European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
tal-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje C


C/2026/3921

1.9.2026

RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

tal-10 ta’ Lulju 2026

dwar il-politika ekonomika, soċjali, tal-impjiegi, strutturali u baġitarja tal-Greċja

(C/2026/3921)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 121(2) u l-Artikolu 148(4) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2024/1263 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2024 dwar il-koordinazzjoni effettiva tal-politiki ekonomiċi u dwar is-sorveljanza baġitarja multilaterali u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 3(3) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Novembru 2011 dwar il-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi (2), u b'mod partikolari l-Artikolu 6(1) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew,

Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Impjiegi,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Politika Ekonomika,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) 2024/1263 jispeċifika l-objettivi tal-qafas ta' governanza ekonomika, li għandu l-għan li jippromwovi finanzi pubbliċi sodi u sostenibbli, tkabbir sostenibbli u inklużiv u reżiljenza permezz ta' riformi u investimenti, kif ukoll li jevita defiċits eċċessivi tal-gvern. Ir-Regolament jistipula li l-Kunsill u l-Kummissjoni jwettqu sorveljanza multilaterali fil-kuntest tas-Semestru Ewropew f'konformità mal-objettivi u r-rekwiżiti stipulati fit-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE). Is-Semestru Ewropew jinkludi, b'mod partikolari, il-formulazzjoni u s-sorveljanza tal-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż.

(2)

Fil-25 ta' Novembru 2025, il-Kummissjoni adottat opinjoni dwar l-abbozz ta' pjan baġitarju tal-2026 tal-Greċja. Fl-istess data, abbażi tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011, il-Kummissjoni adottat ir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta' Twissija tal-2026, li fih identifikat lill-Greċja bħala wieħed mill-Istati Membri li għalih ikun meħtieġ rieżami fil-fond. Il-Kummissjoni adottat ukoll rakkomandazzjoni għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro, rakkomandazzjoni għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-kapital uman fl-Unjoni Ewropea, u proposta għar-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi tal-2026, li tanalizza l-implimentazzjoni tal-Linji Gwida dwar l-Impjiegi u l-prinċipji tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali. Il-Kunsill adotta r-Rakkomandazzjoni dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro (3) fil-21 ta' April 2026 u r-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi, u r-Rakkomandazzjoni dwar il-kapital uman fid-9 ta' Marzu 2026.

(3)

Fid-29 ta' Jannar 2025, il-Kummissjoni ppubblikat il-Boxxla għall-Kompetittività, qafas strateġiku li għandu l-għan li jagħti spinta lill-kompetittività globali tal-UE matul il-ħames snin li ġejjin. Din tidentifika t-tliet imperattivi trasformattivi tal-innovazzjoni, id-dekarbonizzazzjoni u l-kompetittività, u s-sigurtà bħala pilastri kritiċi għat-tkabbir ekonomiku sostenibbli. Minn mindu ġiet ippubblikata, il-Boxxla għall-Kompetittività informat il-ħidma tas-Semestru Ewropew, li jiżgura li l-politiki ekonomiċi tal-Istati Membri jkunu konsistenti mal-objettivi strateġiċi tal-UE, u li jinħoloq approċċ unifikat għall-governanza ekonomika li jrawwem it-tkabbir sostenibbli, l-innovazzjoni u r-reżiljenza madwar l-Unjoni.

(4)

Fl-2026, is-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika jkompli jiżviluppa flimkien mal-istadju finali tal-implimentazzjoni tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (RRF) (4). F'dawn l-aħħar ftit snin, il-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza (RRPs), flimkien mal-finanzjament tal-politika ta' koeżjoni, kienu essenzjali għat-twettiq tal-prijoritajiet ta' politika taħt is-Semestru Ewropew, peress li l-pjanijiet kienu meħtieġa biex jiġu indirizzati b'mod effettiv l-isfidi kollha jew subsett sinifikanti ta' sfidi identifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż rilevanti maħruġa f'ċikli reċenti, u l-programmi ffinanzjati mill-politika ta' koeżjoni Ewropea kienu meħtieġa jqisu r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż. Hekk kif l-RRF qiegħda toqrob lejn tmiem il-ħajja tagħha, jibqa' essenzjali li jiġu sostnuti u żviluppati r-riformi appoġġati u implimentati taħtha, inkluż biex jiġu żgurati l-konsistenza u l-kontinwità bejn l-RRP u l-Pjanijiet SNR futuri.

(5)

Fit-3 ta' Ġunju 2026, il-Kummissjoni ppubblikat ir-rapport tal-pajjiż tal-2026 għall-Greċja. Dan evalwa l-progress li għamlet il-Greċja fl-indirizzar tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tal-2025 u ħa kont tal-implimentazzjoni tal-RRP mill-Greċja. Abbażi ta' dik l-evalwazzjoni, ir-rapport tal-pajjiż identifika l-aktar sfidi urġenti li qed tiffaċċa l-Greċja. Il-Kummissjoni evalwat ukoll il-progress li għamlet il-Greċja fl-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u fil-kisba tal-miri ewlenin tal-Unjoni dwar l-impjiegi, il-ħiliet u t-tnaqqis tal-faqar u tal-esklużjoni soċjali, kif ukoll il-progress biex jinkisbu l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti.

(6)

Il-Kummissjoni wettqet analiżi fil-fond skont l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011 għall-Greċja. Is-sejbiet ewlenin tal-valutazzjoni tal-persunal mill-Kummissjoni tal-vulnerabbiltajiet makroekonomiċi għall-Greċja għall-finijiet ta' dak ir-Regolament ġew ippubblikati fl-20 ta' Mejju 2026 (5). Fit-3 ta' Ġunju 2026, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-Greċja ma għadhiex qed tesperjenza żbilanċi makroekonomiċi. B'mod partikolari, il-vulnerabbiltajiet relatati mad-dejn tal-gvern u dak estern naqsu matul dawn l-aħħar snin, appoġġati minn tkabbir kostanti tal-PDG, b'surpluses baġitarji li komplew jikkontribwixxu għal tnaqqis fid-dejn tal-gvern; il-karti tal-bilanċ tal-banek tjiebu; id-defiċit fil-kont kurrenti għadu mdaqqas, iżda l-finanzjament favorevoli tiegħu jtaffi r-riskji għas-sostenibbiltà esterna. Il-Greċja implimentat riformi rilevanti biex tnaqqas il-vulnerabbiltajiet tagħha li ilhom jeżistu. Filwaqt li baqa' għoli, il-proporzjon tad-dejn tal-gvern għall-PDG kompla jonqos bis-saħħa ta' politika fiskali prudenti u tkabbir tal-PDG, li appoġġa wkoll titjib tal-pożizzjoni ta' investiment internazzjonali netta li kienet negattiva. Kemm il-proporzjon tad-dejn tal-gvern kif ukoll tad-dejn estern huma mistennija li jkomplu jonqsu. Id-defiċit fil-kont kurrenti baqa' għoli u mhuwiex mistenni li jitjieb din is-sena, iżda l-finanzjament tal-Unjoni Ewropea u l-finanzjament privat li ma jiġġenerax dejn huma mistennija li jkopru sehem kbir minnu. Is-suq tax-xogħol tjieb, bir-rata tal-qgħad tkompli tonqos u laħqet l-aktar livell baxx tagħha mill-2009 'l hawn. Matul dawn l-aħħar snin, il-banek naddfu l-karti tal-bilanċ tagħhom. Madankollu, ir-ristrutturar ta' self li ma jrendix miżmum minn servizzjanti barra mis-settur bankarju għadu kajman. Il-progress ġenerali tal-politika kien b'saħħtu u indirizza l-vulnerabbiltajiet ewlenin, u l-gvern adotta firxa wiesgħa ta' miżuri biex itejjeb l-ambjent tan-negozju, is-suq tax-xogħol, u l-amministrazzjoni tat-taxxa. Meta wieħed iħares 'il quddiem, iż-żamma ma' politiki fiskali sodi tgħin biex ikompli jitnaqqas id-dejn tal-gvern u filwaqt li għad hemm sfidi strutturali relatati mal-produttività tax-xogħol, is-Semestru Ewropew ser jipprovdi l-qafas għall-monitoraġġ tal-progress fir-riformi strutturali.

