|
24.9.2021 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 340/378 |
RIŻOLUZZJONI (UE) 2021/1633 TAL-PARLAMENT EWROPEW
tad-29 ta’ April 2021
li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi għas-sena finanzjarja 2019
IL-PARLAMENT EWROPEW,
|
— |
wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi għas-sena finanzjarja 2019, |
|
— |
wara li kkunsidra l-Artikolu 100 u l-Anness V tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, |
|
— |
wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi, |
|
— |
wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A9-0072/2021), |
|
A. |
billi, skont id-dikjarazzjoni tad-dħul u l-infiq tiegħu (1), il-baġit finali tal-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi ("l-Istitut") għas-sena finanzjarja 2019 kien jammonta għal EUR 7 847 000, li jirrappreżenta tnaqqis ta' 1,68 % meta mqabbel mal-2018; billi l-baġit kollu tal-Istitut ġej mill-baġit tal-Unjoni; |
|
B. |
billi l-Qorti tal-Awdituri ("il-Qorti"), fir-rapport tagħha dwar il-kontijiet annwali tal-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi għas-sena finanzjarja 2019 ("ir-rapport tal-Qorti"), iddikjarat li kisbet aċċertamenti raġonevoli li l-kontijiet annwali tal-Istitut huma affidabbli u li t-tranżazzjonijiet bażi huma legali u regolari; |
Ġestjoni baġitarja u finanzjarja
|
1. |
Jinnota b'sodisfazzjon li l-isforzi ta' monitoraġġ baġitarju matul is-sena finanzjarja 2019 irriżultaw f'rata ta' implimentazzjoni tal-baġit ta' 98,96 %, li meta mqabbla mal-2018 tirrappreżenta tnaqqis ta' 0,42 %; jinnota li r-rata ta' eżekuzzjoni tal-approprjazzjonijiet ta' pagament kienet ta' 82,50 %, li tfisser żieda ta' 1,35 % meta mqabbla mas-sena preċedenti; |
|
2. |
Jirrikonoxxi tnaqqis fin-nefqa amministrattiva riportata tal-Istitut għal 28,01 % fl-2019 (meta mqabbla ma' 51,29 % fl-2016); jinnota li għall-ewwel darba r-riporti huma taħt il-livell limitu fil-mira tal-Qorti ta' 30 %; |
|
3. |
Jinnota bi tħassib li l-baġit annwali tal-Istitut, ippubblikat fl-2019 imma sussegwentement emendat, ma kienx jinkludi porzjon tad-dħul assenjat taħt l-Istrument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni; jinnota li, skont ir-rapport tal-Qorti, taħt ir-Regolament Finanzjarju, l-Istitut missu inkluda dik l-informazzjoni mal-iżvelar meħtieġ fil-baġit inizjali tiegħu li ġie ppubblikat; |
Prestazzjoni
|
4. |
Jinnota li, biex jivvaluta l-valur miżjud mill-attivitajiet tiegħu u jtejjeb il-ġestjoni tal-baġit tiegħu, l-Istitut juża ċerti indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni fir-rigward tal-objettivi operattivi u tal-ġestjoni tar-riżorsi finanzjarji u umani; jinnota wkoll li fl-2019, l-Istitut lesta 95,80 % tal-attivitajiet tad-dokument uniku ta' programmazzjoni; jilqa' l-pjan biex jiġu introdotti indikaturi tal-prestazzjoni speċifiċi għall-kejl tal-prestazzjoni ta' servizzi orizzontali; |
|
5. |
Jinnota li l-Istitut jikkoopera mal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali u mal-Eurofound għal skopijiet ta' riċerka u għat-tixrid tal-attivitajiet; jilqa' l-fatt li l-Istitut huwa parteċipi fin-network tal-aġenziji tal-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni u li jesplora aktar opportunitajiet biex jaqsam ir-riżorsi ma' aġenziji oħra; ifaħħar din il-kooperazzjoni bħala eżempju li aġenziji oħra tal-Unjoni għandhom isegwu; |
