KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKATA ĠENERALI
ĆAPETA
ippreżentati fl‑20 ta’ Novembru 2025 ( 1 )
Kawża C‑522/24
BG
vs
Ministero della Difesa,
partijiet magħquda:
Presidenza del Consiglio dei Ministri
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat, l-Italja))
(Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Direttiva 2000/78/KE — Il-kunċett ta’ twemmin fis-sens tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 2000/78 — Opinjonijiet personali dwar il-vaċċinazzjoni kontra l-COVID-19 — Obbligu ta’ vaċċinazzjoni impost fuq il-persunal militari minħabba l-pandemija tal-COVID-19 — Rifjut li wieħed jirċievi vaċċin kontra l-COVID-19 li wassal għas-sospensjoni mix-xogħol mingħajr ħlas)
I. Introduzzjoni
|
1. |
Għaddew iktar minn sentejn minn meta l-pandemija tal-COVID-19 ġiet uffiċjalment iddikjarata li ma għadhiex theddida globali ( 2 ). Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja għadha tirċievi talbiet ta’ interpretazzjoni relatati mal-kwistjonijiet legali li qamu matul il-pandemija. |
|
2. |
Din it-talba għal deċiżjoni preliminari hija eżempju ta’ dan. Ir-rikorrent fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem ir-“rikorrent”), irrifjuta li jirċievi l-vaċċin kontra l-COVID-19 meħtieġ mil-leġiżlazzjoni Taljana għall-persunal militari. B’hekk, huwa ġie sospiż mix-xogħol fil-Ministero della Difesa (il-Ministeru għad-Difiża, l-Italja) il-konvenut fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Ministeru għad-Difiża” jew il-“konvenut”), mingħajr ħlas għal perjodu ta’ madwar xahrejn, li warajhom tneħħa l-obbligu tat-tilqim u rritorna lejn ix-xogħol. |
|
3. |
Ir-rikorrent isostni quddiem il-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat, l-Italja), li huwa l-qorti tar-rinviju, li s-sospensjoni tiegħu kienet diskriminatorja, billi allega li kienet ibbażata biss fuq l-opinjoni personali tiegħu kontra l-vaċċin kontra l-COVID-19, li fil-fehma tiegħu huwa ksur tad-dispożizzjonijiet stabbiliti mid-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE ( 3 ). |
II. Il-fatti tal-kawżi prinċipali, id-domandi preliminari u l-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
|
4. |
B’reazzjoni għall-pandemija tal-COVID-19, il-Ministeru għad-Difiża impona rekwiżit ta’ vaċċinazzjoni kontra l-COVID-19 fuq il-persunal militari. Dak ir-rekwiżit kien ibbażat fuq id-Decreto-legge n. 44/21 (id-Digriet-Liġi Nru 44/21) ( 4 ). |
|
5. |
Wara li għamel il-vaċċinazzjoni kontra l-COVID-19 rekwiżit essenzjali tax-xogħol għal ċerti kategoriji ta’ professjonisti, l-Artikolu 4-ter tad-Digriet-Liġi Nru 44/21 impona espliċitament fuq il-persuni li jimpjegaw l-obbligu li jivverifikaw li l-persunal militari kollu (fost kategoriji oħra ta’ ħaddiema elenkati fih ( 5 )) ikunu vvaċċinati. In-nuqqas ta’ impjegat milli jiġi vvaċċinat iwassal għas-sospensjoni mix-xogħol immedjata tiegħu jew tagħha. Dan l-impjegat ma jbati ebda konsegwenzi dixxiplinari u r-relazzjoni ta’ xogħol tinżamm. Din l-istess regola kienet tippreċiża wkoll li ebda remunerazzjoni jew benefiċċju ieħor ma kien ikun dovut matul il-perijodu ta’ sospensjoni. Din żiedet li s-sospensjoni kienet ser tibqa’ effettiva sakemm il-persuna kkonċernata tinforma lill-persuna li timpjega li hija bdiet jew temmet iċ-ċiklu ta’ vaċċinazzjoni primarju, jew sakemm tkun ġiet amministrata d-doża booster. Madankollu, is-sospensjoni ma taqbiżx il-perijodu ta’ sitt xhur, li beda fil‑15 ta’ Diċembru 2021. |
|
6. |
Ir-rikorrent huwa membru tal-militar, li jaħdem għall-Ministeru tad-Difiża bħala inġinier, prinċipalment f’uffiċċju li għandu għalih innifsu, iżda jkollu laqgħat frekwenti ma’ membri tal-persunal militari u ċivili oħra tal-istess amministrazzjoni, kif ukoll ma’ rappreżentanti ta’ impriżi esterni. |
|
7. |
Huwa rrifjuta li jirċievi vaċċin kontra l-COVID-19, iżda ddikjara li kien lest li jagħmel testijiet SARS-CoV-2 kull 48 siegħa. |
|
8. |
B’deċiżjoni tal‑10 ta’ Jannar 2022, il-konvenut issospenda lir-rikorrent mingħajr remunerazzjoni. Il-konvenut ma impona ebda sanzjoni dixxiplinari fuq ir-rikorrent, u dan tal-aħħar żamm l-impjieg tiegħu. |
|
9. |
Ir-rikorrent ikkontesta din id-deċiżjoni permezz ta’ appell straordinarju quddiem il-President tar-Repubblika Taljana. |
|
10. |
Il-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat), il-qorti tar-rinviju, fil-kapaċità konsultattiva tiegħu, intalab jagħti opinjoni vinkolanti lill-Ministeru għad-Difiża, li għandu l-ġurisdizzjoni biex jinvestiga l-appell, u li għandu jissottometti deċiżjoni definittiva lill-President tar-Repubblika Taljana. |
|
11. |
Quddiem il-qorti tar-rinviju, ir-rikorrent sostna li r-rekwiżit ta’ vaċċinazzjoni kien diskriminatorju u jmur kontra l-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 2000/78 abbażi ta’ sitt aggravji. |
|
12. |
L-ewwel, ir-rikorrent sostna li huwa kien ġarrab diskriminazzjoni diretta meta mqabbel mal-persunal ċivili li jwettaq funzjonijiet simili li jaħdmu għall-konvenut, peress li dawn ma kinux suġġetti għall-obbligu ta’ vaċċinazzjoni. Huwa sostna wkoll li l-obbligu ta’ vaċċinazzjoni ġie impost fuqu b’riskju għalih stess, bi ksur tal-Artikolu 206-bis tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 66/10 ( 6 ), li jipprovdi li l-amministrazzjoni, billi tassumi r-responsabbiltà għat-tilqim tal-persunal, tista’ tiddikjara li vaċċini speċifiċi għandhom jiġu amministrati lill-persunal militari sabiex dawn ikunu jistgħu jiġu skjerati f’kundizzjonijiet operattivi partikolari. |
