17.3.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 89/8


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2022/438

tal-14 ta’ Marzu 2022

dwar il-pożizzjoni li għandha t tiġi adottata f’isem l-Unjoni Ewropea fi ħdan il-Kunsill Amministrattiv taċ-Ċentru Internazzjonali għas-Soluzzjoni ta’ Tilwim dwar Investiment (ICSID)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 207(4), l-ewwel subparagrafu, flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Il-Kunsill Amministrattiv taċ-Ċentru Internazzjonali għas-Soluzzjoni ta’ Tilwim dwar Investiment (ICSID) ser jivvota permezz ta’ proċedura bil-miktub dwar pakkett ta’ emendi proposti għar-regoli tal-ICSID Il-proċedura bil-miktub inbdiet fl-20 ta’ Jannar 2022 u li hija skedata li tiġi konkluża fil-21 ta’ Marzu 2022.

(2)

L-Unjoni mhijiex membru tal-ICSID. Madankollu, l-Unjoni inkorporat permezz ta’ referenza r-regoli tal-ICSID fil-ftehimiet kummerċjali u ta’ investiment tagħha li jipprevedu protezzjoni tal-investiment u soluzzjoni ta’ tilwim dwar l-investiment.

(3)

Fl-Opinjoni 2/15 tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Mejju 2017 (1), il-Qorti ċċarat li l-investiment dirett barrani jaqa’ fil-kompetenza esklużiva tal-Unjoni u li ma jistgħux jiġu stabbiliti mekkaniżmi għas-soluzzjoni ta’ tilwim dwar l-investiment mingħajr il-kunsens tal-Istati Membri.

(4)

Permezz tar-riforma tar-regoli tal-ICSID, ir-Regoli tal-Faċilità Addizzjonali tal-ICSID ser isiru potenzjalment applikabbli għal tilwim mibdi kontra organizzazzjonijiet reġjonali għall-integrazzjoni ekonomika bħall-Unjoni. L-Unjoni tuża wkoll ir-regoli tal-ICSID fit-trattati dwar l-investiment, u dawk ir-regoli jistgħu jintużaw minn investituri tal-Unjoni f’każijiet imressqa kontra pajjiżi terzi, minn investituri mhux tal-Unjoni kontra l-Istati Membri tal-Unjoni jew minn investituri mhux tal-Unjoni kontra l-Unjoni nnifisha meta jiġu ssodisfati r-rekwiżiti rilevanti tal-Konvenzjoni tal-ICSID. Għalhekk, l-emendi għar-regoli tal-ICSID ser ikollhom effetti legali fuq il-funzjonament u l-applikazzjoni ta’ ftehimiet internazzjonali konklużi mill-Unjoni u fuq it-tmexxija ta’ proċedimenti legali li għalihom l-Unjoni tista’ tkun parti. L-Unjoni, għalhekk, għandha interess partikolari fir-riforma tar-regoli tal-ICSID.

(5)

26 Stat Membru tal-Unjoni huma membri tal-ICSID. Dawn l-Istati Membri jistgħu jipparteċipaw fil-Kunsill Amministrattiv u jivvutaw dwar ir-regoli emendati fil-kuntest tal-proċedura bil-miktub.

(6)

Għalhekk, jenħtieġ li l-Kunsill jadotta l-pożizzjoni tal-Unjoni fir-rigward tal-emendi previsti tar-regoli tal-ICSID sabiex l-Istati Membri li huma Partijiet Kontraenti għall-Konvenzjoni tal-ICSID, filwaqt li jaġixxu b’mod konġunt fl-interess tal-Unjoni, ikunu jistgħu jesprimu l-pożizzjoni tal-Unjoni fil-Kunsill Amministrattiv tal-ICSID.

(7)

Fil-kuntest tal-proċedimenti tal-Konvenzjoni tal-ICSID, l-emendi jaġġornaw u jiżviluppaw ir-Regolamenti Amministrattivi u Finanzjarji tal-ICSID, ir-Regoli tal-Istituzzjoni tal-ICSID, ir-Regoli ta’ Arbitraġġ tal-ICSID u r-Regoli ta’ Konċiljazzjoni tal-ICSID. Fost oħrajn, l-emendi ser iwasslu għal aktar trasparenza tal-proċedimenti, jiċċaraw id-dispożizzjonijiet dwar iċ-ċaħda bikrija ta’ talbiet bla bażi u s-sigurtà għall-ispejjeż, u jimplimentaw obbligi ta’ divulgazzjoni għal finanzjament ta’ partijiet terzi.

