KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKATA ĠENERALI
ĆAPETA
ippreżentati fit‑12 ta’ Ġunju 2025 ( 1 )
Kawża C‑137/24 P
Michael Heßler
vs
Il-Kummissjoni Ewropea
“Appell – Regolament (KEE, Euratom, KEFA) Nru 260/68 – Regolamenti tal-Persunal – Allowance għal wild dipendenti – Tnaqqis fiskali – Rabta bejn l-allowance għal wild dipendenti u t-tnaqqis fiskali – Relazzjoni bejn direttiva interna ta’ istituzzjoni tal-Unjoni u atti leġiżlattivi ġerarkikament superjuri”
I. Introduzzjoni
|
1. |
Il-persuni impjegati mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea huma intitolati għal ċerti benefiċċji soċjali. Għall-impjegati li għandhom ulied dipendenti, dawn il-benefiċċji jinkludu allowance għal wild dipendenti u tnaqqis fiskali. |
|
2. |
Michael Heßler, uffiċjal tal-Kummissjoni Ewropea, ressaq talba għal tnaqqis fiskali minħabba t-tifla tiegħu, li, minkejja li kellha iktar minn 26 sena, kienet għadha studenta fil-mument tat-talba. Din it-talba ġiet miċħuda mill-Kummissjoni. M. Heßler ippreżenta appell mid-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiċħad it-talba tiegħu quddiem il-Qorti Ġenerali, li ċaħdet l-appell tiegħu permezz ta’ sentenza tal‑20 ta’ Diċembru 2023, Heßler vs Il‑Kummissjoni (T‑369/22, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata, mhux ippubblikata, EU:T:2023:855). Permezz ta’ dan l-appell, M. Heßler jikkontesta din is-sentenza. |
|
3. |
Kif ġie mitlub mill-Qorti tal-Ġustizzja, dawn il-konklużjonijiet ser jiffokaw fuq waħda biss mill-kwistjonijiet imqajma fil-kuntest tal-appell, jiġifieri, dwar jekk teżistix rabta bejn l-allowance għal wild dipendenti u t-tnaqqis fiskali għal ulied dipendenti stabbilita fir-Regolament (KEE, Euratom, KEFA) Nru 260/68 ( 2 ). |
|
4. |
Sabiex tingħata tweġiba għal din il-kwistjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tinterpreta żewġ strumenti tal-Unjoni: ir-Regolamenti tal-Persunal ( 3 ) u r-Regolament Nru 260/68. |
II. Il-leġiżlazzjoni applikabbli
Id-dritt tal-Unjoni
Ir-Regolamenti tal-Persunal
|
5. |
Il-kundizzjonijiet għall-eliġibbiltà għall-allowance għal wild dipendenti huma stabbiliti fl-Artikolu 2 tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal, intitolat “Ir-remunerazzjoni u r-Rimborsar ta’ spejjeż”, li jipprovdi: “1. Skond il-paragrafi 2 u 3 t’hawn taħt, uffiċjal li għandu tifel dipendenti wieħed jew aktar għandu jirċievi allowance ta’ […] fix-xahar għal kull tifel dipendenti. 2. ‘Tifel dipendenti’ ifisser it-tifel leġittimu, naturali jew adottat ta’ uffiċjal, jew tal-konsorti tiegħu li attwalment mantnut mill-uffiċjal. L-istess għandu japplika għal tifel li għalih saret applikazzjoni għall-adozzjoni u nbdiet il-proċedura ta’ l-adozzjoni. Kull tifel li l-uffiċjal għandu r-responabbiltà li jmantni taħt deċiżjoni ġudizzjarja bbażata fuq il-leġislazzjoni ta’ l-Istati Membri dwar il-ħarsien tal-minuri, għandu jitqies bħala tifel dipendenti. 3. Il-benefiċċju għandu jkun jingħata:
4. Kull persuna li l-uffiċjal għandu reponsabbiltà legali li jżomm u li l-manteniment tagħha jinvolvi spejjeż kbar tista’, bħala eċċezzjoni, titqies li hija tifel indipendenti b’deċiżjoni raġunati speċjali ta’ l-awtorità tal-ħatra, ibbażata fuq dokumenti ta’ appoġġ. 5. Il-pagament tal-allowance dwar tifel li ma jitħallix minħabba mard serju jew invalidità milli jaqla’ biex jgħix, għandu jkompli matul il-perjodu ta’ dak il-mard jew invlidità, tjkun xi tkun l-età. 6. Mhux aktar minn allowance waħda għat-tfal dipendenti ma jitħallas għal kull tifel dipendenti fis-sens ta’ dan l-Artikolu, anki meta l-ġenituri qegħdin fis-servizz ta’ żewġ istituzzjonijiet differenti tal-Unjoni Ewropea. 7. Jekk il-kustodja tat-tifel dipendenti fis-sens tal-paragrafi 2 u 3 kienet fdata mill-liġi jew minn ordni tal-qorti jew ta’ l-awtorità amministrattiva kompetenti lil persuna oħra, l-allowance tat-tifel dipendenti jitħallas lil dik il-persuna f’isem u għan-nom ta’ l-uffiċjal.” |
Ir-Regolament Nru 260/68
|
6. |