|
13. |
It-tieni, huwa sostna li kien vittma ta’ diskriminazzjoni indiretta meta mqabbel mal-persunal militari mlaqqam, ibbażata biss fuq l-oġġezzjoni tiegħu li jirċievi l-vaċċin abbażi tal-opinjoni personali tiegħu li l-vaċċini ma kellhomx bażi xjentifika valida. Għalkemm ir-rikorrent iddikjara ruħu lest li jiġi ttestjat kontra s-SARS-CoV-2 kull 48 siegħa, huwa ġie mċaħħad minn din il-possibbiltà, li fil-fehma tiegħu tmur kontra l-Artikolu 2(2)(b) tad-Direttiva 2000/78. |
|
14. |
It-tielet, minħabba l-fatt li ġie sospiż mill-attività tiegħu mingħajr remunerazzjoni, ir-rikorrent ġie allegatament prekluż milli jipprovdi għall-bżonnijiet tiegħu u għal dawk tal-familja tiegħu, fosthom żewġt ibniet minuri, matul il-perijodu ta’ din is-sospensjoni. Ir-rikorrent isostni li dan kien jikkostitwixxi ksur tal-Artikoli 1 u 24 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”). |
|
15. |
Ir-raba’, ir-rikorrent inizjalment sostna li huwa ma kienx f’pożizzjoni li jeżerċita d-dritt tiegħu għal-leave annwali mħallas. Matul il-proċedura quddiem il-qorti tar-rinviju, ir-rikorrent waqaf jinvoka dan il-motiv, peress li r-rekwiżit ta’ vaċċinazzjoni obbligatorja tneħħa mill‑25 ta’ Marzu 2022 ( 7 ). |
|
16. |
Il-ħames, ir-rikorrent sostna li huwa kien imċaħħad minn protezzjoni legali effettiva, bi ksur tal-Artikolu 19 TUE. |
|
17. |
Is-sitt, ir-rikorrent talab kumpens għad-diskriminazzjoni li ġarrab permezz ta’ sanzjoni eżemplari u dissważiva fis-sens tal-Artikolu 17 tad-Direttiva 2000/78. |
|
18. |
Barra minn hekk, ir-rikorrent talab lill-qorti tar-rinviju sabiex tagħmel sitt domandi għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward ta’ kull aggravju tal-appell. |
|
19. |
Il-konvenut talab li l-appell jiġi miċħud mill-qorti tar-rinviju. Fil-fehma tiegħu, l-obbligu ta’ vaċċinazzjoni kontenzjuż ġie legalment stabbilit bħala rekwiżit legali speċifiku mill-Artikolu 4-ter tad-Digriet-Liġi Nru 44/21. |
|
20. |
Il-qorti tar-rinviju ċaħdet il-ħames u s-sitt aggravji kif ukoll id-domandi preliminari korrispondenti proposti mir-rikorrent, u ħadet nota tar-rinunzja tar-rikorrent għar-raba’ aggravju. Madankollu, dik il-qorti ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari rimanenti proposti mir-rikorrenti. |
|
21. |
Preliminarjament, il-qorti tar-rinviju rrilevat li d-domandi magħmula mir-rikorrent huma infondati għar-raġuni li l-legalità tal-miżura nazzjonali li timponi r-rekwiżit tal-vaċċinazzjoni tal-persunal tas-saħħa kontra l-COVID-19, introdotta wkoll bid-Digriet-Liġi Nru 44/21, diġà ġiet eżaminata u kkonfermata mill-Corte costituzionale (il-Qorti Kostituzzjonali, l-Italja) fis-sentenzi Nru 14/2023, Nru 15/2023 u Nru 185/2023. Skont il-qorti tar-rinviju, il-prinċipji espressi f’dawk is-sentenzi, li huma analogi għal dawk espressi fid-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni invokati mir-rikorrent fl-appell tiegħu, japplikaw ukoll għall-obbligu ta’ tilqim tal-persunal militari inkwistjoni fil-kawża prinċipali. |
|
22. |
Fir-rigward tal-ewwel aggravju, il-qorti tar-rinviju rrilevat li d-Direttiva 2000/78 tistabbilixxi regoli ta’ ugwaljanza fit-trattament fuq il-post tax-xogħol, li japplikaw f’ċirkustanzi normali. Madankollu, kif jippreċiża l-Artikolu 2(5) ta’ din id-direttiva, dawn ir-regoli jibqgħu mingħajr preġudizzju għall-miżuri previsti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali li, f’soċjetà demokratika, huma neċessarji għas-sigurtà pubblika u għall-protezzjoni tas-saħħa. Hija żiedet li r-rekwiżit ta’ vaċċinazzjoni kien stabbilit minħabba ċirkustanzi eċċezzjonali u li l-vaċċini kontra l-COVID-19 kienu ġew iċċertifikati bħala sikuri. Id-deċiżjoni leġiżlattiva li jiġi introdott ir-rekwiżit ta’ vaċċinazzjoni tal-persunal militari – li, b’differenza mill-persunal ċivili, huma msejħa, f’każ ta’ emerġenza, biex jipproteġu s-sigurtà pubblika u jkollhom kuntatt mal-komunità bħala membri tal-forzi armati – kienet miżura raġonevoli u xierqa f’dak iż-żmien biex tiġi ssalvagwardjata s-saħħa kemm tal-persunal militari kif ukoll tal-pubbliku ġenerali. Għalhekk, skont il-qorti tar-rinviju, is-sitwazzjoni tal-persunal militari u tal-persunal ċivili ma hijiex paragunabbli u, għaldaqstant, ma teżisti l-ebda raġuni li tiġġustifika d-diskriminazzjoni allegata mir-rikorrent. |
|
23. |
Fir-rigward tat-tieni aggravju, il-qorti tar-rinviju rrilevat li r-rekwiżit ta’ vaċċinazzjoni ma kienx sproporzjonat, peress li ebda miżura xierqa oħra ma kienet teżisti f’dak iż-żmien. Il-metodu tal-ittestjar, bħala rekwiżit alternattiv għall-vaċċinazzjoni, intuża f’kuntesti usa’ għall-aċċess għal postijiet pubbliċi minn persuni li ma jappartjenux għall-kategoriji soġġetti għar-rekwiżit ta’ vaċċinazzjoni. Madankollu, l-ispiża ta’ dawk it-testijiet, li kellhom jiġu ripetuti kull jumejn sa tlett ijiem, ma hijiex sostenibbli u tpoġġi piż intollerabbli fuq is-sistema tal-kura tas-saħħa. Barra minn hekk, peress li r-riżultati tat-testijiet ma kinux disponibbli immedjatament wara t-test, dawn kienu diġà obsoleti minħabba li l-persuna ttestjata setgħet ġiet infettata fiż-żmien bejn meta għamlet it-test u meta tirċievi r-riżultati. |
|
24. |
