52014PC0262

Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f'isem l-Unjoni Ewropea, fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE rigward emenda għall-Protokoll 31 tal-Ftehim taż-ŻEE, dwar il-kooperazzjoni f'oqsma speċifiċi li ma jagħmlux parti mill-erba' libertajiet /* COM/2014/0262 final - 2014/0140 (NLE) */


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.           IL-KUNTEST TAL-PROPOSTA

Sabiex tiġi żgurata ċ-ċertezza legali meħtieġa u l-omoġeneità tas-Suq Intern, il-Kumitat Konġunt taż-ŻEE għandu jintegra l-leġiżlazzjoni rilevanti kollha tal-UE fil-Ftehim taż-ŻEE malajr kemm jista’ jkun wara l-adozzjoni tagħha u għandu jippermetti wkoll il-parteċipazzjoni tal-Istati taż-ŻEE tal-EFTA fl-azzjonijiet jew fil-programmi tal-UE li jkunu rilevanti għaż-ŻEE.

2.           IR-RIŻULTATI TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET INTERESSATI U L-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

L-abbozz tad-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE (anness mal-proposta ta’ Deċiżjoni tal-Kunsill) għandu l-għan li jemenda l-Protokoll 31 tal-Ftehim taż-ŻEE dwar il-kooperazzjoni f'oqsma speċifiċi barra l-erba' libertajiet sabiex tiġi estiża l-kooperazzjoni tal-Partijiet Kontraenti fil-Ftehim taż-ŻEE sabiex tkun tinkludi l-kooperazzjoni dwar il-moviment ħieles tal-ħaddiema, koordinazzjoni tas-sistemi tas-sigurtà soċjali u miżuri għall-migranti, inklużi migranti minn pajjiżi terzi.

3.           ELEMENTI ĠURIDIĊI TAL-PROPOSTA

L-Artikolu 1(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2894/94 dwar l-arranġamenti għall-implimentazzjoni tal-Ftehim taż-ŻEE jipprevedi li, bi proposta mill-Kummissjoni, il-Kunsill jistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f'isem l-Unjoni dwar Deċiżjonijiet bħal dawn.

Il-Kummissjoni tippreżenta l-Abbozz tad-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE għall-adozzjoni mill-Kunsill bħala l-pożizzjoni tal-Unjoni. Il-Kummissjoni tittama li tkun fil-qagħda li tippreżentah fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE mill-aktar fis possibbli.

2014/0140 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f'isem l-Unjoni Ewropea, fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE rigward emenda għall-Protokoll 31 tal-Ftehim taż-ŻEE, dwar il-kooperazzjoni f'oqsma speċifiċi li ma jagħmlux parti mill-erba' libertajiet

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u partikolarment l-Artikoli 46 u 48, flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2894/94 tat-28 ta' Novembru 1994 dwar l-arranġamenti għall-implimentazzjoni tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea[1], u b'mod partikolari l-Artikolu 1(3) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)       Il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea[2] (“il-Ftehim taż-ŻEE”) daħal fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 1994.

(2)       Skont l-Artikolu 98 tal-Ftehim taż-ŻEE, il-Kumitat Konġunt taż-ŻEE jista’ jiddeċiedi li jemenda, fost l-oħrajn, il-Protokoll 31 tiegħu.

(3)       Il-Protokoll 31 tal-Ftehim taż-ŻEE fih dispożizzjonijiet speċifiċi dwar il-kooperazzjoni f'oqsma speċifiċi li ma jagħmlux parti mill-erba' libertajiet.

(4)       Huwa xieraq li tiġi estiża l-kooperazzjoni tal-Partijiet Kontraenti għall-Ftehim taż-ŻEE sabiex tinkludi l-kooperazzjoni dwar il-moviment ħieles tal-ħaddiema, il-koordinazzjoni tas-sistemi tas-sigurtà soċjali u l-miżuri għall-migranti, inklużi l-migranti minn pajjiżi terzi.

(5)       Għalhekk, il-Protokoll 31 tal-Ftehim taż-ŻEE għandu jiġi emendat skont dan, sabiex din il-kooperazzjoni estiża tkun tista’ tibda sseħħ mill-1 ta’ Jannar 2014.

