|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2025/2059 |
24.10.2025 |
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2025/2059
tat-30 ta’ Settembru 2025
dwar l-applikabbiltà tal-Artikolu 34 tad-Direttiva 2014/25/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill għall-kuntratti mogħtija għal attivitajiet relatati mal-forniment ta’ ċerti servizzi postali u servizzi oħra għajr is-servizzi postali fl-Estonja
(notifikata bid-dokument C(2025) 6542)
(It-test bl-Estonjan biss huwa awtentiku)
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2014/25/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist minn entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, it-trasport u postali u li tħassar id-Direttiva 2004/17/KE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 35(3) tagħha,
Wara li kkonsultat lill-Kumitat Konsultattiv dwar l-Akkwist Pubbliku,
Billi:
1. FATTI
|
(1) |
Fl-1 ta’ April 2025, ir-Repubblika tal-Estonja, irrappreżentata mill-Ministeru għall-Finanzi, issottomettiet talba lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 35(1) tad-Direttiva 2014/25/UE (“it-talba”) f’isem AS Eesti Post (“Eesti Post” jew “l-applikant”), li hija l-impriża li twettaq l-attivitajiet koperti fit-talba. Kif meħtieġ mill-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1804, (2) it-talba fiha l-informazzjoni stabbilita fl-Anness I ta’ dik id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni. |
|
(2) |
L-applikant huwa fornitur ta’ servizzi postali fl-Estonja u entità kontraenti skont it-tifsira tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2014/25/UE. Eesti Post hija l-uniku fornitur ta’ servizzi universali fl-Estonja (3). It-talba tikkonċerna attivitajiet relatati mal-forniment ta’ ċerti servizzi postali u servizzi oħra għajr is-servizzi postali, kif imsemmi fl-Artikolu 13(1), il-punti (a) u (b) u fl-Artikolu 13(2), il-punti (b) u (c) tad-Direttiva 2014/25/UE, ipprovduti mill-applikant fit-territorju tal-Estonja. Is-servizzi kkonċernati, kif deskritti fit-talba, huma dawn li ġejjin:
|
|
(3) |
Rigward il-kategorija “servizzi ta’ konsenja internazzjonali (standard u express) tal-pakketti (’il ġewwa, ’il barra)”, wara diversi skambji mal-Kummissjoni, l-applikant indika li, wara li rrieżamina l-kategorija, ma xtaqx li jinkludi aktar is-servizzi ta’ konsenja internazzjonali express tal-pakketti fl-ambitu tat-talba (4). Għalhekk, b’rabta ma’ dik il-kategorija ta’ servizzi, din id-Deċiżjoni tikkonċerna biss is-servizzi ta’ konsenja internazzjonali standard tal-pakketti (ara l-premessa 22 u t-Taqsima 3.2.1.3). |
|
(4) |
Fir-rigward tal-kategorija “servizzi ta’ konsenja internazzjonali (standard) tal-pakketti”, l-applikant jiddikjara li din il-kategorija tinkludi l-konsenja ta’ ittri kbar li jkunu jiżnu sa 2 kg li jaqgħu fl-ambitu tas-servizzi postali universali pprovduti minn Eesti Post, peress li dawn l-ittri kbar jistgħu jiġu assimilati de facto ma’ “pakketti żgħar ħafna” (5) kkonsenjati internazzjonalment (6). Il-Kummissjoni taqbel mal-fehma tal-applikant li l-ittri kbar u l-pakketti żgħar ħafna jenħtieġ li jkunu parti mill-istess suq; madankollu, jenħtieġ li ssir distinzjoni minn servizzi ta’ konsenja internazzjonali standard tal-pakketti (ara t-Taqsima 3.2.1.4). |
|
(5) |
Rigward il-kategorija “servizzi tal-loġistika minn partijiet terzi u kwarti (negozju internazzjonali)”, wara diversi skambji mal-Kummissjoni, l-applikant irrikonoxxa li d-Direttiva 2014/25/UE ma għadhiex tapplika għall-kuntratti mogħtija biex jiġu eżerċitati s-servizzi tal-loġistika minn partijiet terzi u kwarti, u qabel li l-ambitu tal-eżenzjoni jenħtieġ li jitnaqqas billi titneħħa din il-kategorija mill-ambitu tat-talba (7). Għalhekk, din id-Deċiżjoni ma tikkonċernax dik il-kategorija. |
|
(6) |
It-talba ma kinitx akkumpanjata minn pożizzjoni motivata u sostanzjata adottata minn awtorità nazzjonali indipendenti li hija kompetenti b’rabta mal-attivitajiet ikkonċernati. Tali awtorità tanalizza bir-reqqa l-kundizzjoni għall-applikabbiltà tal-Artikolu 34(1) tad-Direttiva 2014/25/UE għall-attivitajiet ikkonċernati, f’konformità mal-paragrafi 2 u 3 ta’ dak l-Artikolu. F’konformità mal-punt 1(a) u l-punt 1, it-tieni subparagrafu, tal-Anness IV tad-Direttiva 2014/25/UE, meta jitqies li, fil-każ preżenti, l-aċċess liberu għas-swieq huwa preżunt abbażi tal-Artikolu 34(3), l-ewwel subparagrafu, ta’ dik id-Direttiva, u fin-nuqqas ta’ pożizzjoni motivata u sostanzjata minn awtorità nazzjonali indipendenti, il-Kummissjoni trid tadotta Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni rigward it-talba fi żmien 105 ijiem ta’ xogħol. |
|
(7) |
F’konformità mat-tielet subparagrafu tal-punt 1 tal-Anness IV tad-Direttiva 2014/25/UE, l-iskadenza għall-adozzjoni tal-atti ta’ implimentazzjoni trid tibda fl-ewwel jum ta’ xogħol mid-data li fiha l-Kummissjoni tirċievi t-talba msemmija fl-Artikolu 35(1) ta’ dik id-Direttiva jew, meta l-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta bit-talba ma tkunx sħiħa, fil-jum ta’ xogħol ta’ wara li tasal l-informazzjoni sħiħa. Għalhekk, l-iskadenza inizjali skadiet fit-8 ta’ Settembru 2025 (8). Madankollu, minħabba li l-Kummissjoni kellha bżonn tikseb u teżamina aktar informazzjoni, l-iskadenza ġiet estiża, bi ftehim mal-applikant, sat-30 ta’ Settembru 2025 (9). |
|
(8) |
Wara talbiet għal kjarifika mibgħuta mill-Kummissjoni b’email fid-9, fl-14, fit-22, fl-24, fit-28 u fit-30 ta’ April 2025; fil-5, fit-8 u fis-27 ta’ Mejju 2025; fit-3, fil-5, fl-10, fit-12, fis-16, fid-19 u fl-24 ta’ Ġunju 2025; fl-1 u fis-7 ta’ Lulju 2025, l-applikant issottometta t-tweġibiet tiegħu u l-informazzjoni addizzjonali b’email fil-11, fis-16, fis-17, fil-25 u fit-30 ta’ April 2025; fis-7 u fil-15 ta’ Mejju 2025; fit-2, fis-6, fl-10, fit-12, fis-16, fit-18, fid-19, fis-26, fis-27 u fit-30 ta’ Ġunju 2025; fit-3 u fid-9 ta’ Lulju 2025; fid-29 ta’ Awwissu 2025, fit-3, fl-4, fil-5 u fit-8 ta’ Settembru 2025. |
2. QAFAS LEGALI
|
(9) |
Id-Direttiva 2014/25/UE tapplika għall-għoti ta’ kuntratti għat-twettiq ta’ attivitajiet relatati mas-servizzi postali u ma’ servizzi oħra bil-kundizzjoni li dawn tal-aħħar jiġu pprovduti minn entità li tipprovdi wkoll servizzi postali skont it-tifsira tad-Direttiva 2014/25/UE, sakemm l-attività ma tkunx eżentata skont l-Artikolu 34 ta’ dik id-Direttiva. |
|
(10) |
