European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Serje L


2024/566

15.2.2024

REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2024/566

tal-14 ta’ Frar 2024

li jemenda l-Anness VIII tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/620 fir-rigward tal-approvazzjoni jew l-irtirar tal-istatus ta’ ħelsien mill-mard ta’ ċerti żoni tal-Ġermanja u ta’ Spanja fir-rigward tal-infezzjoni bil-virus tal-ilsien blu (is-serotipi 1–24) u l-approvazzjoni tal-estensjoni ta’ programm ta’ eradikazzjoni għall-infezzjoni b’dak il-virus

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2016 dwar il-mard trażmissibbli tal-annimali u li jemenda u jħassar ċerti atti fil-qasam tas-saħħa tal-annimali (“Liġi dwar is-Saħħa tal-Annimali”) (1), u b’mod partikolari l-Artikoli 31(4), it-tieni subparagrafu, 36(4) u 42(4) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) 2016/429 jistabbilixxi regoli speċifiċi għall-mard elenkat f’konformità mal-Artikolu 5(1) tiegħu, u kif dawk ir-regoli għandhom jiġu applikati għal kategoriji differenti ta’ mard elenkat. Barra minn hekk, jipprevedi li l-Istati Membri jistabbilixxu programmi ta’ eradikazzjoni obbligatorji għall-mard elenkat imsemmi fil-punt (b) tal-Artikolu 9(1) tiegħu, u għall-programmi ta’ eradikazzjoni fakultattivi għall-mard elenkat imsemmi fil-punt (c) tal-Artikolu 9(1) tiegħu, u għall-approvazzjoni ta’ tali programmi mill-Kummissjoni. Dak ir-Regolament jipprevedi wkoll li l-Kummissjoni tapprova jew tirtira l-istatus ta’ ħelsien mill-mard tal-Istati Membri jew taż-żoni jew tal-kompartimenti tagħhom rigward ċertu mard elenkat imsemmi fl-Artikolu 9(1), il-punti (b) u (c), tiegħu.

(2)

Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/689 (2) jissupplimenta r-Regolament (UE) 2016/429 u jistabbilixxi l-kriterji għall-għoti, għaż-żamma, għas-sospensjoni u għall-irtirar tal-istatus ta’ ħelsien mill-mard għall-Istati Membri jew għaż-żoni jew għall-kompartimenti tagħhom, u r-rekwiżiti għall-approvazzjoni tal-programmi ta’ eradikazzjoni obbligatorji jew fakultattivi għall-Istati Membri jew għaż-żoni jew għall-kompartimenti tagħhom.

(3)

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/620 (3) jistabbilixxi r-regoli ta’ implimentazzjoni għall-mard elenkat, imsemmi fil-punti (a), (b) u (c) tal-Artikolu 9(1) tar-Regolament (UE) 2016/429, tal-annimali, fir-rigward tal-istatus ta’ ħelsien mill-mard u tal-istatus ta’ mingħajr tilqim ta’ ċerti Stati Membri jew taż-żoni jew tal-kompartimenti tagħhom, u l-approvazzjoni ta’ programmi ta’ eradikazzjoni għal dak il-mard elenkat. B’mod aktar partikolari, jelenka fl-Annessi tiegħu, l-Istati Membri jew iż-żoni jew il-kompartimenti tagħhom bi status ta’ ħelsien mill-mard, u jelenka wkoll il-programmi ta’ eradikazzjoni obbligatorji jew fakultattivi approvati eżistenti. Is-sitwazzjoni epidemjoloġika li qed tinbidel fir-rigward tal-infezzjoni bil-virus tal-ilsien blu (serotipi 1–24) (BTV) f’ċerti Stati Membri tagħmilha neċessarja li jiġi emendat l-Anness VIII tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/620 biex jirrifletti s-sitwazzjoni attwali.