Fir-rigward tat-tielet aggravju, il-qorti tar-rinviju rrilevat li s-sospensjoni tal-impjegati mhux imlaqqma, li damet ftit iktar minn xahrejn, kienet konformi mad-dmir ta’ premura tal-persuna li timpjega u li d-dritt għax-xogħol stabbilit mill-Kostituzzjoni ma jimplikax neċessarjament id-dritt għax-xogħol jekk dan jippreżenta riskju għas-saħħa pubblika u jekk il-ħaddiem jagħżel li ma josservax id-dispożizzjonijiet dwar is-sigurtà fuq il-post tax-xogħol, inkluż ir-rekwiżit ta’ vaċċinazzjoni kontra l-COVID-19. Għalhekk, minkejja li huwa kontra l-perspettiva personali tar-rikorrent, ir-rekwiżit ta’ vaċċinazzjoni kien jikkostitwixxi miżura raġonevoli u proporzjonata fl-interess tas-saħħa pubblika, b’tali mod li l-ksur intenzjonat ta’ dan ir-rekwiżit mir-rikorrent jiġġustifika s-sospensjoni tiegħu mix-xogħol mingħajr remunerazzjoni. |
|
25. |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat) iddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
|
26. |
Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, il-Gvern Franċiż u dak Taljan kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. |
|
27. |
Inżammet seduta fl‑10 ta’ Lulju 2025, li matulha r-rikorrenti fil-kawża prinċipali, il-Gvern Taljan u l-Kummissjoni ppreżentaw osservazzjonijiet orali. |
III. Analiżi
|
28. |
L-ewwel żewġ domandi tal-qorti tar-rinviju għandhom jiġu ttrattati flimkien. Permezz ta’ dawn id-domandi, din il-qorti tistaqsi, essenzjalment, jekk il-leġiżlazzjoni Taljana li timponi rekwiżit ta’ vaċċinazzjoni kontra l-COVID-19 fuq il-persunal militari tmurx kontra d-Direttiva 2000/78, minħabba li tistabbilixxi trattament diskriminatorju pprojbit minn din id-direttiva. |
|
29. |
Sabiex tingħata risposta għal dawn id-domandi, għandu l-ewwel nett jiġi evalwat jekk id-Direttiva 2000/78 hijiex applikabbli għal leġiżlazzjoni bħal dik deskritta mill-qorti tar-rinviju (A). |
|
30. |
Jekk din id-direttiva hija applikabbli, għandu jiġi evalwat jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni tikkostitwixxix diskriminazzjoni diretta jew indiretta u, f’dan l-aħħar każ, jekk tali diskriminazzjoni tistax tiġi ġġustifikata (B). |
A. Proposta għal tweġiba: Id-Direttiva 2000/78 ma hijiex applikabbli għaċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ
1. Inugwaljanza fit-trattament ibbażata fuq il-kategoriji professjonali
|
31. |
Id-Direttiva 2000/78 tipprojbixxi d-diskriminazzjoni fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol għar-raġunijiet li ġejjin: ir-reliġjon jew it-twemmin, id-diżabilità, l-età u l-orjentazzjoni sesswali ( 8 ). |
|
32. |
Hija ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja li r-raġunijiet elenkati fl-Artikolu 1 tad-Direttiva 2000/78 huma eżawrjenti u li din id-direttiva ma tirrigwardax diskriminazzjoni bbażata fuq il-kategorija professjonali jew fuq il-post tax-xogħol ( 9 ). |
|
33. |
Mill-kuntest ġuridiku nazzjonali jirriżulta li d-dispożizzjoni li timponi r-rekwiżit ta’ vaċċinazzjoni kontra l-COVID-19 kienet inizjalment tikkonċerna lill-professjonisti tal-kura tas-saħħa u lill-ħaddiema tas-saħħa pubblika, u sussegwentement ġiet estiża għall-ħaddiema impjegati fl-istabbilimenti ta’ assistenza soċjali u ta’ kura tas-saħħa residenzjali u, fl-aħħar nett, għall-persunal tas-setturi tad-difiża, tas-sikurezza u tal-emerġenzi pubbliċi, inklużi s-suldati li jaħdmu għall-Ministeru għad-Difiża. |
|
34. |
Madankollu, il-persunal ċivili li jaħdem għall-Ministeru għad-Difiża ma kienx jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan l-obbligu u ma kienx obbligat jirċievi vaċċin kontra l-COVID-19 sabiex ikompli jaħdem. |
|
35. |
Għalhekk, ir-rekwiżit ta’ vaċċinazzjoni previst fl-Artikolu 4-ter tad-Digriet-Liġi Nru 44/21 kien jistabbilixxi differenza fit-trattament bejn il-persunal militari u dak ċivili li jaħdem għall-Ministeru għad-Difiża. Din id-differenza fit-trattament hija bbażata fuq il-funzjonijiet eżerċitati rispettivament minn dawn iż-żewġ gruppi ta’ persuni. Madankollu, tali differenza ma tagħmilx parti mir-raġunijiet ta’ diskriminazzjoni pprojbiti fis-sens tad-Direttiva 2000/78. |
|
36. |
Għaldaqstant, kif sostnew il-Gvern Franċiż u l-Kummissjoni, differenza fit-trattament bejn il-persunal militari u l-persunal ċivili fir-rigward tar-rekwiżit ta’ vaċċinazzjoni kontra l-COVID-19 ma twassalx għall-applikazzjoni tad-Direttiva 2000/78. |
|
37. |
Konsegwentement, ir-rikorrent ma jistax jinvoka din id-direttiva sabiex isostni li l-leġiżlazzjoni Taljana inkwistjoni kienet ipprojbita minħabba li hija tistabbilixxi differenza fit-trattament bejn il-persunal militari u l-persunal ċivili li jaħdem fil-Ministeru għad-Difiża. |
2. It-twemmin bħala raġuni pprojbita mid-Direttiva 2000/78
|
38. |
Waħda mir-raġunijiet ta’ diskriminazzjoni pprojbiti mid-Direttiva 2000/78 hija r-“reliġjon jew twemmin”. Għalhekk, din id-direttiva tista’ tkun applikabbli jekk il-leġiżlazzjoni inkwistjoni tistabbilixxi effettivament differenza fit-trattament diretta jew indiretta bbażata fuq it-twemmin personali tal-applikant. |
|
39. |
Il-kwistjoni li tqum hija għalhekk dik dwar jekk il-perspettiva personali tar-rikorrent li minħabba fiha għażel li ma jiġix ivvaċċinat tistax tiġi kklassifikata bħala “twemmin” fis-sens tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 2000/78. |
|
40. |
Id-Direttiva 2000/78 ma tagħtix definizzjoni ta’ x’jikkostitwixxi twemmin għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ din id-direttiva ( 10 ). |
|
41. |
Madankollu, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tipprovdi xi indikazzjonijiet sabiex wieħed jifhem is-sens ta’ dan il-kunċett. |