Skont l-Artikolu 34(1) tad-Direttiva 2014/25/UE, il-kuntratti maħsuba sabiex jippermettu t-twettiq ta’ attività li għaliha tapplika d-Direttiva ma għandhomx ikunu soġġetti għal dik id-Direttiva jekk, fl-Istat Membru fejn titwettaq dik l-attività, din tkun esposta direttament għall-kompetizzjoni fi swieq li għalihom l-aċċess ma huwiex ristrett. |
3. VALUTAZZJONI
|
(11) |
Din id-Deċiżjoni hija bbażata fuq is-sitwazzjoni legali u fattwali sa Settembru 2025 u fuq l-informazzjoni sottomessa mill-applikant u fuq l-informazzjoni li hija disponibbli għall-pubbliku. Din tista’ tiġi riveduta, jekk bidliet sinifikanti fis-sitwazzjoni legali jew fattwali jfissru li l-kundizzjonijiet għall-applikabbiltà tal-Artikolu 34(1) tad-Direttiva 2014/25/UE ma jibqgħux jiġu ssodisfati. |
3.1. Aċċess mhux ristrett għas-suq
|
(12) |
L-aċċess għal suq jitqies bħala mhux ristrett jekk l-Istat Membru kkonċernat ikun implimenta u applika l-atti legali rilevanti tal-Unjoni li jiftħu settur partikolari jew parti minnu għall-kompetizzjoni. Dawk l-atti legali huma elenkati fl-Anness III tad-Direttiva 2014/25/UE, li jinkludi, fir-rigward tas-servizzi postali, id-Direttiva 97/67/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill. (10) |
|
(13) |
Kif indikat mill-applikant, (11) l-Estonja implimentat (12) u applikat id-Direttiva 97/67/KE. Konsegwentement, l-aċċess għas-suq rilevanti jitqies li ma huwiex ristrett f’konformità mal-Artikolu 34(3) tad-Direttiva 2014/25/UE. |
3.2. Esponiment dirett għall-kompetizzjoni
|
(14) |
L-esponiment dirett għall-kompetizzjoni jenħtieġ li jiġi evalwat abbażi ta’ bosta kriterji, li l-ebda wieħed minnhom mhu, per se, deċiżiv. Fir-rigward tal-attivitajiet rilevanti kkonċernati minn din id-Deċiżjoni, is-sehem mis-suq tal-atturi ewlenin f’suq partikolari jikkostitwixxi kriterju wieħed li jenħtieġ li jitqies. Billi l-kundizzjonijiet ivarjaw għall-attivitajiet differenti li huma kkonċernati mit-talba, meta tiġi eżaminata s-sitwazzjoni kompetittiva jenħtieġ li jitqiesu s-sitwazzjonijiet differenti fis-swieq rilevanti. |
|
(15) |
Din il-valutazzjoni hija, madankollu, limitata mill-iskadenzi qosra applikabbli u mill-ħtieġa li wieħed jibbaża fuq l-informazzjoni disponibbli għall-Kummissjoni. Dik l-informazzjoni toriġina jew minn sorsi diġà disponibbli jew mill-informazzjoni miksuba fil-kuntest tat-talba u ma tistax tiġi ssupplimentata minn metodi li jieħdu aktar ħin, inkluż, b’mod partikolari, inkjesti pubbliċi indirizzati lill-operaturi ekonomiċi kkonċernati. Il-valutazzjoni tal-esponiment dirett għall-kompetizzjoni li titwettaq fil-kuntest tad-Direttiva 2014/25/UE hija konsegwentement mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni sħiħa tad-dritt tal-kompetizzjoni. |
|
(16) |
Din id-Deċiżjoni hija mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tar-regoli dwar il-kompetizzjoni u għal oqsma oħra tad-dritt tal-Unjoni. B’mod partikolari, il-kriterji u l-metodoloġija użati biex jiġi vvalutat l-esponiment dirett għall-kompetizzjoni skont l-Artikolu 34 tad-Direttiva 2014/25/UE ma humiex neċessarjament identiċi għal dawk użati biex titwettaq valutazzjoni skont l-Artikolu 101 jew 102 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jew skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004, (13) kif ikkonfermat mill-Qorti Ġenerali f’Österreichische Post AG vs Il-Kummissjoni (14). |
|
(17) |
L-għan ta’ din id-Deċiżjoni huwa li jiġi stabbilit jekk l-attivitajiet ikkonċernati mit-talba humiex esposti għal tali livell ta’ kompetizzjoni (fis-swieq li l-aċċess għalihom ma huwiex ristrett skont it-tifsira tal-Artikolu 34 tad-Direttiva 2014/25/UE) li se jiżgura li, anke fin-nuqqas tad-dixxiplina miġjuba mir-regoli dettaljati dwar l-akkwist stabbiliti fid-Direttiva 2014/25/UE, l-akkwist għall-eżerċitar tal-attivitajiet ikkonċernati se jsir b’mod trasparenti u mhux diskriminatorju abbażi tal-kriterji li jippermettu lill-akkwirenti jidentifikaw is-soluzzjoni li, b’mod ġenerali, tkun l-aktar waħda ekonomikament vantaġġuża. |
3.2.1. Servizzi postali (servizzi domestiċi tal-pakketti u servizzi internazzjonali standard tal-pakketti)
3.2.1.1.
3.2.1.1.1. Definizzjoni tas-suq tal-prodotti
|
(18) |
F’deċiżjonijiet preċedenti (15), il-Kummissjoni għamlet distinzjoni bejn is-servizzi ta’ konsenja domestika u internazzjonali tal-pakketti. Il-Kummissjoni sostniet li s-servizzi ta’ konsenja domestika tal-pakketti huma pprovduti minn kumpaniji li joperaw networks ta’ distribuzzjoni nazzjonali filwaqt li l-konsenja internazzjonali tal-pakketti tikkonsisti fil-ġbir ta’ pakketti li jridu jiġu ttrasportati u kkonsenjati barra u huma pprovduti minn kumpaniji li għandhom aċċess għal networks fil-pajjiżi destinatarji. Il-pożizzjoni tal-applikant hija konformi mal-prattika tal-Kummissjoni. B’mod partikolari, l-applikant jiddikjara li fl-Estonja s-servizzi kemm domestiċi kif ukoll internazzjonali standard tal-pakketti jużaw l-istess infrastruttura nazzjonali –– fil-biċċa l-kbira n-networks tal-lokers għall-pakketti. Dawn in-networks tal-aħħar jirreferu għas-sistemi integrati ta’ punti ta’ ġbir u konsenja awtomatizzati tal-pakketti li jinsabu fl-Estonja kollha u li ma humiex parti min-network ipprovdut minn Eesti Post permezz tal-obbligu tas-servizz postali universali (16). Dan ifisser li l-pakketti (inklużi l-pakketti żgħar ħafna) jistgħu jidħlu fin-network tal-uffiċċju postali u mbagħad jiġu kkonsenjati permezz ta’ network tal-lokers għall-pakketti fl-Estonja (sakemm il-pajjiż tal-oriġini tal-pakkett jippermetti dan) (17). Fil-fatt, b’mod differenti mis-servizzi ta’ konsenja domestika tal-pakketti, is-servizzi internazzjonali standard tal-pakketti jirrikjedu wkoll ftehimiet fost l-operaturi biex jipprovdu servizzi transfruntieri (18). Filwaqt li l-biċċa l-kbira tal-parteċipanti fis-suq li joperaw fl-Estonja jużaw in-networks tagħhom stess għal pakketti limitati għall-pajjiżi Baltiċi, għal vjeġġi internazzjonali jeħtieġ li jiksbu aċċess għan-networks ta’ partijiet terzi (19). |
|
(19) |
F’deċiżjonijiet preċedenti (20), il-Kummissjoni sostniet ukoll li s-suq għal servizzi ta’ konsenja tal-pakketti (kemm domestiċi kif ukoll internazzjonali) jista’ jinqasam f’servizzi ta’ konsenja express u standard (magħrufa wkoll bħala “differiti”). Din is-segmentazzjoni tqis li s-servizzi express jieħdu anqas ħin u huma aktar affidabbli minn servizz standard, li kull wieħed minn dawk is-servizzi jeħtieġ infrastruttura differenti u li s-servizzi express jinkludu karatteristiċi addizzjonali tas-servizz ta’ valur miżjud, bħas-servizzi ta’ traċċar u rintraċċar, u ġeneralment ikunu wkoll aktar għaljin. |
