European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Serje L


2024/492

13.2.2024

REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2024/492

tat-30 ta’ Novembru 2023

li jemenda r-Regolament (UE) 2019/1241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-estensjoni tal-miżuri tekniċi għal ċertu sajd demersali u pelaġiku fil-Baħar Ċeltiku, fil-Baħar Irlandiż u fil-Punent tal-Iskozja

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2019/1241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2019 dwar il-konservazzjoni ta’ riżorsi tas-sajd u l-protezzjoni ta’ ekosistemi tal-baħar permezz ta’ miżuri tekniċi, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1967/2006, (KE) Nru 1224/2009 u r-Regolamenti (UE) Nru 1380/2013, (UE) 2016/1139, (UE) 2018/973, (UE) 2019/472 u (UE) 2019/1022 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 894/97, (KE) Nru 850/98, (KE) Nru 2549/2000, (KE) Nru 254/2002, (KE) Nru 812/2004 u (KE) Nru 2187/2005 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 15(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) 2019/1241 jistabbilixxi dispożizzjonijiet speċifiċi dwar il-miżuri tekniċi fil-livell reġjonali għall-ilmijiet tal-Unjoni fl-Ilmijiet tal-Majjistral.

(2)

Ir-Regolament (UE) 2019/1241 ġie emendat bir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2021/2324 (2) fir-rigward tal-miżuri ta’ rimedju biex jitnaqqsu l-qabdiet inċidentali tal-bakkaljaw u tal-merlangu fil-Baħar Ċeltiku u tal-miżuri addizzjonali ta’ selettività bil-għan li jitnaqqsu l-qabdiet aċċessorji tal-gadojd fil-Baħar Irlandiż. Il-miżuri kkonċernati, li għandhom l-għan li jgħinu biex jintlaħqu l-objettivi tal-miżuri ta’ konservazzjoni, il-pjanijiet pluriennali u l-pjan għall-iskartar tal-ħut fl-Ilmijiet tal-Majjistral, sussegwentement ġew aġġornati u estiżi matul sena permezz tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2022/2588 (3), li jiskadi fi tmiem l-2023.

(3)

Il-miżuri ta’ rimedju għall-istokkijiet b’bijomassa f’livelli taħt il-Blim previsti skont l-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) 2019/472 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) (il-pjan pluriennali għall-Ilmijiet tal-Punent) jibqgħu meħtieġa biex jiżguraw ir-ritorn rapidu tal-istokk jew tal-unità funzjonali kkonċernata għal livelli ogħla minn dawk li kapaċi jipproduċu l-MSY. Għalhekk, il-miżuri ta’ rimedju attwalment fis-seħħ permezz tar-Regolament Delegat (UE) 2022/2588 jenħtieġ li jiġu estiżi għal sena, sabiex ikomplu jiġu ottimizzati x-xejriet ta’ sfruttament, tiżdied is-selettività tal-irkaptu u jitnaqqsu l-qabdiet mhux mixtieqa.

(4)

Wara talba mressqa permezz ta’ ittra uffiċjali mill-Grupp Reġjonali tal-Istati Membri tal-Ilmijiet tal-Majjistral fit-13 ta’ Settembru 2023, il-miżuri tekniċi stabbiliti fl-Anness VI tar-Regolament (UE) 2019/1241 għal ċertu sajd demersali u pelaġiku fil-Baħar Ċeltiku, fil-Baħar Irlandiż u fil-Punent tal-Iskozja jenħtieġ li jiġu estiżi sa tmiem l-2024.

(5)

Peress li l-miżuri previsti f’dan ir-Regolament għandhom impatt dirett fuq l-ippjanar tal-istaġun tas-sajd tal-bastimenti tal-Unjoni u fuq l-attivitajiet ekonomiċi relatati, jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu. Peress li d-data tal-applikazzjoni tal-miżuri adottati skont ir-Regolament Delegat (UE) 2022/2588 tiskadi fil-31 ta’ Diċembru 2023, jenħtieġ li dan ir-Regolament japplika b’effett mill-1 ta’ Jannar 2024 sabiex tiġi żgurata l-kontinwità legali.

(6)

Il-miżuri introdotti f’dan ir-Regolament applikabbli għall-ilmijiet tal-Unjoni għandhom l-għan li jilħqu l-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 494(1) u (2) tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, min-naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, min-naħa l-oħra (5) u jikkunsidraw il-prinċipji msemmija fl-Artikolu 494(3) ta’ dak il-ftehim. Dawn huma mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe miżura applikabbli fl-ilmijiet tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u tal-Irlanda ta’ Fuq.

(7)

Għaldaqstant, jenħtieġ li r-Regolament (UE) 2019/1241 jiġi emendat skont dan,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness VI tar-Regolament (UE) 2019/1241 huwa emendat f’konformità mal-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2024.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-30 ta’ Novembru 2023.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 198, 25.7.2019, p. 105.

(2)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2021/2324 tat-23 ta’ Awwissu 2021 li jemenda r-Regolament (UE) 2019/1241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ miżuri tekniċi għal ċertu sajd demersali u pelaġiku fil-Baħar Ċeltiku, fil-Baħar Irlandiż u fil-Punent tal-Iskozja (ĠU L 465, 29.12.2021, p. 1).

(3)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2022/2588 tal-20 ta’ Ottubru 2022 li jemenda r-Regolament (UE) 2019/1241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ miżuri tekniċi għal ċertu sajd demersali u pelaġiku fil-Baħar Ċeltiku, fil-Baħar Irlandiż u fil-Punent tal-Iskozja (ĠU L 338, 30.12.2022, p. 44).

(4)  Ir- Regolament (UE) 2019/472 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Marzu 2019 li jistabbilixxi pjan pluriennali għall-istokkijiet mistada fl-Ilmijiet tal-Punent u fl-ilmijiet tal-madwar, u għas-sajd li jisfrutta dawk l-istokkijiet, u li jemenda r-Regolamenti (UE) 2016/1139 u (UE) 2018/973, u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 811/2004, (KE) Nru 2166/2005, (KE) Nru 388/2006, (KE) Nru 509/2007 u (KE) Nru 1300/2008 (ĠU L 83, 25.3.2019, p. 1).

(5)   ĠU L 149, 30.4.2021, p. 10.


ANNESS

L-Anness VI tar-Regolament (UE) 2019/1241 huwa emendat kif ġej:

(1)

Il-punt 1.6. tal-Parti B huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.6.

Il-miżuri fil-punti 1.3 sa 1.5 għandhom japplikaw sal-31 ta’ Diċembru 2024.”;

(2)

Il-punt 10.2. tal-Parti C huwa sostitwit b’dan li ġej:

“10.2.

Il-miżuri fil-punt 10.1 għandhom japplikaw sal-31 ta’ Diċembru 2024.”


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2024/492/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)