|
42. |
Il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li, peress li l-Artikolu 1 tad-Direttiva 2000/78 jirreferi għall-kunċetti ta’ “reliġjon” u ta’ “twemmin” flimkien, dawn iż-żewġ termini għandhom jiġu analizzati, għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ din id-direttiva, bħala żewġ aspetti tal-istess raġuni unika ta’ diskriminazzjoni, li tkopri kemm it-twemmin reliġjuż kif ukoll it-twemmin filosofiku jew spiritwali ( 11 ). |
|
43. |
Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li għandha ssir distinzjoni bejn id-diskriminazzjoni bbażata fuq ir-“reliġjon jew twemmin” u dik ibbażata fuq “opinjoni politika jew kwalunkwe opinjoni oħra” ( 12 ). |
|
44. |
F’dan is-sens, il-Qorti tal-Ġustizzja spjegat li d-Direttiva 2000/78 “ma tkoprix it-twemmin politiku jew sindakali; u lanqas ma tkopri twemmin jew preferenzi artistiċi, sportivi, estetiċi jew oħrajn” ( 13 ). |
|
45. |
Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li d-dritt għal-libertà tal-kuxjenza u tar-reliġjon, kif stabbilit fl-Artikolu 10(1) tal-Karta, jifforma parti integrali mill-kuntest rilevanti għall-interpretazzjoni tad-Direttiva 2000/78 ( 14 ). Dan id-dritt tal-Karta jikkorrispondi għad-dritt stabbilit fl-Artikolu 9 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (iktar ’il quddiem il-“KEDB”), li jipproteġi l-“libertà tal-ħsieb, tal-kuxjenza u tar-reliġjon”. Konsegwentement, l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “twemmin” fis-sens tal-KEDB hija rilevanti wkoll sabiex dan il-kunċett jinftiehem fil-kuntest tad-dritt tal-Unjoni. |
|
46. |
Fis-sentenza Vavřička, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (iktar ’il quddiem il-“Qorti EDB”) iddeċidiet li r-rekwiżit ta’ vaċċinazzjoni ma jiksirx il-KEDB, peress li l-oppożizzjoni personali ta’ vaċċinazzjoni ma taqax taħt il-kunċett ta’ twemmin protett mill-Artikolu 9 tagħha. B’mod partikolari, dik il-qorti qieset li tali oppożizzjoni personali għandha titqies bħala opinjoni kritika u mhux bħala twemmin li jibbenefika minn protezzjoni taħt il-KEDB ( 15 ). F’dik il-kawża, il-Qorti EDB qieset li ma kellhiex raġuni biex tikklassifika l-oppożizzjoni tiegħu għat-tilqim obbligatorju bħala twemmin filosofiku, peress li P. Vavřička indika lill-qorti nazzjonali li l-oppożizzjoni tiegħu għall-vaċċinazzjoni kienet ibbażata fuq il-perspettiva tiegħu li din kienet primarjament ta’ ħsara għas-saħħa tiegħu u għal dik ta’ wliedu. Dik il-qorti għalhekk qieset li “opinjoni kritika dwar it-tilqim ma hijiex ta’ natura li tikkostitwixxi konvinzjoni jew twemmin ta’ saħħa, ta’ gravità, ta’ koeżjoni u ta’ importanza suffiċjenti sabiex jiġu attirati l-garanziji tal-Artikolu 9” ( 16 ). |
|
47. |
Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li opinjoni personali li topponi l-vaċċinazzjoni – bħal dik ibbażata fuq tħassib marbut mas-saħħa – ma tistax titqies li hija twemmin filosofiku u, bħala prinċipju, ma tibbenefikax mill-protezzjoni offruta mid-Direttiva 2000/78. |
|
48. |
Bħala konklużjoni, id-Direttiva 2000/78 ma tipprekludix, bħala prinċipju, leġiżlazzjoni nazzjonali li tintroduċi vaċċinazzjoni obbligatorja għal membru tal-militar li tmur kontra l-opinjoni personali tiegħu. |
3. Applikazzjoni għaċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ
|
49. |
Minn dan isegwi li r-rikorrent ma jistax ikollu opinjonijiet personali dwar ir-rekwiżit ta’ vaċċinazzjoni għall-persunal militari kontra l-persuna li timpjegah, li kienet qiegħda timplimenta leġiżlazzjoni nazzjonali li tintroduċi vaċċinazzjoni obbligatorja għall-persunal militari. |
|
50. |
Ir-rikorrent sostna quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li l-obbligu ta’ tilqim impost fuqu skont l-Artikolu 4-ter tad-Digriet-Liġi Nru 44/21 kien jobbligah jiffirma formola ta’ kunsens informat li kienet tindika espressament li l-effetti sekondarji fit-tul tal-vaċċini kontra l-COVID-19, inkluż ir-riskju ta’ mewt, kienu għadhom mhux magħrufa. Skont ir-rikorrent, l-inċertezza tiegħu dwar ir-riskji relatati mal-vaċċin kienet sussegwentement ikkorroborata mill-fatt li diversi persuni li kienu rċevew il-vaċċin kienu sussegwentement morda jew saħansitra mietu mill-COVID-19. Għalhekk, minkejja li l-vaċċini ġew uffiċjalment ikklassifikati bħala siguri, ir-rikorrenti kkonkludiet li l-programm ta’ vaċċinazzjoni kontra l-COVID-19 kien primarjament iggwidat mill-interessi kummerċjali tal-impriżi farmaċewtiċi u għalhekk kien jipperikola lill-persunal militari li kellu l-obbligu li jiġi vvaċċinat, indipendentement mill-effikaċja u mis-sigurtà allegati tal-vaċċini. Huwa żied li ma xtaqx jipperikola ħajtu stess billi jesponi ruħu għal eventwali effetti sekondarji sabiex jikkontribwixxi għall-attivitajiet bi qligħ tal-kumpanniji farmaċewtiċi. |
|
51. |
L-oppożizzjoni tar-rikorrenti għar-rekwiżit ta’ vaċċinazzjoni ġiet enfasizzata ulterjorment mill-fatt li l-gvern, li impona r-rekwiżit previst fl-Artikolu 4-ter tad-Digriet-Liġi Nru 44/21, ma assuma ebda responsabbiltà fir-rigward tal-konsegwenzi negattivi derivanti mill-vaċċin. Huwa sostna wkoll li ma joġġezzjonax għall-obbligu ta’ tilqim jekk jiġi impost skont l-Artikolu 206-bis tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 66/10. |
|
52. |