(6)       Il-pożizzjoni tal-Unjoni fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE għandha tkun ibbażata fuq l-abbozz ta' Deċiżjoni mehmuż,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f’isem l-Unjoni Ewropea, fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE dwar l-emenda proposta għall-Protokoll 31 tal-Ftehim taż-ŻEE, tkun ibbażata fuq l-abbozz ta' Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ dakinhar tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell,

                                                                       Għall-Kunsill

                                                                       Il-President

[1]               ĠU L 305, 30.11.1994, p. 6.

[2]               ĠU L 1, 3.1.1994, p. 3.

ANNESS DEĊIŻJONI TAL-KUMITAT KONĠUNT TAŻ-ŻEE Nru .../2014 ta’ li temenda l-Protokoll 31 tal-Ftehim taż-ŻEE, dwar kooperazzjoni f'oqsma speċifiċi li ma jagħmlux parti mill-erba' libertajiet

IL-KUMITAT KONĠUNT TAŻ-ŻEE,

Wara li kkunsidra l-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (“il-Ftehim taż-ŻEE”), u partikolarment l-Artikoli 86 u 98 tiegħu,

Billi:

(1) Huwa xieraq li tiġi estiża l-kooperazzjoni tal-Partijiet Kontraenti għall-Ftehim taż-ŻEE sabiex tinkludi l-kooperazzjoni dwar il-moviment ħieles tal-ħaddiema, il-koordinazzjoni tas-sistemi tas-sigurtà soċjali u l-miżuri għall-migranti, inklużi l-migranti minn pajjiżi terzi,

(2) Il-Protokoll 31 tal-Ftehim taż-ŻEE għandu għalhekk jiġi emendat sabiex din il-kooperazzjoni estiża tkun tista’ tibda sseħħ mill-1 ta’ Jannar 2014.

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Artikolu 5 tal-Protokoll 31 tal-Ftehim taż--ŻEE jiġi emendat kif ġej:

1.           Il-paragrafu li ġej jiddaħħal wara l-paragrafu 12:

"13.   Mill-1 ta' Jannar 2014, l-Istati tal-EFTA jipparteċipaw fl-azzjonijiet iffinanzjati mill-intestaturi baġitarji li ġejjin, imdaħħla fil-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2014:

-        Linja Baġitarja 04 03 01 03: 'Moviment ħieles tal-ħaddiema, koordinazzjoni tas-sistemi tas-sigurtà soċjali u miżuri għall-migranti, inklużi migranti minn pajjiżi terzi'."

2.           Fil-paragrafu 5, il-kliem “u fl-azzjonijiet iffinanzjati mil-linji tal-baġit għas-snin finanzjarji 2012 u 2013 imsemmija fil-paragrafu 12 mill-1 ta’ Jannar 2012” huma ssostitwiti bil-kliem “, fl-azzjonijiet iffinanzjati mil-linji tal-baġit għas-snin finanzjarji 2012 u 2013 imsemmija fil-paragrafu 12 mill-1 ta’ Jannar 2012 u fl-azzjonijiet iffinanzjati mil-linja tal-baġit għas-sena finanzjarja 2014 imsemmija fil-paragrafu 13 mill-1 ta’ Jannar 2014”.

3.           Fil-paragrafi 6 u 7, il-kliem "paragrafi 8 u 12" jiġu ssostitwiti bil-kliem “il-paragrafi 8, 12 u 13”.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fil-jum wara l-aħħar notifika skont l-Artikolu 103(1) tal-Ftehim taż-ŻEE*.

Huwa japplika mill-1 ta’ Jannar 2014.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni tiġi ppubblikata fit-Taqsima taż-ŻEE, u fis-Suppliment taż-ŻEE, ta’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell,

                                                                       Għall-Kumitat Konġunt taż-ŻEE

                                                                       Il-President                                                                                                                                                                                                                                                                                             Is-Segretarji                                                                        għall-Kumitat Konġunt taż-ŻEE

*               [Mhuwa indikat l-ebda rekwiżit kostituzzjonali.] [Huma indikati rekwiżiti kostituzzjonali.]