|
26.10.2021 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 379/53 |
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/1872
tal-25 ta’ Ottubru 2021
li temenda l-Anness tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/641 dwar miżuri ta’ emerġenza marbuta ma’ tifqigħat tal-influwenza tat-tjur b’patoġeniċità għolja f’ċerti Stati Membri
(notifikat bid-dokument C(2021) 7728)
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Marzu 2016 dwar il-mard trażmissibbli tal-annimali u li jemenda u jħassar ċerti atti fil-qasam tas-saħħa tal-annimali (“Liġi dwar is-Saħħa tal-Annimali”) (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 259(1) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
L-influwenza tat-tjur b’patoġeniċità għolja (HPAI) hija marda virali infettiva fl-għasafar li tista’ tħalli impatt serju fuq il-profittabbiltà tat-trobbija tat-tjur għax tikkawża tfixkil fil-kummerċ fl-Unjoni u fl-esportazzjonijiet lejn il-pajjiżi terzi. Il-viruses HPAI jistgħu jinfettaw għasafar migratorji, u mbagħad jistgħu jxerrdu dawn il-viruses fuq distanzi itwal waqt il-migrazzjonijiet tagħhom fil-ħarifa u fir-rebbiegħa. Għalhekk, il-preżenza tal-viruses HPAI fl-għasafar selvaġġi tfisser theddida kontinwa għall-introduzzjoni diretta u indiretta ta’ dawn il-viruses fl-azjendi fejn jinżammu t-tjur jew l-għasafar. F’każ ta’ tifqigħa tal-HPAI, hemm riskju li l-aġent tal-marda jista’ jinxtered lejn azjendi oħra fejn jinżammu t-tjur jew l-għasafar. |
|
(2) |
Ir-Regolament (UE) 2016/429 jistabbilixxi qafas leġiżlattiv ġdid għall-prevenzjoni u l-kontroll tal-mard li huwa trażmissibbli lill-annimali jew lill-bnedmin. L-HPAI hija fid-definizzjoni ta’ marda elenkata f’dak ir-Regolament, u hija soġġetta għar-regoli dwar il-prevenzjoni u l-kontroll tal-mard stabbiliti fih. Barra minn hekk, ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/687 (2) jissupplimenta r-Regolament (UE) 2016/429 fir-rigward tar-regoli għall-prevenzjoni u l-kontroll ta’ ċertu mard elenkat, inklużi miżuri ta’ kontroll tal-mard għall-HPAI. |
|
(3) |
Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/641 (3) ġiet adottata fi ħdan il-qafas tar-Regolament (UE) 2016/429, u tistabbilixxi miżuri ta’ kontroll tal-mard b’rabta mat-tifqigħat tal-HPAI. |
|
(4) |
B’mod aktar partikolari, id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/641 tipprevedi li ż-żoni ta’ protezzjoni u ta’ sorveljanza stabbiliti mill-Istati Membri wara t-tifqigħat tal-HPAI, f’konformità mar-Regolament Delegat (UE) 2020/687, għandhom jinkludu minn tal-inqas iż-żoni elenkati bħala żoni ta’ protezzjoni u ta’ sorveljanza fl-Anness ta’ dik id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni. |
|
(5) |
Dan l-aħħar, l-Anness tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/641 ġie emendat bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/1766 (4) biex ikun jirrifletti tifqigħa tal-HPAI fit-tjur jew fl-għasafar miżmuma fiċ-Ċekja. |
|
(6) |
Mid-data tal-adozzjoni tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/1766, l-Italja nnotifikat lill-Kummissjoni dwar tifqigħa tal-HPAI tas-sottotip H5N1 fi stabbiliment fejn kienu jinżammu t-tjur jew l-għasafar fir-reġjun tal-Veneto ta’ dak l-Istat Membru. |