(4)

Fir-rigward tal-infezzjoni bil-BTV, Spanja ppreżentat informazzjoni lill-Kummissjoni li turi li l-kundizzjonijiet għar-rikonoxximent tal-istatus ta’ ħelsien mill-mard mill-infezzjoni bil-BTV huma ssodisfati għall-Komunità Awtonoma tal-Gżejjer Baleariċi. Wara l-valutazzjoni mill-Kummissjoni, intwera li dik l-applikazzjoni tikkonforma mal-kriterji stipulati fil-Parti II, il-Kapitolu 4, tar-Regolament Delegat (UE) 2020/689 għall-għoti tal-istatus ta’ ħelsien mill-mard mill-infezzjoni bil-BTV. Għalhekk, jenħtieġ li dik iż-żona tiżdied mat-territorju ta’ Spanja li huwa elenkat bħala ħieles mill-infezzjoni bil-BTV, fil-Parti I tal-Anness VIII tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/620, u jenħtieġ li titħassar mit-territorju ta’ Spanja li huwa elenkat bħala li għandu programm ta’ eradikazzjoni approvat għall-infezzjoni bil-BTV, fil-Parti II ta’ dak l-Anness VIII.

(5)

Fir-rigward tal-infezzjoni bil-BTV, il-Ġermanja nnotifikat lill-Kummissjoni dwar tifqigħa ta’ infezzjoni bis-serotip 3 tal-BTV li taffettwa l-istati tas-Sassonja t’Isfel u ta’ Bremen, u Spanja nnotifikat lill-Kummissjoni dwar diversi tifqigħat ta’ infezzjoni bis-serotip 4 tal-BTV fil-provinċja ta’ La Coruña u li jaffettaw ukoll il-provinċja ta’ Lugo fil-Komunità Awtonoma ta’ Galicia; fil-Komunità Awtonoma tal-Asturias u li jaffettwaw ukoll il-Komunità Awtonoma ta’ Cantabria; fil-Komunità ta’ Madrid u li jaffettwaw ukoll il-provinċja ta’ Ávila u l-muniċipalitajiet ta’ Cantalejo, Carbonero El Mayor, Santa María la Real de Nieva, Segovia u Villacastín fil-provinċja ta’ Segovia, fil-Komunità Awtonoma ta’ Castilla y León. Barra minn hekk, Spanja nnotifikat ukoll lill-Kummissjoni dwar diversi tifqigħat ta’ infezzjoni bis-serotip 4 tal-BTV fil-Komunità Awtonoma ta’ Murcia, u li jaffettwaw ukoll il-provinċji ta’ Almería u Granada fil-Komunità Awtonoma ta’ Andalusia. Peress li dawk l-istati fil-Ġermanja u dawk iż-żoni tal-komunitajiet awtonomi fi Spanja huma rikonoxxuti li għandhom status ta’ ħelsien mill-mard u huma elenkati fil-Parti I tal-Anness VIII tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/620, tali status ta’ ħelsien mill-mard mill-infezzjoni bil-BTV jenħtieġ li jiġi rtirat, u l-entrati għall-Ġermanja u għal Spanja f’dik il-lista jenħtieġ li jiġu emendati skont dan.

(6)

Fir-rigward tal-infezzjoni bil-BTV, Spanja infurmat ukoll lill-Kummissjoni li estendiet il-kamp ta’ applikazzjoni territorjali tal-programm ta’ eradikazzjoni fakultattiv diġà approvat għaż-żona elenkata fil-Parti II tal-Anness VIII tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/620 biż-żieda ta’ żona li tinkludi ċerti żoni tal-provinċja ta’ La Coruña, u l-provinċja ta’ Lugo fil-Komunità Awtonoma ta’ Galicia, il-Komunità Awtonoma tal-Asturias, il-Komunità Awtonoma ta’ Cantabria, ċerti żoni tal-Komunità ta’ Madrid, ċerti żoni tal-provinċja ta’ Ávila u tal-provinċja ta’ Segovia, fil-Komunità Awtonoma ta’ Castilla y León, il-provinċji ta’ Almería u Granada fil-Komunità Awtonoma ta’ Andalusia, u l-Komunità Awtonoma ta’ Murcia. Għalhekk, jenħtieġ li dawn iż-żoni jiżdiedu mal-entrata għal Spanja fil-Parti II tal-Anness VIII tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/620, fiż-żona bi programm ta’ eradikazzjoni approvat għall-infezzjoni bil-BTV.

