Edizzjoni Provviżorja
KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
NORKUS
ippreżentati fil‑5 ta’ Novembru 2026 (1)
Kawża C‑298/25
Ofsets Limited
vs
Sabena Technics Helicopters,
Stoltd Partner Limited
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Cour de cassation (il‑Qorti tal-Kassazzjoni, Franza))
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Konvenzjoni ta’ Ruma – Kunflitt ta’ liġijiet – Liġi applikabbli għall-obbligi kuntrattwali – Regolament (KE) Nru 864/2007 – Liġi applikabbli għall-obbligi mhux kuntrattwali – Kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae – Klassifikazzjoni tal-azzjoni għad-danni għat-terminazzjoni f’daqqa tar‑relazzjonijiet kummerċjali stabbiliti”
Introduzzjoni
1. Il-kwistjoni tad-delimitazzjoni bejn azzjoni ġudizzjarja bbażata fuq obbligu kuntrattwali u dik ibbażata fuq obbligu mhux kuntrattwali hija kwistjoni li spiss ikollhom quddiemhom il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja. Din id-delimitazzjoni hija importanti għall-finijiet tal‑klassifikazzjoni legali ta’ tali azzjoni. Fit-tilwimiet transkonfinali, din hija wkoll determinanti sabiex jiġi stabbilit l-Istat li l-qorti tiegħu għandha ġuriżdizzjoni tiddeċiedi dwar din l-azzjoni u l-Istat li d-dritt tiegħu huwa applikabbli għall-imsemmija azzjoni.
2. F’dan il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba tiddeċiedi dwar jekk azzjoni għad-danni mressqa minħabba t-terminazzjoni f’daqqa ta’ relazzjonijiet kummerċjali stabbiliti, mingħajr ma jingħata avviż minn qabel ta’ perijodu raġonevoli, mhux rikjest mill-kuntratt, iżda mid‑dispożizzjonijiet leġiżlattivi relatati mal-prattiki restrittivi ta’ kompetizzjoni, għandhiex tiġi kklassifikata bħala ta’ natura kuntrattwali jew ta’ natura mhux kuntrattwali sabiex jiġi ddeterminat, essenzjalment, jekk taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Ruma (2) jew tar‑Regolament Ruma II (3).
3. Il-Konvenzjoni ta’ Ruma u r-Regolament Ruma II jagħmlu parti minn sistema usa’ ta’ armonizzazzjoni tar-regoli tad-dritt internazzjonali privat. Għaldaqstant, sa fejn possibbli, għandha tiġi żgurata interpretazzjoni koerenti tal-istrumenti differenti li jaqgħu f’dan il‑qasam.
4. F’dawn il-konklużjonijiet, wara li nfakkar il-ġurisprudenza tal‑Qorti tal-Ġustizzja dwar it-“test” li għandu jiġi applikat sabiex jiġi stabbilit jekk azzjoni għandhiex tiġi kklassifikata bħala ta’ natura “kuntrattwali” jew “mhux kuntrattwali”, ser nispjega r-raġunijiet li jwassluni nikkunsidra li azzjoni, bħal dik inkwistjoni, hija ta’ natura kuntrattwali.
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
5. Għall-finijiet ta’ dawn il-konklużjonijiet, il-preambolu, l‑Artikolu 1(1) u l-Artikolu 10(1) tal-Konvenzjoni ta’ Ruma, u l‑premessi 6, 7 u 11, l-Artikolu 1(1) u l-Artikolu 2 tar-Regolament Ruma II għandhom importanza partikolari.
Id-dritt Franċiż
6. L-Artikolu L. 442-1(II) tal-Kodiċi Kummerċjali jipprevedi:
“Kull persuna li teżerċita attivitajiet ta’ produzzjoni, ta’ distribuzzjoni jew ta’ servizzi għandha tinżamm responsabbli u għandha tkun responsabbli għad-danni kkawżati mit-terminazzjoni f’daqqa, anki jekk parzjalment, ta’ relazzjoni kummerċjali stabbilita, mingħajr ma jingħata avviż minn qabel bil-miktub li jieħu inkunsiderazzjoni t-tul tar-relazzjoni kummerċjali, fid-dawl tal-użanzi kummerċjali jew tal-ftehimiet interprofessjonali, u għad-determinazzjoni tal-prezz applikabbli matul it‑tul tagħha, tal-kundizzjonijiet ekonomiċi tas-suq li fuqu joperaw il‑partijiet.
[…]
Fil-każ ta’ tilwima bejn il-partijiet dwar it-tul tal-avviż minn qabel, ir‑responsabbiltà tal-awtur tat-terminazzjoni ma tistax tiġi invokata minħabba n-nuqqas ta’ tul suffiċjenti tal-avviż minn qabel, jekk dan ikun ta avviż minn qabel ta’ tmintax‑il xahar.
Id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-paragrafu II ma jipprekludux il-possibbiltà li r-relazzjoni kummerċjali tiġi xolta mingħajr avviż minn qabel, fil-każ ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni mill-parti l-oħra tal-obbligi tagħha jew f’każ ta’ forza maġġuri.”
Il-fatti li wasslu għall-kawża, il-proċedura u d-domanda preliminari
7. Fl‑1995, Ofsets Limited, kumpannija b’responsabbiltà limitata, stabbilita f’Ċipru, u Héli-union SA, kumpannija b’responsabbiltà limitata issa bl-isem Sabena Technics Helicopters, stabbilita fi Franza, ikkonkludew kuntratt għal tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ piloti ta’ ħelikopters u inġiniera mekkaniċi. Permezz ta’ dan il-kuntratt, Héli-union kienet tħalli f’idejn Ofsets ir-reklutaġġ u l-impjieg ta’ dan il-persunal. Dan il-kuntratt, li ma kien jipprevedi l-ebda terminu minimu ta’ avviż minn qabel, kien jinkludi klawżola ta’ għażla tal-liġi li kienet tindika l‑liġi tal-gżira ta’ Jersey (il-Bailiwick ta’ Jersey) bħala l-liġi applikabbli.
8. Fix-xahar ta’ Ġunju 2019, il-kumpannija Héli-union ikkuntattjat lill-kumpannija Stoltd Partner Limited, stabbilita fir-Renju Unit, li għandha sussidjarja fl-Irlanda. Hija xtaqitha tipprovdilha servizzi relatati mat‑tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ persunal, b’mod partikolari ta’ piloti u ta’ mekkaniċi.
9. Fix-xahar ta’ Marzu 2020, Héli-union temmet ir-relazzjonijiet kummerċjali tagħha ma’ Ofsets, u sussegwentament, din tal-aħħar ressqet azzjoni ġudizzjarja quddiem il-qrati Franċiżi minħabba t-terminazzjoni f’daqqa ta’ relazzjonijiet kummerċjali stabbiliti, billi invokat id‑dispożizzjonijiet tad-dritt Franċiż dwar ir-responsabbiltà ta’ impriża li ttemm f’daqqa relazzjoni kummerċjali mingħajr avviż minn qabel suffiċjenti, skont l-Artikolu L. 442-1(II) tal-Kodiċi Kummerċjali. Barra minn hekk, hija talbet il-ħlas ta’ danni għal kompetizzjoni żleali minħabba l-aġir ta’ Héli‑union.
10. Il-cour d’appel de Paris (il-Qorti tal-Appell ta’ Pariġi, Franza) eskludiet l-applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, mingħajr ma ħadet pożizzjoni dwar jekk dawn setgħux jitqiesu bħala dispożizzjonijiet mandatorji prevalenti, u ddeċidiet li l-liġi ta’ Jersey, magħżula mill-partijiet, kellha tipprevali skont ir‑Regolament Ruma I (4).
11. Ofsets appellat quddiem il-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni, Franza), li hija l-qorti tar-rinviju.
12. Il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar jekk azzjoni għad-danni bbażata fuq it-terminazzjoni f’daqqa ta’ relazzjonijiet kummerċjali stabbiliti taqax taħt materja delittwali, kif jidher li tissuġġerixxi s-sentenza tal‑24 ta’ Novembru 2020, Wikingerhof (C‑59/19, EU:C:2020:950) (5), jew taħt materja kuntrattwali, kif tindika s-sentenza tal‑14 ta’ Lulju 2016, Granarolo (C‑196/15, EU:C:2016:559) (6).
13. F’dan il-kuntest, il-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d‑domanda li ġejja:
“L-Artikol[i] 1(1) tal-[Konvenzjoni ta’ Ruma] u tar-[Regolament Ruma II] għandhom jiġu interpretati fis-sens li azzjoni għal kumpens imressqa minħabba tmiem f’salt ta’ relazzjonijiet kummerċjali stabbiliti, evalwata fuq il-bażi ta’ dispożizzjonijiet leġiżlattivi li jirregolaw prattiki meqjusa li jirrestrinġu l-kompetizzjoni, u, għaldaqstant, fuq il-bażi tal‑obbligu legali li parti toqgħod lura minn ċertu tip ta’ aġir, taqa’ taħt il-portata tal-materji ta’ delitt jew kważi delitt indipendentement mir‑rabtiet kuntrattwali li setgħu ġew stabbiliti bejn il-partijiet?”