|
6. |
Jistieden lill-Istitut ikompli jiżviluppa sinerġiji u jżid il-kooperazzjoni u l-iskambju tal-aħjar prattiki ma' aġenziji oħra tal-Unjoni bil-għan li jtejjeb l-effiċjenza (ir-riżorsi umani, il-ġestjoni tal-bini, is-servizzi tal-IT u s-sigurtà). |
|
7. |
Jilqa' l-ħruġ tal-Indiċi tal-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri tal-2019, li kellu enfasi tematika speċifika fuq il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata u li jipprovdi għarfien ġdid dwar il-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u l-inizjattiva Bidu Ġdid tiegħu dwar il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata; |
|
8. |
Ifakkar fl-importanza li tiżdied id-diġitalizzazzjoni tal-Istitut f'termini ta' operazzjoni u ġestjoni interni u sabiex titħaffef id-diġitalizzazzjoni tal-proċeduri; jisħaq fuq il-ħtieġa li l-Istitut ikompli jkun proattiv f'dak ir-rigward sabiex jiġi evitat distakk diġitali bejn l-aġenziji tal-Unjoni akkost ta' kollox; jisħaq, madankollu, fuq il-ħtieġa li jittieħdu l-miżuri ta' sigurtà meħtieġa kollha biex jiġi evitat kwalunkwe riskju għas-sigurtà online tal-informazzjoni pproċessata; |
|
9. |
Jinnota l-ħidma preparatorja skedata għall-evalwazzjoni esterna li jmiss; jinnota li, minħabba l-fatt li r-rakkomandazzjonijiet tal-ewwel evalwazzjoni għadhom qed jiġu implimentati u minħabba d-daqs relattivament żgħir tal-Istitut, il-bord tal-Istitut iddifferixxa t-tieni evalwazzjoni esterna mill-2020 għall-2022 u ddeċieda li jwettaq evalwazzjoni kull seba' snin; jistieden lill-Istitut jirrapporta fuq l-iżviluppi dwar l-evalwazzjoni esterna posposta u dwar id-deċiżjoni li jitbiegħed mill-preskrizzjoni tal-Kummissjoni fl-Approċċ Komuni li jwettaq evalwazzjoni kull ħames snin; jinnota li l-Kummissjoni qieset l-evalwazzjoni posposta bħala ġustifikata kif xieraq; |
|
10. |
Ifakkar li l-Istitut ġie stabbilit biex jikkontribwixxi għall-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri fl-Unjoni u jsaħħaħha, inkluż permezz tal-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri fil-politiki kollha tal-Unjoni u fil-politiki nazzjonali li jirriżultaw, il-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni fuq bażi tal-identità tal-ġeneru u s-sensibilizzazzjoni taċ-ċittadini tal-Unjoni dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri; |
|
11. |
Jilqa' l-kooperazzjoni li għaddejja bejn l-Istitut u l-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (FEMM) tal-Parlament, b'mod partikolari l-kontribut tal-Istitut għall-isforzi li għaddejjin tal-Kumitat FEMM rigward l-impatt tal-pandemija tal-COVID-19 fuq in-nisa, il-vjolenza abbażi tal-ġeneru, il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata, il-paga ugwali u d-differenza bejn il-ġeneri fil-pensjonijiet, l-ibbaġitjar skont il-ġeneru u l-iżvilupp ta' għodda tal-parlament sensittiva għall-ġeneru; jappoġġja bis-sħiħ il-ħidma tal-Istitut, li, permezz ta' studji, riċerka u data ta' kwalità għolja, jippermetti lill-Kumitat FEMM iwettaq il-ħidma tiegħu kif xieraq; jisħaq fuq il-kontribut siewi li l-Istitut jista' jagħti lill-kumitati kollha tal-Parlament sabiex il-perspettiva tal-ġeneru tiġi integrata aħjar fil-politiki kollha tal-Unjoni u jħeġġeġ lill-Parlament jistabbilixxi kooperazzjoni dejjem aktar mill-qrib; |