(7)

Għalhekk, jenħtieġ li l-Anness VIII tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/620 jiġi emendat skont dan.

(8)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness VIII tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/620 huwa emendat f’konformità mal-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-14 ta’ Frar 2024.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 84, 31.3.2016, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2016/429/oj.

(2)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/689 tas-17 ta’ Diċembru 2019 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-regoli għas-sorveljanza, għall-programmi ta’ eradikazzjoni u għall-istat ta’ ħelsien mill-mard għal ċertu mard elenkat u emerġenti (ĠU L 174, 3.6.2020, p. 211, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2020/689/oj).

(3)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/620 tal-15 ta’ April 2021 li jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward l-approvazzjoni tal-istatus ta’ ħelsien mill-mard u tal-istatus ta’ mingħajr tilqim ta’ ċerti Stati Membri jew taż-żoni jew il-kompartimenti tagħhom fir-rigward ta’ ċertu mard elenkat, u rigward l-approvazzjoni ta’ programmi ta’ eradikazzjoni għal dak il-mard elenkat (ĠU L 131, 16.4.2021, p. 78, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2021/620/oj).


ANNESS

L-Anness VIII tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/620 huwa emendat kif ġej:

(1)

Il-Parti I hija emendata kif ġej:

(a)

l-entrata għall-Ġermanja hija sostitwita b’dan li ġej:

Stat Membru

Territorju

“Il-Ġermanja

It-territorju kollu ħlief Bundesland Bremen, Niedersachsen, Nordrhein-Westfalen”

(b)

l-entrata għal Spanja hija sostitwita b’dan li ġej:

Stat Membru

Territorju

“Spanja

Comunidad Autónoma de Aragón

Comunidad Autónoma de Canarias

Comunidad Autónoma de Castilla-La Mancha:

Il-provinċja ta’ Guadalajara

Comunidad Autónoma de Castilla y León, minbarra ż-żoni li ġejjin:

Il-provinċja ta’ Ávila

Il-provinċja ta’ Salamanca

Cantalejo, Carbonero El Mayor, Santa María la Real de Nieva, Segovia, Villacastín fil-Provinċja ta’ Segovia

Alcañices, Bermillo de Sayago, Puebla de Sanabria fil-Provinċja ta’ Zamora

Comunidad Autónoma de Cataluña

Comunidad Autónoma de La Rioja

Comunidad Autónoma de las Islas Baleares

Comunidad Autónoma de Navarra

Comunidad Autónoma del País Vasco

Comunidad Autónoma de Valencia”

(2)

il-Parti II hija sostitwita b’dan li ġej:

“PARTI II

L-Istati Membri jew iż-żoni tagħhom li għandhom programm ta’ eradikazzjoni approvat għall-infezzjoni bil-BTV

Stat Membru

Territorju

Id-data tal-approvazzjoni inizjali msemmija fl-Artikolu 15(2) tar-Regolament Delegat (UE) 2020/689

Spanja

Comunidad Autónoma de Andalucía

Comunidad Autónoma de Castilla-La Mancha, minbarra l-Provinċja ta’ Guadalajara

Comunidad Autónoma de Asturias

Comunidad Autónoma de Cantabria

Comunidad Autónoma de Castilla y León:

Il-provinċja ta’ Ávila

Il-provinċja ta’ Salamanca

Id-distretti li ġejjin tal-Provinċja ta’ Segovia: Cantalejo, Carbonero El Mayor, Santa María la Real de Nieva, Segovia, Villacastín

Id-distretti li ġejjin tal-Provinċja ta’ Zamora: Alcañices, Bermillo de Sayago, Puebla de Sanabria

Comunidad Autónoma de Extremadura

Comunidad Autónoma de Galicia

Comunidad Autónoma de Madrid

Comunidad Autónoma de Murcia

Il-21 ta’ Frar 2022”


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2024/566/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)