|
(20) |
Fil-każ preżenti, id-diversi strutturi tal-operaturi tas-servizzi postali fl-Estonja jipprovdu ambitu konsiderevoli għas-sostituzzjoni min-naħa tal-provvista bejn is-servizzi ta’ konsenja express u standard (21). Kemm is-servizzi express kif ukoll dawk standard jużaw networks loġistiċi simili u l-operaturi kollha tas-servizzi postali jużaw l-istess network biex jibagħtu kemm prodotti express kif ukoll prodotti differiti. F’dan ir-rigward, l-istadji ewlenin kollha tal-katina tal-konsenja bħat-trasport għall-ġbir u għall-konsenja, is-separazzjoni, il-kalar u l-iżdoganar tal-merkanzija huma l-istess għall-maġġoranza tas-servizzi express u standard (22). B’żieda ma’ dan, l-operaturi ewlenin tas-suq joffru lill-klijenti tagħhom konsenja mhux garantita fil-konsenja tal-jum ta’ wara kemm għal servizzi express kif ukoll għal dawk standard (23). |
|
(21) |
Min-naħa tad-domanda, l-applikant jissottolinja l-popolarità tal-lokers minn fejn jinġabru l-pakketti li jinsabu f’ċentri differenti tal-popolazzjoni qrib jew ġewwa postijiet kummerċjali madwar l-Estonja kollha (kif ukoll fil-pajjiżi Baltiċi l-oħra), peress li jippermettu konsenja mingħajr kuntatt u flessibbiltà fir-rigward ta’ meta l-pakkett jasal għand il-klijent (24). Barra minn hekk, il-karatteristiċi addizzjonali tas-servizzi ta’ valur miżjud disponibbli għall-konsumaturi, bħas-servizzi ta’ traċċar u rintraċċar, huma offruti kważi bl-istess mod bħala parti mis-servizzi ta’ konsenja standard u express tal-pakketti (25). |
|
(22) |
Għalhekk, abbażi tal-elementi ta’ hawn fuq, sa fejn huwa kkonċernat is-servizz ta’ konsenja domestika tal-pakketti, l-applikant huwa tal-fehma li ma jkunx xieraq li dak is-suq jinqasam f’wieħed express u f’ieħor standard, minħabba li hemm ambitu konsiderevoli għas-sostituzzjoni min-naħa tad-domanda u min-naħa tal-provvista (26). L-applikant jemmen li jenħtieġ li jkun hemm suq uniku għas-servizzi ta’ konsenja domestika express u standard. Il-Kummissjoni taqbel ma’ din il-fehma u tikkonkludi li, għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni, is-servizzi ta’ konsenja express u standard tal-pakketti jappartjenu għall-istess suq. Fir-rigward tas-servizzi ta’ konsenja internazzjonali express tal-pakketti, l-applikant jemmen li dawk is-servizzi huma miftuħa għall-kompetizzjoni (27); madankollu, peress li dawk is-servizzi huma esklużi mill-ambitu tat-talba, il-Kummissjoni tillimita l-analiżi tagħha għal servizzi ta’ konsenja internazzjonali standard tal-pakketti (it-Taqsima 3.2.1.3). |
|
(23) |
F’ċerti każijiet tista’ tiġi prevista segmentazzjoni ulterjuri għas-servizzi ta’ konsenja tal-pakketti bejn pakketti tal-konsumaturi u pakketti tan-negozji (jiġifieri servizzi ta’ konsenja domestika u internazzjonali tal-pakketti privati (C2X) u servizzi ta’ konsenja domestika u internazzjonali tal-pakketti tan-negozji (B2X)). Skont l-applikant, fil-każ ta’ servizzi ta’ konsenja domestika tal-pakketti fl-Estonja, il-kumpaniji kollha jużaw l-istess infrastruttura biex jipproċessaw il-pakketti u biex jipprovdu servizzi lill-konsumaturi (C2X) u lin-negozji (B2X); il-pakketti jiġu separati ċentralment, u jużaw l-istess network ta’ linji għat-trasport, li jimplika li ma hemm l-ebda differenza sinifikanti fl-infrastruttura bejn C2X u B2X f’termini ta’ kif tiġi ġestita l-konsenja (28). L-applikant għamel kunsiderazzjonijiet simili għas-servizzi internazzjonali li jiċċaraw li, b’mod ġenerali, il-biċċa l-kbira tal-pakketti internazzjonali huma relatati mal-kummerċ elettroniku u għalhekk huma parti mis-segment B2X (29). Għalhekk, il-Kummissjoni tikkonkludi li, għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni, is-servizzi C2X u B2X jappartjenu għall-istess suq għas-servizzi ta’ konsenja kemm domestika kif ukoll internazzjonali tal-pakketti. |
|
(24) |
Fir-rigward tad-distinzjoni potenzjali bejn il-konsenja ta’ ittri kbar b’oġġetti li jkunu jiżnu sa 2 kg li jaqgħu fl-ambitu tas-servizzi postali universali pprovduti minn Eesti Post u tas-servizzi ta’ konsenja internazzjonali standard tal-pakketti, abbażi tal-informazzjoni mill-applikant, madwar [95-100] % tal-ittri kbar jintużaw għall-konsenja ta’ oġġetti mixtrija online (30). L-ixprunatur ewlieni għall-volumi huwa l-bejgħ internazzjonali minn negozji kbar (fil-biċċa l-kbira bbażati fiċ-Ċina), filwaqt li l-volumi fis-suq domestiku huma marġinali (anqas minn [0-5] %) (31). Skont l-applikant, (32) filwaqt li dawn il-prodotti huma kklassifikati bħala ittri kbar minħabba l-użu tan-network tal-Unjoni Postali Universali, jenħtieġ li jitqiesu bħala pakketti de facto u bħala alternattiva għal “pakketti żgħar ħafna” pprovduti minn operaturi bħal SmartPosti u DPD. (33) Iż-żewġ servizzi huma simili f’termini ta’ daqs u funzjonalità u l-livelli tal-prezzijiet huma ġeneralment komparabbli (34). |
|
(25) |
Mill-perspettiva tal-klijent, speċjalment għal oġġetti żgħar tal-kummerċ elettroniku, l-ittri kbar traċċati jipprovdu esperjenza ta’ konsenja li hija fil-biċċa l-kbira ekwivalenti għal dik tal-pakketti żgħar (35). Din tinkludi veloċità tal-konsenja simili, notifiki lill-klijenti, u kapaċitajiet ta’ traċċar. Barra minn hekk, anke jekk il-prezzijiet tal-ittri kbar jkunu regolati bħala parti mill-obbligu ta’ servizz universali, dan ma jneħħix il-pressjoni kompetittiva mill-pakketti żgħar ħafna, kif juri t-tnaqqis progressiv fis-sehem ta’ Eesti Post minn dawn is-servizzi (ara t-Taqsima 3.2.1.4). Minbarra dan, issa l-ittri kbar spiss jiġu ġestiti permezz ta’ networks loġistiċi avvanzati bħal PRIME Tracked u IPC INTERCONNECT (36) li joffru traċċar, jistabbilixxu standards ta’ konsenja u servizz affidabbli –– simili għal dak li huwa mistenni min-networks tal-pakketti standard. B’riżultat ta’ dan, minn perspettiva tal-konsumatur, l-ittri kbar internazzjonali issa huma għażla komparabbli għall-konsenji tal-kummerċ elettroniku (37). |
|
(26) |
