|
18.10.2014 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 300/53 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
tat-13 ta' Ottubru 2014
li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tittieħed f'isem l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat dwar l-Akkwist Pubbliku dwar l-adeżjoni tan-New Zealand mal-Ftehim Rivedut dwar l-Akkwist Pubbliku mill-Gvern
(2014/721/UE)
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 207(4), flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
|
(1) |
Fit-28 ta' Settembru 2012, in-New Zealand applika għall-adeżjoni mal-Ftehim Rivedut dwar l-Akkwist Pubbliku mill-Gvern (il-“GPA Rivedut”). |
|
(2) |
L-impenji tan-New Zealand dwar il-kopertura huma stabbiliti fl-offerta finali tiegħu, kif ippreżentata lill-Partijiet għall-GPA Rivedut fil-21 ta' Lulju 2014. |
|
(3) |
Għalkemm komprensiva, l-offerta min-New Zealand ma tipprovdix kopertura sħiħa. Għalhekk huwa xieraq li jiġu introdotti ċerti derogi speċifiċi għan-New Zealand għall-kopertura tal-Unjoni. Dawn id-derogi speċifiċi, kif riflessi fl-Anness ta' din id-Deċiżjoni, isiru parti mit-termini ta' adeżjoni mal-GPA Rivedut għan-New Zealand u jkunu riflessi fid-deċiżjoni adottata mill-Kumitat dwar l-Akkwist Pubbliku (“il-Kumitat tal-GPA”) dwar l-adeżjoni tan-New Zealand. |
|
(4) |
L-adeżjoni tan-New Zealand mal-GPA Rivedut hija mistennija tagħmel kontribut pożittiv għal aktar ftuħ internazzjonali tas-swieq tal-akkwisti pubbliċi. |
|
(5) |
L-Artikolu XXII(2) tal-GPA Rivedut jipprovdi li kull Membru tad-WTO jista' jaderixxi tal-GPA Rivedut taħt termini li għandhom jiġu miftiehma bejn dak il-Membru u l-Partijiet, b'tali termini ddikjarati f'deċiżjoni tal-Kumitat tal-GPA. |
|
(6) |
Għaldaqstant, huwa neċessarju li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f'isem l-Unjoni fil-Kumitat tal-GPA relattivament għall-adeżjoni tan-New Zealand, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f'isem l-Unjoni fil-Kumitat dwar l-Akkwist Pubbliku hija li tiġi approvata l-adeżjoni tan-New Zealand mal-Ftehim Rivedut dwar l-Akkwist Pubbliku mill-Gvern, suġġett għal termini speċifiċi ta' adeżjoni stabbiliti fl-Anness ta' din id-Deċiżjoni.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fil-Lussemburgu, it-13 ta' Ottubru 2014.
Għall-Kunsill
Il-President
M. MARTINA
ANNESS
TERMINI TAL-UE DWAR L-ADEŻJONI TAN-NEW ZEALAND MAL-GPA RIVEDUT (1)
Mal-adeżjoni tan-New Zealand mal-Ftehim Rivedut dwar l-Akkwist Pubbliku mill-Gvern, il-punt 3 tat-Taqsima 2 (“L-awtoritajiet kontraenti tal-gvern ċentrali tal-Istati Membri tal-UE”) tal-Anness 1 tal-Appendiċi I għall-Unjoni Ewropea għandu jaqra kif ġej:
|
“3. |
Għal prodotti, servizzi, fornituri u provvedituri ta' servizzi fl-Istati Uniti; il-Kanada; il-Ġappun; Ħong Kong, iċ-Ċina; Singapor; il-Korea; l-Armenja; it-Territorju Doganali Separat tat-Tajwan, Penghu, Kinmen u Matsu u n-New Zealand, l-akkwist mill-awtoritajiet kontraenti tal-gvern ċentrali li ġejjin, sakemm dawn ma jkunux immarkati b'asterisk.” |
