Rumeni kollha mogħtija f’dan ir-rigward, inkluża s-sentenza tas‑16 ta’ Mejju 2022, kif ukoll ir-relazzjoni eżistenti bejniethom.

101.

Għar-raġunijiet li diġà esponejt, billi aċċettat li d-deċiżjonijiet nazzjonali tat‑30 ta’ Jannar 2013 kienu pproduċew effetti legali mix-xahar ta’ Jannar 2013, il‑Qorti Ġenerali tathom portata li ma kellhomx, skont l-ordinament ġuridiku li kienu ġejjin minnu.

102.

Konsegwentement, kien hemm evalwazzjoni manifestament żbaljata, skont id-dritt Rumen, tal-portata ratione temporis tal-miżura ta’ foster care. Din l-evalwazzjoni kellha effett, kemm dirett kif ukoll żbaljat, fuq l-applikazzjoni tal-Artikolu 85 tar-Regolamenti tal-Persunal ( 61 ).

103.

Għaldaqstant, inqis li anki t-tieni parti tat-tieni aggravju għandha tintlaqa’.

4. It-tielet parti tat-tieni aggravju

104.

Fid-dawl tas-soluzzjoni li jiena nipproponi fir-rigward tal-ewwel u tat-tieni parti tat-tieni aggravju, ma huwiex neċessarju li tingħata deċiżjoni dwar it-tielet parti. Madankollu, ser nagħmel dan fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tieħu pożizzjoni differenti.

105.

F’din il-parti tat-tieni aggravju, AL jirriproduċi, kważi kelma b’kelma, il-motivi invokati quddiem il-Qorti Ġenerali ( 62 ), mingħajr ma jinkludi argument intiż speċifikament sabiex jidentifika l-iżball ta’ liġi fis-sentenza appellata.

106.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-tielet parti tat-tieni aggravju ma tissodisfax ir-rekwiżiti tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea kif ukoll tal-Artikoli 168(1)(d) u 169 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, b’tali mod li għandha tiġi kkunsidrata bħala inammissibbli.

107.

Fil-qosor, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tilqa’ l-ewwel u t-tieni parti tat-tieni aggravju u tannulla l-punti korrispondenti tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali.

VI. Dwar ir-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali

108.

Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, fil-każ ta’ annullament tad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali, jew hija stess tiddeċiedi definittivament il-kawża, meta din tkun fi stat li tiġi deċiża, jew tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din tiddeċidiha.

109.

Minħabba n-natura limitata tal-analiżi tiegħi tal-appell, li hija limitata għat-tieni aggravju tiegħu, ma nistax nissuġġerixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi definittivament il-kawża.

110.

Kont inkun nista’ nagħmel dan kieku hemm biss dan l-aggravju, minflok ma tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali għal deċiżjoni, peress li l-kunsiderazzjonijiet esposti iktar ’il fuq iwasslu unikament għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata.

VII. Fuq l-ispejjeż

111.

Għal dawn l-istess raġunijiet, ma huwiex xieraq li nesprimi ruħi dwar l-ispejjeż.

VIII. Konklużjoni

112.

Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal iktar ’il fuq, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tilqa’ t-tieni aggravju ppreżentat kontra s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal‑10 ta’ April 2024, AL vs Il‑Kummissjoni (T‑50/22, EU:T:2024:220), u tannulla l-parti ta’ din is-sentenza li hija kkonċernata minn dan l-aggravju.


( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ispanjol.

( 2 ) Fis‑27 ta’ Settembru 2021, wara proċedura dixxiplinari, l-Awtorità tal-Ħatra (iktar ’il quddiem l-“Awtorità tal-Ħatra” jew l-“amministrazzjoni”) fi ħdan il-Kunsill iddeċidiet li tneħħi lill-appellant mis-servizz. AL ikkontesta din id-deċiżjoni quddiem il-Qorti Ġenerali, li kkonfermatha permezz tas-sentenza tal‑10 ta’ April 2024, AL vs Il‑Kunsill (T‑22/22, EU:T:2024:219), li kontriha AL ippreżenta appell li għadu pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja (Kawża C‑893/24 P, AL vs Il-Kunsill).

