Official Journal L 317 , 06/12/1996 P. 0013 - 0013
Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2333/96 tal-5 ta’ Diċembru 1996 li jemenda r-Regolament (KE) No 2051/96 li jistabbilixxi ċerti regoli dettaljati għall-għoti ta’ l-għajnuna għall-esportazzjoni tal-laħam taċ-ċanga u l-vitella li jista’ jibbenefika minn trattament speċjali ta’ l-importazzjoni fil-Kanada u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1445/95 IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ, Wara li kkunsidrat it-Trattat li jwaqqaf il-Komunità Ewropea, Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 805/68 tas-27 ta’ Ġunju 1968 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq tal-laħam taċ-ċanga u l-vitella [1], kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru 2222/96 [2], u b’mod partikolari l-Artikoli 9 u 13 tiegħu, Billi r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2051/96 [3] jistabbilixxi ċerti regoli dettaljati għall-esportazzjoni tal-laħam taċ-ċanga lejn il-Kanada b’mod partikolari billi jipprovdi għall-amministrazzjoni taċ-ċertifikati kull tliet xhur; billi fid-dawl tar-regoli Kanadiżi għall-implimentazzjoni tal-kwota tat-tariffa tal-WTO għal-laħam taċ-ċanga ċerti disposizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Kummissjoni (KE) Nru 2051/96 u (KE) Nru 1445/95 [4], kif l-aħħar emendati bir-Regolament (KE) Nru 2051/96, għandhom jiġu emendati; Billi l-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skond l-opinjoni tal-Kumitat ta’ l-Amministrazzjoni għal-Laħam taċ-Ċanga u l-Vitella, ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT: Artikolu 1 L-Artikolu 1(1) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2051/96 qiegħed jiġi sostitwit b’dan li ġej: "1. Dan ir-Regolament jistabbilixxi ċerti regoli dettaljati għall-applikazzjoni fir-rigward ta’ l-esportazzjoni lejn il-Kanada ta’ 5000 tunnellata metrika kull sena kalendarja ta’ laħam taċ-ċanga u l-vitella li joriġina mill-Komunità, frisk, imkessaħ jew iffriżat, li jikkwalifika għal trattament speċjali." Artikolu 2 Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1445/95 qiegħed hawnhekk jiġi emendat kif ġej: 1. L-Artikolu 12 a (6) qiegħed jiġi sostitwit b’dan li ġej: "6. Applikazzjonijiet għal-liċenzja jistgħu jitressqu biss fl-ewwel ħamest ijiem ta’ kull xahar."; 2. fl-aħħar sentenza ta’ l-Artikolu 12 a (8) il-kliem "tliet xhur" għandhom jinbidlu bil-kelma "xahar". 3. L-Artikolu 12 a (9) qiegħed jiġi sostitwit b’dan li ġej: "9. Il-liċenzji għandhom jinħargu mhux aktar tard mill-21 jum ta’ kull xahar." Artikolu 3 Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fis-seba’ jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej. Dan għandu jgħodd mill-1 ta’ Jannar 1997. Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha. Magħmul fi Brussel, fil-5 ta’ Diċembru 1996. Għall-Kummissjoni Franz Fischler Membru tal-Kummissjoni [1] ĠU L 148, tat-28.6.1968, p. 24. [2] ĠU L 296, tal-21.11.1996, p. 50. [3] ĠU L 274, tas-26.10.1996, p. 18. [4] ĠU L 143, tas-27.6.1995, p. 35. --------------------------------------------------