(7)

Fil-21 ta' Jannar 2025, il-Kunsill, fuq il-valutazzjoni u r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni, adotta Rakkomandazzjoni li tapprova l-pjan fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju tal-Greċja (6). Il-pjan ikopri l-perjodu mill-2025 sal-2028 u jippreżenta aġġustament fiskali mifrux fuq erba' snin. Il-Kunsill irrakkomanda r-rati massimi ta' tkabbir li ġejjin tan-nefqa netta: 3,7 % fl-2025, 3,6 % fl-2026, 3,1 % fl-2027, u 3,0 % fl-2028, li jikkorrispondu għar-rati ta' tkabbir kumulattiv massimi kkalkulati b'referenza għas-sena bażi tal-2023 ta' 6,5 % fl-2025, 10,3 % fl-2026, 13,7 % fl-2027, u 17,1 % fl-2028.

(8)

Il-gwerra ta' aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna u r-riperkussjonijiet tagħha jikkostitwixxu sfida eżistenzjali għall-Unjoni Ewropea. Il-Kummissjoni stiednet lill-Istati Membri jitolbu l-attivazzjoni tal-klawżola liberatorja nazzjonali tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir b'mod koordinat biex jappoġġaw l-isforzi tal-UE biex tikseb żieda rapida u sinifikanti fl-infiq fid-difiża (7) u din il-proposta ntlaqgħet mill-Kunsill Ewropew tas-6 ta' Marzu 2025. Wara t-talba tal-Greċja, fit-8 ta' Lulju 2025 il-Kunsill, fuq rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni, adotta Rakkomandazzjoni li tippermetti lill-Greċja tiddevja mir-rati massimi ta' tkabbir rakkomandati tan-nefqa netta (8). Il-perjodu meta tiġi attivata l-klawżola liberatorja nazzjonali (2025–2028) jippermetti lill-Greċja tipprijoritizza mill-ġdid in-nefqa tal-gvern jew iżżid id-dħul tal-gvern sabiex in-nefqa tad-difiża ogħla fit-tul ma tipperikolax is-sostenibbiltà fiskali fit-terminu medju.

(9)

Fit-30 ta' April 2026, il-Greċja ppreżentat ir-Rapport ta' Progress Annwali tagħha tal-2026 (9) dwar l-aderenza mar-rati massimi ta' tkabbir rakkomandati tan-nefqa netta u l-implimentazzjoni ta' riformi u investimenti li jirrispondu għall-isfidi ewlenin identifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tas-Semestru Ewropew. Ir-Rapport ta' Progress Annwali jirrifletti wkoll ir-rappurtar biannwali tal-Greċja dwar il-progress li sar fl-implimentazzjoni tal-pjan tagħha għall-irkupru u r-reżiljenza f'konformità mal-Artikolu 27 tar-Regolament (UE) 2021/241.

(10)

It-tkabbir tal-PDG reali fl-2025 kien ta' 2,1 % u l-inflazzjoni tal-HICP kienet ta' 2,9 %. It-Tbassir tar-Rebbiegħa 2026 tal-Kummissjoni jipprojetta li l-PDG reali jikber bi 1,8 % fl-2026 u 1,6 % fl-2027, u l-inflazzjoni tal-HICP ser tkun ta' 3,7 % fl-2026 u 2,4 % fl-2027.

(11)

Abbażi tad-data pprovduta mill-Eurostat (10), is-surplus tal-gvern estiż tal-Greċja żdied minn 1,3 % tal-PDG fl-2024 għal 1,7 % tal-PDG fl-2025, filwaqt li s-surplus primarju tagħha żdied minn 4,8 % tal-PDG għal 4,9 % fl-2025. Iż-żieda fis-surplus fl-2025 tirrifletti prinċipalment nefqa aktar baxxa fuq l-imgħax u nfiq kurrenti mrażżan, flimkien ma' dħul ogħla mill-VAT minkejja l-implimentazzjoni ta' miżuri espansjonarji (0,6 % tal-PDG), inkluż tnaqqis fil-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali, pagi ogħla tas-settur pubbliku, u appoġġ immirat għall-unitajiet domestiċi. Abbażi ta' miżuri ta' politika magħrufa sad-data limitu tat-tbassir, it-Tbassir tar-Rebbiegħa 2026 tal-Kummissjoni jipprojetta surplus ta' 0,8 % tal-PDG fl-2026 u 0,6 % tal-PDG fl-2027. It-tnaqqis fis-surplus fl-2026 jirrifletti prinċipalment l-impatt tat-tnaqqis fit-taxxa (taxxa fuq l-introjtu personali, taxxa fuq il-proprjetà u VAT), żidiet fil-pensjonijiet u fil-pagi tas-settur pubbliku, kif ukoll nefqa ogħla fid-difiża u miżuri temporanji ta' appoġġ għall-enerġija. It-tnaqqis ulterjuri fis-surplus fl-2027 jirrifletti prinċipalment l-impatt ta' sena sħiħa tal-pakkett fiskali espansjonarju tal-2026, tnaqqis ulterjuri fil-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali, u żidiet addizzjonali fil-pagi tas-settur pubbliku.

(12)

Fuq il-bażi tal-istimi tal-Kummissjoni, il-pożizzjoni fiskali (11), li tinkludi n-nefqa ffinanzjata kemm nazzjonalment kif ukoll mill-UE, kienet espansjonarja, b'0,8 % tal-PDG fl-2025. Hija pprojettata li tkun espansjonarja, b'2,8 % tal-PDG fl-2026, u restrittiva b'1,5 % tal-PDG fl-2027.

(13)

Abbażi tad-data pprovduta mill-Eurostat (12), id-dejn tal-gvern estiż tal-Greċja naqas minn 154,2 % tal-PDG fi tmiem l-2024 għal 146,1 % tal-PDG fi tmiem l-2025. It-tnaqqis fil-proporzjon tad-dejn fl-2025 kien prinċipalment xprunat mit-tkabbir tal-PDG nominali u mis-surplus baġitarju. Abbażi ta' miżuri ta' politika magħrufa fid-data limitu tat-tbassir, it-Tbassir tar-Rebbiegħa 2026 tal-Kummissjoni jipprojetta li l-proporzjon tad-dejn għall-PDG jonqos għal 140,7 % sa tmiem l-2026 u li jkompli jonqos għal 134,4 % sa tmiem l-2027.

(14)

Abbażi tad-data tal-Eurostat (13), in-nefqa totali fid-difiża tal-gvern estiż fil-Greċja ammontat għal 2,4 % tal-PDG fl-2025, li tikkorrispondi għal żieda ta' 0,2 punti perċentwali tal-PDG meta mqabbla mas-sena ta' referenza 2024. Skont it-Tbassir tar-Rebbiegħa 2026 tal-Kummissjoni, hija projettata li tkun fil-livell ta' 2,6 % tal-PDG fl-2026, li jikkorrispondi għal żieda ta' 0,4 punti perċentwali tal-PDG meta mqabbla mal-2024 (14).