|
(7) |
It-tifqigħa fl-Italja tinsab barra ż-żoni li bħalissa huma elenkati fl-Anness tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/641 u l-awtorità kompetenti ta’ dak l-Istat Membru ħadet il-miżuri ta’ kontroll tal-mard meħtieġa f’konformità mar-Regolament Delegat (UE) 2020/687, inkluż l-istabbiliment ta’ żoni ta’ protezzjoni u ta’ sorveljanza madwar din it-tifqigħa. |
|
(8) |
Il-Kummissjoni eżaminat il-miżuri ta’ kontroll tal-mard li ħadet l-Italja b’kollaborazzjoni ma’ dak l-Istat Membru, u hija sodisfatta li l-konfini taż-żoni ta’ protezzjoni u ta’ sorveljanza stabbiliti mill-awtorità kompetenti tal-Italja jinsabu ’l bogħod biżżejjed mill-istabbiliment fejn ġiet ikkonfermata t-tifqigħa riċenti tal-HPAI. |
|
(9) |
Biex ikunu evitati kwalunkwe tfixkil bla bżonn għall-kummerċ fl-Unjoni u kwalunkwe ostakli mhux ġustifikati għall-kummerċ li jimponu l-pajjiżi terzi, fil-livell tal-Unjoni u b’kollaborazzjoni mal-Italja jeħtieġ li jiġu deskritti malajr iż-żoni l-ġodda ta’ protezzjoni u ta’ sorveljanza stabbiliti minn dak l-Istat Membru skont ir-Regolament Delegat (UE) 2020/687. |
|
(10) |
Għalhekk, iż-żoni ta’ protezzjoni u ta’ sorveljanza jenħtieġ li jiġu elenkati għall-Italja fl-Anness tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/641. |
|
(11) |
Għaldaqstant, l-Anness tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/641 jenħtieġ li jiġi emendat biex tiġi aġġornata r-reġjonalizzazzjoni fil-livell tal-Unjoni biex jitqiesu ż-żoni ta’ protezzjoni u ta’ sorveljanza stabbiliti kif xieraq mill-Italja, f’konformità mar-Regolament Delegat (UE) 2020/687, u t-tul tar-restrizzjonijiet applikabbli fihom. |
|
(12) |
Għalhekk, id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/641 jenħtieġ li tiġi emendata skont dan. |
|
(13) |
Minħabba l-urġenza tas-sitwazzjoni epidemjoloġika fl-Unjoni fir-rigward tat-tixrid tal-HPAI, hu importanti li l-emendi li jridu jsiru fl-Anness tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/641 b’din id-Deċiżjoni jidħlu fis-seħħ malajr kemm jista’ jkun. |
|
(14) |
Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
L-Anness tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/641 huwa sostitwit bit-test stabbilit fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni tindirizza lill-Istati Membri.
Magħmul fi Brussell, il-25 ta’ Ottubru 2021.
Għall-Kummissjoni
Stella KYRIAKIDES
Membru tal-Kummissjoni
(2) Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/687 tas-17 ta’ Diċembru 2019 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-regoli għall-prevenzjoni u l-kontroll ta’ ċertu mard elenkat (ĠU L 174, 3.6.2020, p. 64).
(3) Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/641 tas-16 ta’ April 2021 li tikkonċerna ċerti miżuri protettivi marbuta ma’ tifqigħat ta’ influwenza tat-tjur b’livell patoġeniku għoli f’ċerti Stati Membri (ĠU L 134, 20.4.2021, p. 166).
(4) Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/1766 tas-7 ta’ Ottubru 2021 li temenda l-Anness tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/641 li tikkonċerna ċerti miżuri protettivi marbuta ma’ tifqigħat ta’ influwenza tat-tjur b’livell patoġeniku għoli f’ċerti Stati Membri (ĠU L 358, 8.10.2021, p. 1).
