European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/1542

31.7.2025

REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2025/1542

tat-30 ta’ Lulju 2025

li jispeċifika l-modalitajiet, l-istruttura u l-indikaturi tal-valutazzjoni tar-rapporti tal-kwalità li jridu jiġu trażmessi skont ir-Regolament (KE) Nru 138/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 138/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-5 ta’ Diċembru 2003 dwar il-kontijiet ekonomiċi għall-agrikoltura fil-Komunità (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 3b(4) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (KE) Nru 138/2004 jistabbilixxi l-Kontijiet Ekonomiċi għall-Agrikoltura fl-Unjoni Ewropea billi jipprevedi l-metodoloġija u l-limiti taż-żmien għat-trażmissjoni tal-kontijiet agrikoli.

(2)

F’konformità mal-Artikolu 3b(3) tar-Regolament (KE) Nru 138/2004, l-Istati Membri jridu jittrażmettu rapport tal-kwalità lill-Kummissjoni (Eurostat) għall-ewwel darba sal-31 ta’ Diċembru 2025 u kull 5 snin minn hemm ’il quddiem.

(3)

Hemm il-ħtieġa li jiġu żgurati standards komuni tar-rappurtar tal-kwalità għall-iskambju ta’ data u ta’ metadata relatati mal-kwalità. Din il-ħtieġa tista’ tiġi ssodisfata billi jiġu speċifikati l-modalitajiet, l-istruttura u l-indikaturi tal-valutazzjoni għar-rapporti tal-kwalità. L-istandards jenħtieġ li jikkontribwixxu għall-armonizzazzjoni tal-aċċertament tal-kwalità u tar-rappurtar.

(4)

L-Istruttura Unika Integrata tal-Metadata (SIMS, Single Integrated Metadata Structure) (2) ġiet approvata bħala standard tal-metadata mill-Kumitat tas-Sistema Ewropea tal-Istatistika. Il-Kummissjoni stiednet lill-Istati Membri biex jiżguraw li l-awtoritajiet nazzjonali tal-istatistika tagħhom japplikaw il-kunċetti statistiċi elenkati fihom meta jikkompilaw metadata ta’ referenza u rapporti tal-kwalità u meta jiskambjaw metadata ta’ referenza u rapporti tal-kwalità (3). L-applikazzjoni tas-SIMS tikkontribwixxi għall-armonizzazzjoni tal-aċċertament tal-kwalità u tar-rappurtar, u b’hekk tgħin biex jintlaħqu r-rekwiżiti tal-kwalità tal-istatistika tar-Regolament (KE) Nru 223/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), li jipprovdi qafas ta’ referenza obbligatorju għall-Istatistika Ewropea.

(5)

Is-Sistema Ewropea tal-Istatistika ilha snin twal tħaddem l-istandard tat-trażmissjoni kif approvat mill-Kumitat għall-Programmi Statistiċi fl-2006. L-istandard jiddikjara li d-data u l-metadata għad-dominji kollha tal-istatistika jridu jaslu f’żona ta’ akkoljenza komuni fil-Kummissjoni (Eurostat) sabiex ikunu jistgħu jiġu mmonitorjati, iċċekkjati u mibgħuta b’mod awtomatiku fl-ambjent fil-mira tal-produzzjoni. Dak l-istandard jenħtieġ li jintuża għar-rapporti trażmessi skont dan ir-Regolament.

(6)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat tas-Sistema Ewropea tal-Istatistika,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Modalitajiet

1.   Kull Stat Membru għandu jittrażmetti rapport tal-kwalità lill-Kummissjoni (Eurostat) għall-ewwel darba relatat mas-sena ta’ referenza 2023 u minn hemm ’il quddiem għal kull sena ta’ referenza li tintemm bi 8 u bi 3.

2.   Ir-rapporti tal-kwalità għandhom jintbagħtu lill-Kummissjoni (Eurostat) bl-użu tal-istandard tat-trażmissjoni tas-Sistema Ewropea tal-Istatistika.

Artikolu 2

Struttura

1.   Kull Stat Membru għandu jippreżenta rapport uniku tal-kwalità li jkopri d-data kollha tal-programm tat-trażmissjoni tal-Kontijiet Ekonomiċi għall-Agrikoltura kif stabbilit fl-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 138/2004.

2.   L-istruttura dettaljata u l-kontenut tar-rapporti tal-kwalità huma stabbiliti fl-Anness I. Dawk ir-rapporti għandhom ukoll jirreferu u jagħtu raġunijiet għal kwalunkwe istanza meta ma kienx hemm konformità mal-istandards tal-kwalità xierqa, jew meta ma ġewx applikati sew il-kunċetti statistiċi, jew it-tnejn li huma.

Artikolu 3

Indikaturi tal-valutazzjoni

Il-kwalità tad-data u tal-metadata trażmessi għandha tiġi vvalutata fir-rigward tas-sett ta’ indikaturi tal-kwalità u tal-prestazzjoni stabbiliti fl-Anness II.

