|
30.3.2022 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 102/1 |
REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/501
tal-25 ta’ Marzu 2022
li japprova is-sustanza attiva Beauveria bassiana tar-razza 203 f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, u li jemenda l-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 79/117/KEE u 91/414/KEE (1), u b’mod partikulari l-Artikolu 13(2) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Fl-10 ta’ Marzu 2017, GlenBiotech issottometta lill-Istat Membru relatur, in-Netherlands, applikazzjoni skont l-Artikolu 7(1) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 għall-approvazzjoni tas-sustanza attiva Beauveria bassiana tar-razza 203. |
|
(2) |
F’konformità mal-Artikolu 9(3) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, fl-20 ta’ Lulju 2017, l-Istat Membru relatur innotifika lill-applikant, lill-Istati Membri l-oħra, lill-Kummissjoni u lill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (“l-Awtorità”) bl-ammissibbiltà tal-applikazzjoni. |
|
(3) |
Fil-każ ta’ dik is-sustanza attiva, ġew ivvalutati l-effetti fuq is-saħħa tal-bniedem u tal-annimali u fuq l-ambjent, skont l-Artikolu 11(2) u (3) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, għall-użu propost mill-applikant. Fil-5 ta’ Ġunju 2019, l-Istat Membru relatur issottometta abbozz ta’ rapport ta’ valutazzjoni lill-Kummissjoni flimkien ma’ kopja lill-Awtorità, fejn ġie konkluż li jista’ jkun mistenni li s-sustanza attiva tissodisfa l-kriterji ta’ approvazzjoni previsti fl-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009. |
|
(4) |
F’konformità mal-Artikolu 12(1) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, l-Awtorità ċċirkolat l-abbozz ta’ rapport ta’ valutazzjoni riċevut mill-Istat Membru relatur lill-applikant u lill-Istati Membri l-oħra u organizzat konsultazzjoni pubblika dwaru. |
|
(5) |
F’konformità mal-Artikolu 12(3) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, l-Awtorità talbet lill-applikant jissottometti informazzjoni addizzjonali lill-Istati Membri, lill-Kummissjoni u lill-Awtorità. L-Istat Membru relatur ivvaluta l-informazzjoni addizzjonali u ssottometta l-valutazzjoni tiegħu lill-Awtorità fil-forma ta’ abbozz ta’ rapport ta’ valutazzjoni aġġornat f’Lulju 2020. |
|
(6) |
Fis-6 ta’ Ottubru 2020, l-Awtorità kkomunikat il-konklużjoni tagħha (2) lill-applikant, lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni dwar jekk jistax ikun mistenni li s-sustanza attiva Beauveria bassiana tar-razza 203 tissodisfa l-kriterji ta’ approvazzjoni previsti fl-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009. L-Awtorità ppubblikat il-konklużjoni tagħha. |
|
(7) |
Fit-22 ta’ Ottubru 2021, il-Kummissjoni ppreżentat rapport ta’ rieżami u l-abbozz ta’ dan ir-Regolament li jipprevedi li l-Beauveria bassiana tar-razza 203 hija approvata lill-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf. |
|
(8) |
L-applikant ingħata l-possibbiltà li jressaq il-kummenti dwar ir-rapport ta’ rieżami. |
|
(9) |
Il-Kummissjoni tqis li, abbażi tal-abbozz ta’ rapport ta’ valutazzjoni mill-Istat Membru relatur, il-konklużjoni tal-Awtorità u l-kummenti tal-applikant, fir-rigward tal-użu rappreżentattiv ta’ mill-inqas prodott wieħed għall-protezzjoni tal-pjanti li fih il-Beauveria bassiana 203 li ġie eżaminat u li huwa spjegat fir-rapport ta’ rieżami, il-kriterji ta’ approvazzjoni previsti fl-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 huma ssodisfati. Għaldaqstant jixraq li l-Beauveria bassiana tar-razza 203 tiġi approvata. |
|
(10) |
F’konformità mal-Artikolu 13(2) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 flimkien mal-Artikolu 6(b), (c) u (e) tiegħu u fid-dawl tal-għarfien xjentifiku u tekniku attwali, jeħtieġ li jiġu inklużi ċerti kundizzjonijiet u restrizzjonijiet. Dawn huma l-kontenut massimu tal-metabolit ta’ tħassib beauveriċina fil-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, kif ukoll ir-restrizzjoni għall-użu fis-siġar tal-palm ornamentali. |
|
(11) |
F’konformità mal-Artikolu 13(4) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, jenħtieġ li l-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 (3) jiġi emendat skont dan. |
|
(12) |
Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Approvazzjoni tas-sustanza attiva
Is-sustanza attiva Beauveria bassiana tar-razza 203, kif speċifikata fl-Anness I, hija approvata soġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti f’dak l-Anness.
