Official Journal L 201 , 09/08/2000 P. 0008 - 0010
Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-25 ta’ Lulju 2000 li temenda l-Anness IV tad-Direttiva tal-Kunsill 90/539/KEE dwar il-kondizzjonijiet tas-saħħa tal-bhejjem li jirregolaw il-kummerċ intra-Komunitaju ta’, u l-importazzjoni minn pajjiżi terzi ta’ tjur u bajd tat-tfaqqis u li temenda d-Deċiżjoni 96/482/KE li tistabbilixxi l-kondizzjonijiet tas-saħħa tal-bhejjem u ċ-ċertifikati veterinarji għall-importazzjoni ta’ tjur u bajd tat-tfaqqis minbarra dawk ta’ l-għasafar li ma jtirux u l-bajd tagħhom minn pajjiżi terzi li jinkludu l-miżuri tas-saħħa tal-bhejjem li għandhom jiġu applikati wara din l-importazzjoni (innotifikata permezz tad-dokument numru C(2000) 2261) (Test b’rilevanza ŻEE) (2000/505/KE) IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ, Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 90/539/KEE tal-15 ta’ Ottubru 1990 dwar il-kondizzjonijiet tas-saħħa ta’ bhejjem li jirregolaw il-kummerċ intra-Komunitarju, u l-importazzjoni minn pajjiżi terzi, tat-tjur u tal-bajd tat-tfaqqis [1], kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 1999/90/KE [2], u b’mod partikolari l-Artikolu 23(1), 24 u 26 (2), 27a u 34 tagħha, Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 91/496/KEE tal-15 ta’ Lulju 1991 li tistabbilixxi l-prinċipji li jirregolaw l-organizzazzjoni tal-kontrolli veterinarji fuq bhejjem li jidħlu fil-Komunità u li temenda d-Direttivi 89/662/KEE, 90/425/KEE u 90/675/KEE [3], kif l-aħħar emendati bid-Direttiva 96/43/KE [4], u b’mod partikolari l-Artikolu 10 tagħha, Billi: (1) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 96/482/KE [5], kif l-aħħar emendata bid-Deċiżjoni 1999/549/KE [6], tistabbilixxi l-kondizzjonijiet tas-saħħa tal-bhejjem u ċ-ċertifikati veterinarji għall-importazzjoni tat-tjur u tal-bajd tat-tfaqqis minbarra ta’ għasafar li ma jtirux u l-bajd tagħhom minn pajjiżi terzi li jinkludu l-miżuri tas-saħħa tal-bhejjem li għandhom ikunu applikati wara din l-importazzjoni (2) Meqjusa l-esperjenza miksuba matul l-applikazzjoni tal-miżuri li hemm provvediment dwarhom, il-kondizzjonijiet li permezz tagħhom, flieles ta’ ġurnata li joriġinaw minn bajd tat-tfaqqis li kienu ġew importati minn pajjiżi terzi jkunu kkommerċjalizzati fil-Komunita, għandhom ikunu mmodifikati. Il-modifika għandha tippermetti lill-Istati Membri sabiex jibagħtu flieles ta’ ġurnata lejn oqsma li jkunu jinsabu fi Stat Membru ieħor filwaqt li jassiguraw li jitwettaq l-iżolament ta’ wara l-importazzjoni. (3) Huwa ghalhekk meħtieġ li l-mudell taċ-ċertifikat ikun emendat kif stabbilit fl-Anness IV tad-Direttiva 90/539/KEE u d-Deċiżjoni 96/482/KE kif xieraq. (4) Huwa meħtieġ li l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ dispaċċ tinforma lill-awtorità kompetenti tad-destinazzjoni finali tal-flieles ta’ ġurnata permezz tas-sistema Animo bil-ħtiġiet tas-saħħa ta’ l-animali li jikkonċernaw il-perjodu ta’ l-iżolament li għandu jkun applikat f’dawn il-każi. (5) Il-miżuri li hemm provvediment dwarhom f’din id-Deċiżjoni huma bi qbil ma’ l-opinjoni tal-Kumitat Veterinarju Permanenti, ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI: Artikolu 1 Il-mudell 2 ta’ l-Anness IV tad-Direttiva 90/539/KEE huwa b’dan mibdul bl-Anness għal din id-Deċiżjoni. Artikolu 2 "Jekk il-flieles ta’ ġurnata ma humiex imkabbra fl-istess Stat Membru li jkun importa l-bajd tat-tfaqqis, dawn għandhom ikunu ttrasportati direttament lejn u għandhom jinżammu fil-qasam tad-destinazzjoni li hemm referenza dwaru fil-punt 9.2, fil-mudell 2 taċ-ċertifikat dwar is-saħħa ta’ l-annimali ta’ l-Anness IV tad-Direttiva tal-Kunsill 90/539/KEE għal perjodu ta’ mill-anqas tliet ġimgħat mill-ġurnata ta’ tfaqqis." Artikolu 3 Din id-Deċiżjoni għandha tapplika għal kunsinni ta’ flieles ta’ ġurnata iċċertifikati sa mill-1 ta’ Ottubru 2000. Artikolu 4 Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri. Magħmula fi Brussel, fil-25 ta’ Lulju 2000. Għall-Kummissjoni David Byrne Membru tal-Kummissjoni [1] ĠU L 303, ta’ l-31.10.1990, p. 6. [2] ĠU L 300, tat-23.11.1999, p. 19. [3] ĠU L 268, ta’ l-24.9.1991, p. 56 [4] ĠU L 162, ta’ l-1.7.1996, p. 1. [5] ĠU L 196, tas-7.8.1996, p. 13 [6] ĠU L 209, tas-7.8.1999, p. 36. -------------------------------------------------- ANNESS +++++ TIFF +++++ --------------------------------------------------