14. Id-deċiżjoni tar-rinviju, datata 2 ta’ April 2025, waslet fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fit‑22 ta’ April 2025. Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub mill-konvenuti fil-kawża prinċipali, mill‑Kummissjoni Ewropea u mill-Gvern Ġermaniż, Franċiż, Taljan u dak Ċek. Skont l-Artikolu 76(2) tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, il-Qorti tal‑Ġustizzja ddeċidiet li ma torganizzax seduta għas-sottomissjonijiet orali.
Analiżi
Osservazzjonijiet preliminari
15. Preliminarjament, għandu jiġi kkonstatat li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, hija din tal-aħħar, fil-kuntest tal‑proċedura ta’ kooperazzjoni mal-qrati nazzjonali stabbilita fl‑Artikolu 267 TFUE, li għandha tagħti lill-qorti tar-rinviju risposta utli li tippermettilha tiddeċiedi l-kawża li jkollha quddiemha u li, minn din il‑perspettiva, huwa obbligu, jekk ikun il-każ, tal-Qorti tal-Ġustizzja li tifformula mill-ġdid id-domanda li saritilha (7).
16. F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar jekk l-azzjoni għad‑danni inkwistjoni fil-kawża prinċipali taqax taħt materja kuntrattwali jew taħt materja delittwali jew kważi delittwali. Hija titlob lill‑Qorti tal-Ġustizzja tinterpreta dawn il-kunċetti fid-dawl tal‑Artikoli 1(1) tal-Konvenzjoni ta’ Ruma u tar-Regolament Ruma II rispettivament. F’dan ir-rigward, għandu jiġi nnotat li l-atti legali li għandhom jiġu interpretati jużaw il-kunċetti ta’ “obbligu kuntrattwali” u ta’ “obbligu mhux kuntrattwali”. B’hekk, hemm lok li jiġi kkunsidrat li, permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju titlob lill-Qorti tal‑Ġustizzja tinterpreta dawn l-aħħar kunċetti fis-sens, rispettivament, tal-Konvenzjoni ta’ Ruma u tar-Regolament Ruma II, għall‑klassifikazzjoni tal-azzjoni għad-danni inkwistjoni fil-kawża prinċipali u, għalhekk, sabiex jiġi ddeterminat liema minn dawn l-atti legali huwa applikabbli għal din l-azzjoni.
17. Minkejja dan, qabelxejn, għandu jitfakkar li peress li l-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali ġie konkluż fl‑1995, dan jibqa’ rregolat mill-Konvenzjoni ta’ Ruma (8). Minn dan jirriżulta, kif fil-fatt qieset il‑qorti tar-rinviju, li f’każ li l-azzjoni għad-danni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tiġi kklassifikata bħala kuntrattwali, din il-Konvenzjoni tkun applikabbli ratione temporis għall-kawża prinċipali.
18. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Konvenzjoni ta’ Ruma ma hijiex att tad-dritt tal-Unjoni. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha, bħala regola, ġuriżdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar l-interpretazzjoni tad‑dispożizzjonijiet ta’ din il-Konvenzjoni skont l-ewwel Protokoll, li daħal fis-seħħ fl‑1 ta’ Awwissu 2004 (9) u, fir-rigward ta’ din il-kawża, skont l-Artikolu 2(a) ta’ dan il-protokoll.
19. Sussegwentament, peress li l-konvenuta fil-kawża prinċipali temmet ir-relazzjonijiet kummerċjali stabbiliti f’Marzu 2020, u fil-każ li l-azzjoni għad-danni inkwistjoni tiġi kklassifikata bħala mhux kuntrattwali, din l-azzjoni tkun irregolata, kif fil-fatt qieset il-qorti tar-rinviju, mir-Regolament Ruma II, li japplika ratione temporis għall-fatti, li taw lok għad-danni, li seħħew b’effett mill‑11 ta’ Jannar 2009.
20. Fl-aħħar nett, sa fejn naf jien, il-Qorti tal-Ġustizzja għad ma kellhiex l-okkażjoni tistabbilixxi id-delimitazzjoni bejn, minn naħa, l‑obbligu kuntrattwali, fis-sens tal-Artikolu 1(1) tal-Konvenzjoni ta’ Ruma u, min-naħa l-oħra, l-obbligu mhux kuntrattwali, fis-sens tal‑Artikolu 1(1) tar-Regolament Ruma II. Madankollu, id‑determinazzjoni tal-liġi applikabbli fil-kawża prinċipali tiddependi preċiżament mid-delimitazzjoni bejn dawn iż-żewġ kunċetti.
21. Madankollu, din il-kwistjoni ta’ delimitazzjoni ma hijiex ġdida. Fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, żviluppata fil-qafas tal‑istrumenti legali tad-dritt internazzjonali privat, jistgħu jiġu identifikati elementi differenti li jagħtu risposta għal din il-kwistjoni, li jidhirli għandhom jitfakkru qabel ma jinbeda l-eżami tad-domanda preliminari magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja f’din il-kawża.
Riferiment għall-ġurisprudenza rilevanti għall-finijiet tad‑delimitazzjoni bejn il-kunċetti ta’ “obbligu kuntrattwali” u ta’ “obbligu mhux kuntrattwali”
22. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li hija ġurisprudenza stabbilita li d-dispożizzjonijiet relatati mar-regolamenti li jiddeterminaw il-liġi applikabbli għall-obbligi kuntrattwali u mhux kuntrattwali għandhom jiġu interpretati b’mod awtonomu, b’riferiment għall-għanijiet u għas‑sistema ta’ dawn ir-regolamenti (10). Għalhekk, dawn ma għandhomx jinftiehmu fis-sens li jagħmlu riferiment għall-klassifikazzjoni li tagħti l‑liġi nazzjonali applikabbli tar-relazzjoni legali inkwistjoni quddiem il‑qorti nazzjonali (11). Għall-finijiet ta’ din l-interpretazzjoni, għandu jitfakkar ukoll li hemm lok li jiġi kkunsidrat l-għan ta’ koerenza fl‑applikazzjoni reċiproka ta’ dawn l-istrumenti legali li jirregolaw id‑determinazzjoni tal-liġi applikabbli għal dawn il-kategoriji ta’ obbligi, kif ukoll tal-istrumenti legali li jirregolaw id-determinazzjoni tal-qorti li għandha ġuriżdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni tal-tilwimiet li jikkonċernawhom (12).
23. Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “obbligu kuntrattwali” fil-qafas tar-Regolament Ruma I, il-Qorti tal‑Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni li tiddeċiedi, fid-dawl tal-kunċett tal-“materja kuntrattwali”, żviluppat waqt l-interpretazzjoni ta’ dan l‑aħħar kunċett fil-qafas tar-Regolament Brussell I, u skont l-għan ta’ koerenza bejn ir-Regolament Ruma I u r-Regolament Ruma II u r‑Regolament Brussell I (13), li l-kunċett ta’ “obbligu kuntrattwali” jirreferi għal obbligu legali liberament assunt minn persuna fil-konfront ta’ oħra (14).
24. Peress li r-Regolament Ruma I issostitwixxa, bejn l-Istati Membri, il-Konvenzjoni ta’ Ruma, l-interpretazzjoni mogħtija mill-Qorti tal‑Ġustizzja f’dak li jirrigwarda d-dispożizzjonijiet ta’ wieħed minn dawn l-istrumenti legali tapplika wkoll għal dawk tal-ieħor, meta dawn id-dispożizzjonijiet jistgħu jiġu kklassifikati bħala ekwivalenti (15). Tali ekwivalenza tidher bejn, minn naħa, l-Artikolu 1(1) tal-Konvenzjoni ta’ Ruma u, min-naħa l-oħra, l-Artikolu 1(1) tar-Regolament Ruma I, sa fejn iż-żewġ dispożizzjonijiet jipprevedu, essenzjalment, li dawn iż-żewġ atti japplikaw, fis-sitwazzjonijiet li jinvolvu kunflitt ta’ liġijiet, għall-obbligi kuntrattwali (16).
25. Għaldaqstant, sabiex tiġi żgurata l-kontinwità interpretattiva (17) u, fuq kollox, iċ-ċertezza legali, il-kunċett ta’ “obbligu kuntrattwali”, previst fl-Artikolu 1(1) tal-Konvenzjoni ta’ Ruma, għandu jingħata l‑istess portata bħal dik tal-istess kunċett li jinsab fl-Artikolu 1(1) tar‑Regolament Ruma I, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal‑Ġustizzja ċċitata iktar ’il fuq, jiġifieri obbligu legali liberament assunt minn persuna fil-konfront ta’ oħra (18).
26. Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-kunċett ta’ “obbligu mhux kuntrattwali”, fis-sens tal-Artikolu 1(1) tar-Regolament ta’ Ruma II, il‑Qorti tal-Ġustizzja qieset, dejjem fid-dawl tar-Regolament Brussell I u skont l-għan ta’ koerenza fl-applikazzjoni tar-Regolamenti Ruma I, Ruma II u tar-Regolament Brussell I, li dan il-kunċett jirreferi għal obbligu li jista’ jservi bħala bażi sabiex konvenut jinżamm responsabbli u li ma jkunx marbut mal-materja kuntrattwali, iżda li joriġina minn wieħed mill-avvenimenti elenkati fl-Artikolu 2 tar-Regolament Ruma II (19).
Fuq ir-relazzjoni bejn il-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenzi Granarolo u Wikingerhof
27. Skont l-għan ta’ koerenza ċċitat iktar ’il fuq fil-punt 22 ta’ dawn il-konklużjonijiet, u sa fejn l-istrumenti legali tad-dritt internazzjonali privat fil-qasam tad-determinazzjoni tal-liġi applikabbli, minn naħa, u dawk fil-qasam tad-determinazzjoni tal-qorti li għandha ġuriżdizzjoni, min-naħa l-oħra, jużaw terminoloġija simili jew ekwivalenti, hemm lok li tingħata interpretazzjoni parallela tal-kunċetti li jservu sabiex jiġu ddefiniti l-kampijiet ta’ applikazzjoni rispettivi tagħhom, bil-għan li jiġi identifikat, rispettivament, l-Istat li l-liġi tiegħu hija applikabbli u l-Istat li l-qrati tiegħu għandhom ġuriżdizzjoni (20).
28. Peress li l-maġġoranza tas-sentenzi dwar l-interpretazzjoni parallela ta’ dawn il-kunċetti analogi ġew deskritti, diversi drabi, mill‑kollegi tiegħi (21), jiena ser niffoka b’mod partikolari fuq il‑ġurisprudenza l-iktar reċenti, filwaqt li nagħti attenzjoni partikolari lil dik li l-applikazzjoni tagħha fil-kawża prinċipali tqajjem dubji għall-qorti tar-rinviju.
29. F’dan ir-rigward, infakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ntalbet tiddeċiedi dwar il-klassifikazzjoni, fis-sens tar-Regolament Brussell I, ta’ azzjoni għad-danni bbażata fuq terminazzjoni f’daqqa ta’ relazzjonijiet kummerċjali stabbiliti għal żmien twil, prevista minn regola tad-dritt Franċiż analoga għal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali (22). L-element partikolari ta’ din il-klassifikazzjoni kienet tinsab fil-fatt li ma kien ġie konkluż ebda kuntratt bil-miktub bejn ir-rikorrent u l-konvenut fil-kawża prinċipali. F’dik l-okkażjoni, fis-sentenza Granarolo, il-Qorti tal‑Ġustizzja ddeċidiet li tali azzjoni ma taqax taħt materja delittwali jew kważi delittwali jekk bejn il-partijiet kien hemm relazzjoni kuntrattwali taċita, filwaqt li spjegat l-elementi li fuqhom għandha tkun ibbażata l‑prova tal-eżistenza ta’ tali relazzjoni (23).
30. Fis-sentenza Wikingerhof, li hija iktar riċenti, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li azzjoni intiża għall-ħruġ ta’ mandat ta’ inibizzjoni kontra ċertu aġir implimentat fil-kuntest tar-relazzjoni kuntrattwali bejn ir-rikorrent u l‑konvenut u bbażata fuq allegazzjoni ta’ abbuż minn pożizzjoni dominanti mwettaq minn dan tal-aħħar, bi ksur tad-dritt tal‑kompetizzjoni, kienet taqa’ taħt materja delittwali jew kważi delittwali fis-sens tar-Regolament Brussell Ia (24). B’mod partikolari, skont il‑Qorti tal-Ġustizzja, il-kriterji rilevanti għall-finijiet ta’ din il‑klassifikazzjoni kienu dawn li ġejjin: i) in-natura indispensabbli tal‑interpretazzjoni tal-kuntratt sabiex tiġi stabbilita n-natura legali jew illegali tal-aġir ikkritikat, u dan huwa b’mod partikolari l-każ ta’ azzjoni li hija bbażata fuq id-dispożizzjonijiet ta’ kuntratt jew fuq dispożizzjonijiet legali li huma applikabbli minħabba dan il-kuntratt (25), jew inkella ii) in-natura mhux indispensabbli tal-eżami tal-kuntratt sabiex tiġi evalwata n-natura legali jew illegali tal-aġir ikkritikat, peress li l‑obbligu li l-ksur tiegħu huwa invokat huwa impost indipendentement minn dan il-kuntratt (26). Dawn il-kriterji għalhekk jippermettu li jiġi identifikat l-obbligu li jservi bħala bażi għat-talba mressqa quddiem il‑qorti nazzjonali bħala li jaqa’ taħt materja kuntrattwali jew delittwali (27). Din l-interpretazzjoni ġiet sussegwentement ikkonsolidata u kkonfermata (28).
31. F’dan il-kuntest ġurisprudenzjali, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l‑azzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali hijiex ta’ materja kuntrattwali, kif indikat preċedentament il-ġurisprudenza ċċitata fil‑punt 29 ta’ dawn il-konklużjonijiet, jew le, kif issuġġerit mill‑ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja mfakkra fil-punt 30 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Din il-qorti tiġbed l-attenzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja lejn id-duttrina Franċiża li ssostni l-ipoteżi li l-Qorti tal-Ġustizzja abbandunat l-ewwel ġurisprudenza tagħha favur it-tieni waħda.
32. Il-pożizzjonijiet tal-Gvernijiet, tal-Kummissjoni u tal-konvenuta fil-kawża prinċipali li ppreżentaw osservazzjonijiet bil‑miktub f’din il-kawża ma jaqblux dwar dan is-suġġett. Il‑Kummissjoni u l-Gvern Ġermaniż iqisu li ż-żewġ kawżi ċċitati iktar ’il fuq ma humiex kontradittorji. B’mod partikolari, skont il-Kummissjoni, dawn sempliċement għandhom l-għan li jiċċaraw l-aspetti differenti tal‑interpretazzjoni tal-kunċetti ta’ “materja kuntrattwali” u ta’ “materja mhux kuntrattwali”. Jidher li l-Gvern Taljan jaqbel ma’ din il-pożizzjoni, billi jqis li s-sentenza Wikingerhof tikkostitwixxi pjuttost kontinwazzjoni loġika tas-sentenza Granarolo. Il-Gvern Franċiż iqis li s-sentenza Granarolo ma hijiex transponibbli għal din il-kawża, peress li s-sentenza Wikingerhof ġiet wara u ppreċiżat il-kriterji għall-klassifikazzjoni tal‑azzjonijiet għal responsabbiltà ċivili mressqa bejn il-partijiet kontraenti, u dan iktar u iktar peress li, fl-ewwel waħda minn dawn is‑sentenzi, il-Qorti tal-Ġustizzja ma ddeċidietx dwar ir-raġuni tal-allegat nuqqas. Il-konvenuta fil-kawża prinċipali tqis li s-sentenza Wikingerhof bl-ebda mod ma tikkontesta s-sentenza Granarolo, li s-soluzzjoni tagħha tista’ tiġi trasposta għal din il-kawża. Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li l-Gvern Ċek ma ħax pożizzjoni espliċita dwar kif din il‑ġurisprudenza għandha tiġi rrikonċiljata.
33. F’dan ir-rigward, jiena naqbel mal-pożizzjoni li l-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenzi Granarolo u Wikingerhof ma hijiex kontradittorja.
34. Huwa veru li, fis-sentenza Wikingerhof, il-Qorti tal-Ġustizzja, kif mistiedna tagħmel mill-Avukat Ġenerali Saugmandsgaard Øe, ikkjarifikat il-ġurisprudenza tagħha fil-qasam ta’ akkumulazzjonijiet potenzjali ta’ responsabbiltajiet sabiex tiddefinixxi kriterji ċari u prevedibbli, ta’ natura li jevitaw kull inċertezza legali għall-partijiet fil-kawża (29), b’mod partikolari billi fformulat ir-rekwiżit li jiġi identifikat is-sors tal-obbligu li jservi bħala bażi għat-talba mressqa (30).
