|
29.3.2022 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 101/45 |
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/500
tal-25 ta’ Marzu 2022
li tistabbilixxi l-aggressjoni militari tar-Russja kontra l-Ukrajna bħala l-okkorrenza ta’ avveniment eċċezzjonali li jikkawża tfixkil sinifikanti tas-swieq
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2021/1139 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Lulju 2021 li jistabbilixxi l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi, is-Sajd u l-Akkwakultura u li jemenda r-Regolament (UE) 2017/1004 (1), u b’mod partikolari t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 26(2) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
L-aggressjoni militari tar-Russja kontra l-Ukrajna mill-24 ta’ Frar 2022 qed ikollha impatt fuq l-operaturi tas-settur tas-sajd u tal-akkwakultura fl-Unjoni. It-tfixkil tal-flussi kummerċjali tal-prodotti bażiċi ewlenin għas-settur tas-sajd u tal-akkwakultura mir-Russja u l-Ukrajna f’daqqa waħda aggrava ż-żieda fil-prezzijiet ta’ inputs ewlenin bħall-enerġija u l-materja prima. Il-kummerċ bejn l-Ukrajna u l-Unjoni hu wkoll affettwat serjament min-nuqqas ta’ disponibbiltà tat-trasport billi l-ajruporti Ukreni sofrew taħt l-attakk Russu u l-operazzjonijiet kollha ta’ tbaħħir kummerċjali fil-portijiet Ukreni ġew sospiżi. Din il-kriżi x’aktarx li jkollha konsegwenzi serji fuq il-provvista tal-qamħ, taż-żjut veġetali u tal-ħut abjad mill-Ukrajna u mir-Russja lejn l-Unjoni, li twassal għal żieda qawwija fil-prezzijiet tal-għalf tal-ħut li żżid mal-prezzijiet attwali dejjem jogħlew għall-enerġija, jew man-nuqqas ta’ materja prima ewlenija. Parti mill-flotta tal-Unjoni waqfet mis-sajd, minħabba t-tnaqqis fil-profittabbiltà ta’ dik l-attività u l-impossibbiltà li tiġi kkumpensata ż-żieda fl-ispejjeż tal-input. Il-bastimenti tas-sajd li joperaw fil-Baħar l-Iswed ukoll qed jiffaċċjaw it-theddida ta’ possibbiltà ta’ attivitajiet militari, u għalhekk dan qed iwassal għal sospensjoni prekawzjonarja tal-attività tagħhom. L-impatt ikkombinat ta’ dawk iż-żidiet fl-ispejjeż u n-nuqqasijiet jinħass ukoll mis-setturi tal-biedja u tal-ipproċessar tal-frott tal-baħar. Għalhekk hemm tfixkil sinifikanti fis-suq ikkawżat minn żidiet kbar fl-ispejjeż u tfixkil fil-kummerċ li jeħtieġ azzjoni effettiva u effiċjenti. |
|
(2) |
Skont l-Artikolu 26(2) tar-Regolament (UE) 2021/1139, f’ċirkostanzi bħal dawn, il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi, is-Sajd u l-Akkwakultura (FEMSA) jista’ jappoġġa l-kumpens għal ċerti spejjeż li ma humiex eliġibbli b’xi mod ieħor għal tali kumpens, għall-operaturi tas-settur tas-sajd u tal-akkwakultura għall-introjtu li jkunu tilfu jew għall-ispejjeż addizzjonali, u għall-organizzazzjonijiet tal-produtturi u l-assoċjazzjonijiet tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi rikonoxxuti li jaħżnu l-prodotti tas-sajd f’konformità mal-Artikoli 30 u 31 tar-Regolament (UE) Nru 1379/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2). |
|
(3) |
F’konformità mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 26(2) tar-Regolament (UE) 2021/1139, ir-reġim ta’ appoġġ speċifiku, f’każ ta’ tali tfixkil sinifikanti tas-swieq, huwa limitat għall-objettiv speċifiku tal-promozzjoni tal-kummerċjalizzazzjoni, tal-kwalità u tal-valur miżjud tal-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura, kif ukoll tal-ipproċessar ta’ dawk il-prodotti. F’konformità mat-tieni subparagrafu ta’ dak l-Artikolu 26(2), ir-reġim ta’ appoġġ japplika biss meta l-Kummissjoni tistabbilixxi l-okkorrenza ta’ avveniment eċċezzjonali li jikkawża tali tfixkil. |