( 3 ) T‑50/22, EU:T:2024:220 (iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”). Fuq talba tal-Qorti tal-Ġustizzja, f’dawn il-konklużjonijiet ser nindirizza biss it-tieni aggravju.

( 4 ) Ir-rikors għal annullament quddiem il-Qorti Ġenerali kien dirett kontra d-deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ħatra tat‑22 ta’ Ottubru 2021 [Ares (2021)6909466], li tiddeċiedi dwar l-ilment imressaq minn AL kontra deċiżjoni preċedenti tat‑22 ta’ Marzu 2021 (Ares(2021)2023374) li tordna r-rimbors ta’ ċerti allowances tal-familja mħallsa favurih. Fil-punti 17 u 21 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali qieset li r-rikors għal annullament, għalkemm formalment intiż kontra ċ-ċaħda tal-ilment, kellu l-effett li jressaq quddiem il-qorti tal-Unjoni l-att li jikkawża preġudizzju oriġinali. Għalhekk, iktar ’il quddiem, ser nuża l-espressjoni “deċiżjoni kkontestata” biex nirreferi, b’mod ġenerali, għaż-żewġ deċiżjonijiet, ikkunsidrati flimkien. Madankollu, meta jkun neċessarju li ssir distinzjoni bejniethom, ser nuża l-espressjonijiet “deċiżjoni tat‑22 ta’ Marzu 2021” u “deċiżjoni tat‑22 ta’ Ottubru 2021”.

( 5 ) Regolament Nru 31 (KEE), Nru 11 (KEFA) li jistabbilixxi r-Regolamenti tal-Persunal tal-uffiċjali u l-kondizzjonijiet ta’ impjieg ta’ uffiċjali oħra tal-Komunità Ekonomika Ewropea u tal-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (ĠU 1962, L 45, p. 1385; EE 01/01, p. 19), kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 723/2004 tat‑22 ta’ Marzu 2004 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 2, p. 130, rettifiki fil-ĠU 2007, L 248, p. 26, ĠU 2012, L 130, p. 24, ĠU2012, L 342, p. 48, ĠU 2016, L 289, p. 21, ĠU L 2025/90247); iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal”.

( 6 ) Id-deċiżjonijiet tal-Comisia pentru protecţia copilului — Sectorului 5 Bucureşti (il-Kummissjoni għall-Protezzjoni tat-Tfal) — Settur 5 ta’ Bukarest, ir-Rumanija) Nri 107 u 108, tat‑28 ta’ Lulju 2010 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tat‑28 ta’ Lulju 2010”).

( 7 ) Inizjalment, l-allowance ngħatat għall-perijodu mill‑1 ta’ Awwissu 2010 sal‑31 ta’ Lulju 2011. Sussegwentement, din ġiet imġedda darbtejn, għall-perijodi mill‑1 ta’ Awwissu 2011 sal‑31 ta’ Lulju 2012 u mill‑1 ta’ Awwissu 2012 sal‑31 ta’ Lulju 2013.

( 8 ) Iktar ’il quddiem id-“deċiżjonijiet nazzjonali tat‑30 ta’ Jannar 2013”.

( 9 ) Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 14 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 10 ) Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/792 tat‑13 ta’ Mejju 2019 li tafda f’idejn il-Kummissjoni Ewropea — l-Uffiċċju tal-Amministrazzjoni u l-Ħlas tal-Intitolamenti Individwali (PMO) — l-eżerċizzju ta’ ċerti setgħat mogħtija lill-awtorità tal-ħatra u l-awtorità bis-setgħa li tikkonkludi l-kuntratti ta’ reklutaġġ (ĠU 2019, L 129, p. 3).

( 11 ) Skont il-Kummissjoni, billi ma informahiex immedjatament bil-bidla importanti tas-sitwazzjoni familjari tiegħu, li seħħet wara d-deċiżjonijiet nazzjonali tat‑30 ta’ Jannar 2013, AL deliberatament qarraq bl-amministrazzjoni sabiex jikseb il-ħlas tal-allowance, fis-sens tat-tieni sentenza tal-Artikolu 85(2) tar-Regolamenti tal-Persunal.