It-tnaqqis fiskali huwa rregolat mill-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 260/68 li, fil-partijiet rilevanti tiegħu, jipprovdi: “1. It-taxxa għandha titħallas kull xahar fuq salarji, pagi u emolumenti mħallsa mill-Komunitajiet lil kull persuna soġġetta għaliha. […] 3. L-allowance tal-familja u benefiċċji soċjali li jidhru fil-lista hawn taħt għandhom jitnaqqsu mill-ammont bażiku taxxabbli:
[…] 4. Bla ħsara għad-disposizzjonijiet ta’ l-Artikolu 5, għandhom jitnaqqsu 10 % ta’ l-spejjeż relatati mal-post tax-xogħol jew personali mill-ammont miksub wara li jkunu applikati d-disposizzjonijiet ta’ qabel dan il-paragrafu. Għandu jsir tnaqqis addizzjonali li jkun id-doppju ta’ l-ammont ta’ l-allowance għal wild dipendenti għal kull wild dipendenti tal-persuna soġġetta għat-taxxa, kif ukoll għal kull persuna meqjusa bħala wild dipendenti skond it-tifsira ta’ l-Artikolu 2(4) ta’ l-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal. […]” |
III. Il-fatti u l-proċeduri
A. Il-kuntest tat-tilwima
|
7. |
L-appellant huwa uffiċjal tal-Kummissjoni. Huwa missier ta’ żewġt ibniet imwielda fl‑1993 u fl‑1994, li fir-rigward tagħhom huwa rċieva allowance għal wild dipendenti sakemm dawn laħqu, rispettivament, l-età ta’ 26 sena fl-2019 u fl-2020, rispettivament. |
|
8. |
Minbarra l-ħlas tal-allowance għal wild dipendenti, l-appellant ibbenefika wkoll mit-tnaqqis fiskali previst fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(4) tar-Regolament Nru 260/68, sal‑31 ta’ Lulju 2021, għal kull waħda miż-żewġt ibniet tiegħu, li kienu għadhom studenti f’din id-data. |
|
9. |
Fit‑28 ta’ Ġunju 2021, l-appellant bagħat ċertifikat ta’ studji tat-tifla l-kbira tiegħu lill-Uffiċċju tal-Amministrazzjoni u l-Ħlas tal-Intitolamenti Individwali (iktar ’il quddiem il-“PMO”) tal-Kummissjoni, sabiex ikun jista’ jitlob estensjoni tat-tnaqqis fiskali fir-rigward ta’ din it-tifla. |
|
10. |
Permezz ta’ posta elettronika tad‑29 ta’ Ġunju 2021 bħala tweġiba għal din it-talba, amministratur tal-każ tas-servizz tal-PMO responsabbli għall-fajl informa lill-appellant li, abbażi tas-sentenza XB vs BĊE ( 4 ), kull talba għall-għoti jew għall-estensjoni tat-tnaqqis fiskali fl-assenza ta’ dritt għall-allowance għal wild dipendenti mħallsa skont l-Artikolu 2 tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal kienet ser tiġi rrifjutata ( 5 ). |
|
11. |
Fil‑15 ta’ Lulju 2021, l-appellant bagħat nota lill-Kap tas-servizz tal-PMO responsabbli għall-fajl, li fiha huwa kkontesta l-informazzjoni li tinsab fil-posta elettronika tad‑29 ta’ Ġunju 2021. L-appellant ma rċeviex tweġiba espliċita għal din in-nota. |
|
12. |
Fit‑18 ta’ Awwissu 2021, l-appellant talab li l-PMO jagħtih l-estensjoni tat-tnaqqis fiskali fir-rigward tat-tieni tifla tiegħu. |
|
13. |
Permezz ta’ posta elettronika tas‑27 ta’ Awwissu 2021, l-amministratur tal-każ tas-servizz tal-PMO responsabbli għall-fajl wieġeb lill-appellant. Il-kontenut ta’ din it-tweġiba kien bħala prinċipju identiku għal dak li jikkonċerna t-tifla l-kbira tiegħu. |
|
14. |
Fl‑24 ta’ Novembru 2021, l-appellant ressaq ilment kontra r-rifjut tal-estensjoni mitluba li rriżulta mill-assenza ta’ tweġiba mill-PMO, fejn talab l-għoti tal-estenzjoni tat-tnaqqis fiskali mitluba għaż-żewġt ibniet tiegħu. |
|
15. |
Fil‑25 ta’ Marzu 2022, id-Direttur tas-Servizz Finanzjarju, Legali u ta’ Sħubija fid-Direttorat Ġenerali tar-Riżorsi Umani u tas-Sigurtà tal-Kummissjoni, li jaġixxi bħala l-Awtorità tal-Ħatra, ċaħad l-ilment tal-appellant (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment”). |
B. L-azzjoni quddiem il-Qorti Ġenerali
|
16. |
Permezz tar-rikors ippreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali fl‑24 ta’ Ġunju 2022, l-appellant ippreżenta azzjoni intiża sabiex il-Qorti Ġenerali, minn naħa, tannulla d-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment u, min-naħa l-oħra, tobbliga lill-Kummissjoni tagħtih retroattivament it-tnaqqis fiskali inkwistjoni, mill‑1 ta’ Awwissu 2021 u sakemm il-kundizzjonijiet ikunu ssodisfatti, u jitħallsu l-interessi kollha fuq is-somom mhux imħallsa. |