Madankollu, l-elementi ta’ hawn fuq pjuttost jindikaw l-inklużjoni ta’ ittri kbar li jiżnu sa 2 kg fl-istess kategorija bħal pakketti żgħar ħafna aktar milli l-inklużjoni tagħhom fil-kategorija ġenerali ta’ servizzi ta’ konsenja internazzjonali standard tal-pakketti. Għalhekk, għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-ittri kbar u l-pakketti żgħar ħafna huma parti mill-istess suq. Ma hemm l-ebda ħtieġa li jiġi deċiż jekk il-konsenja ta’ ittri kbar u ta’ pakketti żgħar ħafna tappartjenix għall-istess suq bħall-konsenja internazzjonali standard ta’ pakketti oħra jew għal suq separat, peress li r-riżultat tal-analiżi jibqa’ l-istess taħt kwalunkwe definizzjoni tas-suq tal-prodotti (ara t-Taqsimiet 3.2.1.3 u 3.2.1.4) (38). |
3.2.1.1.2. Definizzjoni tas-suq ġeografiku
|
(27) |
Skont l-applikant, is-suq ġeografiku rilevanti għas-servizzi ta’ konsenja kemm domestika kif ukoll internazzjonali tal-pakketti jenħtieġ li jiġi definit bħala wieħed nazzjonali, u jkun jinkludi t-territorju tal-Estonja (39). |
|
(28) |
Fid-deċiżjonijiet preċedenti tagħha (40), il-Kummissjoni kienet tal-fehma li s-swieq għas-servizzi ta’ konsenja domestika u internazzjonali tal-pakketti, u kwalunkwe tqassim tagħhom, irrispettivament mid-differenza bejn dawk domestiċi u internazzjonali, għandhom ambitu nazzjonali. Il-pożizzjoni tal-applikant hija konformi mal-prattika tal-Kummissjoni. |
|
(29) |
Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe indikazzjoni ta’ ambitu differenti tas-suq ġeografiku, għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni u mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-kompetizzjoni tal-UE, l-ambitu ġeografiku tas-swieq għas-servizzi ta’ konsenja domestika u internazzjonali tal-pakketti jista’ jitqies li jkopri t-territorju tal-Estonja. |
3.2.1.2.
|
(30) |
Mill-2023, kien hemm 21 fornitur attiv ta’ servizzi fis-suq għas-servizzi ta’ konsenja domestika tal-pakketti (41), inkluż is-sussidjarji tal-operaturi postali nazzjonali, bħal DPD u SmartPosti. |
|
(31) |
Abbażi tal-informazzjoni sottomessa mill-applikant, is-sehem mis-suq ta’ Eesti Post, f’termini ta’ valur, f’dan is-segment tas-suq kien ta’ [20-25] % fl-2022, [20-25] % fl-2023 u [15-20] % fl-2024 (42). |
|
(32) |
L-ishma mis-suq tal-kompetituri ewlenin ta’ Eesti Post f’termini ta’ valur għall-perjodu bejn l-2022 u l-2024 huma kif ġejjin: għas-sena 2022, DPD [15-20] %, SmartPosti [10-15] %, Venipak [10-15] %, Jet Express [5-10] %. Għas-sena 2023, l-ishma mis-suq huma kif ġejjin: DPD [15-20] %, SmartPosti [10-15] %, Venipak [10-15] %, Jet Express [5-10] %. Għas-sena 2024, l-ishma mis-suq tal-kompetituri ewlenin ta’ Eesti Post huma kif ġejjin: DPD [15-20] %, SmartPosti [10-15] %, Venipak [10-15] %, Jet Express [5-10] % (43). |
|
(33) |
Abbażi tal-informazzjoni sottomessa mill-applikant, is-sehem mis-suq ta’ Eesti Post, f’termini ta’ volum, kien ta’ [20-25] % fl-2022, [20-25] % fl-2023 u [20-25] % fl-2024 (44). |
|
(34) |
L-ishma mis-suq tal-kompetituri ewlenin ta’ Eesti Post, f’termini ta’ volum, għall-perjodu bejn l-2022 u l-2024 huma kif ġejjin: għas-sena 2022, DPD [15-20] %, SmartPosti [10-15] %, Venipak [10-15] %, Jet Express [5-10] %. Għas-sena 2023, l-ishma mis-suq huma kif ġejjin: DPD [15-20] %, SmartPosti [10-15] %, Venipak [5-10] %, Jet Express [5-10] %. Għas-sena 2024, l-ishma mis-suq tal-kompetituri ewlenin ta’ Eesti Post huma kif ġejjin: DPD [15-20] %, SmartPosti [10-15] %, Venipak [5-10] %, Jet Express [0-5] % (45). |
|
(35) |
Is-sehem mis-suq ta’ Eesti Post naqas bi ftit matul l-aħħar 3 snin, għall-kuntrarju tal-ishma mis-suq tal-kompetituri ewlenin tagħha li spiss kienu qed jiżdiedu. B’riżultat ta’ dan, id-distakk bejn Eesti Post u l-kompetituri ewlenin tagħha beda jonqos matul is-snin. Din il-bidla tkompli tikkonferma li Eesti Post qed tkun dejjem aktar soġġetta għal pressjoni kompetittiva. B’żieda ma’ dan, il-fatt li 26 % tas-suq totali kemm f’termini ta’ valur kif ukoll ta’ volum huwa riżervat għal operaturi postali oħra iżgħar ikompli jikkonferma li l-attività hija esposta għall-kompetizzjoni. |
|
(36) |
Abbażi tal-informazzjoni sottomessa mill-applikant, għall-kuntrarju tas-servizzi postali tradizzjonali li jirrikjedu liċenzja, ma hijiex meħtieġa liċenzja għall-forniment tas-servizzi ta’ konsenja domestika tal-pakketti (46). Filwaqt li l-kumpaniji huma meħtieġa jinnotifikaw lill-Awtorità tal-Kompetizzjoni Estonjana meta jibdew l-attivitajiet kummerċjali tagħhom, l-applikant jiddikjara li l-proċess ta’ notifika huwa pjuttost sempliċi u ma joħloq l-ebda ostaklu għall-operaturi li jixtiequ jidħlu fis-suq (47). Pereżempju, ir-reġistrazzjoni ta’ entrant reċenti fl-Estonja, l-operatur postali Unisend Eesti OÜ, fl-2023, tindika li d-dħul fis-suq huwa proċess pjuttost bla xkiel (48). |
|
(37) |
Abbażi tal-informazzjoni sottomessa mill-applikant, il-kostijiet totali għad-dħul fis-suq jistgħu jiġu stmati għal bejn EUR 1 sa 1,5 miljun (49). Skont l-applikant, id-daqs ġeografiku relattivament żgħir tal-Estonja u l-infrastruttura żviluppata sew jagħmluha aktar faċli għall-kompetituri l-ġodda biex jibnu network kompetittiv f’perjodu ta’ żmien raġonevoli li huwa stmat li jkun minn 3 xhur sa 6 xhur (50). Skont l-applikant, il-kompetituri l-ġodda jistgħu jadottaw “approċċ gradwali” għad-dħul fis-suq billi jiffokaw inizjalment fuq reġjuni urbani b’densità għolja (eż. Tallinn, Tartu) li jippermettilhom jevitaw il-kostijiet assoċjati mas-servizz ta’ żoni rurali fl-istadji bikrija tal-penetrazzjoni fis-suq u mbagħad ikunu jistgħu jespandu l-kopertura tagħhom hekk kif in-negozju jikber (51). |
|
(38) |
L-applikant iddikjara li d-dħul fis-suq ta’ Unisend Eesti OÜ fl-2023 kien meqjus bħala fattur li jkompli jżid il-kompetizzjoni f’dan is-suq. B’mod partikolari, abbażi tal-informazzjoni sottomessa mill-applikant, sa April 2025, Unisend Eesti OÜ kienet topera 173 loker għall-pakketti madwar l-Estonja (52), li jikkonferma xejra espansiva b’mod ġenerali. |
|
(39) |
Fid-dawl tal-fatturi deskritti hawn fuq, għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni u mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-kompetizzjoni, il-Kummissjoni ssib li l-attività relatata mal-forniment tas-servizzi ta’ konsenja domestika standard u express tal-pakketti fl-Estonja hija esposta direttament għall-kompetizzjoni. Konsegwentement, peress li l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 34 tad-Direttiva 2014/25/UE huma ssodisfati, jista’ jiġi konkluż li d-Direttiva 2014/25/UE ma tapplikax għall-kuntratti biex tiġi eżerċitata l-attività relatata mas-servizzi ta’ konsenja domestika tal-pakketti. |
3.2.1.3.