(15)

L-Unjoni tkompli tiffaċċa riskji ta' interruzzjonijiet fil-provvista tal-enerġija u volatilità għolja tal-prezzijiet, aggravati minn tensjonijiet ġeopolitiċi li jaffettwaw is-swieq globali taż-żejt u tal-gass. L-esperjenza mill-kriżi tal-enerġija tal-2022–2023 uriet li miżuri wiesgħa u mhux immirati jinvolvu kostijiet fiskali kbar u huma soċjalment u ekonomikament ineffiċjenti. Minn mindu faqqgħet il-gwerra fil-Lvant Nofsani fi Frar 2026, il-Greċja adottat miżuri ta' politika fiskali biex ittaffi l-impatt tal-prezzijiet għoljin tal-enerġija fuq l-unitajiet domestiċi u d-ditti (15). Dawn jinkludu taħlita ta' trasferimenti soċjali u miżuri ta' appoġġ għall-prezzijiet, b'mod partikolari sussidju tad-diżil mhux immirat (EUR 0,16 għal kull litru) u pass tal-fjuwil immirat li jipprovdi EUR 50–60 għal kull vettura għal April-Mejju 2026, kif ukoll sussidju mmirat għall-fertilizzanti lill-bdiewa li jkopri 15 % tal-kostijiet għas-settur agrikolu għall-perjodu minn April sa Awwissu 2026. Appoġġ addizzjonali jinkludi trasferiment immirat ta' darba lill-familji bit-tfal (EUR 150 għal kull wild) u kumpens lill-operaturi tal-laneċ biex irażżnu l-kostijiet tat-trasport. Skont it-Tbassir tar-Rebbiegħa 2026 tal-Kummissjoni, il-kost fiskali ta' dawn il-miżuri huwa pprojettat li jammonta għal 0,2 % tal-PDG fl-2026. Skont l-istimi tal-Kummissjoni, jekk dawn il-miżuri kellhom jibqgħu fis-seħħ sa tmiem l-2026, il-kost fiskali tagħhom jammonta għal 0,6 % tal-PDG fl-2026.

(16)

Abbażi tal-kalkoli tal-Kummissjoni, in-nefqa netta fil-Greċja kibret bi 3,0 % fl-2025 u b'2,8 % b'mod kumulattiv matul l-2024 u l-2025. It-tkabbir fin-nefqa netta fl-2025 huwa taħt it-tkabbir massimu rakkomandat. Meta jitqiesu l-2024 u l-2025 flimkien, ir-rata kumulattiva ta' tkabbir tan-nefqa netta hija wkoll taħt ir-rata massima ta' tkabbir rakkomandata.

(17)

Abbażi tal-kalkoli tal-Kummissjoni, in-nefqa netta fil-Greċja hija pprojettata li tikber b'7,3 % fl-2026 u b'10,4 % b'mod kumulattiv matul l-2024, l-2025 u l-2026. It-tkabbir ipprojettat fin-nefqa netta fl-2026 huwa ogħla mir-rata massima ta' tkabbir rakkomandata, li tikkorrispondi għal devjazzjoni ta' 1,5 % tal-PDG f'termini annwali. Meta jitqiesu l-2024, l-2025 u l-2026 flimkien, ir-rata ta' tkabbir kumulattiv projettata tan-nefqa netta hija wkoll ogħla mir-rata massima ta' tkabbir rakkomandata, li tikkorrispondi għal devjazzjoni ta' 0,2 % tal-PDG f'termini kumulattivi. Madankollu, id-devjazzjoni pprojettata hija fi ħdan il-flessibbiltà tal-klawżola liberatorja nazzjonali bbażata fuq il-projezzjonijiet attwali għall-infiq fid-difiża.

(18)

Iċ-ċentralizzazzjoni u d-diġitalizzazzjoni tal-amministrazzjoni tat-taxxa u doganali kienu kruċjali biex tiżdied il-konformità mar-regoli tat-taxxa, bl-introduzzjoni ta' għodod diġitali u sistemi ta' konformità msaħħa, anke bħala parti mill-RRP, li naqqsu b'mod sinifikanti d-diskrepanza fil-konformità mal-VAT. Biex jiġi sostnut dan il-progress, huwa essenzjali li jibqa' jsir investiment, inkluż f'sistemi tal-IT żviluppati bl-appoġġ tal-RRF, billi jiġu allokati biżżejjed riżorsi għall-manutenzjoni tas-sistema u għall-kapaċità interna. Fl-istess ħin, is-sistema fiskali għadha tinkludi għadd kbir ta' nefqiet tat-taxxa (1 236 każ fl-2025) b'impatt baġitarju sinifikanti, li jżid il-kumplessità għas-sistema fiskali u għandu implikazzjonijiet għall-effiċjenza tad-dħul. Evalwazzjoni sistematika tan-nefqiet tat-taxxa twitti t-triq għar-razzjonalizzazzjoni tan-nefqiet tat-taxxa, u b'hekk ittejjeb it-trasparenza ġenerali tas-sistema fiskali u tappoġġa s-sostenibbiltà fiskali. Huma meħtieġa wkoll aktar sforzi fl-amministrazzjoni doganali. Filwaqt li ċ-ċentralizzazzjoni li għaddejja tal-amministrazzjoni doganali żiedet id-dħul doganali minkejja importazzjonijiet ġeneralment aktar baxxi, it-tlestija taċ-ċentralizzazzjoni tal-ispezzjonijiet, it-tisħiħ tal-kapaċità operazzjonali u l-espansjoni tal-infrastruttura f'punti ta' dħul ewlenin, inkluż il-Port ta' Piraeus, mistennijin ikomplu jtejbu l-infurzar u l-ġbir tad-dħul.

(19)

Il-Greċja kompliet tieħu passi biex timmodernizza l-amministrazzjoni pubblika tagħha. Wara aġġustament sinifikanti wara l-2010, id-daqs u l-kost tal-amministrazzjoni pubblika ġew allinjati b'mod ġenerali mal-medja tal-UE. Il-kont tal-pagi tas-settur pubbliku tal-Greċja baqa' ġeneralment stabbli fl-2025 għal 10,2 % tal-PDG, kemxejn inqas mill-medja tal-UE (10,3 % tal-PDG). Biex dan jiġi sostnut, huwa kruċjali li tkompli tiġi applikata l-grilja tal-pagi unifikata, filwaqt li jinżammu l-livelli kurrenti tal-persunal, inkluż għall-persunal temporanju. Il-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza fih miżuri biex itejbu l-effettività tal-amministrazzjoni pubblika, inkluż qafas ta' governanza f'diversi livelli adottat fl-2023, li huwa mistenni li jtejjeb il-koordinazzjoni bejn l-amministrazzjonijiet ċentrali, reġjonali u lokali, pereżempju fil-ġestjoni tal-ilma u fil-protezzjoni ċivili. Il-Greċja hija mistennija tibda tapplika l-qafas ta' governanza ladarba tkun adottat liġi kodifikata li ser iġġib ir-responsabbiltajiet kollha tal-amministrazzjoni reġjonali u lokali taħt qafas legali uniku, li huwa mistenni li jidħol fis-seħħ fl-2026.

(20)

Sar progress biex jitnaqqas is-self li ma jrendix fuq il-karti bilanċjali tal-banek, iżda r-riżoluzzjoni tal-NPLs li fadal, li bħalissa huma fil-biċċa l-kbira ġestiti mis-servizzjanti tal-kreditu, imxiet b'pass kajman. Ostakli ġudizzjarji, bħad-durata twila tas-soluzzjoni ġudizzjarja ta' tilwim ta' qabel u ta' wara l-irkant, jirriżultaw f'interess baxx ta' partijiet terzi u rkantijiet mingħajr suċċess, li jdewmu l-likwidazzjonijiet tal-kollateral. Id-dewmien imsemmi hawn fuq fil-proċedimenti ta' likwidazzjoni u d-dissważjoni li tirriżulta tax-xerrejja potenzjali milli jipparteċipaw fl-irkantijiet jimminaw l-effiċjenza ġenerali tal-qafas tar-riżoluzzjoni tad-dejn, filwaqt li dan iwassal ukoll għal provvista effettiva tal-proprjetajiet aktar baxxa. Id-dewmien jaggrava wkoll il-kriżi tal-affordabbiltà tal-akkomodazzjonijiet, peress li ħafna residenzi vakanti huma maqbuda fi proċessi relatati mal-infurzar tad-dejn. Il-miżuri proċedurali adottati reċentement għandhom l-għan li jindirizzaw il-problemi msemmija hawn fuq billi jaċċelleraw is-soluzzjoni tat-tilwim ta' qabel u ta' wara l-irkant, bħal (i) simplifikazzjonijiet proċedurali, (ii) miżuri biex tiġi evitata konċentrazzjoni sproporzjonata ta' litigazzjoni relatata mal-infurzar fiż-żoni metropolitani u (iii) pjattaforma diġitali biex isir progress deċiżiv fid-dati tas-smigħ remot; madankollu, l-effettività tagħhom għadha ma tistax tiġi aċċertata.