(8)

Fil-kuntest tal-proċedimenti tal-Faċilità Addizzjonali tal-ICSID, l-emendi proposti jaġġornaw u jiżviluppaw ir-Regolamenti Amministrattivi u Finanzjarji tal-Faċilità Addizzjonali tal-ICSID, ir-Regoli ta’ Arbitraġġ tal-Faċilità Addizzjonali tal-ICSID u r-Regoli ta’ Konċiljazzjoni tal-Faċilità Addizzjonali tal-ICSID. Il-biċċa l-kbira tal-emendi għall-proċedimenti tal-Konvenzjoni tal-ICSID ser ikunu riflessi wkoll fir-Regoli tal-Faċilità Addizzjonali tal-ICSID. Barra minn hekk, il-kamp ta’ applikazzjoni tal-proċedimenti tal-Faċilità Addizzjonali ser jiġi estiż biex jinkludi fost oħrajn tilwim li jinvolvi organizzazzjonijiet reġjonali għall-integrazzjoni ekonomika.

(9)

Fil-kuntest tal-proċedimenti ta’ ġbir ta’ informazzjoni tal-ICSID, l-emendi proposti jaġġornaw u jiżviluppaw Regoli awtonomi ta’ Ġbir ta’ Informazzjoni tal-ICSID u Regolamenti Amministrattivi u Finanzjarji ta’ Ġbir ta’ Informazzjoni tal-ICSID.

(10)

Fil-kuntest ta‘ medjazzjoni tal-ICSID, il-proposta ta’ riforma tistabbilixxi sett ġdid ta’ Regoli ta’ Medjazzjoni tal-ICSID u Regolamenti Amministrattivi u Finanzjarji tal‘ Medjazzjoni tal-ICSID.

(11)

L-emendi jindirizzaw it-tħassib attwali espress fir-rigward tas-sistema eżistenti għas-soluzzjoni ta’ Ttlwim bejn investituri u Stati u jtejbu sostanzjalment ir-regoli tal-ICSID.

(12)

Il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni skont din id-Deċiżjoni hija mingħajr preġudizzju għall-objettiv ewlieni tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha f’dan il-qasam, jiġifieri li titkompla l-ħidma biex tinħoloq qorti tal-investiment multilaterali permanenti li tissostitwixxi s-sistema attwali ta’ arbitraġġ dwar l-investiment b’mekkaniżmu permanenti,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Filwaqt li jaġixxu b’mod konġunt fl-interess tal-Unjoni, l-Istati Membri li huma Partijiet Kontraenti għall-Konvenzjoni tal-ICSID għandhom jesprimu l-aċċettazzjoni tagħhom tal-emendi proposti għar-regoli tal-ICSID matul il-proċedura ta’ votazzjoni bil-miktub li nbdiet mill-President tal-Kunsill Amministrattiv tal-ICSID fl-20 ta’ Jannar 2022 u li hija skedata li tiġi konkluża fil-21 ta’ Marzu 2022 billi japprovaw l-erba’ abbozzi ta’ Riżoluzzjoni biex:

—

jiġu emendati r-Regolamenti u r-Regoli għall-proċedimenti tal-Konvenzjoni tal-ICSID (AC(C)/RES/1/2022);

—

jiġu emendati r-Regolamenti u r-Regoli għall-proċedimenti tal-Faċilità Addizzjonali tal-ICSID (AC(C)/RES/2/2022);

—

jiġu adottati Regolamenti u Regoli għall-proċedimenti ta’ medjazzjoni tal-ICSID (AC(C)/RES/3/2022); u

—

jiġu adottati Regolamenti u Regoli għal proċedimenti ta’ ġbir ta’ informazzjoni tal-ICSID (AC(C)/RES/4/2022).

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, l-14 ta’ Marzu 2022.

Għall-Kunsill

Il-President

É. BORNE


(1)  L-Opinjoni 2/15 tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Mejju 2017, ECLI:EU:C:2017:376.