|
12. |
Jilqa' l-ħidma tal-Istitut fl-2019, b'mod partikolari l-analiżi tiegħu dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri fil-parlamenti madwar l-Unjoni u fil-Parlament; |
|
13. |
Jappoġġja l-ħidma tal-Istitut fl-għoti ta' input importanti għall-appoġġ tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri fil-ħidma tal-Kummissjoni, l-Istati Membri u l-Parlament permezz tal-istudji u r-riċerka rilevanti tiegħu; |
|
14. |
Jilqa' d-Dokument Uniku ta' Programmazzjoni 2021-2023 tal-Istitut u l-objettivi u l-prijoritajiet ewlenin tiegħu; |
|
15. |
Jisħaq fuq ir-rwol ċentrali tal-Istitut fil-ġbir, l-analiżi, l-ipproċessar u t-tixrid ta' data u informazzjoni fir-rigward tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri u fl-iżvilupp, l-analiżi, l-evalwazzjoni u t-tixrid ta' għodod ta' metodoloġija sabiex jappoġġja l-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri fil-politiki kollha tal-Unjoni u l-politiki nazzjonali li jirriżultaw; iħeġġeġ il-kollaborazzjoni bejn l-Istitut u aġenziji oħra tal-Unjoni bħall-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali, filwaqt li jistieden lill-Kummissjoni tirrispetta l-missjoni speċifika tal-Istitut u tibqa' lura milli tamalgama l-Istitut ma' aġenziji oħra tal-Unjoni; |
Politika dwar il-persunal
|
16. |
Jinnota li, fil-31 ta' Diċembru 2019, 96,30 % tat-tabella tal-persunal ġiet implimentata, b'26 aġent temporanju maħtura minn total ta' 27 aġent temporanju awtorizzati mill-baġit tal-Unjoni (meta mqabbel ma' 27 post tax-xogħol awtorizzati fl-2018); jinnota li, barra minn hekk, 12-il aġent kuntrattwali u erba' esperti nazzjonali sekondati ħadmu għall-Istitut fl-2019; |
|
17. |
Jinnota li, minħabba sentenza pendenti tal-qorti dwar l-użu ta' ħaddiema interim, il-Qorti ddeċidiet li toqgħod lura milli tagħmel kwalunkwe osservazzjoni dwar il-paragrafu "kwistjoni oħra" sakemm il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea ("QĠUE") tkun ħarġet deċiżjoni finali; jinnota li fil-31 ta' Diċembru 2019 il-Qorti Suprema Litwana rreferiet sitt mistoqsijiet dwar l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2008/104/KE (2) lill-QĠUE, u li dan jista' jkollu impatt fuq l-użu li l-Aġenzija tagħmel minn ħaddiema interim fir-rigward ta' diversi aspetti, inkluża l-paga; jistieden lill-Istitut iqis serjament id-deċiżjoni tal-QĠUE, meta tkun disponibbli, u jirrapporta lura lill-Parlament dwar żviluppi ulterjuri; |
|
18. |
Jinnota li l-Istitut irrapporta każ wieħed ta' fastidju li kien qed jiġi investigat mill-2018; jinnota li l-każ, rigward ħames ex impjegati tal-Istitut li akkużaw lill-Istitut li sfrutta l-istatus ta' "impjegat temporanju", għadu pendenti u li l-Qorti Suprema Litwana għamlet mistoqsijiet lill-QĠUE; jinnota li l-każ inizjalment ġie ttrattat mill-Kumitat Litwan għat-Tilwim dwar ix-Xogħol, li ddeċieda favur il-persunal interim; |
|