|
(40) |
Abbażi tal-informazzjoni sottomessa mill-applikant, hemm disa’ fornituri tas-servizzi attivi f’dan is-suq, inklużi sussidjarji ta’ operaturi postali nazzjonali bħal DPD u SmartPosti, b’mill-anqas ħamsa minnhom li għandhom sehem mis-suq ta’ aktar minn 10 % (53). B’mod simili għas-suq domestiku, ma hemm l-ebda ostaklu legali jew regolatorju għad-dħul kif tindika r-reġistrazzjoni tal-operatur postali Unisend Eesti OÜ fl-2023 (54) u ma hijiex meħtieġa liċenzja għall-forniment ta’ servizzi ta’ konsenja internazzjonali standard tal-pakketti (55). |
|
(41) |
Abbażi tal-informazzjoni sottomessa mill-applikant, jekk is-suq għas-servizzi ta’ konsenja internazzjonali standard tal-pakketti jiġi definit bħala li jeskludi l-ittri kbar u l-pakketti żgħar ħafna, is-sehem mis-suq ta’ Eesti Post, f’termini ta’ valur, kien ta’ [10-15] % fl-2022, [20-25] % fl-2023 u [15-20] % fl-2024 (56). |
|
(42) |
L-ishma mis-suq tal-kompetituri ewlenin ta’ Eesti Post, f’termini ta’ valur, għall-perjodu bejn l-2022 u l-2024 huma kif ġejjin: għas-sena 2022, DHL [20-25] %, TNT/Fedex [20-25] %, DPD [15-20] %, SmartPosti [10-15] %, EKLT/UPS [5-10] %, Venipak [0-5] %. Għas-sena 2023, l-ishma mis-suq huma kif ġejjin: TNT/Fedex [20-25] %, DHL [15-20] %, DPD [10-15] %. SmartPosti [10-15] %, EKLT/UPS [5-10] %, Venipak [5-10] %. Għas-sena 2024, l-ishma mis-suq tal-kompetituri ewlenin ta’ Eesti Post huma kif ġejjin: TNT/Fedex [20-25] %, DHL [15-20] %, DPD [15-20] %, SmartPosti [10-15] %, Venipak [5-10] %, EKLT/UPS [5-10] % (57). |
|
(43) |
Skont l-informazzjoni sottomessa mill-applikant, is-sehem mis-suq ta’ Eesti Post, f’termini ta’ volum, kien ta’ [10-15] % fl-2022, [25-30] % fl-2023 u [25-30] % fl-2024 (58). |
|
(44) |
L-ishma mis-suq tal-kompetituri ewlenin ta’ Eesti Post f’termini ta’ volum għall-perjodu bejn l-2022 u l-2024 huma kif ġejjin: għas-sena 2022, DHL [15-20] %, TNT/Fedex [20-25] %, DPD [15-20] %, SmartPosti [15-20] %, EKLT/UPS [5-10] %, Venipak [0-5] %. Għas-sena 2023, l-ishma mis-suq huma kif ġejjin: TNT/Fedex [15-20] %, DHL [15-20] %, SmartPosti [15-20] %, DPD [10-15] %, EKLT/UPS [5-10] %, Venipak [5-10] %. Għas-sena 2024, l-ishma mis-suq tal-kompetituri ewlenin ta’ Eesti Post huma kif ġejjin: TNT/Fedex [15-20] %, DHL [15-20] %, SmartPosti [10-15] %, DPD [10-15] %, Venipak [5-10] %, EKLT/UPS [5-10] % (59). |
|
(45) |
Din l-analiżi ma tinbidilx jekk f’dan is-suq jiġu inklużi ittri kbar u pakketti żgħar ħafna. L-ishma mis-suq ta’ Eesti Post għas-servizzi ta’ konsenja internazzjonali standard tal-pakketti, fejn dawn tal-aħħar huma definiti bħala ittri kbar u pakketti żgħar ħafna, huma kif ġej: għas-sena 2021, [35-40] % f’termini ta’ volum u [20-25] % f’termini ta’ valur; għas-sena 2022, [25-30] % f’termini ta’ volum u [15-20] % f’termini ta’ valur; għas-sena 2023, [30-35] % f’termini ta’ volum u [20-25] % f’termini ta’ valur (60). Bħala paragun, l-ishma mis-suq taż-żewġ kompetituri l-aktar qrib ta’ Eesti Post kienu (bħala medja) ta’ madwar [10-15] % f’termini ta’ volum u ta’ [15-20] % f’termini ta’ valur fil-każ ta’ DPD, u ta’ [10-15] % f’termini ta’ volum u ta’ [10-15] % f’termini ta’ valur, fil-każ ta’ SmartPosti (61). Kompetituri b’saħħithom oħra fl-istess suq huma operaturi privati bħal TNT/Fedex, li matul l-istess perjodu kellhom sehem mis-suq (bħala medja) ta’ [15-20] % f’termini ta’ volum u [15-20] % f’termini ta’ valur jew DHL, li kellha madwar [15-20] % f’termini ta’ volum u [15-20] % f’termini ta’ valur (62). |
|
(46) |
Din id-data turi li l-forniment ta’ servizzi ta’ konsenja internazzjonali standard tal-pakketti huwa pjuttost kompetittiv fl-Estonja. |
|
(47) |
Fid-dawl tal-fatturi deskritti f’din it-Taqsima, għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni u mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-kompetizzjoni, il-Kummissjoni ssib li l-attività relatata mal-forniment tas-servizzi ta’ konsenja internazzjonali standard tal-pakketti (‘il ġewwa, ’il barra) fl-Estonja hija esposta direttament għall-kompetizzjoni. Konsegwentement, peress li l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 34 tad-Direttiva 2014/25/UE huma ssodisfati, jista’ jiġi konkluż li d-Direttiva 2014/25/UE ma tapplikax għall-kuntratti biex tiġi eżerċitata l-attività tas-servizzi ta’ konsenja internazzjonali standard tal-pakketti (‘il ġewwa, ’il barra). |
3.2.1.4.