( 12 ) Dan ir-rikors, ippreżentat tmien snin wara l-adozzjoni tad-deċiżjonijiet ikkontestati, ma jidhirx li huwa daqshekk tardiv jekk wieħed jiffoka fuq kuntest fattwali usa’. Mir-rapport finali tal-investigazzjoni tal-OLAF fil-Każ Nru OF/2016/0928/A1 jirriżulta li, din l-investigazzjoni inbdiet fit‑8 ta’ Novembru 2016, AL ġie informat bil-ftuħ tagħha fit‑22 ta’ Lulju 2020 u rċieva notifika tar-rapport finali f’Diċembru 2020. Għalhekk huwa verosimili li, fid-dawl tan-nuqqas ta’ notifika tad-deċiżjonijiet nazzjonali tat‑30 ta’ Jannar 2013, l-eżistenza tagħhom ġiet skoperta fil-kuntest tal-investigazzjoni tal-OLAF u li AL sar jaf bihom b’mod sħiħ biss f’mument bejn Lulju u Diċembru 2020.

( 13 ) Sentenza Ċivili Nru 844, tas‑16 ta’ Mejju 2022, ECLI:RO:TBBUC:2022:013:000844 (iktar ’il quddiem is-“sentenza tas‑16 ta’ Mejju 2022”).

( 14 ) Is-sentenza tas‑16 ta’ Mejju 2022 ikkonfermat l-assenza ta’ prova ta’ notifika xierqa tad-deċiżjonijiet nazzjonali tat‑30 ta’ Jannar 2013, iżda prinċipalment rabtet in-nullità assoluta tagħhom mal-ksur ta’ regoli imperattivi intiżi sabiex jiggarantixxu l-aħjar interess tal-minuri. B’mod partikolari, la l-ġenituri bijoloġiċi u lanqas il-ġenituri foster ma ssejħu regolarment għal smigħ qabel l-adozzjoni ta’ dawk id-deċiżjonijiet. Barra minn hekk, il-minuri ma nstemgħux qabel l-adozzjoni tagħhom, sabiex tinkiseb l-opinjoni tagħhom.

( 15 ) Din id-differenza hija dovuta għall-fatt li, f’April 2013, AL kien ressaq talba għall-adozzjoni ta’ wieħed miż-żewġ minuri u li ngħata allowances għal dan il-għan, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(2) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal. Fir-rigward tal-minuri l-ieħor, l-ordni ta’ rkupru tkopri l-perijodu mill‑1 ta’ Frar sal‑31 ta’ Lulju 2013.

( 16 ) Paġna 27 tal-verżjoni Ingliża tad-deċiżjoni tat‑22 ta’ Ottubru 2021.

( 17 ) Rikors quddiem il-Qorti Ġenerali, punti 110 sa 119.

( 18 ) Rikors quddiem il-Qorti Ġenerali, punt 121.

( 19 ) Kontroreplika tal-Kummissjoni quddiem il-Qorti Ġenerali, punti 30 sa 32. Fir-rigward tan-nuqqas ta’ notifika tad-deċiżjonijiet nazzjonali tat‑30 ta’ Jannar 2013, l-amministrazzjoni “ma kinitx tikkunsidra li kien plawżibbli” li AL ma kienx jaf bl-eżistenza ta’ deċiżjoni meħuda fil-kuntest ta’ proċedura li huwa stess kien beda.

( 20 ) Fil-punti 94 sa 98 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali qablet mal-pożizzjoni adottata mill-amministrazzjoni, kif riprodotta fin-nota preċedenti. Minkejja n-nuqqas ta’ notifika tad-deċiżjonijiet nazzjonali tat‑30 ta’ Jannar 2013, kien AL li kellu jitlob informazzjoni direttament mingħand l-awtoritajiet Rumeni, f’każ ta’ dubju dwar l-eżitu tat-talba tiegħu (punti 96 sa 98 tas-sentenza appellata).

( 21 ) Punt 100 tas-sentenza appellata. Korsiv miżjud minni.

( 22 ) Punt 101 tas-sentenza appellata.

( 23 ) Huwa minnu li, fid-dawl tal-espożizzjoni tal-fatti, l-allowance għal ulied dipendenti ngħatat sal‑31 ta’ Lulju 2013, minkejja li d-deċiżjoni tat‑28 ta’ Lulju 2010 kienet stabbilixxiet li l-foster care għandu jintemm fis‑27 ta’ Lulju 2013. Madankollu, anki li kieku kien hemm ħlas indebitu tal-allowance li jikkorrispondi għall-qbiż b’erbat ijiem, it-talba tal-amministrazzjoni tkun attwalment preskritta, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 85 tar-Regolamenti tal-Persunal, fl-assenza ta’ dolo speċifiku meħtieġ sabiex jippermetti li t-terminu ma jiġix infurzat fil-konfront tal-Awtorità tal-Ħatra.