(21)

L-involviment sistematiku, sinifikattiv u f'waqtu tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, is-sħab soċjali, is-soċjetà ċivili u partijiet ikkonċernati rilevanti oħra jibqa' essenzjali sabiex tiġi żgurata sjieda wiesgħa għall-implimentazzjoni b'suċċess tal-istrumenti ta' finanzjament tal-Unjoni, kif ukoll fil-kuntest tas-Semestru Ewropew.

(22)

Fil-Greċja, l-implimentazzjoni tal-programmi ta' politika ta' koeżjoni, li jinkludu appoġġ mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR), il-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta (JTF), il-Fond Soċjali Ewropew Plus (FSE+) u l-Fond ta' Koeżjoni (FK), hija ogħla mill-pass medju fil-livell tal-UE, kemm f'termini tal-għażla tal-proġetti kif ukoll tal-pagamenti. Huwa importanti li jinżamm il-momentum attwali, filwaqt li jiġi massimizzat l-impatt tal-investimenti fil-prattika. Il-Greċja diġà qed tieħu azzjoni taħt il-programmi tal-politika ta' koeżjoni tagħha biex tagħti spinta lill-kompetittività u t-tkabbir. Madankollu, xi oqsma jistgħu jeħtieġu aktar attenzjoni fl-implimentazzjoni, inkluż dawk relatati mal-innovazzjoni, l-immaniġġjar tal-iskart, it-trasport urban pubbliku, il-ferroviji u miżuri bbażati fuq il-post biex il-kapital uman jinżamm barra mir-reġjun kapitali u jiġi indirizzat it-tnaqqis demografiku f'reġjuni inqas żviluppati. Huwa essenzjali li jiġi żgurat li l-investimenti l-ġodda identifikati mill-Greċja fir-rieżami ta' nofs it-terminu tagħha tal-fondi tal-politika ta' koeżjoni, b'mod partikolari dawk marbuta mal-ħames prijoritajiet identifikati fir-Regolament dwar ir-Rieżami ta' Nofs it-Terminu (16), jintużaw malajr u b'mod effettiv.

(23)

Il-Greċja qed tiffaċċa diversi sfidi relatati mal-piż regolatorju, ostakli għad-dħul fis-swieq tal-prodotti u tas-servizzi, frammentazzjoni tal-politika tar-riċerka, proċedimenti ġudizzjarji twal u inċertezza minħabba nuqqas ta' pjanijiet li jiddefinixxu l-użi tal-art, għalkemm reċentement ittieħdu azzjonijiet politiċi f'uħud minn dawn l-oqsma.

(24)

Il-Greċja tejbet il-qafas regolatorju tagħha u implimentat għodod diġitali biex tissimplifika l-interazzjoni tan-negozji mal-Istat, pereżempju permezz tas-simplifikazzjoni u d-diġitalizzazzjoni tal-proċess ta' liċenzjar għall-istabbiliment u l-operat ta' negozji. Madankollu, id-ditti Griegi għadhom jipperċepixxu l-konformità meħtieġa mar-regolamenti tan-negozju bħala sfida ewlenija għall-investiment, kif jidher fl-istħarriġ imwettaq mill-Bank Ewropew tal-Investiment. Il-ħruġ ta' permessi ambjentali jkompli jinvolvi diversi servizzi u qed isiru sforzi biex jitnaqqas iż-żmien għall-approvazzjoni. Raġuni waħda hija li l-qafas regolatorju għadu ma tlestiex peress li għadhom ma ġewx adottati l-atti sekondarji kollha li jippermettu proċess ta' permessi eħfef fil-każ ta' bidliet mhux sostanzjali. Barra minn hekk, jekk ikun hemm kapaċità suffiċjenti kif ukoll diġitalizzazzjoni tar-reġistru ambjentali elettroniku minn tarf sa tarf u tal-proċessi tal-permessi relatati għas-servizzi kollha involuti, dan jista' jgħin biex jitħaffef il-ħruġ tal-permessi ambjentali. Barra minn hekk, il-qafas legali għall-ftehimiet ta' konċessjoni fuq ix-xatt huwa skadut u jxekkel l-investiment fl-infrastruttura eżistenti u ġdida. B'mod partikolari, l-infrastruttura relatata ma' attivitajiet industrijali, estrattivi u attivitajiet oħra ta' appoġġ tista' tibbenefika minn qafas legali distint, minħabba r-rekwiżiti kumplessi ħafna tas-sikurezza u tal-ambjent. Inġenerali, valutazzjonijiet robusti tal-impatt regolatorju jkunu għodda ewlenija biex jiġi identifikat u indirizzat kwalunkwe piż regolatorju mhux ġustifikat. Il-piż amministrattiv fuq is-settur privat, inkluż fuq il-bdiewa, huwa mistenni jonqos permezz tat-tlestija tal-immappjar katastali u l-integrazzjoni tiegħu bħala parti mis-sistema ta' informazzjoni ewlenija tal-amministrazzjoni pubblika u tat-taxxa.

(25)

Is-servizzi professjonali, b'mod partikolari l-avukati, il-periti, l-inġiniera ċivili u l-kontabilisti jiffaċċjaw regolamenti stretti li jaffettwaw il-forniment domestiku u transfruntier ta' servizzi (fosthom rekwiżiti tad-dħul; restrizzjonijiet fuq prattiki multidixxiplinari u reklamar; restrizzjonijiet territorjali; u, f'xi każijiet, skedi ta' tariffi fissi). Dawn is-servizzi professjonali għandhom ukoll proporzjon baxx ta' ħruġ mid-ditti. Bl-istess mod, għad hemm restrizzjoni regolatorja għall-kummerċ intra-UE, speċjalment rekwiżiti għall-bejgħ bl-imnut, ta' tqassim f'żoni u ta' liċenzjar. Is-settur farmaċewtiku għadu jopera taħt regoli stretti ta' stabbiliment, inkluż restrizzjonijiet fuq il-popolazzjoni u dawk ġeografiċi. Ir-regoli ta' stabbiliment speċifiċi għas-settur huma wkoll aktar restrittivi milli fl-UE kollha kemm hi fis-setturi tat-trasport u tat-telekomunikazzjoni. Fil-kuntest tas-Suq Uniku, il-kostijiet tad-dħul u tal-istabbiliment għall-investituri u għall-fornituri tas-servizzi barranin huma ogħla minħabba bidliet frekwenti fir-regoli tat-taxxa, kostijiet għoljin tal-konformità u ostakli regolatorji. Dawn ir-restrizzjonijiet huma partikolarment evidenti fis-servizzi professjonali u l-bejgħ bl-imnut, u fis-setturi tat-trasport u tan-network.

(26)

Il-ġestjoni tal-politika tar-riċerka u s-sorsi ta' finanzjament għadhom frammentati f'diversi ministeri u entitajiet pubbliċi fil-Greċja, u l-koordinazzjoni fost dawn il-korpi kienet batuta. Fir-rigward tal-aċċess għall-finanzi, l-investiment tal-kapital ta' riskju għadu ferm taħt il-medja tal-Unjoni Ewropea u l-ekwità privata lokali, u s-suq tal-kapital ta' riskju tat-tkabbir mhuwiex żviluppat. Dan jirrifletti dipendenza fuq inizjattivi appoġġjati mill-Istat aktar milli swieq privati maturi. Fl-istess ħin, filwaqt li l-aċċess għal finanzjament fl-istadju inizjali huwa ġeneralment konformi mal-pari tal-UE, ir-restrizzjonijiet fuq il-finanzjament jippersistu ladarba n-negozji ġodda joqorbu lejn l-istadju bikri jew l-istadju tat-tkabbir. Barra minn hekk, filwaqt li l-appoġġ pubbliku għar-R&Ż tan-negozji żdied, l-infiq tas-settur privat għadu lura b'mod sinifikanti meta mqabbel mal-medja tal-UE. Għall-ġejjieni, it-tisħiħ tal-governanza tal-politika tar-riċerka u l-iżgurar ta' finanzjament fit-tul tar-R&Ż jibqgħu kruċjali. Ir-restrizzjonijiet finanzjarji tad-ditti Griegi huma aggravati aktar minn pagamenti tard, b'mod partikolari mis-settur pubbliku. Is-sehem tal-SMEs li qed jiffaċċjaw pagamenti tard minn korpi pubbliċi huwa ferm ogħla mill-medja tal-UE (33 % meta mqabbel ma' 20 %).