|
(48) |
Din it-taqsima tanalizza l-ishma mis-suq tal-operaturi tas-suq rilevanti, stmati mill-applikant, (63) fejn l-ittri kbar u l-pakketti żgħar ħafna huma definiti bħala suq separat, distint mis-servizzi ta’ konsenja internazzjonali standard tal-pakketti. |
|
(49) |
L-applikant iddikjara li Eesti Post esperjenzat tnaqqis sinifikanti fl-ishma mis-suq għall-ittri kbar. Pereżempju, fl-2021, Eesti Post iġġestiet madwar 4,5 miljun ittra kbira ([20-25] % f’termini ta’ volum u [10-15] % f’termini ta’ valur), filwaqt li dan in-numru kien naqas għal 1,6 miljun ittra kbira fl-2023 ([5-10] % f’termini ta’ volum, anqas minn [0-5] % f’termini ta’ valur ta’ EUR [1-5] miljun) u 1,3 miljun ittra kbira fl-2024, li jirrappreżenta tnaqqis ta’ madwar 71 % (64). Skont l-applikant, it-tnaqqis ta’ Eesti Post huwa prinċipalment attribwibbli għall-bidliet fil-preferenzi tal-konsumatur. B’mod partikolari, l-applikant jissuġġerixxi li l-konsumaturi qed jiffavorixxu dejjem aktar il-pakketti żgħar, li jistgħu jintbagħtu u jiġu riċevuti permezz tal-lokers għall-pakketti li huma aktar aċċessibbli, li spiss ikunu disponibbli 24 siegħa kuljum, u li joffru għażliet għall-ġbir aktar flessibbli mill-metodi ta’ konsenja tradizzjonali (65). |
|
(50) |
Fir-rigward tal-pakketti żgħar ħafna, abbażi tal-informazzjoni pprovduta mill-applikant, Eesti Post esperjenzat ukoll tnaqqis żgħir minn madwar 5,7 miljun ([30-35] % f’termini ta’ volum u [10-15] % f’termini ta’ valur) fl-2021 għal madwar 5,3 miljun ([25-30] % f’termini ta’ volum u [5-10] % f’termini ta’ valur) fl-2023 (66). Bħala paragun, is-sehem mis-suq taż-żewġ fornituri l-oħra ta’ pakketti żgħar ħafna fl-Estonja (jiġifieri SmartPosti/Itella u DPD) baqa’ stabbli, bħala medja, f’[10-15] % f’termini ta’ volum u f’[5-10] % f’termini ta’ valur fil-każ ta’ SmartPosti/Itella u f’[10-15] % f’termini ta’ volum u f’[5-10] % f’termini ta’ valur fil-każ ta’ DPD fl-istess perjodu (67). |
|
(51) |
Id-data indikata fil-premessi 49 u 50 turi li Eesti Post tilfet sehem mis-suq matul il-perjodu 2021–2023 meta mqabbla ma’ operaturi oħra li jibqgħu kompetituri b’saħħithom. Barra minn hekk, kif deskritt hawn fuq fil-premessa 38, id-dħul ta’ operatur ġdid (Unisend Eesti OÜ) huwa mistenni li jżid aktar dinamiżmu f’dan is-suq. |
|
(52) |
Fid-dawl tal-fatturi deskritti f’din it-Taqsima, għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni u mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-kompetizzjoni, il-Kummissjoni ssib li l-attività relatata mal-forniment tal-ittri kbar u l-pakketti żgħar ħafna fl-Estonja hija esposta direttament għall-kompetizzjoni. Konsegwentement, peress li l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 34 tad-Direttiva 2014/25/UE huma ssodisfati, jista’ jiġi konkluż li d-Direttiva 2014/25/UE ma tapplikax għall-kuntratti maħsuba biex jippermettu l-eżerċitar tal-attività msemmija hawn fuq. |
3.2.2. Servizzi oħra għajr is-servizzi postali
|
(53) |
Fir-rigward tas-servizzi tal-istampar u s-servizzi tal-imballaġġ, dawn jiġu offruti bħala pakkett ta’ servizzi għal konsenja kollettiva li hija prattika komuni b’rabta mal-korrispondenza tal-massa. Il-pakkett jinkludi, fost affarijiet oħra, ir-riċevuta tad-dokumenti, l-istampar, l-għata u l-kisi, u l-imballaġġ. Sabiex tiżdied il-kosteffiċjenza, tali proċessi interni jiġu spiss esternalizzati mill-kumpaniji lil partijiet terzi. |
|
(54) |
Abbażi tal-informazzjoni pprovduta mill-applikant (68), u filwaqt li jitqiesu d-deċiżjonijiet preċedenti tal-Kummissjoni (69), is-suq tal-prodotti rilevanti huwa definit bħala servizzi relatati mal-istampar u l-imballaġġ tal-oġġetti tal-posta. Il-pożizzjoni tal-applikant hija konformi mal-prattika tal-Kummissjoni (70). |
|
(55) |
Skont id-deċiżjonijiet preċedenti tal-Kummissjoni, is-suq għas-servizzi tal-istampar u tal-imballaġġ huwa wieħed nazzjonali fil-prinċipju. L-ewwel nett, il-faċilità tal-istampar hija organizzata fuq livell nazzjonali, minkejja li jista’ jkun il-każ li xi stampar isir barra mit-territorju nazzjonali. It-tieni, hemm differenzi fl-ipprezzar bejn Stati Membri differenti. It-tielet, il-biċċa l-kbira ta’ dawn is-servizzi jitwettqu għal konsenjaturi nazzjonali potenzjali jew reali bil-għan li jottimizzaw il-proċessi interni tagħhom u jnaqqsu l-kostijiet tagħhom (71). Id-definizzjoni proposta tal-applikant ta’ servizzi għajr is-servizzi postali hija konformi mal-prattika tal-Kummissjoni (72). Minħabba li ma hemm l-ebda raġuni biex jiġi preżunt ambitu ġeografiku differenti tas-suq, għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni, is-suq ġeografiku għas-servizzi tal-istampar u tal-imballaġġ huwa wieħed nazzjonali. |
3.2.2.1.
|
(56) |
Eesti Post, li hija l-uniku fornitur ta’ servizzi soġġett għar-regoli dwar l-akkwist pubbliku fis-suq għas-servizzi tal-istampar u tal-imballaġġ fl-Estonja, kellha sehem mis-suq ta’ [25-30] % fl-2022, [30-35] % fl-2023 u [30-35] % fl-2024, kemm f’termini ta’ valur kif ukoll ta’ volum (73). Abbażi tal-informazzjoni sottomessa mill-applikant, bħala parti mill-pjan strateġiku fit-tul tagħha, Eesti Post qed tippjana li tneħħi gradwalment dan is-servizz tal-istampar u tal-imballaġġ sa Awwissu 2026. Minħabba dan l-għeluq ippjanat, Eesti Post ma tipprevedi l-ebda investiment sinifikanti f’dan is-suq (74). |
|
(57) |
L-ishma mis-suq tal-kompetituri ewlenin ta’ Eesti Post huma kif ġejjin: Unified Post AS kellha sehem mis-suq ta’ [55-60] % fl-2022, [50-55] % fl-2023 u [50-55] % fl-2024, kemm f’termini ta’ valur kif ukoll ta’ volum (75); Joon OÜ kellha sehem mis-suq ta’ [10-15] % fl-2022, [5-10] % fl-2023 u [10-15] % fl-2024, kemm f’termini ta’ valur kif ukoll ta’ volum (76). Barra minn hekk, irid jiġi nnotat li dawn il-kompetituri, għall-kuntrarju ta’ Eesti Post, ma japplikawx ir-regoli dwar l-akkwist pubbliku, li jagħtihom vantaġġ kompetittiv addizzjonali fuq Eesti Post. |
|
(58) |
Abbażi tal-informazzjoni sottomessa mill-applikant, l-attività fis-suq rilevanti għas-servizzi tal-istampar u tal-imballaġġ ma hijiex soġġetta għal xi rekwiżit regolatorju li jillimita d-dħul fis-suq (77). B’żieda ma’ dan, fl-2022, kien hemm 381 kumpanija li joperaw fis-segment tan-negozju klassifikat bħala “l-istampar u r-riproduzzjoni ta’ media rreġistrata”. Skont l-applikant, filwaqt li dan is-segment huwa usa’ mis-suq għas-servizzi tal-istampar u tal-imballaġġ, il-preżenza ta’ għadd sinifikanti ta’ kumpaniji attivi f’dan is-segment tan-negozju usa’ turi li s-settur huwa pjuttost kompetittiv u ġeneralment aċċessibbli (78). Kif deskritt fit-talba, il-kostijiet tad-dħul jistgħu jiġu stmati għal bejn EUR 150 sa 180 elf li, skont l-applikant, huma biżżejjed biex jiġġeneraw sehem mis-suq ta’ mill-anqas 10 % (79). |
|
(59) |
Fid-dawl tal-fatturi deskritti f’din it-Taqsima, għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni u mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-kompetizzjoni, il-Kummissjoni ssib li l-attività relatata mal-forniment tas-servizzi tal-istampar u tal-imballaġġ fl-Estonja hija esposta direttament għall-kompetizzjoni. Konsegwentement, peress li l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 34(1) tad-Direttiva 2014/25/UE huma ssodisfati, jista’ jiġi konkluż li d-Direttiva 2014/25/UE ma tapplikax għall-kuntratti maħsuba biex jippermettu l-eżerċitar tal-attività relatata mas-servizzi tal-istampar u tal-imballaġġ. |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Id-Direttiva 2014/25/UE ma għandhiex tapplika għall-għoti ta’ kuntratti minn entitajiet kontraenti u maħsuba biex jippermettu li jsiru l-attivitajiet li ġejjin fl-Estonja:
|
— |
is-servizzi ta’ konsenja domestika (standard u express) tal-pakketti, |
|
— |
is-servizzi ta’ konsenja internazzjonali standard tal-pakketti, |
|
— |
is-servizzi ta’ ittri kbar u s-servizzi ta’ pakketti żgħar ħafna, |
|
— |
is-servizzi tal-istampar u tal-imballaġġ. |
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika tal-Estonja.