|
(4) |
Huwa għalhekk xieraq li jiġi stabbilit li l-aggressjoni militari tar-Russja kontra l-Ukrajna hija avveniment eċċezzjonali li jikkawża tfixkil sinifikanti tas-swieq. |
|
(5) |
Skont l-Artikolu 39 tar-Regolament (UE) 2021/1139, il-kumpens għal spejjeż addizzjonali jew dħul mitluf u kumpens ieħor previst skont dak ir-Regolament għandhom jingħataw fi kwalunkwe waħda mill-forom imsemmija fil-punti (b) sa (e) tal-Artikolu 53(1) tar-Regolament (UE) 2021/1060 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3). Il-metodoloġiji stabbiliti mill-Istati Membri għal dan il-għan għandhom jikkonformaw mal-Artikolu 53(3) ta’ dak ir-Regolament. |
|
(6) |
Skont l-Artikolu 63(2) tar-Regolament (UE) 2021/1060, in-nefqa hija eliġibbli għal kontribuzzjoni mill-FEMSA jekk din tkun saret minn benefiċjarju u tħallset waqt l-implimentazzjoni tal-operazzjonijiet bejn id-data tal-preżentazzjoni tal-programm tal-FEMSA mill-Istat Membru lill-Kummissjoni jew mill-1 ta’ Jannar 2021, skont liema data tiġi l-ewwel, u l-31 ta’ Diċembru 2029. Madankollu, in-nefqa mġarrba bħala riżultat tat-tfixkil tas-swieq ikkawżat mill-avveniment eċċezzjonali li l-okkorrenza tiegħu hija stabbilita b’din id-Deċiżjoni jenħtieġ li tkun eliġibbli għall-appoġġ skont l-Artikolu 26(2) tar-Regolament (UE) 2021/1139 mill-24 ta’ Frar 2022, li hija d-data meta bdiet l-aggressjoni militari tar-Russja kontra l-Ukrajna. Fir-rigward tat-tiġrib tan-nefqa, billi l-effetti tat-tfixkil tas-swieq x’aktarx li jaffettwaw lill-operaturi tas-setturi tas-sajd u tal-akkwakultura għal diversi xhur, in-nefqa jenħtieġ li tkun eliġibbli jekk issir sal-31 ta’ Diċembru 2022. |
|
(7) |
Fid-dawl tal-ħtieġa ta’ implimentazzjoni rapida tal-appoġġ imsemmi fl-Artikolu 26(2) tar-Regolament (UE) 2021/1139, din id-Deċiżjoni jenħtieġ li tidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tagħha, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Għall-finijiet tal-Artikolu 26(2) tar-Regolament (UE) 2021/1139, l-aggressjoni militari tar-Russja kontra l-Ukrajna mill-24 ta’ Frar 2022 għandha titqies bħala l-okkorrenza ta’ avveniment eċċezzjonali li jikkawża tfixkil sinifikanti tas-swieq.
Artikolu 2
In-nefqa, li l-appoġġ tagħha huwa permess bħala riżultat ta’ din id-Deċiżjoni, għandha tkun eliġibbli jekk issir bejn l-24 ta’ Frar u l-31 ta’ Diċembru 2022, u titħallas sal-31 ta’ Diċembru 2029.
Artikolu 3
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Magħmul fi Brussell, il-25 ta’ Marzu 2022.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 247, 13.7.2021, p. 1.
(2) Ir-Regolament (UE) Nru 1379/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fil-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1184/2006 u (KE) Nru 1224/2009 u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 104/2000 (ĠU L 354 28.12.2013, p. 1).
(3) Ir-Regolament (UE) 2021/1060 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ġunju 2021 li jistipula dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew Plus, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi, is-Sajd u l-Akkwakultura u r-regoli finanzjarji għalihom u għall-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni, il-Fond għas-Sigurtà Interna u l-Istrument għall-Appoġġ Finanzjarju għall-Ġestjoni tal-Fruntieri u l-Politika dwar il-Viżi (ĠU L 231, 30.6.2021, p. 159).