(27)

Il-potenzjal tal-innovazzjoni tal-Greċja huwa mxekkel aktar mill-adozzjoni li għadha baxxa tat-teknoloġiji diġitali min-negozji, b'mod partikolari mill-SMEs. Minkejja l-progress li sar, id-diġitalizzazzjoni tal-SMEs għadha ferm aktar baxxa mill-medja tal-UE (55,95 % vs 71,39 % fl-2025). In-negozji inġenerali għadhom lura wkoll fl-adozzjoni ta' teknoloġiji diġitali ewlenin, bħall-intelliġenza artifiċjali (IA), il-cloud computing u l-analitika tad-data.

(28)

Il-Greċja għamlet aktar progress fit-titjib tal-effettività u tal-effiċjenza tas-sistema ġudizzjarja, billi emendat il-Kodiċi ta' Proċedura Ċivili biex ittejjeb it-tmexxija tal-proċessi ċivili u kummerċjali fl-ewwel grad u fl-istadju tal-appell u fil-kuntest tal-infurzar, kif ukoll għad-diġitalizzazzjoni tal-proċessi ġudizzjarji; anki bl-adozzjoni ta' arranġamenti ġuriżdizzjonali ġodda rigward tilwim li jirriżulta minn proċedimenti ta' akkwist pubbliku. Tħejja kodiċi ta' mekkaniżmi għas-soluzzjoni alternattiva tat-tilwim, li l-kamp ta' applikazzjoni tiegħu ser jestendi wkoll għas-soluzzjoni ta' tilwim relatat mal-akkwist pubbliku, iżda l-kodiċi għad irid jiġi ppromulgat. Filwaqt li dan l-aħħar ġew introdotti għadd ta' għodod tal-ġustizzja diġitali, l-integrazzjoni tat-teknoloġija tal-informazzjoni fi proċedimenti ġudizzjarji għadha mhix kompluta, peress li għadha limitata għal għadd ta' qrati u ma tkoprix il-flussi tax-xogħol kollha. It-tul tal-proċedimenti quddiem il-qrati ċivili, penali u amministrattivi għadu fost l-ogħla fl-UE, u dan qed jikkawża xogħol b'lura sostanzjali, li jaffettwa b'mod partikolari l-infurzar tad-drittijiet kuntrattwali u tal-proprjetà, l-implimentazzjoni tal-proċedimenti ta' infurzar u r-riżoluzzjoni tat-tilwim dwar l-akkwist pubbliku, għalkemm inkiseb progress bħala riżultat tar-riformi reċenti. Barra minn hekk, hemm lok għal aktar progress fir-reviżjoni tal-qafas legali dwar l-organizzazzjoni tal-qrati u l-istatus tal-imħallfin.

(29)

Bħalissa, madwar 20 % biss tat-territorju Grieg huwa kopert minn pjanijiet urbani lokali approvati. In-nuqqas ta' użi definiti tal-art wassal għal inċertezza dwar l-attività ekonomika permessa u għal kostruzzjoni informali li min-naħa tagħha ħolqot pressjoni mhux sostenibbli fuq l-ambjent u l-infrastruttura. Filwaqt li l-Greċja għamlet progress konsiderevoli fl-elaborazzjoni tal-pjanijiet urbani permezz tal-RRF, ir-riforma jeħtieġ li titlesta biex l-investiment jingħata stimulu.

(30)

Minkejja s-sehem dejjem akbar ta' enerġija rinnovabbli fil-produzzjoni ġenerali tal-elettriku tagħha, il-Greċja għadha dipendenti ħafna fuq il-fjuwils fossili. Il-prezzijiet tal-elettriku bl-ingrossa huma volatili, li huwa aggravat mill-iżviluppi ġeopolitiċi, li huwa partikolarment evidenti għall-Greċja minħabba l-livell għoli ta' dipendenza fuq il-gass naturali għall-ġenerazzjoni tal-elettriku. Il-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza tal-Greċja fih diversi riformi u investimenti, inkluż żieda fil-kapaċità tal-ħżin, li huma mistennija jaċċelleraw id-dekarbonizzazzjoni. Il-kapaċità tal-produzzjoni tal-enerġija rinnovabbli tista' tiġi estiża aktar biż-żieda tal-enerġija eolika lil hinn mill-kosta, u d-deżinjazzjoni taż-żoni hija pass vitali fl-iffaċilitar tal-iżvilupp tagħha. Madankollu, hemm bżonn jittieħdu aktar miżuri biex titnaqqas id-dipendenza tal-Greċja fuq il-fjuwils fossili u biex il-prezzijiet tal-elettriku jorħsu, pereżempju permezz tal-promozzjoni tar-rispons għad-domanda u t-tħaffif tal-introduzzjoni ta' arloġġi intelliġenti, it-tlestija tal-interkonnessjoni tal-gżejjer, it-tnaqqis tat-telf tan-network u l-indirizzar ta' fatturi li jikkontribwixxu għal kostijiet ogħla tal-elettriku għall-konsumaturi finali.

(31)

Il-Greċja tkompli żżomm għadd ta' sussidji għall-fjuwils fossili, bħal sussidji għall-użi industrijali, li għalihom ma ġiet stabbilita l-ebda skeda ta' żmien dettaljata dwar kif dawn is-sussidji għandhom jitneħħew gradwalment sal-2030. B'mod partikolari, is-sussidji għall-fjuwils fossili li la għandhom l-għan li jtaffu l-faqar enerġetiku u lanqas isaħħu s-sigurtà tal-enerġija, ixekklu l-proċess tal-elettrifikazzjoni u mhumiex kruċjali għall-kompetittività industrijali, jistgħu għalhekk jitqiesu bħala prijorità għall-eliminazzjoni gradwali. Fil-Greċja, f'ċerti każijiet it-tassazzjoni fuq l-enerġija tkompli tiffavorixxi l-gass naturali fuq l-elettriku, li jista' jikkontribwixxi għal sinjal tal-prezz imħallat meta jitqies is-sehem akbar tas-sorsi ta' enerġija rinnovabbli fil-produzzjoni ġenerali tal-elettriku. Il-prezzijiet finali tal-enerġija huma aktar baxxi għall-fjuwils fossili meta mqabbla mal-elettriku, bil-Greċja fost l-Istati Membri tal-UE bl-ogħla proporzjon ta' prezz tal-elettriku meta mqabbel mal-gass. Barra minn hekk, il-Greċja tibqa' l-pajjiż tal-UE fejn id-dazji tas-sisa fuq id-diżil huma partikolarment baxxi meta mqabbla mad-dazji tas-sisa fuq il-petrol, minkejja li l-fjuwil diżil jagħmel aktar ħsara lill-ambjent. Għalhekk, rikalibrazzjoni tat-taxxi fuq l-enerġija, flimkien mal-eliminazzjoni gradwali tas-sussidji għall-fjuwils fossili, tista' tipprovdi inċentivi aktar b'saħħithom għall-elettrifikazzjoni. Fl-aħħar nett, użu aktar immirat tas-sorsi ta' dħul (eż. l-ETS) jippermetti li jiġu allokati biżżejjed riżorsi għal skemi ewlenin ta' appoġġ (eż. il-kont tar-RES) kif ukoll li tiġi promossa aktar id-dekarbonizzazzjoni tal-industrija u tas-settur tat-trasport, li jkun jipprovdi kontribut ulterjuri għat-tranżizzjoni ekoloġika ġusta u inkluża tal-Greċja.