Kif jirriżulta kemm mid-deċiżjoni tar-rinviju kif ukoll mill-argumenti mqajma mir-rikorrent waqt is-seduta, inqis li dan tal-aħħar ma pproduċiex prova li turi li l-oppożizzjoni tiegħu għar-rekwiżit ta’ vaċċinazzjoni kontra l-COVID-19 tirriżulta minn twemmin filosofiku. Pjuttost, l-oppożizzjoni tiegħu għal dan ir-rekwiżit tidher li għandha żewġ raġunijiet. L-ewwel nett, l-oppożizzjoni tiegħu hija bbażata fuq il-fehma kritika tiegħu relatata mas-saħħa li l-vaċċin ma kienx sikur minħabba li, fost raġunijiet oħra, id-distribuzzjoni tagħhom kienet prinċipalment immotivata mill-interessi kummerċjali tal-industrija farmaċewtika. It-tieni nett, ir-rikorrent ikkritikat ir-riluttanza tal-Gvern li jaċċetta kwalunkwe responsabbiltà għall-effetti sekondarji potenzjali kkawżati mill-vaċċin, li hija r-raġuni għalfejn huwa ma imponiex vaċċinazzjonijiet fuq il-persunal militari bħala obbligu. |
|
53. |
Kif irrilevat il-Kummissjoni waqt is-seduta, l-opinjoni tar-rikorrent tista’ tinbidel fid-dawl ta’ data xjentifika ġdida, u tfisser li din l-opinjoni ma tikkostitwixxix viżjoni globali komprensiva tal-ħajja bbażata fuq kunsiderazzjonijiet filosofiċi jew spiritwali. L-opinjoni tiegħu tidher li hija limitata għall-vaċċin kontra l-COVID-19 innifsu u hija bbażata fuq l-allegati riskji għas-saħħa ta’ dan il-vaċċin, li, skont ir-rikorrent, ma ġewx evalwati b’mod suffiċjenti fid-dawl tal-provi xjentifiċi mediċi disponibbli meta ġie impost ir-rekwiżit ta’ vaċċinazzjoni kontra l-COVID-19. L-oppożizzjoni tiegħu għall-vaċċin hija wkoll espressjoni tan-nuqqas ta’ qbil tiegħu mal-politika tal-gvern relatata mar-rekwiżit ta’ vaċċinazzjoni. |
|
54. |
F’dan is-sens, ir-rikorrent ma jidhirx li qiegħed jinvoka twemmin filosofiku ġenwin. |
|
55. |
Dak kollu li ntqal iktar ’il fuq iwassalni biex nikkonkludi li l-opinjoni kritika tar-rikorrent dwar l-obbligu ta’ tilqim ma tikkostitwixxix twemmin protett mill-Artikolu 1 tad-Direttiva 2000/78. |
|
56. |
Konsegwentement, ir-rikorrent ma jistax jinvoka d-Direttiva 2000/78 sabiex jikkontesta l-applikazzjoni tad-Digriet-Liġi Nru 44/21 mill-persuna li timpjegah. |
|
57. |
Fil-qosor, nipproponi li, b’risposta għall-ewwel u għat-tieni domanda magħmula, il-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi li d-Direttiva 2000/78 ma hijiex applikabbli fiċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ, peress li l-allegata diskriminazzjoni ma taqax taħt waħda mir-raġunijiet ta’ diskriminazzjoni pprojbiti minn dik id-direttiva. |
|
58. |
Id-Direttiva 2000/78 tipprojbixxi, inter alia, diskriminazzjoni bbażata fuq it-“twemmin”. Madankollu, opinjonijiet personali, ibbażati fuq tħassib dwar is-saħħa jew fuq nuqqas ta’ qbil ma’ politika ta’ vaċċinazzjoni tal-gvern, ma jikkostitwixxux “twemmin” fis-sens tad-Direttiva 2000/78. |
B. Sussidjarjament
|
59. |
Madankollu, fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li opinjoni personali marbuta mal-vaċċinazzjoni, ibbażata fuq tħassib dwar is-saħħa jew fuq nuqqas ta’ qbil ma’ politika ta’ vaċċinazzjoni pubblika, tikkostitwixxi “twemmin” fis-sens tad-Direttiva 2000/78, għandu jiġi evalwat jekk it-trattament irriżervat lir-rikorrent jistax jiġi kklassifikat bħala diskriminazzjoni diretta jew indiretta u, fl-affermattiv, jekk tali differenza fit-trattament tistax tiġi ġġustifikata. |
|
60. |
Ikun hemm diskriminazzjoni diretta, ipprojbita skont l-Artikolu 2(2)(a) tad-Direttiva 2000/78, meta d-differenza fit-trattament tkun ibbażata direttament fuq waħda mir-raġunijiet ipprojbiti previsti minn din id-direttiva. Il-leġiżlazzjoni Taljana inkwistjoni ma hijiex ibbażata fuq l-opinjoni personali tal-persunal militari fir-rigward tal-vaċċinazzjoni kontra l-COVID-19. Għaldaqstant, din il-leġiżlazzjoni ma tistax tinftiehem bħala direttament diskriminatorja. |
|
61. |
Ikun hemm diskriminazzjoni indiretta bbażata fuq it-twemmin, ipprojbita mill-Artikolu 2(2)(b) tad-Direttiva 2000/78, jekk regola jew prattika apparentement newtrali tqiegħed lill-persuni f’sitwazzjoni żvantaġġuża ( 17 ). |
|
62. |
Kieku l-opinjoni personali tar-rikorrent li jopponi r-rekwiżit ta’ vaċċinazzjoni kellha titqies bħala “twemmin” fis-sens tad-Direttiva 2000/78, ir-regola introdotta mil-leġiżlazzjoni Taljana, li tipprevedi s-sospensjoni mingħajr ħlas ta’ persunal militari mhux ivvaċċinat, tista’ titqies li tqiegħed indirettament lil dawn il-membri tal-militar fi żvantaġġ meta mqabbla ma’ suldati oħra li ġew ivvaċċinati volontarjament. |
|
63. |
Madankollu, diskriminazzjoni indiretta tista’ tkun iġġustifikata minn skop leġittimu, sakemm il-mezzi biex jintlaħaq dak l-għan ikunu xierqa u neċessarji ( 18 ). |
|
64. |
Fir-rigward tal-kundizzjoni dwar l-eżistenza ta’ għan leġittimu, il-Gvern Taljan spjega li r-rekwiżit ta’ vaċċinazzjoni kontra l-COVID-19 inkwistjoni ġie impost bħala miżura organizzattiva li tikkonċerna l-attivitajiet u l-funzjonijiet tal-persunal militari matul il-pandemija tal-COVID-19. Tali miżura kellha għan doppju: minn naħa, din kellha l-għan li tipproteġi lill-membri tal-militar mill-kontrazzjoni tas-SARS-CoV-2 fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom matul il-pandemija tal-COVID-19; min-naħa l-oħra, hija kienet intiża biex tipproteġi s-saħħa pubblika, filwaqt li tiżgura t-twettiq tajjeb ta’ dawn il-funzjonijiet. |
|
65. |
Fis-sentenza Nordic Info, il-Qorti tal-Ġustizzja kklassifikat il-pandemija tal-COVID-19 bħala theddida serja għas-saħħa pubblika li tista’ tipprovoka l-mewt fost diversi kategoriji tal-popolazzjoni u tgħabbi żżejjed, jew saħansitra tħawwad is-sistema tas-saħħa nazzjonali ( 19 ). |