Magħmul fi Brussell, it-30 ta’ Settembru 2025.
Għall-Kummissjoni
Stéphane SÉJOURNÉ
Viċi President Eżekuttiv
(1) ĠU L 94, 28.3.2014, p. 243, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2014/25/oj.
(2) Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1804 tal-10 ta’ Ottubru 2016 dwar ir-regoli ddettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikoli 34 u 35 tad-Direttiva 2014/25/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-akkwist pubbliku minn entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, it-trasport u postali (ĠU L 275, 12.10.2016, p. 39, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2016/1804/oj).
(3) Is-servizz postali universali fl-Estonja jikkonsisti fis-servizzi postali domestiċi u internazzjonali li ġejjin: il-bgħit ta’ oġġetti ta’ korrispondenza b’ittri li jiżnu sa 2 kg bħala oġġetti postali regolari, irreġistrati u assigurati; il-bgħit ta’ pakketti postali li jiżnu sa 20 kg bħala oġġetti postali rreġistrati u assigurati (ara UPT tüüptingimused_alates 01.05.2020). Dawn il-prodotti jaqgħu fi ħdan it-talba għas-servizzi tal-pakketti kemm domestiċi kif ukoll internazzjonali kkonsenjati permezz tan-network tal-Unjoni Postali Universali. Ara l-emails tal-applikant datati t-3 u t-8 ta’ Settembru 2025.
(4) L-email tal-applikant datata s-16 ta’ April 2025.
(5) F’konformità mal-konvenzjonijiet tal-Unjoni Postali Universali (ara guidePostalTransportEn.pdf), il-pakketti jiżnu bejn 0 u 20 kg (b’mod fakultattiv 30 kg), filwaqt li l-pakketti żgħar jiżnu bejn 0 u 2 kg. Il-pakketti żgħar ħafna huma kategorija ta’ pakketti ta’ piż żgħir. Għall-fini ta’ din id-Deċiżjoni, il-kategorija ta’ “pakketti żgħar ħafna” tinkludi pakketti li jiżnu sa 2 kg u li fihom oġġetti. Għad-deskrizzjoni ta’ dawn il-prodotti, ara s-siti web rispettivi tal-operaturi: UPT tüüptingimused _alates 01.05.2020; Kalkulatur – DPD u Prezzijiet tal-pakketti | L-Estonja u l-Ewropa | SmartPosti.
(6) L-email tal-applikant datata d-29 ta’ Awwissu 2025.
(7) L-email tal-applikant datata s-16 ta’ Ġunju 2025.
(8) Avviż dwar talba li tikkonċerna l-applikabbiltà tal-Artikolu 34 tad-Direttiva 2014/25/UE — Talba magħmula mir-Repubblika tal-Estonja (ĠU C, C/2025/2295, 15.4.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/2295/oj).
(9) Avviż ta’ talba rigward l-applikabbiltà tal-Artikolu 34 tad-Direttiva 2014/25/UE — Estensjoni tal-perjodu għall-adozzjoni ta’ atti ta’ implimentazzjoni (ĠU C, C/2025/5047, 15.9.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/5047/oj).
(10) Id-Direttiva 97/67/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Diċembru 1997 dwar regoli komuni għall-iżvilupp tas-suq intern tas-servizzi postali tal-Komunità u t-titjib fil-kwalità tas-servizz (ĠU L 15, 21.1.1998, p. 14, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/1997/67/oj).
(11) It-talba, il-punt 72. Ara wkoll l-email tal-applikant tat-3 ta’ Settembru 2025.
(12) L-applikant ikkonferma li t-traspożizzjoni inizjali tad-Direttiva 97/67/KE fil-leġiżlazzjoni nazzjonali Estonjana saret permezz tal-Att Postali (Postiseadus) tal-2006 (ref. RT I 2006, 18, 142) li aktar tard ġie sostitwit bl-Att Postali tal-2008 (ref. RT I 2008, 53, 297).
(13) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 tal-20 ta’ Jannar 2004 dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi (ir-Regolament tal-KE dwar l-Għaqdiet) (ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2004/139/oj).
(14) Is-Sentenza tas-27 ta’ April 2016, Österreichische Post AG vs Il-Kummissjoni, T-463/14, ECLI:EU:T:2016:243, il-punt 28. Ara wkoll id-Direttiva 2014/25/UE, il-premessa 44.
(15) Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/3224 tad-29 ta’ Novembru 2024 dwar l-applikabbiltà tal-Artikolu 34 tad-Direttiva 2014/25/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill għall-kuntratti mogħtija għal attivitajiet relatati mal-forniment ta’ ċerti servizzi postali u servizzi oħra għajr servizzi postali fis-Slovakkja (ĠU L, 2024/3224, 23.12.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2024/3224/oj); Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/1228 tas-7 ta’ Ġunju 2023 dwar l-applikabbiltà tal-Artikolu 34 tad-Direttiva 2014/25/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill għall-għoti ta’ kuntratti għall-attività relatata ma’ servizzi ta’ konsenja express ta’ pakketti fil-Litwanja (ĠU L 160, 26.6.2023, p. 33, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2023/1228/oj), id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/737 tas-27 ta’ Mejju 2020 dwar l-applikabbiltà tal-Artikolu 34 tad-Direttiva 2014/25/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill għall-kuntratti mogħtija għal attivitajiet relatati mal-għoti ta’ ċerti servizzi postali fid-Danimarka (ĠU L 172, 3.6.2020, p. 23, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2020/737/oj); Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1204 tat-12 ta’ Lulju 2019 dwar l-applikabbiltà tad-Direttiva 2014/25/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill għall-kuntratti mogħtija għal ċerti attivitajiet relatati mal-provvista ta’ ċerti servizzi postali u ta’ servizzi oħra għajr is-servizzi postali fil-Kroazja (ĠU L 189, 15.7.2019, p. 75, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2019/1204/oj). Ara wkoll il-Kawża COMP/M.5152 – Posten AB/Post Danmark A/S, tal-21.4.2009, il-punt 54.