19. |
Iqajjem tħassib dwar il-pretensjonijiet ta' ex ħaddiema temporanji ta' aġenzija rigward id-drittijiet tagħhom; jinnota li l-Qorti Suprema Litwana talbet lill-QĠUE tivvaluta jekk id-Direttiva 2008/104/KE tapplikax għall-Aġenziji tal-Unjoni fil-kapaċità tagħhom bħala korpi pubbliċi involuti f'attivitajiet ekonomiċi u jekk dawn jeħtiġilhomx jikkonformaw għal kollox mal-Artikolu 5(1) ta' dik id-Direttiva, li tikkonċerna d-drittijiet tal-ħaddiema temporanji ta' aġenzija għal kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-impjieg bażiċi, b'mod partikolari fir-rigward tal-paga; |
|
20. |
Jinnota bi tħassib in-nuqqas ta' bilanċ bejn il-ġeneri fuq il-bord ta' tmexxija (7 irġiel u 23 mara); jinnota bi tħassib in-nuqqas ta' rappreżentanza tal-irġiel fil-maniġment superjuri; jitlob lill-Istitut jiżgura li fil-futur ikun hemm bilanċ bejn il-ġeneri fil-livell tal-maniġment superjuri; jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jqisu l-importanza li jiżguraw bilanċ bejn il-ġeneri meta jinnominaw lill-membri tagħhom fil-bord ta' tmexxija tal-Istitut; |
|
21. |
Huwa mħasseb dwar ir-rappreżentanza żejda ta' ġeneru wieħed fil-livelli kollha fl-Istitut u jfakkar li l-kwistjonijiet tal-ġeneru mhumiex rilevanti biss għan-nisa; jistieden lill-Istitut iżid l-isforzi tiegħu għall-kisba ta' bilanċ aħjar bejn il-ġeneri; |
|
22. |
Jinkoraġġixxi lill-Istitut jaħdem għall-iżvilupp ta' qafas ta' politika fit-tul dwar ir-riżorsi umani li jindirizza l-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata, il-gwida tul il-ħajja u l-iżvilupp tal-karriera, il-bilanċ bejn il-ġeneri, it-telexogħol, il-bilanċ ġeografiku kif ukoll ir-reklutaġġ u l-integrazzjoni ta' persuni b'diżabbiltà; |
|
23. |
Jitlob li jiġi allokat finanzjament addizzjonali u adegwat lill-Istitut sabiex jiżdied l-għadd tal-ħaddiema statutorji tiegħu u tittejjeb il-kwalità tagħhom, u sabiex jissaħħu l-kapaċitajiet tal-Istitut f'termini ta' riċerka, ġbir ta' data u analiżi; |
|
24. |
Iqajjem tħassib dwar l-irregolaritajiet li sabet il-Qorti rigward l-għażla ta' esperti esterni min-naħa tal-Istitut, speċjalment li l-proċeduri użati għall-għażla u l-ikkuntrattar ta' esperti esterni sistematikament kellhom nuqqas ta' rekord tal-awditjar solidu; ifakkar li l-Istitut jeħtieġlu jikkonforma mal-prinċipji tan-nondiskriminazzjoni u t-trattament ugwali stabbiliti fl-Artikolu 237 tar-Regolament Finanzjarju; jinnota l-impenn tal-Istitut li japplika proċeduri mtejba f'sejħiet ġodda għal espressjoni ta' interess; |
Akkwist
|
25. |
Jinnota li, fl-2019, tlestew 47 proċedura ta' akkwist operazzjonali u 62 proċedura ta' akkwist amministrattiv; jinnota li l-Istitut introduċa linji gwida dwar l-akkwist biex itejjeb il-kwalità tad-dokumenti u stabbilixxa sessjoni ta' taħriġ fuq il-post tax-xogħol għall-parteċipanti ġodda u l-maniġers tal-proġetti; jinnota li fl-2019 l-Istitut introduċa s-sottomissjoni elettronika; |
|
26. |