Artikolu 4

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-30 ta’ Lulju 2025.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 33, 5.2.2004, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2004/138/oj.

(2)   https://ec.europa.eu/eurostat/web/quality/quality-monitoring/quality-reporting.

(3)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/397 tas-17 ta’ Frar 2023 dwar metadata ta’ referenza u rapporti ta’ kwalità għas-Sistema Ewropea tal-Istatistika, li tissostitwixxi r-Rakkomandazzjoni 2009/498/KE dwar metadata ta’ referenza għas-Sistema Ewropea tal-Istatistika (ĠU L 53, 21.2.2023, p. 104, ELI: http://data.europa.eu/eli/reco/2023/397/oj).

(4)  Ir-Regolament (KE) Nru 223/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2009 dwar l-Istatistika Ewropea u li jħassar ir-Regolament (Euratom, KE) Nru 1101/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-trażmissjoni ta’ data suġġetta għall-kunfidenzjalità statistika lill-Uffiċċju tal-Istatistika tal-Komunitajiet Ewropej, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 322/97 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 89/382/KEE, Euratom li tistabbilixxi Kumitat dwar il-Programmi tal-Istatistika tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU L 87, 31.3.2009, p. 164, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2009/223/oj).


ANNESS I

STRUTTURA U KONTENUT TAR-RAPPORTI TAL-KWALITÀ

Ir-rapporti tal-kwalità għandu jkun fihom data u metadata relatati mal-kwalità f’konformità mal-kriterji tal-kwalità u mal-kunċetti statistiċi li ġejjin. Jekk kunċett statistiku partikolari ma jkunx rilevanti għal operazzjoni statistika, il-kunċett jenħtieġ li jibqa’ fir-rapport tal-kwalità akkumpanjat mill-kliem “Mhux applikabbli” u minn spjegazzjoni qasira.

Preżentazzjoni tal-istatistika

Deskrizzjoni tad-data disseminata.

Dan il-kunċett jinkludi s-sottokunċetti li ġejjin:

—

Deskrizzjoni tad-data

—

Sistema ta’ klassifikazzjoni

—

Kopertura tas-settur

—

Kunċetti u definizzjonijiet tal-istatistika

—

Unità statistika

—

Popolazzjoni statistika

—

Żona ta’ referenza

—

Kopertura taż-żmien

—

Perjodu bażi

Unità ta’ kejl

L-unità li fiha jitkejlu l-valuri tad-data.

Perjodu ta’ referenza

Il-perjodu ta’ żmien jew il-punt fiż-żmien li għalih hi maħsuba li tirreferi l-osservazzjoni.

Mandat istituzzjonali

Liġi, sett ta’ regoli jew sett formali ieħor ta’ istruzzjonijiet li jassenjaw ir-responsabbiltà kif ukoll l-awtorità lil organizzazzjoni għall-ġbir, l-ipproċessar u d-disseminazzjoni tal-istatistika.

Dan il-kunċett jinkludi s-sottokunċetti li ġejjin:

—

Atti legali u ftehimiet oħra

—

Kondiviżjoni ta’ data

Kunfidenzjalità

Proprjetà ta’ data li tindika safejn id-divulgazzjoni mhux awtorizzata tagħha jista’ jkun preġudizzjali jew ta’ ħsara għall-interess tas-sors jew ta’ partijiet rilevanti oħra.

Dan il-kunċett jinkludi s-sottokunċetti li ġejjin:

—

Kunfidenzjalità – politika

—

Kunfidenzjalità – trattament tad-data

Politika ta’ diffużjoni

Regoli għad-disseminazzjoni ta’ data tal-istatistika lill-partijiet interessati kollha.

Dan il-kunċett jinkludi s-sottokunċetti li ġejjin:

—

Kalendarju ta’ diffużjoni

—

Aċċess għall-kalendarju ta’ diffużjoni

—

Aċċess tal-utent

Frekwenza tad-disseminazzjoni

L-intervall ta’ żmien li fih l-istatistika tiġi ddisseminata matul perjodu ta’ żmien speċifiku.

Aċċessibbiltà u ċarezza

Il-kundizzjonijiet u l-modalitajiet li bihom l-utenti jistgħu jaċċessaw, jużaw u jinterpretaw id-data.

Dan il-kunċett jinkludi s-sottokunċetti li ġejjin:

—

Stqarrija għall-istampa

—

Pubblikazzjonijiet

—

Bażi tad-data online

—

Oħrajn

—

Dokumentazzjoni dwar il-metodoloġija

—

Kompletezza tal-metadata – rata

—

Dokumentazzjoni dwar il-kwalità

Ġestjoni tal-kwalità

Is-sistemi u l-oqfsa fis-seħħ fi ħdan organizzazzjoni biex tkun ġestita l-kwalità tal-prodotti u tal-proċessi statistiċi.