|
17. |
Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors fl-intier tiegħu. |
C. L-aggravji u t-talbiet tal-partijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
|
18. |
Kif ġie indikat fil-punt 3 iktar ’il fuq, filwaqt li l-appell huwa bbażat fuq tliet aggravji, dawn il-konklużjonijiet, kif mitlub mill-Qorti tal-Ġustizzja, ser jeżaminaw biss it-tielet aggravju ( 6 ). |
|
19. |
Anki jekk ma humiex isseparati b’mod ċar, l-argumenti tal-appellant fil-kuntest tat-tielet aggravju jistgħu jinqasmu f’diversi partijiet. L-ewwel, l-appellant isostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta stabbilixxiet rabta, fil-punt 93 tas-sentenza appellata, bejn it-tnaqqis fiskali u l-ħlas effettiv tal-allowance għal wild dipendenti. It-tieni, l-appellant isostni li l-Qorti Ġenerali, inter alia fil-punt 74 tas-sentenza appellata, interpretat b’mod żbaljat il-kunċett ta’ “wild dipendenti” u għalhekk żbaljat meta ċaħdet it-talba tiegħu għat-tnaqqis fiskali mitlub fir-rigward ta’ bintu. It-tielet, l-appellant isostni li, fil-punt 94 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali injorat in-natura vinkolanti tal-atti interni tal-Kummissjoni. Ir-raba’, l-appellant isostni li, fil-punt 100 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali fehmet ħażin in-natura ġuridika reali tat-tnaqqis fiskali mitlub. |
|
20. |
Fuq il-bażi tal-aggravji invokati, l-appellant jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
|
|
21. |
Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
|
IV. Analiżi
|
22. |
Skont kif mitlub mill-Qorti tal-Ġustizzja, dawn il-konklużjonijiet jiffokaw biss fuq it-tielet aggravju tal-appellant u huma organizzati kif ġej. |
|
23. |
Fit-Taqsima A, ser nindirizza l-argument tal-appellant li l-Qorti Ġenerali għamlet żball meta stabbilixxiet rabta bejn l-għoti ta’ allowance għal wild dipendenti u dak ta’ tnaqqis fiskali fir-rigward ta’ wild dipendenti. Fit-Taqsima B, ser niddiskuti l-kunċett ta’ “wild dipendenti” fis-sens tal-Artikolu 3(3)(a) tar-Regolament Nru 260/68, moqri flimkien mal-Artikolu 2 tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal. Fit-Taqsima C, ser neżamina l-applikazzjoni possibbli tad-deċiżjoni interna tal-Kapijiet tal-Amministrazzjoni u r-relazzjoni bejn atti interni tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni u atti leġiżlattivi tal-Unjoni. Fl-aħħar nett, fil-kuntest tat-Taqsima D, ser neżamina fil-qosor l-allegazzjoni tal-appellant li l-Qorti Ġenerali fehmet ħażin in-natura tat-tnaqqis fiskali. |
A. Fuq ir-rabta bejn l-allowance għal wild dipendenti u t-tnaqqis fiskali
|
24. |
L-appellant isostni li billi tikkundizzjona d-dritt għal tnaqqis fiskali fuq ir-riċeviment ta’ ħlas effettiv fir-rigward ta’ allowance għal wild dipendenti l-Qorti Ġenerali, fil-punt 93 tas-sentenza appellata, tat interpretazzjoni żbaljata tad-dritt. |
|
25. |
Naqbel mal-appellant li l-kliem tal-Artikolu 3(4) tar-Regolament Nru 260/68 ma jorbotx id-dritt għat-tnaqqis fiskali mal-ħlas effettiv tal-allowance għal wild. Madankollu, it-tnaqqis fiskali huwa, kif ser nispjega, konness mal-Artikolu 2 tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal, peress li huwa suġġett għall-osservanza tal-istess kundizzjonijiet ta’ dipendenza bħad-dritt għall-allowance għal wild dipendenti. |
|
26. |
Il-kliem tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(4) tar-Regolament Nru 260/68 jissuġġerixxi li t-tnaqqis fiskali huwa kkundizzjonat biss fuq l-eżistenza ta’ wild dipendenti fis-sens tal-Artikolu 2(2) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal. Barra minn hekk, meta persuna tikkwalifika bħala wild dipendenti skont l-Artikolu 2(4) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal, l-eżistenza ta’ dan il-wild dipendenti tista’ twassal għad-dritt għat-tnaqqis fiskali għal uffiċjal li għandu r-responsabbiltà għal dan il-wild. Għalhekk, din id-dispożizzjoni ma tissuġġettax id-dritt għat-tnaqqis fiskali għall-kundizzjoni li effettivament tiġi rċevuta l-allowance għal wild dipendenti abbażi tal-Artikolu 2(3) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal. |