(32)

Għalkemm il-Greċja għandha waħda mill-eqdem flotot ta' vetturi fl-UE, il-flotta tal-karozzi tal-linja urbani tagħha ġiet aġġornata b'mod sinifikanti f'dawn l-aħħar snin, bl-introduzzjoni ta' għadd kbir ta' karozzi tal-linja elettriċi. Is-settur tat-trasport tal-Greċja huwa wieħed mill-emittenti ewlenin tas-CO2 tal-pajjiż. Il-Greċja tista' tibbenefika mit-tfassil ta' strateġija komprensiva, inkluż pjan ta' investiment u riformi, biex tippromwovi d-dekarbonizzazzjoni tas-settur tat-trasport billi tespandi l-użu ta' mezzi elettriċi tat-trasport, inkluż it-titjib tal-kapaċità u l-kwalità tat-trasport pubbliku urban. Barra minn hekk, billi tagħlaq il-proċeduri miftuħin għall-offerti tas-servizzi tat-trasport interreġjonali u urban bil-karozzi tal-linja, il-Greċja ser ikollha ambjent aktar sigur u favorevoli biex tippromwovi t-titjib u l-ekoloġizzazzjoni tal-flotta tal-karozzi tal-linja tagħha. It-titjib tat-terminals tal-karozzi tal-linja fil-bliet ewlenin biex jiġi promoss it-trasport intermodali jikkontribwixxi wkoll b'mod pożittiv. Barra minn hekk, it-tiġdid tal-flotta tat-tbaħħir tal-passiġġieri tal-Greċja, li aktar minn 80 % tal-vapuri tal-passiġġieri tagħha għandhom aktar minn 20 sena u li ma għandhomx teknoloġiji ekoloġiċi, joffri benefiċċji ekonomiċi u ambjentali sinifikanti. Ġie żviluppat pjan direttur għat-tiġdid tal-flotta Griega tat-tbaħħir tal-passiġġieri bħala parti mill-RRP Grieg, u dan jista' jirfed id-deċiżjonijiet ta' politika dwar it-titjib tal-bastimenti, l-infrastruttura tal-portijiet, u l-finanzjament.

(33)

Il-Greċja hija impenjata li ttejjeb is-sistema ferrovjarja nazzjonali tagħha. Ir-riforma ferrovjarja appoġġata mill-RRF li għaddejja bħalissa għandha l-għan li tagħmel is-settur ferrovjarju Grieg aktar sikur, aktar effiċjenti, integrat, modern u reattiv għad-domanda tal-klijenti, b'enfasi fuq it-tisħiħ tal-kapaċità u l-investiment mill-maniġer tal-infrastruttura. L-introduzzjoni tas-Sistema Ewropea tal-Ġestjoni tat-Traffiku Ferrovjarju u t-tisħiħ tal-kapaċità operazzjonali tal-Awtorità Regolatorja Griega għall-Ferroviji, inkluż billi jiġu indirizzati r-restrizzjonijiet tar-riżorsi, huma essenzjali biex dawn l-isforzi jħallu l-frott mixtieq. Billi tiżviluppa sistema ferrovjarja moderna u effiċjenti, il-Greċja tista' tikkapitalizza mill-pożizzjoni strateġika tagħha bħala portal bejn l-Ewropa, il-Lvant tal-Mediterran, u r-reġjun tal-Baħar l-Iswed, u tiżviluppa sistema tat-trasport affidabbli, kompetittiva u ambjentalment sostenibbli li tappoġġa l-iżvilupp reġjonali, il-koeżjoni, il-konnettività transfruntiera u t-tkabbir ekonomiku.

(34)

Il-Greċja hija partikolarment vulnerabbli għat-tibdil fil-klima u għal eventi ta' temp estrem relatati, bħal nixfiet intensi, għargħar, nirien fis-selvaġġ kif ukoll mewġiet ta' sħana. Il-frekwenza u s-severità dejjem jiżdiedu ta' dawn l-eventi jeħtieġu xogħol ta' rikostruzzjoni għali tal-infrastruttura affettwata u r-riabilitazzjoni ta' żoni agrikoli u forestali kbar. Bħalissa l-Greċja ma għandhiex strateġija komprensiva b'allokazzjoni ċara tar-responsabbiltajiet, inkluż fost l-amministrazzjonijiet reġjonali u lokali, biex tippjana u timplimenta investimenti ta' adattament għat-tibdil fil-klima. Jekk tistabbilixxi sistema ta' governanza f'diversi livelli u tintegra l-kunsiderazzjonijiet tar-reżiljenza għall-klima fl-amministrazzjoni pubblika u fis-setturi ewlenin (eż. l-enerġija u t-trasport), il-Greċja tkun qed toħloq qafas aktar favorevoli biex twettaq il-verifika tar-reżistenza klimatika meħtieġa tal-investiment infrastrutturali ewlieni b'mod sostenibbli u effettiv fil-pajjiż kollu, inkluż fir-reġjuni kostali u tal-gżejjer. Dan ikun jirrikjedi l-prijoritizzazzjoni tal-ippjanar li jqis ir-riskju u l-mobilizzazzjoni ta' investiment pubbliku u privat adegwat, b'mod partikolari f'setturi fejn il-vulnerabbiltajiet klimatiċi għadhom ma ġewx indirizzati biżżejjed, inkluż is-setturi tat-trasport u dawk li jiddependu mill-baħar, li huma esposti għal riskji klimatiċi sinifikanti. Barra minn hekk, ikun ta' benefiċċju għall-Greċja li tieħu approċċ strutturat għall-finanzjament tar-riskju ta' diżastri u li tieħu azzjoni politika ulterjuri biex iżżid ir-rata ta' kopertura tal-assigurazzjoni privata, primarjament billi tadotta u timplimenta strateġija nazzjonali għal assigurazzjoni privata kontra d-diżastri naturali. Il-kopertura tal-assigurazzjoni privata għadha waħda mill-aktar baxxi fl-UE, u d-diverġenza bejn ir-reġjun ta' Attika u reġjuni oħra hija għolja, minkejja l-miżuri li ġew introdotti fl-aħħar ftit snin, li mistennija jkollhom impatt fuq perjodu ta' żmien medju u fit-tul.

(35)

Il-Greċja hija wieħed mill-aktar pajjiżi taħt stress idriku fl-UE, bl-agrikoltura tkun il-konsumatur ewlieni tar-riżorsi tal-ilma, b'aktar minn 80 % tal-użu totali tal-ilma. Il-provvista tal-ilma tal-pajjiż tinsab taħt pressjoni sinifikanti, u s-sitwazzjoni hija aggravata minn nixfiet fit-tul, xita estrema, filwaqt li ma jeżistix qafas adegwat għall-ġbir u l-ħżin tal-ilma tal-wiċċ u tax-xita, u l-użu mill-ġdid tal-ilma mormi ttrattat huwa limitat. Fil-qafas tal-RRP tagħha, il-Greċja żviluppat Strateġija Nazzjonali ġdida dwar l-Ilma għall-użu effiċjenti u sostenibbli tar-riżorsi tal-ilma u introduċiet inizjattiva pilota għar-riorganizzazzjoni tal-fornituri ewlenin tas-servizzi tal-ilma. L-implimentazzjoni ta' din l-istrateġija, flimkien mal-investiment fl-immaniġġjar u l-infrastruttura sostenibbli tal-ilma, hija kruċjali għall-bini u ż-żamma ta' infrastruttura reżiljenti u l-promozzjoni tal-użu effiċjenti tar-riżorsi tal-ilma. Skont ir-rieżami ta' nofs it-terminu tal-politika ta' koeżjoni, il-Greċja żiedet l-allokazzjonijiet fl-investimenti fl-ilma. L-inizjattivi għall-promozzjoni tal-ġestjoni ċirkolari tal-ilma u l-ġestjoni tad-domanda, kif ukoll l-isforzi biex titqajjem kuxjenza pubblika dwar il-valur u s-sikurezza tal-ilma mormi ttrattat b'mod adegwat, jistgħu jgħinu biex tittaffa l-iskarsezza tal-ilma u tittejjeb l-effiċjenza kumplessiva tal-ġestjoni sostenibbli tal-provvista tal-ilma.