35. Infakkar li s-sitwazzjonijiet fattwali kkonċernati f’dawn is‑sentenzi kienu differenti. Fil-fatt, fis-sentenza Wikingerhof, għalkemm il-partijiet kienu marbuta b’kuntratt, il-ksur allegat kien jirrigwarda aġir antikompetittiv, li kien issanzjonat mil-liġi indipendentement mill‑eżistenza ta’ dan il-kuntratt. Dan il-każ kien jirrigwarda, kuntrarjament għall-każ inkwistjoni fis-sentenza Granarolo, obbligu relatat mal-aġir kollu kemm hu, li min-natura tiegħu kien separabbli mill‑kuntratt, u mhux rekwiżit ta’ implimentazzjoni “korretta” tax‑xoljiment ta’ kuntratt, bħal fil-każ tas-sentenza Granarolo u, fuq kollox, bħall-każ f’din il-kawża.
36. B’mod partikolari, fis-sentenza Wikingerhof, il-Qorti tal‑Ġustizzja qieset li r-rikorrent fil-kawża prinċipali kien qed jinvoka, fit-talba tiegħu, ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni Ġermaniż, li kien jipprevedi projbizzjoni ġenerali ta’ abbuż minn pożizzjoni dominanti, indipendenti minn kwalunkwe kuntratt jew impenn volontarju ieħor (31). Għaldaqstant, minn dan jista’ jiġi dedott, a contrario, li jekk projbizzjoni ta’ aġir tapplika biss minħabba l-kuntratt, din għandha tiġi kklassifikata bħala kuntrattwali.
37. Minn dan jirriżulta li s-sentenzi Granarolo u Wikingerhof, mogħtija f’sitwazzjonijiet differenti, kienu għalhekk jeħtieġu soluzzjonijiet differenti, mingħajr madankollu ma għandu jitqies li t‑tagħlim li għandu jinsilet minnhom huwa inkompatibbli.
Konklużjoni intermedjarja dwar il-kriterji ta’ klassifikazzjoni
38. Mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 22 sa 37 ta’ dawn il‑konklużjonijiet li, barra minn hekk, issa hija ġurisprudenza stabbilita, jirriżulta li l-element determinanti sabiex obbligu jiġi kklassifikat bħala ta’ natura kuntrattwali jew mhux kuntrattwali jinsab fl-identifikazzjoni tas-sors ta’ dan l-obbligu. L-eżistenza tar-relazzjoni kuntrattwali bejn il‑partijiet ma hijiex, fiha nnifisha, determinanti, għaliex għandha tiġi identifikata l-kawża reali tal-azzjoni, mingħajr ma l-analiżi tkun limitata biss għall-identità tal-partijiet.
39. B’mod partikolari, għandu jiġi eżaminat jekk l-obbligu li r‑rikorrent jallega li nkiser joriġinax minn obbligu legali liberament assunt minn persuna fil-konfront ta’ oħra, jew inkella minn obbligu ġenerali impost mil-liġi jew minn regolament, li huwa distint minn kull relazzjoni li tista’ tirriżulta minn dan l-obbligu legali liberament assunt (32).
40. F’dan ir-rigward, il-ġurisprudenza ċċitata iktar ’il fuq tgħallimna li obbligu previst mil-liġi – u azzjoni ġudizzjarja mressqa minħabba l‑ksur tiegħu – għandhom jitqiesu bħala li jaqgħu taħt il-materja kuntrattwali jekk huma bbażati fuq dispożizzjonijiet legali li huma applikabbli minħabba dan il-kuntratt (33) u jekk ir-raġuni ta’ din l-azzjoni hija fiha nnifisha marbuta mal-eżistenza tal-imsemmi kuntratt (34). Jidhirli li minn dan jista’ jiġi dedott li d-determinazzjoni tas-sors tal-obbligu ma għandhiex tinftiehem bħala li tirreferi, stricto sensu, għall-bażi legali li tipprevedih (35), iżda pjuttost għall-att li minħabba fih jinħoloq dan l‑obbligu.
41. Barra minn hekk, huwa b’dan il-mod li għandu jiġi eżaminat minn x’hiex tiddependi n-natura legali jew illegali tal-aġir u, fl-aħħar mill‑aħħar, l-eżistenza u l-portata tal-kumpens, jiġifieri jekk ikunx meħtieġ li jiġi interpretat il-kuntratt jew ir-regoli applikabbli minħabba dan il-kuntratt, jew jekk dan il-kuntratt iservix biss sabiex tiġi ddeterminata l-materjalità tal-fatti, u l-evalwazzjoni tan-natura legali jew illegali tal-aġir, kif ukoll l-eżistenza u l-portata tal-kumpens, jeħtieġu evalwazzjonijiet li ma humiex relatati mar-relazzjoni kuntrattwali (36).
42. Barra minn hekk, skont il-ġurisprudenza (37), il-kunċett ta’ “obbligu mhux kuntrattwali” jidher li huwa kunċett residwali meta mqabbel ma’ dak ta’ “obbligu kuntrattwali”. Dan jidher li japplika, iktar u iktar, għall‑kunċett ta’ “materja delittwali jew kważi delittwali” (38).
43. Fid-dawl ta’ dan, issa hemm lok li ssir il-klassifikazzjoni tal‑azzjoni għad-danni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, billi tiġi eżaminata l-kawża li fuqha hija bbażata, sabiex jiġi ddeterminat jekk l‑obbligu li r-rikorrent jinvoka fil-konfront tal-konvenut huwiex “kuntrattwali” jew le.
Fuq il-klassifikazzjoni tal-azzjoni għad-danni mressqa minħabba terminazzjoni f’daqqa ta’ relazzjonijiet kummerċjali
44. Fil-kawża prinċipali, ir-rikorrenti ibbażat it-talbiet tagħha fuq regola tad-dritt Franċiż li tipprevedi r-responsabbiltà ta’ kull persuna li teżerċita attivitajiet ta’ produzzjoni, ta’ distribuzzjoni jew ta’ servizzi li ttemm f’daqqa relazzjoni kummerċjali stabbilita, mingħajr avviż minn qabel bil-miktub li jieħu inkunsiderazzjoni b’mod partikolari t-tul tar‑relazzjoni kummerċjali, fid-dawl tal-użanzi kummerċjali jew ta’ ftehimiet interprofessjonali. Kif tispjega l-qorti tar-rinviju fit-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari, it-terminazzjoni f’daqqa ta’ relazzjonijiet kummerċjali stabbiliti, prevista minn din ir-regola, tikkostitwixxi prattika “li tirrestrinġi l-kompetizzjoni”, ikklassifikata bħala delitt ċivili fid-dritt nazzjonali, li hija s-suġġett ta’ sanzjonijiet speċjali.
45. Qabelxejn, għandu jiġi kkonstatat li, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 22 ta’ dawn il-konklużjonijiet, il-klassifikazzjoni, fid-dritt nazzjonali, tat-terminazzjoni f’daqqa tar-relazzjonijiet kummerċjali bħala prattika restrittiva tal-kompetizzjoni u bħala delitt ċivili ma għandha l‑ebda effett fuq il-klassifikazzjoni għall-finijiet tal-applikazzjoni tar‑regoli ta’ kunflitt ta’ liġijiet fid-dritt internazzjonali privat.
46. Sussegwentement, kif ser nispjega iktar ’il quddiem, l-obbligu inkwistjoni għandu bħala sors l-eżistenza ta’ kuntratt, li jikkonkretizza l‑impenn volontarju reċiproku tal-partijiet fil-kawża prinċipali, u għalhekk għandu jiġi kklassifikat bħala kuntrattwali.
47. F’dan ir-rigward, infakkar li l-ħajja ta’ kuntratt hija kkaraterizzata minn żewġ stadji legali preċiżi, jiġifieri l-bidu u t-tmiem tiegħu. L-ewwel stadju jseħħ meta l-partijiet jaqblu li jidħlu f’relazzjoni kuntrattwali u jintrabtu volontarjament b’dan il-qbil. Min-naħa l-oħra, it-tieni stadju jista’ jseħħ b’diversi modi. It-tmiem tal-kuntratt jista’ jiġi kklassifikat bħala “antiċipat” meta jirriżulta min-nuqqas ta’ eżekuzzjoni tal-kuntratt jew mill-annullament tiegħu, jew bħala “naturali” meta jirriżulta mill‑wasla tat-terminu fil-każ ta’ kuntratt għal żmien determinat, mill‑eżekuzzjoni tal-obbligi previsti fih, jew inkella minn xoljiment unilaterali fil-każ ta’ kuntratt għal żmien indeterminat.