|
27. |
Għaldaqstant, ma hemmx tali rabta bejn l-allowance għal wild dipendenti u t-tnaqqis fiskali bl-effett li l-allowance għal wild dipendenti għandha tkun effettivament imħallsa sabiex l-uffiċjal ikun jista’ jibbenefika mit-tnaqqis fiskali. F’dan is-sens, il-Qorti Ġenerali effettivament wettqet żball meta ddikjarat, fil-punt 93 tas-sentenza appellata, li uffiċjal għandu dritt għat-tnaqqis fiskali biss meta l-allowance għal wild dipendenti tkun effettivament qiegħda titħallas lil dan l-uffiċjal. |
|
28. |
F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali żbaljat ukoll meta bbażat ruħha fuq il-punt 103 tas-sentenza XB vs BĊE u kkonkludiet li huwa biss il-ħlas effettiv tal-allowance għal wild dipendenti li jista’ jagħti dritt għat-tnaqqis fiskali. Il-kwistjoni prinċipali f’dik il-kawża kienet jekk persuna impjegata taħt kuntratt għal żmien qasir mal-Bank Ċentrali Ewropew kellux dritt għall-vantaġġi fiskali, u mhux jekk kinitx teżisti rabta bejn l-allowance għal wild dipendenti u t-tnaqqis fiskali. Għalhekk, is-sentenza XB vs BĊE ma hijiex direttament rilevanti f’din il-kawża. |
|
29. |
Filwaqt li naqbel mal-appellant li d-dritt għat-tnaqqis fiskali għal wild dipendenti ma jiddependix mill-ħlas effettiv tal-allowance għal wild dipendenti, ma naqbilx mal-appellant li ma teżistix rabta bejn dawn iż-żewġ tipi ta’ benefiċċji. |
|
30. |
Il-ġurisprudenza diġà ċċarat li rabta bejn it-tnaqqis fiskali u l-allowance għal wild dipendenti teżisti fis-sens li t-tnejn li huma għandhom l-istess għan soċjali u jirriflettu l-istess tħassib, billi t-tnejn huma ġġustifikati mill-ispejjeż li jirriżultaw minn bżonn attwali u ċert b’rabta mal-wild u mal-manteniment effettiv tiegħu ( 8 ). Barra minn hekk, hemm rabta bejn iż-żewġ benefiċċji fis-sens li l-kundizzjonijiet għall-għoti taż-żewġ tipi ta’ benefiċċji huma l-istess, peress li t-tnejn jiddependu mill-kunċett ta’ “wild dipendenti”. |
|
31. |
Peress li d-dritt għat-tnaqqis fiskali jiddependi mill-eżistenza ta’ wild dipendenti, u peress li l-Artikolu 3(4) tar-Regolament Nru 260/68 jirreferi għar-Regolamenti tal-Persunal għad-definizzjoni ta’ dan il-kunċett, għandu issa jiġi analizzat jekk il-Qorti Ġenerali wettqitx żball fl-interpretazzjoni tagħha tal-kunċett ta’ “wild dipendenti”. |
B. Il-kunċett ta’ “wild dipendenti”
|
32. |
L-appellant iqis li l-Qorti Ġenerali interpretat b’mod żbaljat il-kunċett ta’ “wild dipendenti” fil-punt 74 tas-sentenza appellata meta kkonkludiet li, fid-definizzjoni ta’ wild dipendenti, kellhom jittieħdu inkunsiderazzjoni wkoll il-paragrafi l-oħra tal-Artikolu 2 tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal, u mhux biss it-tieni paragrafu tiegħu. Insostenn tal-argument tiegħu, l-appellant isostni li mis-sentenza Brems vs Il‑Kunsill ( 9 ) jirriżulta li d-definizzjoni ta’ “wild dipendenti” għandha tiġi evalwata biss abbażi tal-Artikolu 2(2) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal. |
|
33. |
Ma naqbilx mal-appellant. |
|
34. |
Id-dritt għat-tnaqqis fiskali abbażi tal-Artikolu 3(4) tar-Regolament Nru 260/68 jitnissel fir-rigward ta’ wlied dipendenti fis-sens tal-Artikolu 2 tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal. |
|
35. |
L-Artikolu 2(2) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal jiddefinixxi l-wild dipendenti bħala t“-tifel leġittimu, naturali jew adottat ta’ uffiċjal, jew tal-konsorti tiegħu li attwalment mantnut mill-uffiċjal”. Din id-dispożizzjoni ma tistabbilixxi l-ebda limitu tal-età sabiex jiġi ddefinit il-kunċett ta’ “wild dipendenti”. |
|
36. |