|
66. |
Barra minn hekk, il-protezzjoni tas-saħħa pubblika hija għan manifestament leġittimu, kif affermat mill-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja. B’hekk, fis-sentenza Memoria u Dall’Antonia, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li “l-protezzjoni tas-saħħa pubblika tinsab fost ir-raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali rrikonoxxuti mid-dritt tal-Unjoni u li l-Istati Membri għandhom f’dan il-qasam marġni ta’ diskrezzjoni wiesgħa.” ( 20 ) |
|
67. |
F’sitwazzjoni simili, il-Qorti EDB iddeċidiet, fil-kawża Pasquinelli et vs San Marino, li rekwiżit ta’ vaċċinazzjoni impost minn Stat fuq ċerti professjonisti tas-saħħa matul il-pandemija tal-COVID-19 kien isegwi, fl-emerġenza tas-saħħa pubblika li kienet tippreżenta riskju serju għall-popolazzjoni kollha, għan leġittimu ta’ protezzjoni tas-saħħa pubblika u tad-drittijiet u tal-libertajiet ta’ ħaddieħor. Barra minn hekk, dik il-qorti pprovdiet li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni n-natura temporanja, l-intensità limitata u l-kuntest eċċezzjonali sabiex tiġi deċiża l-proporzjonalità tal-miżuri restrittivi imposti ( 21 ). |
|
68. |
Ir-rikorrent spjega li huwa kien lest li jipproduċi l-prova ta’ test negattiv tal-COVID-19 kull 48 siegħa, iżda li dan ġie miċħud u li huwa ġie sospiż mix-xogħol tiegħu minħabba r-rifjut tiegħu li jitlaqqam. Barra minn hekk, ir-rikorrent isostni li, anki jekk kien impjegat bħala membru tal-forzi armati, huwa kellu impjieg fl-uffiċċju, simili għall-persunal ċivili, li ma kellux ir-rekwiżit li jiġi vvaċċinat sabiex ikompli jaħdem għall-istess persuna li timpjega. |
|
69. |
Permezz ta’ dawn l-argumenti, ir-rikorrent jikkontesta n-natura xierqa u neċessarja tal-leġiżlazzjoni Taljana. |
|
70. |
Il-Gvern Taljan, filwaqt li rrispetta l-libertà tal-opinjoni tal-persunal militari, impona rekwiżit ta’ vaċċinazzjoni relatat mal-COVID-19 u ta lill-persunal militari l-għażla li jirċievu jew jirrifjutaw il-vaċċin. Kieku huma rrifjutaw, indipendentement mir-rwol professjonali tagħhom u mill-funzjonijiet eżerċitati minnhom, il-konsegwenza kienet sospensjoni temporanja tar-relazzjoni ta’ xogħol tagħhom mal-konvenut. |
|
71. |
Minkejja l-argument tar-rikorrent li huwa kien jeżerċita funzjonijiet fl-uffiċju bħala membru tal-militar b’kuntatt limitat ma’ persuni oħra, tali rekwiżit ta’ vaċċinazzjoni ma setax jiġi impost każ b’każ. Għall-kuntrarju, hija kienet tapplika bl-istess mod għall-persunal militari kollu li jaħdem għall-konvenut, irrispettivament minn jekk kinux jemmnu fl-effikaċja u fis-sigurtà ta’ dawn il-vaċċinazzjonjiet jew le. |
|
72. |
Fir-rigward tal-kundizzjoni dwar l-eżistenza ta’ mezzi xierqa u neċessarji, naqbel mal-fehma tal-Gvern Taljan, li spjega li ma kinux jeżistu miżuri oħra xierqa u inqas restrittivi meta mqabbla mal-għan imfittex minn din il-leġiżlazzjoni nazzjonali. Anki jekk it-test tas-SARS-CoV-2 seta’ jitqies bħala inqas restrittiv, dan ma joffrix l-istess livell ta’ prevenzjoni bħall-vaċċinazzjoni. Bħala tali, din is-soluzzjoni la kienet tkun xierqa u lanqas effikaċi sabiex tipprekludi lill-persunal militari milli jiġu infettati u jxandru l-COVID-19, u kienet tirriskja li tikkomprometti l-isforzi leġittimi ta’ saħħa pubblika ta’ dan il-gvern sabiex jiġu limitati l-effetti tal-pandemija. Barra minn hekk, l-organizzazzjoni ta’ testijiet frekwenti tal-COVID-19 f’intervalli ta’ 48 siegħa għall-persunal militari tkun teħtieġ sforzi u spejjeż mhux raġonevoli, li jkun diffiċli li jiġġarrab għal sistema ta’ kura tas-saħħa diġà affettwata mill-ġestjoni tal-pandemija. |
|
73. |
Minflok, ir-rekwiżit ta’ vaċċinazzjoni kontra l-COVID-19 kellu l-għan li jnaqqas ir-riskju ta’ mard tal-persunal militari u li jnaqqas il-probabbiltà li dawn sussegwentement jittrasmettu s-SARS-CoV-2 lil oħrajn. Barra minn hekk, dak iż-żmien, iktar ma l-proporzjon ta’ persuni vvaċċinati kien kbir, inqas il-virus seta’ jinfirex, u b’hekk jikkontribwixxi għall-iżvilupp ta’ immunità tal-merħla. |
|
74. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jiena tal-fehma li r-regola nazzjonali tissodisfa kull kriterju stabbilit fl-Artikolu 2(2)(b)(i) tad-Direttiva 2000/78, peress li kienet issegwi l-għan leġittimu ta’ protezzjoni tas-saħħa pubblika billi tipprekludi t-tixrid tal-COVID-19 bl-użu ta’ mezzi li kienu kemm neċessarji kif ukoll proporzjonati. |
|
75. |
Konsegwentement, anki jekk il-Qorti tal-Ġustizzja kellha tqis li d-Digriet-Liġi Nru 44/21 jista’ jiġi kklassifikat bħala diskriminazzjoni indiretta bbażata fuq “twemmin” fis-sens tad-Direttiva 2000/78, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi li tali leġiżlazzjoni tista’ madankollu tiġi ġġustifikata skont l-Artikolu 2(2)(b)(i) ta’ din id-direttiva, peress li kellha għan leġittimu, jiġifieri l-protezzjoni tas-saħħa pubblika, inkluża dik tal-persunal militari impjegat mill-Ministeru għad-Difiża. Barra minn hekk, fil-mument meta l-leġiżlatur Taljan ippromulga r-regola, ma kinux jeżistu miżuri alternattivi li kienu kemm xierqa u inqas restrittivi sabiex jintlaħaq dan l-għan. |
It-tielet domanda magħmula
|
76. |
Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk is-sospensjoni mingħajr ħlas ta’ membru tal-persunal militari li rrifjuta li jirċievi l-vaċċin kontra l-COVID-19 tistax titqies li tmur kontra l-Artikoli 1 u 24 tal-Karta. |
|
77. |