ANNESS
“ANNESS
PARTI A
Iż-żoni ta’ protezzjoni msemmija fl-Artikoli 1 u 2:
L-Istat Membru: Iċ-Ċekja
|
Iż-żona li tinkludi: |
Id-data sa meta applikabbli f’konformità mal-Artikolu 39 tar-Regolament Delegat (UE) 2020/687 |
|
Reġjun: Bohemia Ċentrali |
|
|
Bratkovice (609595); Drahlín (631604); Dubno (633682); Hluboš (639681); Kardavec (639699); Lhota u Příbramě (681211); Občov (708526); Pičín (720551); Sádek (745839); Liha (759198); Trhové Dušníky (768146); část katastrálního území Příbram (číslo KÚ 735426) – severní část katastrálního území Příbram po hranici silnice č. 18. |
19.10.2021 |
L-Istat Membru: L-Italja
|
Iż-żona li tinkludi: |
Id-data sa meta applikabbli f’konformità mal-Artikolu 39 tar-Regolament Delegat (UE) 2020/687 |
|
Reġjun: Il-Veneto |
|
|
Iż-żona tal-partijiet tar-reġjun tal-Veneto (ADIS: IT-HPAI(P)-2021-00001) fi ħdan ċirku b’raġġ ta’ tliet kilometri, biċ-ċentru f’WGS84 u l-koordinati dek. N45.331231 E11.209306 |
12.11.2021 |
PARTI B
Iż-żoni ta’ sorveljanza msemmija fl-Artikoli 1 u 3:
L-Istat Membru: Iċ-Ċekja
|
Iż-żona li tinkludi: |
Id-data sa meta applikabbli f’konformità mal-Artikolu 55 tar-Regolament Delegat (UE) 2020/687 |
|
Reġjun: Bohemia Ċentrali |
|
|
Baština (990019); Běřín (603180); Běštín (603368); Bohutín (606685); Brod u Příbramě (612634); Březové Hory (735515); Buková u Příbramě (615811); Bytíz (633356); Čenkov u Příbramě (619451); Dlouhá Lhota u Dobříše (626392); Dominikální Paseky (609609); Drásov u Příbramě (632074); Dubenec u Příbramě (633364); Háje u Příbramě (636550); Hostomice pod Brdy (645885); Hrachoviště (990591); Jince (660281); Konětopy u Příbramě (669083); Kotenčice (671045); Kozičín (671576); Křešín (676101); Lazec (671584); Lešetice (680435); Milín (694975); Narysov (701629); Obecnice (708569); Obořiště (708682); Ohrazenice u Jinec (709310); Orlov (712272); Oseč (712698); Ostrov u Ouběnic (717037); Podlesí nad Litavkou (723886); Radětice (737585); Rejkovice (740047); Rosovice (741370); Stěžov (755486); Suchodol (759201); Tisová u Bohutína (606693); Višňová (782548); Vysoká Pec u Bohutína (606707); Zavržice (662704); Zdaboř (735566); Žežice (796689); část katastrálního území Příbram (číslo KÚ 735426) – jižní část katastrálního území od hranice tvoření silnicí č. 18. |
28.10.2021 |
|
Bratkovice (609595); Drahlín (631604); Dubno (633682); Hluboš (639681); Kardavec (639699); Lhota u Příbramě (681211); Občov (708526); Pičín (720551); Sádek (745839); Liha (759198); Trhové Dušníky (768146); část katastrálního území Příbram (číslo KÚ 735426) – severní část katastrálního území Příbram po hranici silnice č. 18. |
Mill-20.10.2021 sat-28.10.2021 |
L-Istat Membru: L-Italja
|
Iż-żona li tinkludi: |
Id-data sa meta applikabbli f’konformità mal-Artikolu 55 tar-Regolament Delegat (UE) 2020/687 |
|
Reġjun: Il-Veneto |
|
|
Iż-żona tal-partijiet tar-reġjun tal-Veneto (ADIS: IT-HPAI(P)-2021-00001) li testendi lil hinn miż-żona deskritta fiż-żona ta’ protezzjoni u fi ħdan ċirku b’raġġ ta’ għaxar kilometri, biċ-ċentru f’WGS84 u l-koordinati dek. N45.331231 E11.209306 |
21.11.2021 |
|
Iż-żona tal-partijiet tar-reġjun tal-Veneto (ADIS: IT-HPAI(P)-2021-00001) fi ħdan ċirku b’raġġ ta’ tliet kilometri, biċ-ċentru f’WGS84 u l-koordinati dek. N45.331231 E11.209306 |
Mit-13.11.2021 sal-21.11.2021 |