(36)

Il-Greċja qed tiffaċċa sfidi fil-ġestjoni tal-iskart. Minkejja l-introduzzjoni ta' taxxa fuq il-landfills fl-2022 u l-isforzi biex jiġu implimentati faċilitajiet għall-immaniġġjar tal-iskart, madwar 80 % tal-iskart muniċipali għadu qed jintrema fil-landfills. In-nuqqas ta' faċilitajiet ta' riċiklaġġ adegwati u l-progress limitat fiż-żieda tal-livelli ta' riċiklaġġ, li għadhom biss 17,4 % meta mqabbla ma' 48 % fl-UE, jenfasizzaw il-ħtieġa għal approċċ aktar komprensiv u integrat għall-ġestjoni tal-iskart. Sabiex jiġu indirizzati dawn l-isfidi, huwa essenzjali li jiġu aġġornati l-pjanijiet reġjonali għall-immaniġġjar tal-iskart, f'konformità mar-rekwiżiti tad-Direttiva Qafas dwar l-Iskart u li jsir investiment f'infrastruttura għall-immaniġġjar tal-iskart solidu. Dan ikun jinkludi l-adozzjoni ta' skemi ta' “ħallas skont kemm tarmi”, l-infurzar f'waqtu ta' programmi ta' ġbir separat, u t-tisħiħ tal-kapaċità tal-korpi reġjonali għall-ġestjoni tal-iskart solidu, b'mod partikolari f'żoni bħall-gżejjer fejn ir-restrizzjonijiet tal-kapaċità huma aggravati matul il-perjodi ta' turiżmu fl-eqqel tiegħu. Jekk tieħu dawn il-passi, il-Greċja tkun tista' tnaqqas id-dipendenza tagħha fuq il-landfills, iżżid il-livelli ta' riċiklaġġ, u tippromwovi prattiki ta' ġestjoni tal-iskart aktar effettivi.

(37)

Il-prestazzjoni ġenerali tal-impjiegi tal-Greċja kienet b'saħħitha fl-aħħar snin, u dan naqqas id-distakk mal-medja tal-UE. Madankollu, il-parteċipazzjoni baxxa tan-nisa fis-suq tax-xogħol qed jirriżulta f'differenza bejn il-ġeneri fl-impjiegi li hija kważi d-doppju tal-medja tal-UE. Minkejja xi titjib, il-Greċja għad għandha wkoll sehem konsiderevoli ta' żgħażagħ barra mill-edukazzjoni, impjieg jew taħriġ (13,6 % fl-2025), u l-gruppi vulnerabbli, bħal persuni b'diżabbiltà, jew Roma, jiffaċċaw diffikultajiet partikolari biex jidħlu fis-suq tax-xogħol. L-inkoraġġiment ulterjuri ta' arranġamenti tax-xogħol flessibbli u ż-żieda fis-servizzi tal-indukrar tat-tfal u tal-kura fit-tul jistgħu jwittu t-triq għal rata ogħla ta' persuni li jaħdmu, speċjalment iż-żgħażagħ, in-nisa u l-gruppi vulnerabbli, u jtejbu l-kwalità tax-xogħol. It-tisħiħ tal-politiki attivi tas-suq tax-xogħol, u l-indirizzar tal-ispariġġ fil-ħiliet billi s-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ jiġu orjentati aħjar mal-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol u billi jittejbu l-koordinazzjoni, l-effettività u l-eżiti tal-programmi ta' tagħlim għall-adulti jibqgħu wkoll kruċjali. Għalkemm qed jiġu stabbiliti oqfsa strateġiċi u bħalissa għaddejjin xi miżuri, sehem għoli tal-popolazzjoni għadu f'riskju ta' faqar u l-effettività tat-trasferimenti soċjali hija taħt il-medja tal-UE u f'dawn l-aħħar snin tnaqqret b'mod sinifikanti. Il-ħtiġijiet tal-kura medika mhux issodisfati, il-provvista baxxa ta' kura fit-tul, il-kostijiet għoljin tal-akkomodazzjoni u r-rati ta' privazzjoni jenfasizzaw il-ħtieġa għal sistema robusta ta' protezzjoni soċjali u ta' azzjoni politika ulterjuri. Id-disponibbiltà ta' servizzi soċjali u essenzjali għadha limitata għad-detriment tal-komunitajiet emarġinati u remoti.

(38)

Lil hinn mill-isfidi ekonomiċi u soċjali indirizzati mill-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza u fondi oħra tal-UE, il-Greċja taffaċċja diversi sfidi addizzjonali relatati mal-edukazzjoni. Il-parteċipazzjoni fl-edukazzjoni u l-kura bikrija tat-tfal mill-età ta' tliet snin sal-età tal-bidu tal-edukazzjoni obbligatorja fil-livell primarju għadha baxxa. Fl-2019 (l-aħħar data tal-Eurostat għall-Greċja), il-Greċja kklassifikat l-aħħar fost l-Istati Membri tal-UE f'termini ta' rata ta' reġistrazzjoni, filwaqt li n-nuqqas ta' data aktar reċenti jagħmilha diffiċli li jiġi mmonitorjat il-progress. Il-parteċipazzjoni fl-edukazzjoni u l-kura bikrija tat-tfal f'etajiet aktar baxxi wkoll għadha baxxa. Fl-2024, 28,8 % tat-tfal Griegi taħt l-età ta' tliet snin attendew l-edukazzjoni u l-kura bikrija tat-tfal (39,3 % fl-UE). Ir-rata hija partikolarment baxxa għat-tfal fir-riskju ta' faqar jew ta' esklużjoni soċjali. Il-Greċja hija mistiedna żżid ir-rata ta' parteċipazzjoni tat-tfal taħt l-età ta' tliet snin biex tilħaq il-mira riveduta ta' Barċellona ta' 42,8 % sal-2030.

(39)

Skont l-aħħar Programm tal-OECD għall-Valutazzjoni Internazzjonali tal-Istudenti fl-2022, sehem għoli ta' studenti Griegi ta' 15-il sena ma jilħaqx livell minimu ta' profiċjenza fil-ħiliet bażiċi. Ir-rati ta' progress insuffiċjenti tal-Greċja huma fost l-ogħla fl-UE u kibru mill-2018 fil-gruppi soċjoekonomiċi kollha, li jindika sfidi strutturali fil-kwalità u fl-ekwità tas-sistema edukattiva. Dawk l-isfidi li jdgħajfu l-eżiti edukattivi tal-Greċja jistgħu jkunu marbuta ma' finanzjament limitat għall-politiki tal-edukazzjoni, ma' livell baxx ta' awtonomija tal-iskejjel, metodi antikwati għall-valutazzjoni tal-istudenti, u ma' diffikultajiet fl-implimentazzjoni ta' metodi ta' tagħlim ibbażati fuq il-kompetenza u approċċi ta' tagħlim apposta għall-istudenti b'diżabbiltà u b'eżiġenzi ta' edukazzjoni speċjali. L-għalliema għad għandhom opportunitajiet limitati għal żvilupp professjonali kontinwu li, flimkien man-nuqqas ta' kultura ta' evalwazzjoni tal-għalliema, ikompli jkun ta' piż fuq il-kwalità tal-edukazzjoni.

(40)

B'16,6 % fl-2022, il-parteċipazzjoni tal-adulti fit-taħriġ hija ħafna aktar baxxa mill-medja tal-UE u għadha ferm 'il bogħod mill-mira tal-Greċja ta' 40 % għall-2030. Bl-effettività limitata tal-mekkaniżmi ta' tbassir tal-ħiliet, minkejja xi titjib reċenti, għadu jippersisti l-ispariġġ tal-ħiliet. Il-prestazzjoni baxxa tas-sistema tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali timmina l-isforzi biex jitnaqqas id-distakk għad-domanda ta' ħiliet fis-suq tax-xogħol, għalkemm ir-riformi u l-inizjattivi li għaddejjin bħalissa għandhom l-għan li jindirizzaw il-problema. Minkejja d-domanda dejjem tikber, il-perċentwal ta' speċjalisti tal-ICT mill-impjiegi totali huwa l-aktar baxx fl-UE, bi 2,5 %. Barra minn hekk, is-sehem ġenerali ta' adulti b'ħiliet diġitali bażiċi jew ogħla minn bażiċi huwa ta' 50,96 % fl-2025, 10 punti perċentwali inqas mill-medja tal-UE. L-indirizzar ta' dawn l-isfidi jikkontribwixxi wkoll għall-appoġġ tal-konverġenza soċjali 'l fuq, f'konformità mal-analiżi tal-pajjiż tat-tieni stadju tas-servizzi tal-Kummissjoni tal-Qafas ta' Konverġenza Soċjali (17).