Madankollu, kif ikkonstatat ġustament il-Qorti Ġenerali fil-punt 79 tas-sentenza appellata (li ma ġiex espressament ikkontestat mill-appellant), din id-dispożizzjoni ma tistax tinqara maqtugħa minn dispożizzjonijiet oħra ta’ dan l-artikolu. Minflok, huwa biss billi dan l-artikolu jinqara fl-intier tiegħu li l-intenzjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni tista’ tiġi identifikata. |
|
37. |
F’dan ir-rigward, l-Artikolu 2(3) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal jissuġġerixxi li l-intenzjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni kienet li jintroduċi limitu tal-età li minnu persuna ma setgħetx tibqa’ titqies bħala wild dipendenti, bla ħsara għall-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 2(4) u (5) ta’ dan l-anness. Dan il-limitu ġie stabbilit fl-età ta’ 18‑il sena, taħt liema età ma huwiex neċessarju li tiġi pprovata d-dipendenza. Madankollu, dan il-limitu tal-età jista’ jiġi estiż sal-età ta’ 26 sena f’ċerti każijiet fejn teżisti “dipendenza” meta wild isegwi taħriġ edukattiv jew vokazzjonali u l-prova tiegħu tiġi prodotta. Madankollu, wara l-età ta’ 26 sena, l-ulied ma jibqgħux jitqiesu bħala dipendenti, anki jekk ikomplu jistudjaw. |
|
38. |
Wieħed jista’ jiddibatti l-adegwatezza tal-limitu tal-età magħżul ta’ 26 sena, fid-dawl tat-tul possibbli ta’ ċerti tipi ta’ studji. Madankollu, tali dibattitu għandu jitħalla għall-proċess leġiżlattiv, u mhux għall-qrati. |
|
39. |
Barra minn hekk, il-leġiżlatur tal-Unjoni ppreveda possibbiltajiet oħra li jippermettu lill-uffiċjali jibbenefikaw minn vantaġġi addizzjonali, fis-sitwazzjonijiet fejn persuna tista’ titqies bħala wild dipendenti abbażi tal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 2(4) jew (5) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal. Għalhekk, uffiċjal jista’ jibbenefika mit-tnaqqis fiskali għal wild ta’ iktar minn 26 sena li għadu qiegħed jistudja jekk il-manteniment ta’ dan il-wild jimponi fuq l-uffiċjal piż finanzjarju kbir, kif jipprovdi l-Artikolu 2(4). Madankollu, l-uffiċjal ikollu jipprova li din il-kundizzjoni hija ssodisfatta. |
|
40. |
F’dan il-każ, l-appellant ma sostniex li d-dritt tiegħu għat-tnaqqis fiskali jitnissel abbażi tal-Artikolu 2(4) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal. L-appellant sostna li huwa għandu dritt għat-tnaqqis fiskali fuq il-bażi biss tal-fatt li bintu għadha qiegħda tistudja, minkejja li għandha iktar minn 26 sena. |
|
41. |
Insostenn tal-argument tal-appellant li l-kunċett ta’ “wild dipendenti” huwa espress fl-Artikolu 2(2) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal, moqri b’mod iżolat, u għalhekk ma jinkludix limitu tal-età, l-appellant straħ fuq is-sentenza Brems vs Il‑Kunsill. |
|
42. |
Ma naqbilx mal-interpretazzjoni ta’ din is-sentenza mill-appellant. Filwaqt li huwa minnu li, f’dik is-sentenza, il-Qorti Ġenerali sostniet li d-definizzjoni ta’ “wild dipendenti” hija prevista fl-Artikolu 2(2) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal, dik il-qorti għamlet riferiment ukoll għal paragrafi oħra ta’ dan l-artikolu meta tat risposti għad-domandi magħmula ( 10 ). |
|
43. |
Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat tali interpretazzjoni fis-sentenza Il‑Kunsill vs Brems ( 11 ), li fiha hija sostniet li l-Artikolu 2(4) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal ma jistax jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li persuni li l-uffiċjal imantni, u li jinsabu f’pożizzjoni differenti minn dawk imsemmija fl-Artikolu 2(3) u (5) ta’ dan l-anness, jiġu ttrattati bħala tfal dipendenti. |
|
44. |
Bħala konklużjoni, naqbel mal-opinjoni tal-Kummissjoni, li l-kunċett ta’ “wild dipendenti” għandu jiġi interpretat billi jittieħed inkunsiderazzjoni l-Artikolu 2 tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal fl-intier tiegħu, għaliex ma jistax jiġi preżunt li l-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-intenzjoni li jipprovdi benefiċċji lill-ulied tal-uffiċjali tal-Unjoni irrispettivament mill-età jew miċ-ċirkustanzi speċjali tagħhom. |
|
45. |