48. Fir-rigward ta’ dan l-aħħar mod kif jintemm il-kuntratt, jiġifieri permezz ta’ xoljiment unilaterali, dan jirrifletti r-rispett tal-libertà kuntrattwali tal-partijiet, u b’hekk jiġi evitat li jinħolqu rabtiet kuntrattwali perpetwi (39). F’dan il-każ, huwa stabbilit li l-partijiet fil‑kawża prinċipali kienu marbuta b’kuntratt u li r-rikorrenti tilmenta li l-konvenuta temmet il-kuntratt f’daqqa. Madankollu, bħala stadju fiċ‑“ċiklu tal-ħajja” ta’ kuntratt, ix-xoljiment jidher li huwa diffiċli li jiġi sseparat mill-kumplament tal-kuntratt u mil-liġi li tirregolah (40), b’tali mod li għandu jkun suġġett għall-istess ordinament ġuridiku bħal dak li japplika għall-obbligi li jirriżultaw minn dan il-kuntratt, sabiex jiġu żgurati ċ-ċertezza legali u l-prevedibbiltà tar-regoli.
49. Madankollu, għall-finijiet tal-klassifikazzjoni tal-obbligu inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-qorti tar-rinviju, bħall-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet tagħha, tidher li tagħti importanza lill-fatt li huwa l‑leġiżlatur – u mhux il-kuntratt – li jipprevedi l-obbligu li jingħata avviż minn qabel, suffiċjenti u bil-miktub, f’każ ta’ terminazzjoni ta’ relazzjonijiet kummerċjali stabbiliti. Madankollu, dan il-fatt ma għandux ikun deċiżiv għall-klassifikazzjoni tal-obbligu inkwistjoni.
50. Fil-fatt, l-obbligu li relazzjonijiet kummerċjali stabbiliti ma jiġux itterminati f’daqqa, li huwa ċertament previst mil-liġi, ma kien ikollu ebda sens li kieku l-partijiet ma kinux marbuta b’kuntratt. Huwa evidenti li persuna fiżika jew ġuridika li ma tkunx il‑persuna li magħha r-rikorrent kellu relazzjonijiet kuntrattwali ma tistax tinżamm responsabbli għat-tmiem f’daqqa tagħhom (41), peress li tali responsabbiltà ma teżistix b’mod awtonomu, indipendentement mill‑kuntratt. B’hekk, l-obbligu ta’ avviż minn qabel, suffiċjenti u bil‑miktub, f’każ ta’ terminazzjoni ta’ relazzjonijiet kummerċjali stabbiliti japplika preċiżament minħabba l-eżistenza ta’ relazzjoni kuntrattwali bejn il-partijiet. Fi kliem ieħor, dan l-obbligu huwa bbażat fuq regoli tad-dritt li japplikaw minħabba l-eżistenza stess tal-kuntratt bejn dawn il-partijiet.
51. Nimmaġinaw issa tilwima dwar sitwazzjoni analoga fejn il‑partijiet ikunu ddeċidew li jinkludu, fil-kuntratt tagħhom, klawżola dwar l-obbligu ta’ avviż minn qabel, jiġifieri terminu preċiż, fil-każ ta’ xoljiment unilaterali tal-kuntratt. Ikun xieraq għalhekk li l-obbligu jiġi kklassifikat bħala kuntrattwali, filwaqt li, fin-nuqqas ta’ tali klawżola fil‑kuntratt, dan l-obbligu jiġi kklassifikat bħala mhux kuntrattwali?
52. Ma naħsibx li tali distinzjoni, ibbażata fuq l-att li jipprevedi l‑obbligu ta’ avviż minn qabel, jiġifieri l-liġi jew il-kuntratt, hija sodisfaċenti mill-perspettiva taċ-ċertezza legali u tal-prevedibbiltà tal-liġi applikabbli f’sitwazzjonijiet transkonfinali, peress li tista’ twassal għal soluzzjonijiet differenti għal sitwazzjonijiet legali analogi. Fil-fatt, f’dawn iż-żewġ sitwazzjonijiet, l-osservanza tal-obbligu li l-kuntratt ma jiġix itterminat f’daqqa tirriżulta u, għalhekk, toriġina mill-eżistenza tal‑kuntratt u mill-applikazzjoni tar-regoli minħabba dan il-kuntratt. Fi kliem ieħor, l-osservanza tal-obbligu li r-relazzjonijiet kummerċjali stabbiliti ma jiġux itterminati f’daqqa hija imposta preċiżament minħabba dan il-kuntratt li ġie tterminat f’daqqa. Għaldaqstant, din ir-regola u l‑obbligu li jirriżulta minnha huma marbuta direttament mal-eżistenza ta’ obbligu legali liberament assunt bejn ir-rikorrent u l-konvenut fil-kawża prinċipali.
53. Barra minn hekk, bla ħsara għall-verifika mill-qorti tar-rinviju, jidher li mir-regola tad-dritt Franċiż, invokata mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, jirriżulta li din tissanzjona mhux it-terminazzjoni nnifisha, iżda n-natura ta’ din it-terminazzjoni, jiġifieri t-terminazzjoni f’daqqa. Issa, jidhirli li din iċ-ċirkustanza hija partikolarment importanti f’din il‑kawża.
54. F’dan ir-rigward, ninnota li r-rikorrent ma jistax jitlob li l-parti l‑oħra fil-kuntratt tinżamm responsabbli għad-danni kkawżati minħabba t-terminazzjoni nnifisha, iżda minħabba l-fatt li din tkun seħħet f’daqqa, mingħajr avviż minn qabel, suffiċjenti u bil-miktub, li tkun ikkawżat dannu li għalih għandu jingħata kumpens. Fi kliem ieħor, dak li jista’ jiġi ssanzjonat huwa n-nuqqas ta’ osservanza ta’ rekwiżit li t-terminazzjoni tiġi implimentata b’mod “korrett”, skont dawn il-modalitajiet. Issa, bħala tali, dan in-nuqqas ta’ osservanza ma jidhirlix li jista’ jiġi sseparat mill-eżistenza tal‑kuntratt. Fil-fatt, ir-regola tad-dritt Franċiż tidher li tissanzjona modalità ta’ implimentazzjoni tax-xoljiment tal-kuntratt, liema xoljiment, evidentement, ma jistax iseħħ (u lanqas ma jista’ jiġi ssanzjonat) indipendentement mill-eżistenza ta’ dan il-kuntratt.
55. L-interpretazzjoni li l-azzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandha tiġi kklassifikata bħala ta’ natura kuntrattwali jidhirli li hija wkoll konformi mal-għanijiet u mas-sistema tal-Konvenzjoni ta’ Ruma. Minn naħa, il-livell għoli ta’ ċertezza legali, li jsaħħaħ il-fiduċja fl‑istabbilità tar-relazzjonijiet bejn il-partijiet fil-kuntratt (42) timmilita favur il-klassifikazzjoni tal-obbligu li r-relazzjonijiet kummerċjali ma jiġux itterminati f’daqqa bħala obbligu kuntrattwali, sabiex il-liġi applikabbli tkun prevedibbli fi stadju li jimmarka t-tmiem ta’ dawn ir‑relazzjonijiet bejn il-partijiet fil-kuntratt. Fi kliem ieħor, dan jimmilita favur l-applikazzjoni tal-istess liġi għall-istadji kollha taċ-ċiklu tal-ħajja ta’ kuntratt.
56. Min-naħa l-oħra, il-klassifikazzjoni tal-obbligu inkwistjoni fil‑kawża prinċipali bħala ta’ natura kuntrattwali tippermetti li tiġi osservata l-importanza kruċjali, mogħtija mill-Konvenzjoni ta’ Ruma, lill-awtonomija tal-volontà tal-partijiet fl-għażla tal-liġi applikabbli għall-obbligi kuntrattwali (43), u b’dan il-mod indiviżibbli għall-kuntratt kollu. Fil-fatt, kif jirriżulta mit-talba għal deċiżjoni preliminari, il‑kuntratt bejn il-partijiet kien jinkludi klawżola ta’ għażla tal-liġi applikabbli favur il-liġijiet tal-gżira ta’ Jersey (44).
57. Fl-aħħar nett, jidhirli li l-konklużjoni li l-azzjoni inkwistjoni għandha tiġi kklassifikata bħala ta’ natura kuntrattwali hija imposta wkoll fid-dawl tal-għan li tiġi żgurata l-koerenza bejn l-istrumenti legali li jagħmlu parti mis-sistema unika ta’ armonizzazzjoni tar-regoli tad-dritt internazzjonali privat. Infakkar li din is-sistema teħtieġ li, sabiex azzjoni tiġi kklassifikata bħala ta’ natura kuntrattwali jew mhux kuntrattwali, għandu jiġi identifikat l-obbligu li fuqu tkun ibbażata, li għandu jitqies li huwa ta’ natura kuntrattwali jekk jirriżulta mill-applikazzjoni ta’ regoli minħabba l-eżistenza ta’ kuntratt. Issa, kif urejt iktar ’il fuq, dan huwa preċiżament il-każ tal-azzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali.