(16) It-talba, il-punti 34–35.
(17) It-talba, il-punt 40.
(18) It-talba, il-punt 34.
(19) It-talba, il-punt 35.
(20) Id-Deċiżjonijiet ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/1228 u (UE) 2020/737, imsemmija hawn fuq.
(21) F’każ ieħor, il-Kummissjoni qieset li fatturi differenti pprovdew ambitu konsiderevoli għas-sostituzzjoni min-naħa tal-provvista u, għalhekk, waslet għall-konklużjoni li ma kienx meħtieġ li ssir distinzjoni bejn is-servizzi express u dawk standard. Ara, f’dan ir-rigward, id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/3224, imsemmija hawn fuq.
(22) It-talba, il-punt 54.
(23) L-informazzjoni addizzjonali pprovduta mill-applikant fis-7 ta’ Mejju 2025.
(24) It-talba, il-punti 65 u 188.
(25) L-informazzjoni addizzjonali pprovduta mill-applikant fis-7 ta’ Mejju 2025.
(26) It-talba, il-punti minn 47 sa 54.
(27) L-email tal-applikant tal-11 ta’ April 2025.
(28) It-talba, il-punt 190 u l-informazzjoni addizzjonali pprovduta mill-applikant fis-7 ta’ Mejju 2025.
(29) It-talba, il-punt 102. Ara wkoll il-punti 185 sa 208 tat-talba, fir-rigward tas-servizzi domestiċi tal-pakketti, u l-punti 97 sa 112, fir-rigward tas-servizzi internazzjonali tal-pakketti, fejn l-applikant jipprovdi stimi tas-sehem mis-suq tiegħu stess u tal-kompetituri ewlenin tiegħu.
(30) It-talba, il-punt 37.
(31) L-email tal-applikant tad-29 ta’ Awwissu 2025.
(32) L-emails tal-applikant tad-29 ta’ Awwissu u tal-5 ta’ Settembru 2025.
(33) Dawn l-operaturi ma jipprovdux ittri kbar. It-talba, il-punt 83, it-tabelli 1 u 2 u l-punt 84, fejn l-applikant jiċċara dan li ġej: “[…]”.
(34) It-talba, il-punt 42.
(35) L-informazzjoni addizzjonali pprovduta mill-applikant fit-18 u fis-27 ta’ Ġunju 2025 kif ukoll fid-29 ta’ Awwissu u fil-5 ta’ Settembru 2025.
(36) L-informazzjoni addizzjonali pprovduta mill-applikant fit-18 ta’ Ġunju 2025.
(37) L-informazzjoni addizzjonali pprovduta mill-applikant fis-27 ta’ Ġunju 2025.
(38) L-informazzjoni addizzjonali pprovduta mill-applikant fid-29 ta’ Awwissu u fil-5 ta’ Settembru 2025.
(39) It-talba, il-punti 61 u 65.
(40) Pereżempju, ara d-Deċiżjonijiet ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/3224 u (UE) 2019/1204, it-tnejn imsemmija hawn fuq. Ara wkoll il-Kawża COMP/M.5152 – Posten AB/Post Danmark A/S, tal-21.4.2009, il-punti 66 u 74.
(41) It-talba, il-punt 181.
(42) It-talba, il-punt 200, it-tabella 9, kif ukoll l-informazzjoni addizzjonali pprovduta mill-applikant fit-13 ta’ Mejju 2025.
(43) It-talba, il-punt 200, it-tabella 9 kif ukoll l-informazzjoni addizzjonali pprovduta mill-applikant fit-13 ta’ Mejju 2025.
(44) It-talba, il-punt 200, it-tabella 10, kif ukoll l-informazzjoni addizzjonali pprovduta mill-applikant fit-13 ta’ Mejju 2025.
(45) Ibid.
(46) It-talba, il-punt 27.
(47) It-talba, il-punt 25.
(48) It-talba, il-punt 182 u l-informazzjoni addizzjonali pprovduta mill-applikant fit-30 ta’ April 2025.
(49) Ara l-informazzjoni addizzjonali pprovduta mill-applikant fit-13 ta’ Mejju 2025.
(50) It-talba, il-punt 223 u l-informazzjoni addizzjonali pprovduta mill-applikant fit-13 ta’ Mejju 2025.
(51) Ara l-informazzjoni addizzjonali pprovduta mill-applikant fit-13 ta’ Mejju 2025.
(52) It-talba, il-punt 183 u l-informazzjoni addizzjonali pprovduta mill-applikant fis-7 ta’ Mejju 2025.
(53) It-talba, il-punt 91.
(54) It-talba, il-punt 182 u l-informazzjoni addizzjonali pprovduta mill-applikant fit-30 ta’ April 2025.
(55) It-talba, il-punti 145 u 27.
(56) L-informazzjoni addizzjonali pprovduta mill-applikant fit-18 ta’ Ġunju 2025.
(57) Ibid.
(58) Ibid.
(59) Ibid.
(60) It-talba, it-tabelli 3 u 4.
(61) It-talba, it-tabelli 3 u 4.
(62) Ibid.
(63) Ara l-kjarifika fl-email tal-applikant tad-29 ta’ Awwissu 2025: “[…]”.
(64) L-informazzjoni addizzjonali pprovduta mill-applikant fis-27 ta’ Ġunju u fid-29 ta’ Awwissu 2025.
(65) Ibid.
(66) L-emails tal-applikant tad-29 ta’ Awwissu u tal-5 ta’ Settembru 2025.
(67) L-emails tal-applikant tad-29 ta’ Awwissu u tal-5 ta’ Settembru 2025. Kif imsemmi hawn fuq fin-nota 33 f’qiegħ il-paġna, dawn l-operaturi ma jipprovdux ittri kbar.
(68) It-talba, il-punt 55.
(69) Pereżempju, id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1195 tal-4 ta’ Lulju 2016 li teżenta s-servizzi tal-kurriera u servizzi oħra għajr is-servizzi postali fil-Polonja mill-applikazzjoni tad-Direttiva 2014/25/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-akkwist minn entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, it-trasport u postali u li tħassar id-Direttiva 2004/17/KE (ĠU L 197, 22.7.2016, p. 4, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2016/1195/oj).
(70) It-talba, il-punt 56.
(71) Id-Deċiżjoni ta’ Implementazzjoni (UE) 2016/1195.
(72) It-talba, il-punt 67.
(73) It-talba, it-tabella 23 tipprovdi data dwar l-ishma mis-suq ta’ Eesti Post u tal-kompetituri tagħha fis-suq għas-servizzi tal-istampar u tal-imballaġġ.
(74) Ara l-informazzjoni addizzjonali pprovduta mill-applikant fil-25 ta’ April 2025.
(75) It-talba, it-tabella 23 tipprovdi data dwar l-ishma mis-suq ta’ Eesti Post u tal-kompetituri tagħha fis-suq għas-servizzi tal-istampar u tal-imballaġġ.
(76) L-ishma mis-suq ta’ Eesti Post u tal-kompetituri tagħha huma bbażati fuq l-istimi ta’ Eesti Post. Fl-istess ħin, Eesti Post tiddikjara li s-sehem mis-suq tagħha f’termini ta’ volum huwa allinjat mill-qrib mas-sehem mis-suq tagħha f’termini ta’ valur (ikkalkulat abbażi tad-data interna ta’ Eesti Post). Minħabba n-nuqqas ta’ data tas-suq aktar speċifika relatata mal-volum, l-applikant jassumi sitwazzjoni simili għall-kompetituri ta’ Eesti Post.
(77) It-talba, il-punt 288.
(78) Ara l-informazzjoni addizzjonali pprovduta mill-applikant fil-25 ta’ April 2025.
(79) It-talba, il-punt 287.
ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2025/2059/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)