Bl-istess mod, jekk l-ulied dipendenti li għandhom iktar minn 26 sena ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala li jagħtu d-dritt lil uffiċjali tal-Unjoni għal allowance għal wild dipendenti, l-istess japplika għat-tnaqqis fiskali, peress li r-Regolament Nru 260/68 jagħmel riferiment espliċitu għall-kunċett ta’ “wild dipendenti”, kif iddefinit fir-Regolamenti tal-Persunal. |
|
46. |
Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ġustament ikkunsidrat li d-dritt għal tnaqqis fiskali jiddependi mill-istess kriterji bħal dawk stabbiliti għad-dritt għall-allowance għal wild dipendenti, peress li t-tnejn huma ddeterminati mill-kunċett ta’ “wild dipendenti”. Dan il-kunċett għandu jiġi interpretat fid-dawl tal-Artikolu 2 tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal meħud fl-intier tiegħu u, bħala prinċipju, jeskludi t-tfal ta’ iktar minn 26 sena, anki jekk għadhom qegħdin jistudjaw. |
|
47. |
L-argumenti tal-appellant li l-Qorti Ġenerali wettqet żball fl-interpretazzjoni tagħha tal-kunċett ta’ “wild dipendenti” għandhom għalhekk jiġu miċħuda bħala infondati. |
C. L-atti interni ta’ istituzzjoni jistgħu jżidu l-limitu tal-età sabiex wild jitqies bħala “wild dipendenti”?
|
48. |
L-appellant isostni li, fil-punt 94 tas-sentenza appellata ( 12 ), il-Qorti Ġenerali fehmet ħażin in-natura tad-Direttiva Interna tal-Kummissjoni 36‑2004 tal‑24 ta’ Mejju 2004. |
|
49. |
Permezz ta’ dan l-att intern, il-Kummissjoni ttrasponiet il-Konklużjonijiet Nru 222/04 tal-Kapijiet tal-Amministrazzjoni tas‑7 ta’ April 2004, li fihom il-Kapijiet tal-Amministrazzjoni aċċettaw li jagħtu t-tnaqqis fiskali previst fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(4) tar-Regolament Nru 260/68 fir-rigward tal-ulied dipendenti li għandhom iktar minn 26 sena. Tali tnaqqis għandu jkun approvat biss jekk il-wild ikun beda l-istudji tiegħu qabel ma jkun laħaq l-età ta’ 26 sena u jsegwi regolarment l-edukazzjoni inkwistjoni. Huma qablu wkoll li t-tnaqqis fiskali fuq din il-bażi ma għandux jibqa’ jingħata mid-data li fiha l-wild rċieva dħul ogħla minn 40 % tas-salarju ta’ uffiċjal fil-grad 1, skala 1, jew meta l-wild laħaq l-età ta’ 30 sena. |
|
50. |
L-appellant isostni li l-att imsemmi iktar ’il fuq ma huwiex deċiżjoni interna ta’ natura ġenerali, stabbilita abbażi tar-Regolamenti tal-Persunal, iżda deċiżjoni stabbilita abbażi tal-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 260/68 sabiex tiġi ggarantita interpretazzjoni uniformi ta’ dan ir-regolament. Barra minn hekk, l-appellant iqis li l-Konklużjonijiet Nru 222/04 tal-Kapijiet ta’ Amministrazzjoni tas‑7 ta’ April 2004 huma lex specialis, li l-għan aħħari tagħhom huwa s-simplifikazzjoni tal-proċedura amministrattiva. Essenzjalment, l-appellant isostni li l-ulied li għadhom dipendenti għaliex qegħdin jistudjaw, iżda li għandhom iktar minn 26 sena, għandhom fi kwalunkwe każ dritt għal tnaqqis fiskali abbażi tal-Artikolu 2(4) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal, applikabbli abbażi tal-Artikolu 3(4) tar-Regolament Nru 260/68. Il-qbil tal-Kapijiet tal-Amministrazzjoni sempliċement issimplifika l-proċedura għall-kisba tal-vantaġġ fuq din il-bażi. |
|
51. |
Ma naqbilx mal-argumenti tal-appellant. |
|
52. |
Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-atti interni tal-istituzzjonijiet għandhom jitqiesu bħala regola ta’ kondotta, li tindika l-prassi li għandha tiġi segwita, li l-amministrazzjoni timponi fuqha nnifisha u li ma tistax titbiegħed minnha mingħajr ma tispeċifika r-raġunijiet għal dan ( 13 ). Bħala tali, dawn l-atti jillimitaw is-setgħa diskrezzjonali tal-istituzzjoni li toħroġhom ( 14 ). |
|
53. |
Madankollu, tali atti interni adottati minn istituzzjoni tal-Unjoni fl-ebda każ ma jistgħu jidderogaw mill-atti vinkolanti ġerarkikament superjuri, bħar-Regolament Nru 260/68 jew ir-Regolamenti tal-Persunal ( 15 ). |
|
54. |
