9.5.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 125/15


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 413/2008

tat-8 ta’ Mejju 2008

li jemenda u jikkoreġi r-Regolament (KE) Nru 27/2008 li jiftaħ u jipprovdi għall-amministrazzjoni ta' ċerti kwoti ta’ tariffi annwali għal ċerti prodotti bil-kodiċi NM 0714 li joriġinaw f'ċerti pajjiżi terzi għajr it-Tajlandja

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1095/96 tat-18 ta' Ġunju 1996 dwar l-implimentazzjoni tal-konċessjonijiet dikjarati fl-iskeda CXL imfassla bħala riżultat tal-konklużjoni tan-negozjati skond l-Artikolu XVII(6) tal-GATT (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 1(1) tiegħu,

Billi:

(1)

L-esperjenza miksuba mill-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 27/2008 tal-15 ta’ Jannar 2008 li jiftaħ u jipprovdi għall-amministrazzjoni ta’ ċerti kwoti ta’ tariffi annwali għall-prodotti regolati bil-kodiċi NM 0714 10 91 , 0714 10 99 , 0714 90 11 u 0714 90 19 li joriġinaw f’ċerti pajjiżi terzi għajr it-Tajlandja (2), uriet li għall-amministrazzjoni tajba tal-kwoti tariffarji, jeħtieġ li jsiru emendi għar-Regolament imsemmi.

(2)

Fl-interess tal-ġestjoni tajba tal-kwoti tariffarji u fid-dawl ta’ l-esperjenza miksuba, jidher li għandha tittejjeb il-fluwidità tas-suq għall-prodotti kkonċernati, filwaqt li għandu jiġi żgurat użu aħjar tal-kwoti. Għaldaqstant, jaqbel li l-operaturi jitħallew iressqu aktar minn applikazzjoni waħda għal liċenzja għal kull perjodu tal-kwota, u b’hekk li ssir deroga mill-Artikolu 6(1) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1301/2006 (3).

(3)

Sabiex jiġi garantit li l-kwoti jiġu ġestiti abbażi tas-sena tal-kwoti kkonċernata, għandu jiġi speċifikat li, fejn applikazzjonijiet għal liċenzji jitressqu f'Diċembru u dawn l-applikazzjonijiet jirreferu għall-kwoti tas-sena ta' wara, l-Istati Membri ma għandhomx jibagħtu dawn l-applikazzjonijiet lill-Kummissjoni sa l-ewwel perjodu tas-sena ta' wara.

(4)

Bil-għan li tiġi razzjonalizzata u simplifikata l-proċedura tal-Kummissjoni għas-segwitu ta’ l-applikazzjonijiet, u sabiex jitnaqqas l-għadd ta’ notifiki li għandhom jintbagħtu mill-Istati Membri lill-Kummissjoni, l-għadd ta' notifiki għandu jkun limitat għal wieħed fil-ġimgħa.

(5)

Meta r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2449/96 tat-18 ta’ Diċembru 1996 li jiftaħ u jipprovdi għall-amministrazzjoni ta' ċerti kwoti ta' tariffi annwali tal-Komunità għall-prodotti regolati bil-kodiċi NM 0714 10 91 , 0714 10 99 , 0714 90 11 u 0714 90 19 li joriġinaw f'ċerti pajjiżi terzi għajr it-Tajlandja (4) ġie kkodifikat permezz tar-Regolament (KE) Nru 27/2008, il-kodiċi NM 0714 10 99 ġie riprodott mingħajr ma tqieset in-numerazzjoni emendata tal-kodiċijiet tan-Nomenklatura Magħquda mdaħħla bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1214/2007 (5), li bidlet il-kodiċi NM 0714 10 99 mal-kodiċi NM ex 0714 10 98 . Għaldaqstant, jeħtieġ li jiġi emendat ir-Regolament, it-titlu inkluż.

(6)

L-allokazzjoni ta’ kwantitajiet riżervati għal stati membri tal-WTO u għal stati li mhumiex membri tal-WTO (1 320 590 tunnellata u 32 000 tunnellata, rispettivament) mhix ċara fl-Artikolu 1 tar-Regolament (KE) Nru 27/2008. Biex tiġi evitata l-konfużjoni, il-kliem ta’ din id-dispożizzjoni għandu jiġi emendat.

(7)

Ir-Regolament (KE) Nru 27/2008 għandu jiġi emendat u kkoreġġut skond dan.