58. F’dan ir-rigward, bla ħsara għall-verifika mill-qorti tar-rinviju, u kuntrarjament għall-pożizzjoni tal-Gvern Franċiż, jidhirli li l‑interpretazzjoni tal-kuntratt hija indispensabbli sabiex jiġi evalwat jekk it-terminazzjoni seħħitx f’daqqa. Fil-fatt, il-kriterji bħat-tul tar-relazzjoni kummerċjali, il-prezz applikabbli matul din ir-relazzjoni u anki s-suq li fih joperaw il-partijiet, li huma previsti espressament fl‑Artikolu L. 442‑1(II)(1) tal-Kodiċi Kummerċjali sabiex jiġi evalwat jekk l‑avviż minn qabel bil-miktub huwiex suffiċjenti, ma jistgħux jiġu ddeterminati mingħajr analiżi fid-dettall tal-kuntratt li jorbot lill-partijiet.
59. Għaldaqstant, bħall-Gvern Ċek, Ġermaniż u dak Taljan li ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub, jiena tal-fehma li l-punt ta’ riferiment sabiex tiġi evalwata l-legalità tal-aġir allegat li bih huwa kkritikat il‑konvenut jinsab fl-interpretazzjoni tal-kuntratt u tar-regoli applikabbli minħabba l-eżistenza tiegħu bejn il-partijiet, b’tali mod li din l-azzjoni għandha titqies li hija, fiha nnifisha, marbuta mal-eżistenza ta’ dan il‑kuntratt.
60. Il-Gvern Franċiż jiġbed l-attenzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja għall‑fatt li l-azzjoni ġudizzjarja bbażata fuq it-terminazzjoni f’daqqa ta’ relazzjonijiet kummerċjali stabbiliti tista’ titressaq mill-Ministru għall‑Ekonomija, indipendentement mill-partijiet f’dawn ir‑relazzjonijiet. Madankollu, dan il-fatt ma huwiex ta’ natura li jikkontesta l-konklużjoni li l-kawża tal-azzjoni hija bbażata fuq regoli tad-dritt li huma applikabbli biss minħabba l-eżistenza ta’ kuntratt. Fil‑fatt, l-evalwazzjoni tan-natura legali jew illegali tal-aġir inkwistjoni fil-kawża prinċipali teħtieġ analiżi tal-kuntratt u tar-regoli applikabbli minħabba fih, b’tali mod li l-azzjoni fil-kawża prinċipali hija bbażata fuq obbligu kuntrattwali. Barra minn hekk, fis-sentenza Granarolo, iffaċjata b’regola analoga tad-dritt Franċiż, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet diġà konxja tan-natura ta’ ordni pubbliku ta’ din ir-regola (45), iżda, madankollu, ma qisitx li din ma kinitx ta’ natura kuntrattwali għal din ir‑raġuni.
61. Barra minn hekk, il-fatt li obbligu jaqa’ taħt ir-regoli dwar il‑prattiki li jirrestrinġu l-kompetizzjoni lanqas ma jista’ jwassal għall‑klassifikazzjoni awtomatika tiegħu bħala obbligu kuntrattwali jew mhux kuntrattwali. Fil-fatt, il-qasam ta’ dawn il-prattiki huwa wiesa’, u jinkludi l-iżvelar illegali ta’ sigriet kummerċjali sa dikjarazzjonijiet foloz jew indikazzjonijiet li l-użu tagħhom jista’ jqarraq bil-pubbliku. B’hekk, huwa ċar li min jagħmel reklamar qarrieqi jew dikjarazzjonijiet foloz li jistgħu jiskreditaw lill-kompetitur tiegħu mhux neċessarjament ikollu relazzjoni kuntrattwali ma’ dan tal-aħħar, b’differenza mill‑kummerċjanti li jkunu f’relazzjoni kummerċjali stabbilita. Għaldaqstant, il-klassifikazzjoni ta’ tali obbligi, bħal dik ta’ obbligi oħra, għandha tiġi evalwata każ b’każ, skont il-kriterji stabbiliti fil‑ġurisprudenza u esposti fil-punti 38 sa 43 ta’ dawn il‑konklużjonijiet (46).
Risposta proposta
62. Nipproponi għalhekk li r-risposta għad-domanda preliminari magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja f’din il-kawża għandha tkun li l‑Artikoli 1(1) tal-Konvenzjoni ta’ Ruma u tar-Regolament Ruma II għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-liġi applikabbli għall-azzjoni għad-danni għat-terminazzjoni f’daqqa tar-relazzjonijiet kummerċjali stabbiliti hija ddeterminata skont din il-Konvenzjoni.
Konklużjoni
63. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, nissuġġerixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi d-domanda preliminari magħmula mill-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni, Franza) f’din il-kawża kif ġej:
L-Artikolu 1(1) tal-Konvenzjoni dwar il-liġi applikabbli għall-obbligi kuntrattwali miftuħa għall-firma f’Ruma fid‑19 ta’ Ġunju 1980, u l‑Artikolu 1 tar-Regolament (KE) Nru 864/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Lulju 2007 dwar il-liġi applikabbli għall‑obbligazzjonijiet mhux kuntrattwali (Ruma II),
għandhom jiġu interpretati fis-sens li:
il-liġi applikabbli għall-azzjoni għad-danni għat-terminazzjoni f’daqqa tar-relazzjonijiet kummerċjali stabbiliti hija ddeterminata skont din il‑Konvenzjoni.
1 Lingwa oriġinali: il-Franċiż.
2 Konvenzjoni dwar il-liġi applikabbli għall-obbligi kuntrattwali miftuħa għall-firma f’Ruma fid‑19 ta’ Ġunju 1980 (ĠU 2005, C 169, p. 10, iktar ’il quddiem il‑“Konvenzjoni ta’ Ruma”).
3 Regolament (KE) Nru 864/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Lulju 2007 dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet mhux kuntrattwali (Ruma II) (ĠU 2007, L 199, p. 40, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Ruma II”).
4 Regolament (KE) Nru 593/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Ġunju 2008 dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet kuntrattwali (Ruma I) (ĠI 2008, L 177, p. 6, rettifika fil-ĠU 2009, L 309, p. 87, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Ruma I”).
5 Iktar ’il quddiem is-“sentenza Wikingerhof”.
6 Iktar ’il quddiem is-“sentenza Granarolo”.
7 Ara s-sentenza tal‑5 ta’ Marzu 2020, X (Eżenzjoni mill-VAT għal konsultazzjonijiet telefoniċi) (C‑48/19, EU:C:2020:169, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).
8 Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, skont l-Artikolu 28 tar‑Regolament Ruma I, l-applikazzjoni tiegħu tiddependi mid-data tal-konklużjoni tal-kuntratt ikkonċernat (ara s-sentenza tal‑25 ta’ Marzu 2021, Obala i lučice, C‑307/19, EU:C:2021:236, punt 56 u l-ġurisprudenza ċċitata). B’hekk, id‑dispożizzjonijiet tar-Regolament Ruma I, li ġie wara l-Konvenzjoni ta’ Ruma, japplikaw esklużivament għall-kuntratti konklużi b’effett mis‑17 ta’ Diċembru 2009, u mhux għall-effetti futuri ta’ kuntratti konklużi qabel dik id-data.
9 L-Ewwel Protokoll 89/128/KEE dwar l-interpretazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja tal‑Komunitajiet Ewropej tal-Konvenzjoni dwar il-liġi applikabbli għall-obbligi kuntrattwali miftuħa għall-firma f’Ruma fid‑19 ta’ Ġunju 1980 (ĠU 1989, L 48, p. 1), u l-Konvenzjonijiet ta’ Adeżjoni tal‑10 ta’ April 1984, 18 ta’ Mejju 1992 u 29 ta’ Novembru 1996, u t-Tieni Protokoll 89/129/KEE li jagħti lill-Qorti tal-Ġustizzja tal‑Komunitajiet Ewropej ċerti kompetenzi fil-materja ta’ interpretazzjoni tal‑Konvenzjoni dwar il-liġi applikabbli għall-obbligi kuntrattwali miftuħa għall‑firma f’Ruma fid‑19 ta’ Ġunju 1980 (ĠU 1989, L 48, p. 17), u l‑Konvenzjonijiet ta’ Adeżjoni tal‑10 ta’ April 1984, 18 ta’ Mejju 1992 u 29 ta’ Novembru 1996.
10 Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑15 ta’ Marzu 2011, Koelzsch (C‑29/10, EU:C:2011:151, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata); tat‑28 ta’ Lulju 2016, Verein für Konsumenteninformation (C‑191/15, EU:C:2016:612, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata) u tal‑15 ta’ Jannar 2026, Wunner (C‑77/24, EU:C:2026:1, punt 25 u l‑ġurisprudenza ċċitata).