( 24 ) Il-punt 15 tal-appell.

( 25 ) Sentenza tal‑20 ta’ Ottubru 2011, PepsiCo vs Grupo Promer Mon Graphic (C‑281/10 P, EU:C:2011:679, punt 78).

( 26 ) Loc. ult. cit.

( 27 ) Sentenza tal‑1 ta’ Awwissu 2025, Franza u Il‑Kummissjoni vs CWS Powder Coatings et (C‑71/23 P u C‑82/23 P, EU:C:2025:601, punt 67).

( 28 ) Fl-assenza ta’ tali rekwiżit, l-aggravju għandu jiġi miċħud bħala ineffettiv: sentenzi tal‑1 ta’ Frar 2007, Sisón vs Il‑Kunsill (C‑266/05 P, EU:C:2007:75, punti 71 u 72); u tal-5 ta’ Ġunju 2012, Il‑Kummissjoni vs EDF (C‑124/10 P, EU:C:2012:318, punt 109).

( 29 ) Punti 15 sa 19 tal-appell.

( 30 ) Konklużjonijiet ippreżentati fil-kawżi magħquda ArcelorMittal Tubular Products Ostrava et vs Il‑Kunsill u Il‑Kunsill vs Hubei Xinyegang Steel (C‑186/14 P u C‑193/14 P, EU:C:2015:767), punt 72.

( 31 ) Sentenza tas‑7 ta’ Frar 1979, Franza vs Il‑Kummissjoni (15/76, EU:C:1979:29, punt 7). Dan il-prinċipju japplika b’mod kostanti u trasversali: ara s-sentenzi tas‑17 ta’ Mejju 2001, IECC vs Il‑Kummissjoni (C‑449/98 P, EU:C:2001:275, punt 87) (kompetizzjoni); tat‑22 ta’ Diċembru 2008, Centeno Mediavilla et vs Il‑Kummissjoni (C‑443/07 P, EU:C:2008:767, punt 110) (servizz pubbliku); tat‑3 ta’ Settembru 2015, Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il‑Kummissjoni (C‑398/13 P, EU:C:2015:535, punt 22) (rikors għal annullament kontra att leġiżlattiv); tal‑10 ta’ Settembru 2019, HTTS vs Il‑Kunsill (C‑123/18 P, EU:C:2019:694, punti 37 u 38) (Miżuri restrittivi); u tal‑4 ta’ Ottubru 2024, García Fernández et vs Il‑Kummissjoni u SRB (C‑541/22 P, EU:C:2024:820, punt 327) (politika ekonomika u monetarja). Iktar ’il quddiem, ser nirreferi għal din il-ġurisprudenza bħala “relatata mal-istħarriġ tal-legalità”.

( 32 ) Din hija d-data tad-deċiżjoni dwar l-ilment. Kif tfakkar il-Qorti Ġenerali fil-punti 17 sa 22 tas-sentenza appellata, in-natura evoluttiva tal-ilment amministrattiv timplika li preċiżazzjonijiet addizzjonali fir-rigward tal-motivi tal-konferma tal-att preċedenti, li jinsabu f’deċiżjoni espliċita ta’ ċaħda tal-ilment, jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex tiġi evalwata l-legalità tal-att ikkontestat.

( 33 ) Il-Qorti Ġenerali ma ħaditx inkunsiderazzjoni b’mod suffiċjenti l-fatt li, minn perspettiva legali, il-fattur “żmien” ma huwiex ikkonċepit b’mod lineari u irriversibbli: dak li ma seħħx f’mument partikolari jista’ jitqies li jeżisti legalment f’dak il-mument, jekk att sussegwenti jiġi applikat b’mod retroattiv. U viċeversa.

( 34 ) Ir-raġunijiet għad-dikjarazzjoni ta’ invalidità assoluta huma deskritti fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 14.

