|
13.2.2018 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 40/1 |
REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/181
tat-18 ta’ Ottubru 2017
li jemenda l-Anness IIIb tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1236/2005 dwar il-kummerċ ta’ ċerti oġġetti li jistgħu jintużaw għall-piena kapitali, it-tortura jew trattament jew pieni krudili, inumani jew degradanti oħra
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea„
Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1236/2005 tas-27 ta’ Ġunju 2005 dwar il-kummerċ ta’ ċerti prodotti li jistgħu jintużaw għall-piena kapitali, it-tortura jew trattament jew pieni krudili, inumani jew degradanti oħra (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 12 tiegħu,
Billi:
|
(1) |
F’konformità mal-Artikoli 7b u 7e tar-Regolament (KE) Nru 1236/2005, hija meħtieġa awtorizzazzjoni għal kwalunkwe esportazzjoni ta’ ċerti oġġetti li tista’ tintuża għall-iskop tal-piena kapitali u għal servizzi ta’ senserija jew ta’ assistenza teknika relatati ma’ dawn l-oġġetti, li huma elenkati fl-Anness IIIa ta’ dan ir-Regolament. |
|
(2) |
Awtorizzazzjoni Ġenerali għall-Esportazzjoni tal-Unjoni, li ġiet stabbilita fl-Anness IIIb ta’ dan ir-Regolament, tapplika għal esportazzjonijiet lejn pajjiżi li abolixxew il-piena kapitali għar-reati kollha u li kkonfermaw l-abolizzjoni permezz ta’ impenn internazzjonali, ladarba huma ssodisfati l-kundizzjonijiet u r-rekwiżiti għall-użu ta’ din l-awtorizzazzjoni. Il-Parti 2 tagħha telenka l-pajjiżi rilevanti. |
|
(3) |
Fir-rigward ta’ pajjiżi li mhumiex membri tal-Kunsill tal-Ewropa, din il-lista tinkludi pajjiżi li mhux biss abolixxew il-piena kapitali għar-reati kollha iżda wkoll irratifikaw it-Tieni Protokoll Fakultattiv tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi mingħajr l-ebda riżerva. |
|
(4) |
Wara r-ratifiki ta’ dan il-Protokoll mingħajr ebda riżerva, ir-Repubblika Dominicana, São Tomé u Príncipe u t-Togo jissodisfaw il-kundizzjonijiet għall-inklużjoni f’din il-lista. |
|
(5) |
Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament (KE) Nru 1236/2005 jiġi emendat skont dan. |
|
(6) |
Sabiex jiġu evitati piżijiet mhux dovuti fuq l-esportaturi u fuq l-awtoritajiet kompetenti, jenħtieġ li l-esportaturi jkunu jistgħu jserrħu fuq l-Awtorizzazzjoni Ġenerali għall-Esportazzjoni tal-Unjoni mill-aktar fis possibbli. Għalhekk, jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ minnufih, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Fl-Anness IIIb tar-Regolament (KE) Nru 1236/2005, il-lista fil-Parti 2 – Destinazzjonijiet hija emendata kif ġej:
|
(1) |
wara Ġibuti, tiddaħħal l-entrata “Ir-Repubblika Domenicana”, |
|
(2) |
wara San Marino tiddaħħal l-entrata “São Tomé u Príncipe”, |
|
(3) |
wara Timor Leste tiddaħħal l-entrata “It-Togo”. |
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, it-18 ta’ Ottubru 2017.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Jean-Claude JUNCKER