Fi kliem ieħor, direttiva interna ma tistax legalment tistabbilixxi regoli li jidderogaw mid-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal jew minn kwalunkwe att leġiżlattiv jew ta’ implimentazzjoni ieħor tal-Unjoni. |
|
55. |
Ma huwiex ċar mill-proċess fuq liema bażi l-Kummissjoni adottat id-direttiva interna inkwistjoni. Madankollu, l-istess raġunament japplika jekk id-direttiva interna kienet, kif l-appellant jissottometti, deċiżjoni adottata abbażi tal-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 260/68 sabiex tiġi żgurata interpretazzjoni uniformi ta’ dan ir-regolament, jew jekk din kinitx deċiżjoni interna ta’ natura ġenerali stabbilita abbażi tar-Regolamenti tal-Persunal. Irrispettivament mill-bażi li fuqha tkun ġiet adottata, tali deċiżjoni interna ma tapplikax jekk din tmur kontra l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni. |
|
56. |
Direttiva interna, bħal dik inkwistjoni f’dan il-każ, ma tistax titqies li hija konformi mal-kliem jew mal-għanijiet kemm tar-Regolamenti tal-Persunal jew inkella tar-Regolament Nru 260/68. Hija pjuttost tidderoga minn dawn l-atti leġiżlattivi billi tintroduċi limitu tal-età mhux previst mill-imsemmija regolamenti jew billi tissostitwixxi, b’mod inġustifikat, il-ħtieġa li tiġi pprovata l-eżistenza tal-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 2(4) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal sabiex jinkiseb id-dritt għat-tnaqqis fiskali. |
|
57. |
L-argumenti tal-appellant li l-Qorti Ġenerali wettqet żball fil-punt 94 tas-sentenza appellata għandhom għalhekk ukoll jiġu miċħuda bħala infondati. |
D. In-natura tat-tnaqqis fiskali
|
58. |
L-appellant isostni li l-Qorti Ġenerali fehmet ħażin, fil-punt 100 tas-sentenza appellata, in-natura reali tat-tnaqqis fiskali. Huwa jqis li t-tnaqqis fiskali ma huwiex suġġett għal ħlas, iżda jwassal biss għal tnaqqis fid-dħul taxxabbli, b’tali mod li huwa talab biss ir-rimbors tal-ammonti tat-taxxa li kien ħallas, ikkalkolati fuq il-bażi tal-ammont tad-dħul taxxabbli li kien jitnaqqas li kieku huwa kien ibbenefika mit-tnaqqis fiskali. |
|
59. |
Jiena naqbel mal-appellant li t-tnaqqis fiskali ma huwiex ammont dovut mill-Kummissjoni lil uffiċjal, iżda pjuttost ammont imneħħi mill-bażi taxxabbli għall-kalkolu tal-ammont dovut. |
|
60. |
Madankollu, fil-fehma tiegħi, ma hemm xejn fil-punt 100 tas-sentenza appellata li jindika li l-Qorti Ġenerali hija ta’ opinjoni differenti. Ir-raġuni li għaliha l-Qorti Ġenerali kkunsidrat it-talba tal-appellant bħala kreditu pekunjarju hija marbuta mal-fatt li, permezz tal-azzjoni tiegħu, l-appellant talab lill-Kummissjoni għall-ħlas ta’ somom imħallsa indebitament. Din il-klassifikazzjoni tat-talba serviet sabiex tiġi stabbilita l-ġurisdizzjoni tal-Qorti Ġenerali biex tieħu konjizzjoni tat-talba tal-appellant (dak iż-żmien ir-rikorrent), li kienet tikkostitwixxi deċiżjoni favurih. |
|
61. |
Bħala konklużjoni, anki jekk il-Qorti Ġenerali wettqet żball meta kkunsidrat li d-dritt għal tnaqqis fiskali għal wild dipendenti jiddependi fuq il-ħlas effettiv tal-allowance għal wild, dik il-qorti ma wettqitx żball meta kkonstatat l-eżistenza ta’ rabta bejn iż-żewġ tipi ta’ benefiċċji. Id-dritt għal tnaqqis fiskali huwa suġġett għall-osservanza tal-kundizzjoni prevista fl-Artikolu 2 tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal, li għandu jinqara fl-intier tiegħu sabiex jiġi ddeterminat il-kunċett ta’ “wild dipendenti”. Dan il-kunċett ma jinkludix l-ulied ta’ iktar minn 26 sena, anki jekk għadhom qegħdin jistudjaw, sakemm ma jissodisfawx kundizzjonijiet oħra kif iddefiniti fl-Artikolu 2(4) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal. Ir-regoli dwar id-dritt għat-tnaqqis fiskali stabbiliti b’dan il-mod mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni ma jistgħux jiġu emendati permezz ta’ atti interni tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni. |
V. Konklużjoni
|
62. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad it-tielet aggravju tal-appell. |
( 1 ) Lingwa tal-proċedura: l-Ingliż.