( 35 ) Minkejja li s-sentenza tas‑16 ta’ Mejju 2022 issemmi d-dati “ġodda” tat-tmiem tal-miżura ta’ foster care, dawn ma ġewx stabbiliti minnha. Għall-kuntrarju, dawn jirriżultaw minn ċirkustanzi barranin u prinċipalment marbuta mal-istabbiliment mill-ġdid tal-effetti legali prodotti mid-deċiżjoni tat‑28 ta’ Lulju 2010, kif ukoll minn avvenimenti suċċessivi oħra, magħrufa mill-amministrazzjoni (bħall-adozzjoni u l-emanċipazzjoni ta’ wieħed mill-minuri). Ara, f’dan ir-rigward, it-test tas-sentenza riprodott fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 39.

( 36 ) Huwa minnu li, kemm fid-dritt tal-Unjoni kif ukoll fl-ordinamenti ġuridiċi nazzjonali, il-prinċipju ta’ awtorità ta’ res judicata għandu status fundamentali. Dan japplika sal-punt li qorti nazzjonali ma hijiex obbligata li ma tapplikax ir-regoli proċedurali interni li jagħtu l-awtorità ta’ res judicata lil deċiżjoni ġudizzjarja, anki jekk dan jippermettilha tirrimedja sitwazzjoni nazzjonali inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ April 2022, Avio Lucos (C‑116/20, EU:C:2022:273, punti 92 u 93 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata)). Għalkemm tali prinċipju ma jistax jipprekludi l-eżerċizzju ta’ kompetenza esklużiva ta’ istituzzjoni tal-Unjoni (sentenza tat‑18 ta’ Lulju 2007, Lucchini (C‑119/05, EU:C:2007:434)), ir-rekwiżit ta’ nuqqas ta’ applikazzjoni jibqa’ eċċezzjoni u ma għandux jestendi lil hinn minn din l-ipoteżi. F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali kienet obbligata tosserva l-awtorità ta’ res judicata marbuta mas-sentenza tas‑16 ta’ Mejju 2022, billi tikkonforma ruħha mal-konstatazzjonijiet tal-qorti Rumena kompetenti, iktar u iktar peress li din l-osservanza kienet tiffaċilita, u mhux timmina, applikazzjoni korretta tal-Artikolu 85 tar-Regolamenti tal-Persunal.

( 37 ) B’mod partikolari, “ma huwiex biżżejjed, sabiex tintwera l-eżistenza ta’ tali żnaturament, li jiġi propost qari tal-provi […] li jkun differenti minn dak magħmul mill-Qorti Ġenerali”: sentenza tad‑29 ta’ Ottubru 2015, Il-Kummissjoni vs ANKO (C‑78/14 P, EU:C:2015:732, punt 55).

( 38 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal‑10 ta’ Frar 2011, Activision Blizzard Germany vs Il‑Kummissjoni (C‑260/09 P, EU:C:2011:62, punti 54 sa 57).

( 39 )

( 40 ) Iktar ’il quddiem, ser nuża, għall-finijiet ta’ qosor, l-espressjoni “għarfien minn qabel” sabiex nirreferi għal dan ir-rekwiżit.

( 41 ) Il-limitazzjoni tal-istħarriġ tal-legalità għall-elementi eżistenti fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata hija intiża sabiex jiġi evitat li l-Qorti Ġenerali, meta tikkunsidra elementi li seħħew u mhux magħrufa mill-amministrazzjoni, tissostitwixxi l-motivazzjoni tal-amministrazzjoni bil-motivazzjoni tagħha: sentenza tal‑21 ta’ Jannar 2016, Galp Energía España et vs Il‑Kummissjoni (C‑603/13 P, EU:C:2016:38; iktar ’il quddiem is-sentenza Galp Energía España), punt 73.

( 42 ) Fir-rigward tal-protezzjoni tal-kompetizzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat li l-portata tal-istħarriġ tal-legalità previst fl-Artikolu 263 TFUE testendi għall-elementi kollha tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni dwar il-proċeduri ta’ applikazzjoni tal-Artikoli 101 u 102 TFUE, “kemm jekk dawn ikunu ġew prodotti qabel u kemm jekk wara d-deċiżjoni meħuda, kemm jekk ikunu ġew ippreżentati qabel fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva jew jekk għall-ewwel darba, fil-kuntest tar-rikors li l-Qorti Ġenerali tkun adita bih, sa fejn dawn il-provi tal-aħħar ikunu rilevanti għall-istħarriġ tal-legalità tad-deċiżjoni [kkontestata]” (sentenza Galp Energía España, punt 72).