(8)

Il-miżuri pprovduti f'dan ir-Regolament jikkonformaw ma' l-opinjoni tal-Kumitat għall-Ġestjoni taċ-Ċereali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 27/2008 huwa emendat kif ġej:

(1)

Fl-Artikolu 1, jiddaħħal is-subparagrafu li ġej wara l-ewwel subparagrafu:

“Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, “il-prodotti bil-kodiċi NM ex 0714 10 98 ” huma dawk il-prodotti għajr pritkuni ta' dqiq u pasta koperti mill-kodiċi NM 0714 10 98 .”

(2)

L-Artikolu 8 huwa emendat kif ġej:

(a)

Fil-paragrafu 1, jiżdied is-subparagrafu li ġej:

“B'deroga mill-Artikolu 6(1) tar-Regolament (KE) Nru 1301/2006, l-applikant jista' jressaq aktar minn applikazzjoni waħda għal liċenzja għal kull perjodu tal-kwota. Madankollu, l-applikant ma jistax iressaq aktar minn applikazzjoni waħda għal liċenzja kull ġimgħa.”

(b)

Il-paragrafi 2, 3 u 4 jinbidlu bit-test li ġej:

“2.   Għal prodotti li joriġinaw fl-Indoneżja jew iċ-Ċina, l-applikazzjonijiet għal liċenzji mressqa f'Diċembru jistgħu jirreferu għal importazzjonijiet li għandhom jitwettqu fis-sena ta’ wara, fejn dawn jitressqu abbażi ta’ liċenzja ta’ l-esportazzjoni maħruġa mill-awtoritajiet Indoneżjani jew Ċiniżi għas-sena korrispondenti.

3.   L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni, wara tmiem il-perjodu għat-tressiq ta’ l-applikazzjonijiet imsemmi fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1, u sa mhux aktar tard mis-13:00 tal-Ħamis ta' wara, it-tagħrif li ġej:

(a)

il-kwantitajiet totali li għalihom jirreferu l-applikazzjonijiet għal liċenzji, skond il-pajjiż ta’ l-oriġini u l-kodiċi tal-prodott;

(b)

in-numru tal-liċenzja ta’ l-oriġini ppreżentata u l-kwantità totali li tidher fid-dokument oriġinali, jew estratt tiegħu;

(ċ)

ir-referenzi tal-liċenzji ta’ l-esportazzjoni maħruġa mill-awtoritajiet Indoneżjani u Ċiniżi u l-kwantitiajiet korrispondenti, kif ukoll isem il-bastiment.

Madankollu, għall-applikazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 2, l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw dan it-tagħrif fil-komunikazzjonijiet ta’ l-ewwel ġimgħa tas-sena ta’ wara.

4.   Il-liċenzji ta’ importazzjoni għandhom jinħarġu fir-raba' jum ta’ xogħol li jiġi wara d-data tal-komunikazzjoni msemmija fil-paragrafu 3.”

Artikolu 2

Ir-Regolament (KE) Nru 27/2008 huwa kkoreġut kif ġej:

(1)

Fit-titlu, il-kodiċi NM “0714 10 99 ” huwa sostitwit mill-kodiċi “ex 0714 10 98 ”;

(2)

L-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 1 huwa emendat kif ġej:

(a)

Il-kliem tal-bidu għandu jinbidel b'li ġej:

“Mill-1 ta' Jannar 1997 'l quddiem, il-kwoti tariffarji annwali li ġejjin huma b'dan miftuħa għal importazzjonijiet ta' prodotti regolati bil-kodiċijiet NM 0714 10 91 , ex 0714 10 98 , 0714 90 11 u 0714 90 19 , b'rata ta' dazju tad- dwana ta' 6 % ad valorem:”

(b)

il-punti (ċ) u (d) jinbidlu b'li ġej:

“(ċ)

kwota ta' 145 590 tunnellata għall-prodotti relattivi li joriġinaw f'pajjiżi membri oħra ta' l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) għajr it-Tajlandja, iċ-Ċina u l-Indoneżja;

(d)

kwota ta' 32 000 tunnellata għall-prodotti relattivi li joriġinaw f'pajjiżi mhux membri ta' l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO), li minnha 2 000 tunnellata huma riżervati għall-importazzjoni ta’ prodotti bil-kodiċijiet NM 0714 10 91 u 0714 90 11 .”

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, 8 ta’ Mejju 2008.

Għall-Kummissjoni

Mariann FISCHER BOEL

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 146, 20.6.1996, p. 1.

(2)   ĠU L 13, 16.1.2008, p. 3.

(3)   ĠU L 238, 1.9.2006, p. 13. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 289/2007 (ĠU L 78, 17.3.2007, p. 17).

(4)   ĠU L 333, 21.12.1996, p. 14. Ir-Regolament revokat mir-Regolament (KE) Nru 27/2008.

(5)   ĠU L 286, 31.10.2007, p. 1.