Mal-adeżjoni tan-New Zealand mal-Ftehim Rivedut dwar l-Akkwist Pubbliku mill-Gvern, in-Nota 1 tan-Noti mal-Anness 2 tal-Appendiċi I tal-Unjoni Ewropea għandha tinkludi l-punti segwenti wara l-punt e:
|
“f. |
l-akkwist minn awtoritajiet kontraenti lokali (awtoritajiet kontraenti ta' unitajiet amministrattivi elenkati taħt NUTS 3 u unitajiet amministrattivi iżgħar, kif imsemmi fir-Regolament Nru 1059/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) (kif emendat) fir-rigward ta' prodotti, servizzi, fornituri u provvedituri ta' servizzi min-New Zealand; |
|
g. |
l-akkwist minn awtoritajiet kontraenti ta' unitajiet amministrattivi elenkati taħt NUTS 1 u 2 kif imsemmi fir-Regolament (KE) Nru 1059/2003 (kif emendat), fir-rigward ta' prodotti, servizzi, fornituri u provvedituri ta' servizzi min-New Zealand, sakemm l-akkwist tagħhom mhuwiex kopert taħt l-Anness 3 tal-UE.” |
Mal-adeżjoni tan-New Zealand mal-Ftehim Rivedut dwar l-Akkwist Pubbliku mill-Gvern, in-Nota 6 tan-Noti mal-Anness 3 tal-Appendiċi I għall-Unjoni Ewropea għandha tinkludi l-punti segwenti wara l-punt n:
|
“o. |
l-akkwist minn entitajiet tal-akkwisti li joperaw fil-qasam tal-produzzjoni, it-trasport jew id-distribuzzjoni tal-ilma għax-xorb koperti taħt dan l-Anness fir-rigward ta' provvisti, servizzi u provvedituri ta' servizzi min-New Zealand; |
|
p. |
l-akkwist minn entitajiet tal-akkwisti li joperaw fil-qasam tal-faċilitajiet tal-ajruporti koperti taħt dan l-Anness fir-rigward ta' provvisti, servizzi u provvedituri ta' servizzi min-New Zealand; |
|
q. |
l-akkwist minn entitajiet tal-akkwisti li joperaw fil-qasam tal-provvediment ta' faċilitajiet tal-portijiet marittimi jew interni jew faċilitajiet oħra tat-terminals koperti taħt dan l-Anness fir-rigward ta' provvisti, servizzi u provvedituri ta' servizzi min-New Zealand; |
|
r. |
l-akkwist minn awtoritajiet kontraenti reġjonali jew lokali li joperaw fl-oqsma koperti minn dan l-Anness, fir-rigward ta' provvisti, servizzi u l-provvedituri tas-servizzi min-New Zealand, bl-eċċezzjoni ta' akkwisti mill-awtoritajiet kontraenti ta' unitajiet amministrattivi elenkati taħt NUTS 1 u 2 (kif imsemmi fir-Regolament (KE) Nru 1059/2003, kif emendat) li joperaw fil-qasam tat-trasport bil-ferrovija urbana, b'sistemi awtomatiċi, bi tramvija, trolley bus, b'karrozzi tal-linja jew b'kejbil.” |
(1) In-numerazzjoni tal-Iskedi ta' kopertura tal-Partijiet għall-GPA Rivedut inbidlet mis-segretarjat tad-WTO bi ftehim mal-Partijiet tal-GPA. In-numerazzjoni użata f'dan l-Anness tikkorrispondi għan-numerazzjoni tal-aħħar kopja ċċertifikata u vverifikata tal-iskedi ta' kopertura tal-Partijiet għall-GPA, li ntbagħtet mid-WTO lill-Partijiet tal-GPA permezz ta' notifika uffiċjali u tinsab f'dan is-sit: http://www.wto.org/english/tratop_e/gproc_e/gp_app_agree_e.htm#revisedGPA. In-numerazzjoni tal-iskedi ta' kopertura tal-Partijiet għall-GPA ppublikat fil-ĠU L 68, 7.3.2014, p. 2 hija obsoleta.
(2) Regolament (KE) Nru 1059/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Mejju 2003 dwar l-istabbiliment ta' klassifikazzjoni komuni ta' unitajiet territorjali għall-istatistika (NUTS) (ĠU L 154, 21.6.2003, p. 1).