Dan il-kunċett jinkludi s-sottokunċetti li ġejjin:

—

Aċċertament tal-kwalità

—

Valutazzjoni tal-kwalità

Rilevanza

Il-grad li fih l-informazzjoni statistika tissodisfa l-ħtiġijiet attwali u potenzjali tal-utenti.

Dan il-kunċett jinkludi s-sottokunċetti li ġejjin:

—

Ħtiġijiet tal-utenti

—

Sodisfazzjon tal-utenti

—

Kompletezza

—

Kompletezza tad-data – rata għall-produtturi

Akkuratezza u affidabbiltà

L-akkuratezza tad-data hi kemm il-komputazzjonijiet jew l-estimi jqarrbu lejn il-valuri eżatti jew veri li l-istatistika kienet maħsuba li tkejjel.

L-affidabbiltà tad-data hi kemm il-valur stmat inizjali jqarreb lejn il-valur stmat sussegwenti.

Tempestività u puntwalità

It-tempestività hi t-tul ta’ żmien bejn l-event jew il-fenomenu deskritt mid-data u d-disponibbiltà tad-data.

Il-puntwalità hi l-perjodu latenti bejn id-data mmirata, meta kellha tiġi fornuta d-data, u l-forniment reali tad-data.

Dan il-kunċett jinkludi s-sottokunċetti li ġejjin:

—

Tempestività

—

Intervall latenti – l-ewwel riżultati għall-produtturi

—

Puntwalità – forniment u pubblikazzjoni għall-utenti

—

Puntwalità – forniment u pubblikazzjoni għall-produtturi

Koerenza u komparabbiltà

L-adegwatezza tal-istatistika li għandha tiġi kkombinata b’affidabbiltà b’modi differenti u għal użi varji u l-punt sa fejn id-differenzi bejn l-istatistika jistgħu jiġu attribwiti għad-differenzi bejn il-valuri veri tal-karatteristiċi statistiċi.

Dan il-kunċett jinkludi s-sottokunċetti li ġejjin:

—

Komparabbiltà – ġeografika

—

Komparabbiltà – fuq tul ta’ żmien u tul ta’ serje kronoloġika komparabbli għall-utenti

—

Tul ta’ serje kronoloġika komparabbli għall-produtturi

—

Koerenza – trażversali bejn id-dominji

—

Koerenza – statistika subannwali u annwali

—

Koerenza – Kontijiet Nazzjonali

—

Koerenza – interna

Kost u oneru

Il-kostijiet assoċjati mal-ġbir u mal-produzzjoni ta’ prodott statistiku u l-oneru fuq ir-rispondenti.

Reviżjoni tad-data

Kull bidla f’valur ta’ statistika maħruġa għall-pubbliku.

Dan il-kunċett jinkludi s-sottokunċetti li ġejjin:

—

Reviżjoni tad-data – politika

—

Reviżjoni tad-data – prattika

—

Reviżjoni tad-data – daqs assolut medju

Proċessar statistiku

Dan il-kunċett jinkludi s-sottokunċetti li ġejjin:

—

Data tas-sors

—

Frekwenza tal-ġbir tad-data

—

Ġbir tad-data

—

Validazzjoni tad-data

—

Kompilazzjoni tad-data

—

• Aġġustament


ANNESS II

INDIKATURI TAL-KWALITÀ U TAL-PRESTAZZJONI BIEX TIĠI VVALUTATA L-KWALITÀ TAL-KONTIJIET EKONOMIĊI GĦAD-DATA U L-METADATA TAL-AGRIKOLTURA

Is-sottokunċetti li ġejjin mill-Anness I għandhom jintużaw bħala indikaturi tal-valutazzjoni.

Kompletezza tal-metadata – rata

Il-proporzjon tal-għadd ta’ elementi tal-metadata pprovduti mal-għadd totali ta’ elementi tal-metadata applikabbli.

Kompletezza tad-data – rata għall-produtturi

Il-proporzjon tal-għadd ta’ ċelloli tad-data pprovduti għall-għadd ta’ ċelloli tad-data meħtieġa mill-Eurostat.

Intervall latenti – l-ewwel riżultati għall-produtturi

L-għadd ta’ jiem mill-aħħar jum tal-perjodu ta’ referenza sal-jum tal-pubblikazzjoni tal-ewwel riżultati, fil-livell ta’ dettall tar-rapport tal-produttur.

Puntwalità – forniment u pubblikazzjoni għall-produtturi

L-għadd ta’ jiem bejn id-data tal-forniment tad-data u d-data mmirata għall-forniment kif stabbilit bir-Regolament (KE) Nru 138/2004.

Tul ta’ serje kronoloġika komparabbli għall-produtturi

L-għadd ta’ perjodi ta’ referenza fis-serje kronoloġika mill-aħħar interruzzjoni.

Reviżjoni tad-data – daqs assolut medju

Il-medja fuq perjodu ta’ żmien tar-reviżjonijiet assoluti ta’ indikatur ewlieni.


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2025/1542/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)