Artikolu 2
Emendi għar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011
L-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 huwa emendat f’konformità mal-Anness II ta’ dan ir-Regolament.
Artikolu 3
Dħul fis-seħħ
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, il-25 ta’ Marzu 2022.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 309, 24.11.2009, p. 1.
(2) Conclusion on the Peer review of the pesticide risk assessment of the active substance Beauveria bassiana strain 203. EFSA Journal 2020;18(11):6295. doi: 10.2903/j.efsa.2020.6295.
(3) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 tal-25 ta’ Mejju 2011 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill f’dak li għandu x’jaqsam mal-lista ta’ sustanzi attivi approvati (ĠU L 153, 11.6.2011, p. 1).
ANNESS I
|
Isem Komuni, Numri ta’ Identifikazzjoni |
Isem tal-IUPAC |
Purità (1) |
Data tal-approvazzjoni |
Skadenza tal-approvazzjoni |
Dispożizzjonijiet speċifiċi |
||||
|
Beauveria bassiana tar-razza 203 Numru tal-adeżjoni fis-Centraal Bureau voor Schimmelcultures (Ċentru għall-Bijodiversità Fungali, Istitut tal-Akkademja Rjali tal-Arti u tax-Xjenzi tan-Netherlands, Utrecht, in-Netherlands): CBS 121097 |
Mhux applikabbli |
Livell massimu ta’ beauveriċina: 80 μg/kg fil-prodott ifformulat. |
Id-19 ta’ April 2022 |
It-18 ta’ April 2032 |
Għandhom ikunu awtorizzati biss l-użi fuq is-siġar tal-palm ornamentali. Għall-implimentazzjoni tal-prinċipji uniformi kif imsemmija fl-Artikolu 29(6) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, għandhom jitqiesu l-konklużjonijiet tar-rapport ta’ rieżami dwar il-Beauveria bassiana tar-razza 203, u b’mod partikolari l-Appendiċijiet I u II tiegħu. F’din il-valutazzjoni ġenerali, l-Istati Membri għandhom jagħtu attenzjoni partikolari:
Il-produttur għandu jiżgura li jinżammu b’mod strett il-kundizzjonijiet ambjentali u li ssir analiżi tal-kontroll tal-kwalità waqt il-proċess tal-manifattura sabiex jiġi żgurat li jkunu ssodisfati l-limiti tal-kontaminazzjoni mikrobijoloġika kif imsemmi fid-Dokument ta’ Ħidma SANCO/12116/2012 (2). Il-kundizzjonijiet tal-użu għandhom jinkludu miżuri ta’ mitigazzjoni tar-riskju, fejn xieraq. |
(1) Aktar dettalji dwar l-identità u l-ispeċifikazzjoni tas-sustanzi attivi huma pprovduti fir-rapport ta’ rieżami.
(2) https://ec.europa.eu/food/sites/food/files/plant/docs/pesticides_ppp_app-proc_guide_phys-chem-ana_microbial-contaminant-limits.pdf.
ANNESS II
Fil-Parti B tal-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011, tiżdied l-entrata li ġejja:
|
“151 |
Beauveria bassiana tar-razza 203 Numru tal-adeżjoni fis-Centraal Bureau voor Schimmelcultures (Ċentru għall-Bijodiversità Fungali, Istitut tal-Akkademja Rjali tal-Arti u tax-Xjenzi tan-Netherlands, Utrecht, in-Netherlands): CBS 121097 |
Mhux applikabbli |
Livell massimu ta’ beauveriċina: 80 μg/kg fil-prodott ifformulat. |
Id-19 ta’ April 2022 |
It-18 ta’ April 2032 |
Għandhom ikunu awtorizzati biss l-użi fuq is-siġar tal-palm ornamentali. Għall-implimentazzjoni tal-prinċipji uniformi kif imsemmija fl-Artikolu 29(6) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, għandhom jitqiesu l-konklużjonijiet tar-rapport ta’ rieżami dwar il-Beauveria bassiana tar-razza 203, u b’mod partikolari l-Appendiċijiet I u II tiegħu. F’din il-valutazzjoni ġenerali, l-Istati Membri għandhom jagħtu attenzjoni partikolari:
Il-produttur għandu jiżgura li jinżammu b’mod strett il-kundizzjonijiet ambjentali u li ssir analiżi tal-kontroll tal-kwalità waqt il-proċess tal-manifattura sabiex jiġi żgurat li jkunu ssodisfati l-limiti tal-kontaminazzjoni mikrobijoloġika kif imsemmi fid-Dokument ta’ Ħidma SANCO/12116/2012 (*1). Il-kundizzjonijiet tal-użu għandhom jinkludu miżuri ta’ mitigazzjoni tar-riskju, fejn xieraq. |
(*1) https://ec.europa.eu/food/sites/food/files/plant/docs/pesticides_ppp_app-proc_guide_phys-chem-ana_microbial-contaminant-limits.pdf.”