Kif sostnejt f’dawn il-konklużjonijiet, il-pożizzjonijiet personali dwar rekwiżit ta’ vaċċinazzjoni, bħal dawk espressi mill-applikant, ma jaqgħux taħt il-kunċett ta’ twemmin protett mill-Artikolu 1 tad-Direttiva 2000/78. Anki kieku dawn il-pożizzjonijiet kellhom jikkostitwixxu twemmin fis-sens ta’ din id-direttiva, id-diskriminazzjoni indiretta li tirriżulta tista’ tiġi ġġustifikata minn raġunijiet ta’ interess ġenerali. Il-konsegwenzi li jirriżultaw mill-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni ma jistgħux, għaldaqstant, jitqiesu li jippreġudikaw id-dinjità tal-bniedem jew id-dritt tal-wild, protett mill-Artikoli 1 u 24 tal-Karta. |
IV. Konklużjoni
|
78. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi b’dan il-mod għad-domandi preliminari magħmula mill-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat, l-Italja): Id-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas‑27 ta’ Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol, għandha tiġi interpretata fis-sens li ma tipprekludix rekwiżit ta’ vaċċinazzjoni impost mid-dritt nazzjonali fuq membru tal-militar li jmur kontra l-pożizzjonijiet personali tiegħu. Dik id-direttiva tipprojbixxi, inter alia, diskriminazzjoni bbażata fuq it-“twemmin”. Madankollu, opinjonijiet personali bbażati fuq tħassib dwar is-saħħa jew fuq nuqqas ta’ qbil ma’ politika ta’ vaċċinazzjoni tal-gvern ma jikkostitwixxux “twemmin” fis-sens tad-Direttiva 2000/78. |
( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.
( 2 ) Ara, f’dan ir-rigward, id-dikjarazzjoni tad-Direttur Ġenerali tal-World Health Organization tal‑5 ta’ Mejju 2023, disponibbli fl-indirizz li ġej: https://www.who.int/news-room/speeches/item/who-director-general-s-opening-remarks-at-the-media-briefing---5-may-2023.
( 3 ) Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas‑27 ta’ Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 79, iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2000/78”),
( 4 ) Decreto-legge 1 aprile 2021, n. 44 – Misure urgenti per il contenimento dell’epidemia da COVID-19, in materia di vaccinazioni anti SARS-CoV-2, di giustizia e di concorsi pubblici (id-Digriet-Liġi Nru 44 tal‑1 ta’ April 2021, dwar miżuri urġenti ta’ ġlieda kontra l-pandemija tal-COVID-19, dwar il-vaċċinazzjoni kontra s-SARS-CoV-2, il-ġustizzja u l-għajnuna pubblika), ikkonvertit bil-Legge 28 maggio 2021, n. 76 (il-Liġi Nru 76, tat‑28 ta’ Mejju 2021), kif emendata bid-decreto legge 26 novembre 2021, n. 172, Misure urgenti per il contenimento dell’epidemia da COVID-19 e per lo svolgimento in sicurezza delle attività economiche e sociali (id-Digriet-Liġi Nru 172 tas-‑26 ta’ Novembru 2021 dwar miżuri urġenti għall-ġlieda kontra l-pandemija tal-COVID-19 għas-sikurezza tal-attivitajiet ekonomiċi u soċjali), ikkonvertita b’emendi bil-Legge 21 gennaio 2022, n. 3 (il-Liġi Nru 3 tal‑21 ta’ Jannar 2022).
( 5 ) L-obbligu tal-vaċċinazzjoni kontra l-COVID-19 ġie introdott inizjalment għall-professjonisti tal-kura tas-saħħa u għall-professjonisti tas-saħħa pubblika, imbagħad għall-ħaddiema impjegati fl-assistenza soċjali residenzjali u fl-istituzzjonijiet tal-kura tas-saħħa, u fl-aħħar nett, fost kategoriji oħra, għall-persunal fis-setturi tad-difiża, tas-sigurtà u tal-emerġenzi pubbliċi.
( 6 ) Decreto legislativo 15 marzo 2010, n. 66 – Codice dell’ordinamento militare (id-Digriet Leġiżlattiv Nru 66 tal‑15 ta’ Marzu 2010 dwar il-Kodiċi tal-Liġi Militari).
( 7 ) L-Artikolu 4-ter(1)(b) tad-Digriet-Liġi Nru 44/21 tħassar bl-Artikolu 8 tad-Decreto-legge 24 marzo 2022, n. 24 – Disposizioni urgenti per il superamento delle misure di contrasto alla diffusione dell’epidemia da COVID-19, in conseguenza della cessazione dello stato di emergenza (id-Digriet-Liġi Nru 24, tal‑24 ta’ Marzu 2022; li jistabbilixxi miżuri urġenti li jissostitwixxu l-miżuri għall-ġlieda kontra l-firxa tal-pandemija tal-COVID-19, wara li ntemm l-istat ta’ emerġenza; iktar ’il quddiem id-“Digriet-Liġi Nru 24/22”).
( 8 ) L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2000/78.
( 9 ) Ara s-sentenza tas‑17 ta’ Ottubru 2024, Zetschek (C‑349/23, EU:C:2024:889, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 10 ) Lanqas ma hija prevista definizzjoni tal-kunċett ta’ “twemmin” fil-leġiżlazzjoni tal-Istati Membri u lanqas fil-livell internazzjonali. Madankollu, xi Stati Membri jipprovdu dokumentazzjoni ta’ spjegazzjoni li takkumpanja l-leġiżlazzjoni, filwaqt li jipprovdu gwida għad-definizzjoni tal-kunċett ta’ twemmin. Pereżempju, fil-Pajjiżi l-Baxxi, it-terminu “filosofija tal-ħajja” (jiġifieri filosofiji wesgħin, bħall-umaniżmu, li madankollu ma jestendix għall-kunċetti kollha tas-soċjetà) ġie adottat biex jispjega x’jista’ jinkludi l-kunċett ta’ “twemmin”. Fl-Italja, f’diversi okkażjonijiet, il-qrati nazzjonali qiesu li l-kunċett ta’ “twemmin” bħala raġuni protetta jkopri, pereżempju, l-affiljazzjoni sindakali u l-konvinzjoni personali li wieħed għandu jirrifjuta li jġorr l-armi, fil-każ ta’ objetturi ta’ kuxjenza. Ara, f’dan ir-rigward, European Commission – Directorate-General for Justice and Consumers, I. Chopin u C. Germaine, “A Comparative Analysis of Non-discrimination Law in Europe 2024 – The 27 EU Member States compared – Prepared by Isabelle Chopin and Catharina Germaine for the European network of legal experts in gender equality and non-discrimination, Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, 2024, p. 18 u 19.
