21.1.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 14/19


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2022/86

tas-17 ta’ Jannar 2022

dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE rigward l-emenda għall-Anness II (Regolamenti tekniċi, standards, ittestjar u ċertifikazzjoni) tal-Ftehim ŻEE

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari l-Artikolu 53(1) u l-Artikoli 62 u 114, flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2894/94 tat-28 ta’ Novembru 1994 dwar l-arranġamenti għall-implimentazzjoni tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 1(3) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (2) (“il-Ftehim ŻEE”) daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 1994.

(2)

Skont l-Artikolu 98 tal-Ftehim ŻEE, il-Kumitat Konġunt taż-ŻEE stabbilit mill-Ftehim ŻEE (“il-Kumitat Konġunt taż-ŻEE”) jista’ jiddeċiedi li jemenda, fost l-oħrajn, l-Anness II tal-Ftehim ŻEE, li fih dispożizzjonijiet dwar ir-regolamenti tekniċi, standards, ittestjar u ċertifikazzjoni.

(3)

Id-Direttiva 2014/40/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) trid tiġi inkorporata fil-Ftehim ŻEE.

(4)

Id-Direttiva ta’ Delega tal-Kummissjoni 2014/109/UE (4) għandha tiġi inkorporata fil-Ftehim ŻEE.

(5)

Għaldaqstant jenħtieġ li l-Anness II (Regolamenti tekniċi, standards, ittestjar u ċertifikazzjoni) tal-Ftehim ŻEE jiġi emendat skont dan.

(6)

Għaldaqstant, jenħtieġ li l-pożizzjoni tal-Unjoni fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE tkun ibbażata fuq l-abbozz tad-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE mehmuż,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f’isem l-Unjoni, fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE dwar l-emenda għall-Anness II (Regolamenti tekniċi, standards, ittestjar u ċertifikazzjoni) tal-Ftehim ŻEE għandha tkun ibbażata fuq l-abbozz tad-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni (5).

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, is-17 ta’ Jannar 2022.

Għall-Kunsill

Il-President

J. DENORMANDIE


(1)   ĠU L 305, 30.11.1994, p. 6.

(2)   ĠU L 1, 3.1.1994, p. 3.

(3)  Id-Direttiva 2014/40/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta’ April 2014 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri rigward il-manifattura, il-preżentazzjoni u l-bejgħ tat-tabakk u prodotti relatati u li tħassar id-Direttiva 2001/37/KE (ĠU L 127, 29.4.2014, p. 1).

(4)  Id-Direttiva ta’ Delega tal-Kummissjoni 2014/109/UE tal-10 ta’ Ottubru 2014 li temenda l-Anness II tad-Direttiva 2014/40/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill billi tistabbilixxi librerija ta’ twissijiet bl-istampi li għandhom jintużaw fuq prodotti tat-tabakk (ĠU L 360, 17.12.2014, p. 22).

(5)  https://data.consilium.europa.eu/doc/document/ST-14303-2021-INIT/mt/pd