( 2 ) Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom, KEFA) Nru 260/68 tad‑29 ta’ Frar 1968 li jistabbilixxi l-kondizzjonijiet u l-proċedura għall-applikazzjoni tat-taxxa għall-benefiċċju tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 1, p. 33).
( 3 ) Regolament Nru 31 (KEE), 11 (KEEA) li jistabbilixxi r-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg Applikabbli għall-Aġenti l-Oħra tal-Komunità Ekonomika Ewropea u tal-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (ĠU 1962, 45, p. 1385, iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal”).
( 4 ) Sentenza tat‑12 ta’ Marzu 2020 (T‑484/18, iktar ’il quddiem is-“sentenza XB vs BĊE, EU:T:2020:90).
( 5 ) Kull messaġġ elettroniku kien jinkludi nota taħt il-firma tal-amministratur tal-każ li tiddikjara li l-posta elettronika kienet intbagħtet għal għanijiet ta’ informazzjoni biss u ma kinitx tikkostitwixxi deċiżjoni li tista’ tiġi kkontestata skont l-Artikolu 90 tar-Regolamenti tal-Persunal.
( 6 ) L-ewwel aggravju jirrigwarda l-punti 44 u 45 tas-sentenza appellata li fihom il-Qorti Ġenerali, fl-opinjoni tal-appellant, iddikjarat b’mod żbaljat inammissibbli r-rikors għal annullament fir-rigward tat-tieni tifla tal-appellant. It-tieni aggravju jikkonċerna l-punt 50 tas-sentenza appellata, li fih l-appellant isostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ma rrikonoxxietx l-obbligu li għandha l-amministrazzjoni skont l-Artikolu 41(2)(ċ) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) u interpretat b’mod żbaljat id-dritt għal smigħ stabbilit fl-Artikolu 41(2)(a) tagħha.
( 7 ) Konklużjonijiet Nru 222/04 (SEC(2004)411) tal-Kapijiet tal-Amministrazzjoni tas‑7 ta’ April 2004.
( 8 ) Ara s-sentenzi tas‑27 ta’ Novembru 1980, Sorasio-Allo et vs Il‑Kummissjoni (81/79, 82/79 u 146/79, EU:C:1980:270, punt 15); tat‑28 ta’ Novembru 1991, Schwedler vs Il‑Parlament (C‑132/90 P, EU:C:1991:452, punt 26); u tas‑7 ta’ Mejju 1992, Il‑Kunsill vs Brems (C‑70/91 P, EU:C:1992:201, punt 7).
( 9 ) Sentenza tal‑14 ta’ Diċembru 1990 (T‑75/89, iktar’il quddiem is-“sentenza Brems vs Il‑Kunsill”, EU:T:1990:88).
( 10 ) Is-sentenza Brems vs Il‑Kunsill, punt 23. F’dik il-kawża, il-Qorti Ġenerali ġiet mistoqsija għal kemm żmien id-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal jippermettu li uffiċjal jingħata allowance għal wild dipendenti fir-rigward ta’ wild ta’ iktar minn 18‑il sena, li ma jirċevix taħriġ edukattiv jew professjonali u ma huwiex prekluż minn marda gravi jew invalidità milli jaqla’ l-għajxien tiegħu. Il-kwistjoni ta’ liġi li wasslet għal dik it-tilwima kienet tikkonċerna l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2(4) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal, u b’mod partikolari jekk il-wild ta’ uffiċjal kienx inkluż fil-kliem “[k]ull persuna”, kif sostna r-rikorrent f’dik il-kawża, jew jekk din l-espressjoni kellhiex tinqara bħala li tfisser “kull persuna oħra għajr” il-wild ta’ uffiċjal, kif sostna l-konvenut.
( 11 ) Sentenza tas‑7 ta’ Mejju 1992, Il‑Kunsill vs Brems (C‑70/91 P, EU:C:1992:201, punt 8).
( 12 ) L-appellant jirreferi għall-punt 84 tas-sentenza appellata. Madankollu, dan bilfors huwa lapsus calami peress li dan il-punt ma għandu l-ebda relazzjoni mal-argumenti tal-appellant. Għalhekk ser nipproċedi daqslikieku l-appellant fil-fatt irrefera għall-punt 94 tas-sentenza appellata.
( 13 ) Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenzi tat‑30 ta’ Jannar 1974, Louwage vs Il‑Kummissjoni (148/73, EU:C:1974:7), u tal‑1 ta’ Diċembru 1983, Michael vs Il‑Kummissjoni (343/82, EU:C:1983:360).
( 14 ) Konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali Stix-Hackl fil-kawża Libéros vs Il‑Kummissjoni (C‑171/00 P, EU:C:2001:628, punt 33).
( 15 ) Sentenza tal‑1 ta’ Diċembru 1983, Blomefield vs Il‑Kummissjoni (190/82, EU:C:1983:358, punt 21).