European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/1498

21.7.2025

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2025/1498

tat-18 ta’ Lulju 2025

li temenda l-Azzjoni Konġunta 2008/851/PESK dwar operazzjoni militari tal-Unjoni Ewropea bil-ħsieb ta’ kontribut għas-sigurtà marittima fil-Punent tal-Oċean Indjan u fil-Baħar l-Aħmar (EUNAVFOR ATALANTA)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 42(4) u l-Artikolu 43(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,

Billi:

(1)

Fl-10 ta’ Novembru 2008, il-Kunsill adotta l-Azzjoni Konġunta 2008/851/PESK (1), li stabbilixxiet operazzjoni militari tal-Unjoni Ewropea bil-ħsieb ta’ kontribut għas-sigurtà marittima fil-Punent tal-Oċea Indjan u fil-Baħar l-Aħmar (EUNAVFOR ATALANTA). Fis-16 ta’ Diċembru 2024, il-Kunsill adotta Deċiżjoni (PESK) 2024/3186 (2), li emendat l-Azzjoni Konġunta 2008/851/PESK u estendiet il-EUNAVFOR ATALANTA sat-28 ta’ Frar 2027.

(2)

Fit-8 ta’ Frar 2024, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2024/583 (3), li stabbilixxiet operazzjoni ta’ sigurtà marittima tal-Unjoni Ewropea biex tiġi ssalvagwardata l-libertà ta’ navigazzjoni b’rabta mal-kriżi tal-Baħar l-Aħmar (EUNAVFOR ASPIDES).

(3)

Fl-14 ta’ Frar 2025, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2025/334 (4), li estendiet il-EUNAVFOR ASPIDES sat-28 ta’ Frar 2026 u espandiet il-mandat tagħha biex tinkludi l-kompitu li tiżgura sensibilizzazzjoni dwar is-sitwazzjoni marittima fiż-Żona tal-Operazzjoni billi tiġbor informazzjoni, flimkien mad-data meħtieġa għall-protezzjoni tal-bastimenti, dwar it-traffikar tal-armi u dwar flotot mistura, bil-ħsieb li dik l-informazzjoni tiġi kondiviża mal-Istati Membri, il-Kummissjoni, l-Uffiċċju tan-Nazzjonijiet Uniti kontra d-Droga u l-Kriminalità, l-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Pulizija Kriminali, l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi u l-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali, kif adatt.

(4)

Fl-24 ta’ Ġunju 2025, il-Kumitat Politiku u ta’ Sigurtà qabel li l-mandat tal-EUNAVFOR ATALANTA jenħtieġ li jkun allinjat ma’ dak tal-EUNAVFOR ASPIDES fir-rigward tal-monitoraġġ u r-rappurtar dwar il-flotot mistura.

(5)

Jenħtieġ li l-Azzjoni Konġunta 2008/851/PESK tiġi emendata skont dan,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Fl-Artikolu 1 tal-Azzjoni Konġunta 2008/851/PESK, jiżdied il-paragrafu li ġej:

“7.   Sabiex tiġi żgurata sensibilizzazzjoni dwar is-sitwazzjoni marittima fiż-Żona tal-Operazzjoni, l-EUNAVFOR ATLANTA għandha tiġbor informazzjoni, flimkien mad-data meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-kompiti l-oħra tagħha, dwar it-traffikar tal-armi u dwar flotot mistura, bil-ħsieb li dik l-informazzjoni tiġi kondiviża mal-Istati Membri, il-Kummissjoni, l-Uffiċċju tan-Nazzjonijiet Uniti kontra d-Droga u l-Kriminalità (UNODC), l-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Pulizija Kriminali (INTERPOL), l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (EUROPOL) u l-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (OMI), kif adatt.”.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, it-18 ta’ Lulju 2025.

Għall-Kunsill

Il-President

M. BJERRE


(1)  L-Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2008/851/PESK tal-10 ta’ Novembru 2008 dwar operazzjoni militari tal-Unjoni Ewropea bil-ħsieb ta’ kontribut għas-sigurtà marittima fil-Punent tal-Oċean Indjan u fil-Baħar l-Aħmar (EUNAVFOR ATALANTA) (ĠU L 301, 12.11.2008, p. 33, ELI: http://data.europa.eu/eli/joint_action/2008/851/oj).

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2024/3186 tas-16 ta’ Diċembru 2024 li temenda l-Azzjoni Konġunta 2008/851/PESK dwar operazzjoni militari tal-Unjoni Ewropea bil-ħsieb ta’ kontribut għas-sigurtà marittima fil-Punent tal-Oċean Indjan u fil-Baħar l-Aħmar (EUNAVFOR ATALANTA) (ĠU L, 2024/3186, 17.12.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/3186/oj).

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2024/583 tat-8 ta’ Frar 2024 dwar operazzjoni ta’ sigurtà marittima tal-Unjoni Ewropea biex tiġi ssalvagwardata l-libertà ta’ navigazzjoni b’rabta mal-kriżi tal-Baħar l-Aħmar (EUNAVFOR ASPIDES) (ĠU L. 2024/583, 12.2.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/583/oj).

(4)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2025/334 tal-14 ta’ Frar 2025 li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2024/583 dwar operazzjoni ta’ sigurtà marittima tal-Unjoni Ewropea biex tiġi ssalvagwardata l-libertà ta’ navigazzjoni b’rabta mal-kriżi tal-Baħar l-Aħmar (EUNAVFOR ASPIDES) (ĠU L, 2025/334, 17.2.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2025/334/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2025/1498/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)