11 Sentenza Granarolo, punt 19.
12 Sentenza tal‑21 ta’ Jannar 2016, ERGO Insurance u Gjensidige Baltic (C‑359/14 u C‑475/14, iktar ’il quddiem is-“sentenza ERGO Insurance u Gjensidige Baltic”, EU:C:2016:40, punt 43).
13 Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001 tat-22 ta’ Diċembru 2000 dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU 2001, Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Brussell I”).
14 Ara s-sentenza ERGO Insurance u Gjensidige Baltic, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata, li hija, sa fejn naf jien, l-ewwel sentenza li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja spjegat dan il-kunċett fil-qafas tal-istrument legali li jirregola d-determinazzjoni tal-liġi applikabbli.
15 Ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑20 ta’ Ġunju 2022, London Steam-Ship Owners’ Mutual Insurance Association (C‑700/20, EU:C:2022:488, punt 42).
16 Ir-Regolament Ruma I jispjega li dawn huma obbligi kuntrattwali fil-materja ċivili u kummerċjali.
17 Kif jirriżulta mill-Artikolu 24 tar-Regolament Ruma I, “[d]an ir-Regolament għandu jissostitwixxi l-Konvenzjoni ta’ Ruma fl-Istati Membri, ħlief fir-rigward tat-territorji ta’ l-Istati Membri li jaqgħu fl-ambitu territorjali ta’ dik il-Konvenzjoni u li għalihom dan ir-Regolament ma japplikax skond l-Artikolu 299 tat-Trattat” (paragrafu 1) u “[s]a fejn dan ir-Regolament jissostitwixxi d-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Ruma, kwalunkwe referenza għall-Konvenzjoni għandha titqies bħala referenza għal dan ir-Regolament” (paragrafu 2).
Ara, wkoll, Magnus, U., u Mankowski, P., “Rome I Regulation – Commentary”, Vol. 2, Verlag Dr. Otto Schmidt, Köln, 2017, p. 32, https://doi.org/10.9785/9783504384814.
18 Barra minn hekk, fil-kawża li tat lok għas-sentenza tat‑3 ta’ Ottubru 2019, Verein für Konsumenteninformation (C‑272/18, EU:C:2019:827, punti 37, 40 u 41), li fiha l‑Qorti tal-Ġustizzja ntalbet tiddeċiedi dwar l-esklużjoni mill-kampijiet ta’ applikazzjoni rispettivi tal-Konvenzjoni ta’ Ruma u tar-Regolament Ruma I, b’mod partikolari, fis-sens tal-Artikoli 1(2) ta’ dawn l-istrumenti legali, hija qieset l‑obbligi kuntrattwali msemmija minn dawn l-istrumenti bħala li jippreżentaw, essenzjalment, kontinwità interpretattiva.
19 Is-sentenza ERGO Insurance u Gjensidige Baltic hija l-ewwel sentenza li fiha, sa fejn naf jien, il-Qorti tal-Ġustizzja spjegat dan il-kunċett fil-qafas tal-istrument li jirregola d-determinazzjoni tal-liġi applikabbli. Barra minn hekk, minn din is‑sentenza jirriżulta li l-kunċett ta’ “obbligu mhux kuntrattwali” huwa usa minn dak analogu għalih ta’ “materja delittwali jew kważi delittwali”. Fil-fatt, “obbligu mhux kuntrattwali”, fis-sens tar‑Regolament Ruma II, huwa obbligu li joriġina minn fatt li kkawża dannu, minn arrikkiment indebitu, minn ġestjoni tan-negozju jew minn culpa in contrahendo (ara l-punti 45 u 46 ta’ din is-sentenza).
20 Nenfasizza li din il-konklużjoni tapplika għall-kunċetti li jiddeterminaw il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawn l-istrumenti, f’dan il-każ, ta’ “obbligu kuntrattwali” u ta’ “obbligu mhux kuntrattwali”, minn naħa, u ta’ “materja kuntrattwali” u ta’ “materja delittwali jew kważi delittwali”, min-naħa l-oħra. Huwa evidenti li din il-konklużjoni ma tistax tiġi trasposta awtomatikament għall-kunċetti kollha li jinsabu f’dawn l-atti. Għaldaqstant, din lanqas ma timplika traspożizzjoni awtomatika tas‑soluzzjonijiet adottati fl-interpretazzjoni tal-ewwel grupp ta’ atti għat-tieni grupp ta’ atti (ara, f’dan is-sens, sentenza tal‑11 ta’ Diċembru 2025, Locatrans, C‑485/24, EU:C:2025:955, punti 49 u 51 u l-ġurisprudenza ċċitata).
21 Ara, b’mod partikolari, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Saugmandsgaard Øe fil-kawża Wikingerhof (C‑59/19, EU:C:2020:688) u fil-kawża HRVATSKE ŠUME (C‑242/20, EU:C:2021:728).
22 Mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li din ir-regola, li tirriżulta mil-Liġi Nru 96-588 tal‑1 ta’ Lulju 1996 Dwar il-Lealtà u l-Ekwilibriju tar-Relazzjonijiet Kummerċjali li emendat l-Artikolu 36 tad-Digriet Nru 86-1243 tal‑1 ta’ Diċembru 1986 Dwar il-Libertà tal-Prezzijiet u tal-Kompetizzjoni, li qabel kienet ikkodifikata taħt il-punt 5 tal-Artikolu L. 442-6(I) tal-Kodiċi Kummerċjali inkwistjoni fil-kawża prinċipali fil-kawża Granarolo, tinsab, b’effett mid-Digriet Nru 2019-359 tal‑24 ta’ April 2019, fl-Artikolu L. 442‑1(II) tal-Kodiċi Kummerċjali, inkwistjoni fil-kawża prinċipali f’din il-kawża.
23 Ara l-punt 28 u d-dispożittiv tas-sentenza Granarolo.
Barra minn hekk, il-Qorti tal‑Ġustizzja sussegwentament tat diversi sentenzi dwar dan is-suġġett, fejn hija qieset li kienu jaqgħu taħt materja kuntrattwali, l-obbligi kollha li joriġinaw mill-kuntratt li n-nuqqas ta’ eżekuzzjoni tiegħu huwa invokat insostenn tal-azzjoni tar-rikorrent, filwaqt li fakkret fil-ħtieġa tal-eżistenza ta’ obbligu legali liberament assunt minn persuna fil-konfront ta’ oħra u li huwa l-bażi tal-azzjoni tar-rikorrent, b’tali mod li r-regola ta’ ġurisdizzjoni speċjali fil‑materja kuntrattwali hija bbażata fuq il-kawża tal-azzjoni u mhux fuq l-identità tal‑partijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑15 ta’ Ġunju 2017, Kareda C‑249/16, EU:C:2017:472, punti 30 u 31, tas‑7 ta’ Marzu 2018, flightright et, C‑274/16, C‑447/16 u C‑448/16, EU:C:2018:160, punti 59 sa 61 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tal‑4 ta’ Ottubru 2018, Feniks, C‑337/17, EU:C:2018:805, punti 39 u 48 u l-ġurisprudenza ċċitata, fosthom b’mod partikolari s-sentenza ERGO Insurance u Gjensidige Baltic iċċitata iktar ’il fuq).
24 Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (ĠU 2012, L 351, p. 1, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Brussell Ia”). Sa fejn, skont il-premessa 34 tar-Regolament Brussell Ia, dan ħassar u ssostitwixxa r-Regolament Brussell I, li huwa stess issostitwixxa l-Konvenzjoni ta’ Brussell, l‑interpretazzjoni pprovduta mill-Qorti tal-Ġustizzja għal dak li jirrigwarda d‑dispożizzjonijiet ta’ dawn l-istrumenti legali tal-aħħar tapplika wkoll għal dawk tar-Regolament Regolament Brussell Ia meta dawn id-dispożizzjonijiet jistgħu jiġu kklassifikati bħala “ekwivalenti”. Dan huwa l-każ tad-dispożizzjonijiet relatati mal‑materja kuntrattwali u l-materja delittwali jew kważi delittwali sabiex tiġi ddeterminata l-qorti li għandha ġurisdizzjoni fis-sens ta’ dawn l-istrumenti legali (ara s‑sentenza Wikingerhof, punt 20).