( 11 ) Ara s-sentenzi tal‑15 ta’ Lulju 2021, WABE u MH Müller Handel (C‑804/18 u C‑341/19, EU:C:2021:594, punt 47); tat‑13 ta’ Ottubru 2022, SCRL (Ħwejjeġ reliġjużi) (C‑344/20, SCRL (Ħwejjeġ reliġjużi), EU:C:2022:774, punt 26), u tat‑28 ta’ Novembru 2023, Commune d’Ans (C‑148/22, EU:C:2023:924, punt 22).
( 12 ) Ara SCRL (Ħwejjeġ reliġjużi), punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata.
( 13 ) Ara SCRL (Ħwejjeġ reliġjużi), punt 28. Enfasi miżjuda minni.
( 14 ) Ara SCRL (Ħwejjeġ reliġjużi), punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata.
( 15 ) Ara s-sentenza tal-Qorti EDB tat‑8 ta’ April 2021 Vavřička et vs Ir-Repubblika Ċeka, CE:ECHR:2021:0408JUD004762113, “iktar ’il quddiem Vavřička”, punti 335 u 337). F’dik il-kawża, sitt rikorrenti kkontestaw l-obbligu legali tar-Repubblika Ċeka li t-tfal jiġu vvaċċinati kontra diversi mard infettiv. Rikorrent minnhom kien ġie ssuġġettat għal multa talli ma vvaċċinax lil uliedu, filwaqt li oħrajn kienu ġenituri li t-tfal tagħhom ġew irrifjutati l-ammissjoni għall-kindergarten minħabba n-nuqqas ta’ osservanza tar-rekwiżit ta’ vaċċinazzjoni. Ir-rikorrenti kollha invokaw l-Artikolu 8 tal-KEDB u tlieta minnhom invokaw l-Artikolu 9 tal-KEDB. Il-Qorti EDB ċaħdet bħala inammissibbli t-talbiet ibbażati fuq l-Artikolu 9 tal-KEDB.
( 16 ) Ara s-sentenza Vavřička, punt 335 (enfasi miżjuda minni). Dan il-kriterju – “konvinzjoni jew twemmin ta’ saħħa, ta’ gravità, ta’ koeżjoni u ta’ importanza suffiċjenti” — ġie stabbilit fis-sentenza Campbell u Cone vs Ir-Renju Unit. Fiha, il-Qorti EDB ipprovdiet li “fis-sens ordinarju tagħha, il-kelma “konvinzjoni”, meħuda waħedha, ma hijiex sinonima mal-kliem “opinjonijiet” u “ideat”, kif użati fl-Artikolu 10 [tal-KEDB], li jiggarantixxi l-libertà tal-espressjoni; huwa iktar simili għat-terminu “twemmin” (fit-test Franċiż: “convictions”) li jidher fl-Artikolu 9 [tal-KEDB] – li jiggarantixxi l-libertà tal-ħsieb, tal-kuxjenza u tar-reliġjon – u jindika opinjonijiet li jilħqu ċertu livell ta’ saħħa, ta’ gravità, ta’ koeżjoni u ta’ importanza.” Ara s-sentenza tal-Qorti EDB tal‑25 ta’ Frar 1982 (CE:ECHR:1982:0225JUD000751176, punt 36).
( 17 ) Ara SCRL (Ħwejjeġ reliġjużi), punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata.
( 18 ) Artikolu 2(2)(b)(i) tad-Direttiva 2000/78.
( 19 ) Ara s-sentenza tal‑5 ta’ Diċembru 2023, Nordic Info (C‑128/22, EU:C:2023:951, punt 120).
( 20 ) Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tal‑14 ta’ Novembru 2018, Memoria u Dall’Antonia (C‑342/17, EU:C:2018:906, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 21 ) Ara s-sentenza tal-Qorti EDB tad‑29 ta’ Awwissu 2024, Pasquinelli et vs San Marino, CE:ECHR:2024:0829JUD002462222, punti 94 sa 96 u 128. Fl‑2021, San Marino adotta liġi li tgħid li l-ħaddiema soċjali u tal-kura tas-saħħa kollha b’kuntatt dirett mal-pazjenti għandhom jieħdu l-vaċċinazzjoni kontra l-COVID-19. Filwaqt li l-vaċċinazzjoni ma kinitx obbligatorja, il-liġi stabbilixxiet ġerarkija ta’ miżuri alternattivi għal kwalunkwe persuna li rrifjutat, inkluż l-assenjazzjoni mill-ġdid tal-funzjonijiet jew l-assenjazzjoni mill-ġdid għal pożizzjonijiet vakanti fl-amministrazzjoni pubblika li jillimitaw il-kuntatt mal-pazjenti, u l-użu ta’ leave imfaddal jew ta’ testijiet obbligatorji tal-antiġeni kull 48 siegħa. Huwa biss fis-sitwazzjonijiet fejn dawn l-għażliet ma kinux prattikabbli li kienet prevista sospensjoni temporanja tas-servizz b’salarju mensili, suġġetta għat-twettiq ta’ attivitajiet ta’ utilità soċjali. Il-leġiżlatur ta’ San Marino ġġustifika din is-sistema bil-fatt li dawn il-ħaddiema jinsabu f’riskju ikbar ta’ infezzjoni u li t-tilqim huwa essenzjali biex jiġu ppreservati kemm il-pazjenti vulnerabbli kif ukoll il-kontinwità tas-sistema tas-saħħa soċjali. Grupp ta’ ħaddiema li rrifjutaw il-vaċċinazzjoni ġew suġġetti għall-miżuri msemmija iktar ’il fuq u kkontestaw is-sistema quddiem il-Qorti EDB, billi sostnew li din kienet tikser l-Artikolu 8 tal-KEDB u kienet tikkostitwixxi diskriminazzjoni illegali fis-sens tal-Artikolu 14 tagħha, moqri flimkien mal-Artikolu 1 tal-Protokoll Nru 12 tal-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali. Ir-rikorrenti argumentaw li d-differenza fit-trattament bejn il-persunal ivvaċċinat u dak mhux ivvaċċinat ma kinitx ġustifikazzjoni suffiċjenti skont il-KEDB.