Jinnota li l-Qorti ma sabitx rendikont tal-awditjar solidu rigward il-proċedura użata għall-għażla u l-ikkuntrattar ta' esperti esterni jew evidenza li l-esperti kienu ġew assenjati għal kompiti abbażi ta' kriterji tal-għażla definiti minn qabel li vvalutaw il-merti tagħhom meta mqabbla ma' dawk ta' kandidati potenzjali oħra; jinnota li l-Qorti tqis li l-pagamenti relatati kienu irregolari; jinnota li l-pagamenti ma jaqbżux il-livell limitu ta' materjalità; jinnota, madankollu, il-karattru sistemiku u rikorrenti tal-iżball; |
Prevenzjoni u ġestjoni tal-kunflitti ta' interess u trasparenza
|
27. |
Jinnota l-miżuri eżistenti tal-Istitut u l-isforzi li għaddejjin biex jiġu żgurati t-trasparenza, il-prevenzjoni u l-ġestjoni tal-kunflitti ta' interess, u l-protezzjoni tal-informaturi; jilqa' l-pubblikazzjoni tad-dikjarazzjonijiet ta' interess u s-CVs tal-membri tal-bord ta' tmexxija u tal-maniġment superjuri tal-Istitut fuq is-sit web tiegħu; |
Kontrolli interni
|
28. |
Jinnota li l-aħħar tliet rakkomandazzjonijiet mill-awditu tal-2017 tas-Servizz tal-Awditjar Intern rigward il-ġestjoni tar-relazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati u l-komunikazzjoni esterna ngħalqu; jinnota li r-rakkomandazzjonijiet u s-sottorakkomandazzjonijiet kollha mill-awditu tas-Servizz tal-Awditjar Intern dwar l-akkwist b'appoġġ għall-proċessi operattivi ġew konklużi fl-2019 u l-aħħar sottorakkomandazzjoni ngħalqet fil-bidu tal-2020; |
|
29. |
Jinnota bi tħassib li l-Qorti rrappurtat li l-Istitut ma wettaqx kontrolli ex-post tal-operazzjonijiet fuq l-implimentazzjoni baġitarja tiegħu mill-2016; jinnota li l-Qorti tirrakkomanda programm ta' kontroll ex-post iddedikat abbażi ta' riskji speċifiċi; |
Kummenti oħra
|
30. |
Jinnota l-isforzi tal-Istitut biex jiżgura post tax-xogħol kosteffettiv u li ma jagħmilx ħsara lill-ambjent; josserva li l-Istitut ħatar uffiċjal ekoloġiku biex inaqqas l-impatt tal-operazzjonijiet tal-Istitut fuq l-ambjent; |
|
31. |
Jinnota t-titjib li għamel l-Istitut fir-rigward tal-qsim tar-riżultati tar-riċerka tiegħu mal-pubbliku u fir-rigward tal-komunikazzjoni mal-pubbliku permezz tal-midja soċjali u ta' mezzi oħra tal-midja; |
|
32. |
Jirrimarka li huwa meħtieġ approċċ kumpless sabiex il-paġni inizjali tas-siti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni jsiru aċċessibbli għal persuni b'kull xorta ta' diżabbiltà, kif previst fid-Direttiva (UE) 2016/2102, inkluż id-disponibbiltà tal-lingwi tas-sinjali nazzjonali; jissuġġerixxi li l-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw lill-persuni b'diżabbiltà jiġu involuti f'dak il-proċess; |
|
33. |
Ifakkar fl-importanza li l-Istitut jiżviluppa viżibbiltà akbar fil-midja u fuq l-internet sabiex jagħmel xogħlu magħruf; |
|
34. |
Jilqa' l-isforzi li saru mill-Istitut biex jaħtar uffiċjal ekoloġiku sabiex jiżviluppa ambjent tax-xogħol li ma jagħmilx ħsara lill-ambjent; |
|
35. |
Jirreferi, rigward kummenti oħrajn ta' natura orizzontali li jakkumpanjaw id-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza, għar-riżoluzzjoni tiegħu tad-29 ta’ April 2021 (3) dwar il-prestazzjoni, il-ġestjoni finanzjarja u l-kontroll tal-aġenziji. |
(1) ĠU C 107, 31.3.2020, p. 112.
(2) Id-Direttiva 2008/104/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Novembru 2008 dwar xogħol temporanju permezz ta' aġenzija, (ĠU L 327, 5.12.2008, p. 9).
(3) Testi adottati, P9_TA(2021)0215.