( 43 ) Fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, “il-legalità ta’ deċiżjoni meħuda fi tmiem il-fażi ta’ eżami preliminari għandha tiġi evalwata biss fuq il-bażi tal-elementi ta’ informazzjoni li l-Kummissjoni setgħet kellha fil-mument meta ħadet id-deċiżjoni” Korsiv miżjud minni. Sentenzi tas‑17 ta’ Lulju 2008, Athinaïki Techniki vs Il‑Kummissjoni (C‑521/06 P, EU:C:2008:422, punt 56 u l-ġurisprudenza ċċitata); tat‑2 ta’ Settembru 2010, Il‑Kummissjoni vs Scott (C‑290/07 P, EU:C:2010:480, punt 91); u tal‑20 ta’ Diċembru 2017, Spanja vs Il‑Kummissjoni (C‑81/16 P, EU:C:2017:1003, punt 52).

( 44 ) Skont is-sentenza tal‑15 ta’ April 2008, Nuova Agricast (C‑390/06, EU:C:2008:224, punti 57 sa 60), il-limitazzjoni imposta mill-ġurisprudenza msemmija fin-nota preċedenti hija ġġustifikata mill-għan li tiġi ppreżervata “d-diviżjoni tal-kontroll ta’ l-għajnuna mill-Istat f’żewġ fażijiet distinti, li t-tieni waħda mhijiex dejjem meħtieġa”. Għall-kuntrarju, fil-kuntest tad-difiża tal-kompetizzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja tiġġustifika l-attenwazzjoni tal-parametru ta’ stħarriġ fid-dawl tal-kuntest ġuridiku fil-qasam, billi tgħid li “fir-rigward tal-applikazzjoni tal-Artikoli 81 KE u 82 KE, l-ebda dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni ma jimponi fuq id-destinatarju tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet l-obbligu li jikkontesta d-diversi punti ta’ fatt u ta’ liġi matul il-proċedura amministrattiva, taħt piena li ma jkunx jista’ jikkontesthom ulterjorment fl-istadju tal-proċedura ġudizzjarja. […] Fin-nuqqas ta’ bażi legali li tistabbilixxi espressament dan, din il-limitazzjoni tikser il-prinċipji fundamentali tal-legalità u tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża” (sentenza tal-1 ta’ Lulju 2010, Knauf Gips vs Il‑Kummissjoni, C‑407/08 P, EU:C:2010:389, punti 89 u 91).

( 45 ) Sentenza tas‑7 ta’ Mejju 1986, Rihoux et vs Il‑Kummissjoni (52/85, EU:C:1986:199, punt 12 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 46 ) Dan huwa dak li tfakkar is-sentenza appellata fil-punt 64 tagħha.

( 47 ) Sentenza tat‑18 ta’ Ġunju 1981, Blasig vs Il‑Kummissjoni (173/80, EU:C:1981:145), punt 8; digriet tat‑18 ta’ Novembru 1999, Progoulis vs Il‑Kummissjoni (C‑431/98 P, EU:C:1999:569, punt 36); u sentenza tal‑20 ta’ Mejju 2021, Dickmanns vs EUIPO (C‑63/20 P, EU:C:2021:406, punt 38).

( 48 ) Sentenza tal‑11 ta’ Ġunju 2009, Ketselidou vs Il‑Kummissjoni (F‑81/08, EU:F:2009:59, punt 36).