25 Sentenza Wikingerhof, punt 32.
26 Sentenza Wikingerhof, punt 33.
27 Sentenza Wikingerhof, punt 31.
28 B’mod partikolari, fis-sentenzi ta’ wara, il-Qorti tal-Ġustizzja kompliet tiżviluppa l‑interpretazzjoni tagħha tal-materji kuntrattwali u delittwali jew kważi delittwali, filwaqt li tat importanza lill-identifikazzjoni ta’ obbligu kuntrattwali li jista’ jinħoloq taċitament, meta dan jirriżulta minn atti mhux ekwivoċi li jesprimu r-rieda tal‑partijiet (sentenza tal‑25 ta’ Marzu 2021, Obala i lučice, C‑307/19, EU:C:2021:236, punti 87 sa 90, 98 u l-ġurisprudenza ċċitata). Il-Qorti tal-Ġustizzja ġabret ukoll fil-qosor ir-raġunament tagħha billi spjegat li, sabiex jiġi ddeterminat jekk azzjoni taqax taħt materja delittwali jew kważi delittwali, fis-sens tar‑Regolament Brussell I, għandu jiġi vverifikat jekk humiex issodisfatti żewġ kundizzjonijiet, jiġifieri, minn naħa, li din l-azzjoni ma hijiex marbuta ma’ materja kuntrattwali, fis‑sens ta’ dan ir-regolament, u, min-naħa l-oħra, li hija intiża li tistabbilixxi r-responsabbiltà ta’ konvenut. Fir-rigward tal-ewwel kundizzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li l-materja kuntrattwali, fis-sens tar-Regolament Brussell I, tinkludi kull talba bbażata fuq obbligu liberament assunt minn persuna fil-konfront ta’ oħra (sentenza tad‑9 ta’ Diċembru 2021, HRVATSKE ŠUME, C‑242/20, EU:C:2021:985, punti 43 u 44 u l‑ġurisprudenza ċċitata). Fl-aħħar nett, il-Qorti tal‑Ġustizzja ddeċidiet ukoll li l-eżistenza ta’ relazzjoni li kienet teżisti qabel bejn il‑partijiet, bħal kuntratt, ma tippermettix l-applikazzjoni awtomatika tal-liġi tal‑kuntratt għar-responsabbiltà mhux kuntrattwali (sentenza tal‑10 ta’ Marzu 2022, BMA Nederland, C‑498/20, EU:C:2022:173, punti 63 u 64, affermata mill-ġdid fis‑sentenza tal‑15 ta’ Jannar 2026, Wunner C‑77/24, EU:C:2026:1, punt 55, fil‑kuntest tar-Regolament Ruma II).
29 Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Saugmandsgaard Øe fil-kawża Wikingerhof (C‑59/19, EU:C:2020:688, punt 71) u s-sentenza Wikingerhof, punti 31 sa 33.
30 Sentenza Wikingerhof, punt 31.
31 Sentenza Wikingerhof, punt 34.
32 Il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Ruma II lanqas ma jinkludi t-tilwimiet kollha mhux kuntrattwali.
33 Ara s-sentenza Wikingerhof, punt 32.
34 Sentenza tal‑15 ta’ Ġunju 2017, Kareda (C‑249/16, EU:C:2017:472, punt 31).
35 Fl-aħħar mill-aħħar, diversi regoli huma stabbiliti mil-liġi. Madankollu, dan ma jfissirx li l-obbligi bbażati fuq dawn ir-regoli għandhom kollha jiġu kklassifikati bħala mhux kuntrattwali.
36 Sentenza ERGO Insurance u Gjensidige Baltic, punti 47 u 48.
37 Ara, f’dan is-sens, is-sentenza ERGO Insurance u Gjensidige Baltic, punt 45.
38 Sentenza tad‑9 ta’ Diċembru 2021, HRVATSKE ŠUME (C‑242/20, EU:C:2021:985, punti 43 u 44 u l-ġurisprudenza ċċitata).
39 Sa fejn naf jien, fis-sistemi ġuridiċi kollha tal-Istati Membri tal-Unjoni hemm, b’xi mod jew ieħor, limitazzjonijiet fuq rabtiet kuntrattwali perpetwi, inklużi rabtiet għal żmien eċċessiv jew rabtiet li ma jistgħux jintemmu. Il-liġijiet nazzjonali jirregolaw dawn is-sitwazzjonijiet billi jippermettu x-xoljiment unilaterali ta’ kuntratti għal żmien indeterminat (ara l-Artikolu 6.199 tal-Kodiċi Ċivili Litwan), jew inkella billi jipprojbixxu b’mod espliċitu rabtiet kuntrattwali perpetwi (ara l-Artikolu 1210 tal‑Kodiċi Ċivili Franċiż). Il-ġurisprudenza nazzjonali tipproteġi d-dritt li jintemmu tali rabtiet abbażi tal-prinċipji tal-moralità pubblika, tal-bona fide u tal-libertà kuntrattwali.
40 F’dan ir-rigward, l-Artikolu 10(1) tal-Konvenzjoni ta’ Ruma jelenka diversi kwistjonijiet li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-liġi li tirregola l-kuntratti. Fost dawn il-kwistjonijiet hemm l-interpretazzjoni tal-kuntratt, l-eżekuzzjoni tal-obbligi li jirriżultaw minnu, il-konsegwenzi tan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni ta’ dawn l-obbligi, il-modi kif jintemmu l-obbligi u l-konsegwenzi tan-nullità ta’ kuntratt. Fi kliem ieħor, dawn l-eżempji jkopru ċ-“ċiklu tal-ħajja” kollu tal-kuntratt. Għaldaqstant, ma nara ebda raġuni oġġettiva għaliex ix-xoljiment tal-kuntratt, li huwa l-istadju li jtemm dan iċ-ċiklu, ma għandux jaqa’ wkoll fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din il-liġi, speċjalment peress li, skont ir-rapport dwar il-Konvenzjoni dwar il-liġi applikabbli għal obbligi kuntrattwali, redatt minn Mario Giuliano u Paul Lagarde (ĠU 1980, C 282, p. 1, iktar ’il quddiem ir-“Rapport Giuliano u Lagarde”), “din hija enumerazzjoni li, madankollu, ma hijiex eżawrjenti, kif jindika l-avverbju ‘b’mod partikolari’”.
41 Dan huwa iktar u iktar loġiku peress li, f’dan il-każ, japplika l-prinċipju tal-effett relattiv tal-kuntratt, li permezz tiegħu l-kuntratt joħloq obbligi u jagħti lok għal responsabbiltà minħabba l-eżistenza tiegħu biss bejn il-partijiet kontraenti.
42 Sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2009, ICF (C‑133/08, EU:C:2009:617, punt 23).
43 Rapport Giuliano u Lagarde.
44 Nassumu li kellu jitqies li l-obbligu li jiġi osservat avviż minn qabel, suffiċjenti u bil‑miktub, għandu natura mhux kuntrattwali. Tali klassifikazzjoni jkollha r-riżultat li tissuġġetta wieħed mill-istadji legali speċifiċi tal-kuntratt, jiġifieri t-tmiem tiegħu, li jirriżulta minn xoljiment unilaterali, għal liġi oħra differenti minn dik li tirregola l‑kumplament tal-kuntratt. B’hekk, b’mod kurjuż, naslu biex dan l-istadju taċ-ċiklu tal-ħajja tal-kuntratt jiġi sseparat mill-kumplament tiegħu, u dan, essenzjalment, minħabba l-fatt li l-liġi tipprevedi obbligu li jiġi osservat avviż minn qabel, suffiċjenti u bil-miktub, fil-każ ta’ xoljiment unilaterali ta’ relazzjonijiet kummerċjali stabbiliti, li jibdel in-natura kuntrattwali ta’ dan ix-xoljiment f’fatt dannuż, indipendenti mill-kuntratt.
45 Infakkar li, fil-konklużjonijiet tagħha f’din il-kawża, l-Avukata Ġenerali Kokott kienet ipproponiet li din il-kawża titqies bħala ta’ natura delittwali jew kważi delittwali. Il-Qorti tal-Ġustizzja ma laqgħetx din il-proposta.
46 Bħala kumment addizzjonali, inżid li din il-konklużjoni hija iktar u iktar valida peress li l-Artikolu 6 tar-Regolament Ruma II jipprevedi l-liġi applikabbli għal obbligu mhux kuntrattwali li jirriżulta minn att ta’ kompetizzjoni żleali, u dan jimplika li jistgħu tabilħaqq jeżistu obbligi kuntrattwali li jirriżultaw minn att ta’ kompetizzjoni żleali. Fil-fatt, ma narax għalfejn għandu jkun hemm riferiment espress, fil-formulazzjoni ta’ dan l-artikolu, għall-“obbligi mhux kuntrattwali”, jekk ikunu biss dawn l-obbligi li jistgħu jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu. Barra minn hekk, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tikkonferma li prattiki differenti li jirrestrinġu l-kompetizzjoni u prattiki antikompetittivi jistgħu jaqgħu kemm taħt materja kuntrattwali kif ukoll taħt dawk delittwali jew kważi delittwali (ara s‑sentenzi Granarolo u Wikingerhof).