( 49 ) Sentenza tas‑26 ta’ Ottubru 2017, Global Steel Wire et vs Il‑Kummissjoni (C‑454/16 P sa C‑456/16 P u C‑458/16 P, EU:C:2017:818, punt 31). Il-Qorti tal-Ġustizzja taċċetta li sentenza li tannulla att amministrattiv, mogħtija wara d-deċiżjoni kkontestata (li saret definittiva), tista’ tikkostitwixxi “fatt ġdid sostanzjali” fir-rigward tal-persuni direttament ikkonċernati mill-att annullat: sentenza tat‑8 ta’ Marzu 1988, Brown vs Il‑Qorti tal-Ġustizzja (125/87, EU:C:1988:136, punt 13 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 50 ) Hawnhekk qiegħed nuża t-terminu “ġdid” skont it-tifsira mogħtija lilu mill-ġurisprudenza ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 47, jiġifieri bħala fatt li qabel ma kienx magħruf kemm mill-uffiċjal kif ukoll mill-amministrazzjoni. F’dan il-kuntest, il-klassifikazzjoni tas-sentenza tas‑16 ta’ Mejju 2022 bħala “fatt ġdid” ma hijiex inkompatibbli mas-soluzzjoni proposta fil-punti 49 sa 57 ta’ dawn il-konklużjonijiet: in-nullità assoluta tad-deċiżjonijiet nazzjonali tat‑30 ta’ Jannar 2013 hija retroattiva għall-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. Din l-antinomija apparenti hija dovuta għall-fatt li fatt ġdid (mhux magħruf) jista’ jipproduċi effetti retroattivi li għandhom effett fuq sitwazzjonijiet legali preċedenti.

( 51 ) Fil-kuntest tal-fażi bil-miktub tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali, il-Kummissjoni kellha l-possibbiltà li tiddeċiedi dwar l-effett tas-sentenza tas‑16 ta’ Mejju 2022 fuq il-legalità tad-deċiżjoni kkontestata. Il-Kummissjoni llimitat ruħha sabiex tiċħad ir-rilevanza tagħha, mingħajr ma żviluppat, sussidjarjament, kunsiderazzjonijiet fuq il-mertu: ara l-punti 31 u 32 tal-kontroreplika ppreżentata quddiem il-Qorti Ġenerali.

( 52 ) Sentenza tas‑7 ta’ Mejju 1986, Rihoux et vs Il‑Kummissjoni (52/85, EU:C:1986:199, punt 12 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 53 ) Sentenza tas‑16 ta’ Marzu 1978, Ritter von Wüllerstorff und Urbair vs Il‑Kummissjoni (7/77, EU:C:1978:68, punt 8).

( 54 ) Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 41. Il-Qorti Ġenerali għalhekk sempliċement teżamina jekk, wara l-fatt ġdid u sostanzjali, it-talba għall-irkupru tal-ammonti mħallsa indebitament tibqax regolari, li jikkorrispondi għas-sustanza stess tal-istħarriġ tal-legalità.

( 55 ) Ara n-noti ta’ qiegħ il-paġna 31, 42, 43 u 44 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 56 ) L-aħħar paragrafu tal-Artikolu 2(2) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal jorbot id-dritt għal allowance għal wild dipendenti ma’ “responabbiltà [ta’ manteniment] taħt deċiżjoni ġudizzjarja bbażata fuq il-leġislazzjoni ta’ l-Istati Membri dwar il-ħarsien tal-minuri” (enfasi miżjuda minni). F’dan il-każ, il-miżura foster care hija rregolata mid-dritt Rumen u t-tilwima tirrigwarda l-effettività ratione temporis ta’ din il-miżura, li għandha effett fuq id-dritt għal allowance għal wild dipendenti.

( 57 ) Ara, f’dan ir-rigward, l-ewwel sentenza tal-punt 19 tal-appell.

( 58 ) Punt 37 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 59 ) Sentenza tad‑9 ta’ Novembru 2017, TV2/Danmark vs Il‑Kummissjoni (C‑649/15 P, EU:C:2017:835, punt 52).

( 60 ) Sentenza tat‑12 ta’ Settembru 2024, Anglo Austrian AAB vs BĊE u Far East (C‑579/22 P, EU:C:2024:731, punt 86).

( 61 ) Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 55 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 62 ) Il-punti 21 u 22 tal-appell huma identiċi għall-punti 46 u 47 tar-replika ppreżentata quddiem il-Qorti Ġenerali. Fil-punt 20 tal-appell tiegħu, AL jillimita ruħu sabiex jinvoka l-ksur, mill-Qorti Ġenerali, tar-regola tal-paralleliżmu tar-rekwiżiti formali, mingħajr ma jiżviluppa argumenti oħra sabiex jikkritika, speċifikament, ir-raġunament żviluppat mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza appellata.