(41)

Il-prezzijiet tad-djar ilhom jogħlew b'pass mgħaġġel mill-2019, xprunati minn domanda qawwija u attività ta' kostruzzjoni mrażżna. Id-domanda domestika żdiedet fil-perjodu ta' wara l-pandemija u baqgħet b'saħħitha. Id-domanda barranija – li ġiet inċentivata mill-programm tal-viżi tad-deheb u minn opportunitajiet ta' investiment fit-turiżmu – immoderat xi ftit fl-2025. Il-provvista ta' akkomodazzjonijiet hija kostretta minħabba snin ta' investiment kajman fl-akkomodazzjoni li għadu baxx meta mqabbel mal-UE minkejja ż-żieda reċenti fl-attività tal-kostruzzjoni. Iż-żidiet fil-prezzijiet tad-djar u fil-kera qabżu t-tkabbir tal-introjtu, u b'hekk l-affordabbiltà tal-akkomodazzjoni ddeterjorat, u dan qed jaffettwa parti kbira mill-popolazzjoni. Bħala parti mill-RRP tal-Greċja, qed jitħejjew l-istrateġija nazzjonali tal-akkomodazzjoni u l-programm ta' skambju reċiproku tal-proprjetà pubblika (“Kinoniki Antiparochi”) biex l-iżviluppaturi tas-settur privat jingħataw inċentivi biex jinvestu f'akkomodazzjoni soċjali u affordabbli.

(42)

Permezz tal-RRP tagħha, il-Greċja investiet fil-bidla lejn sistema tal-kura tas-saħħa primarja bbażata fuq il-kura. Il-bini fuq dawn l-isforzi huwa meħtieġ biex jiġi promoss aktar l-aċċess għal kura tas-saħħa ta' kwalità u affordabbli u biex jonqos il-livell għoli ta' bżonnijiet tal-kura tas-saħħa mhux issodisfati kif irrapportat mill-popolazzjoni. Dan jinkludi li jiġi ggarantit il-funzjonament tar-riforma tat-tabib personali u tas-sistema ta' riferiment u l-indirizzar tan-nuqqas ta' infermiera u ta' prattikanti ġenerali, kif ukoll l-iżbilanċi ġeografiċi tagħhom, li għadhom sfida ewlenija u li jfixklu l-aċċess għall-kura. B'rabta ma' dan, il-Greċja għadha tirrapporta waħda mill-ogħla proporzjonijiet ta' pagamenti mill-but madwar l-UE. Biex dan jiġi indirizzat, ir-rieżami tal-iskala tal-kopagamenti għall-kura tas-saħħa u l-għoti ta' kopertura pubblika tal-kura dentali huma aspett ewlieni. Fid-dawl tal-investimenti tal-Greċja fit-trasformazzjoni diġitali tal-kura tas-saħħa, aktar sforzi biex jiżdied il-litteriżmu diġitali fis-saħħa ser jgħinu biex titħaffef l-adozzjoni tal-għodod u s-servizzi tas-saħħa elettronika. Jekk wieħed iħares 'il quddiem, id-disponibbiltà u l-isfruttar ta' data ta' kwalità għolja mis-settur kollu huma kritiċi biex jiggwidaw l-iżvilupp ta' politiki b'impatt għoli li jindirizzaw l-isfidi fis-sistema tal-kura tas-saħħa.

(43)

Fid-dawl tar-rabtiet mill-qrib bejn l-ekonomiji tal-Istati Membri taż-żona tal-euro u l-kontribut kollettiv tagħhom għall-funzjonament tal-unjoni ekonomika u monetarja, fl-2026 il-Kunsill irrakkomanda li l-Istati Membri taż-żona tal-euro jieħdu azzjoni, fosthom permezz tal-RRPs tagħhom, biex jimplimentaw ir-Rakkomandazzjoni tal-2026 dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro. Għall-Greċja, ir-rakkomandazzjoni (1) tgħin fl-implimentazzjoni tal-ewwel, it-tieni, it-tielet u l-erbatax-il rakkomandazzjoni dwar iż-żona tal-euro, ir-rakkomandazzjoni (2) tgħin fl-implimentazzjoni tar-raba' rakkomandazzjoni dwar iż-żona tal-euro, ir-rakkomandazzjoni (3) tgħin fl-implimentazzjoni tas-seba', it-tmien u d-disa' rakkomandazzjoni dwar iż-żona tal-euro, ir-rakkomandazzjoni (4) tgħin fl-implimentazzjoni tas-seba' rakkomandazzjoni dwar iż-żona tal-euro u r-rakkomandazzjoni (5) tgħin fl-implimentazzjoni tal-ħames rakkomandazzjoni dwar iż-żona tal-euro.

(44)

Fid-dawl tar-rwol kruċjali tal-kapital uman fit-tisħiħ tal-kompetittività u l-awtonomija strateġika tal-Unjoni, fl-2026 il-Kunsill irrakkomanda li l-Istati Membri jieħdu azzjoni biex jindirizzaw b'mod urġenti l-isfidi strutturali relatati mal-kapital uman fil-qasam tal-ħiliet, l-edukazzjoni u t-taħriġ, li jfixklu l-kompetittività. Ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tal-2026 indirizzati lill-Greċja jistgħu jgħinu fl-implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-kapital uman fl-Unjoni.

B'DAN JIRRAKKOMANDA li l-Greċja tieħu azzjoni fl-2026 u l-2027 biex:

1.

Tkompli taderixxi mar-rati massimi ta' tkabbir tan-nefqa netta rrakkomandati mill-Kunsill fil-21 ta' Jannar 2025, filwaqt li tagħmel użu mill-flessibbiltà skont il-klawżola liberatorja nazzjonali attivata mill-Kunsill. Issaħħaħ l-infiq u l-prontezza ġenerali fid-difiża u s-sigurtà, filwaqt li tiżgura s-sostenibbiltà tad-dejn u l-effiċjenza fl-infiq, kif ukoll l-adattament gradwali tal-baġit biex issostni nfiq strutturalment ogħla fid-difiża. Tiżgura li l-miżuri li jittieħdu biex jittaffa l-impatt taż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija minħabba l-kriżi jkunu temporanji, immirati lejn il-protezzjoni tal-unitajiet domestiċi vulnerabbli jew lejn l-indirizzar tal-ħtiġijiet tad-ditti intensivi fl-enerġija, jippreservaw l-inċentivi għall-iffrankar tal-enerġija u jiżguraw li l-kost fiskali tagħhom ikun kompatibbli mal-impenji skont il-qafas fiskali tal-UE. Tkompli bl-isforzi biex ittejjeb il-konformità mar-regoli tat-taxxa, inkluż permezz ta' aktar ċentralizzazzjoni u diġitalizzazzjoni tal-ispezzjonijiet doganali u tat-taxxa u ttejjeb it-trasparenza tas-sistema tat-taxxa bl-evalwazzjoni u bir-razzjonalizzazzjoni tan-nefqa tat-taxxa. Tkompli ttejjeb l-effettività u l-effiċjenza tal-amministrazzjoni pubblika billi timplimenta bis-sħiħ il-qafas ta' governanza f'diversi livelli. Issegwi t-tnaqqis kontinwu tal-istokk ta' self li ma jrendix miżmum minn banek u servizzjanti tal-kreditu billi taċċellera l-proċedimenti tal-qorti relatati mal-likwidazzjoni.

2.

Tiżgura l-kontinwità tar-riformi u l-investimenti implimentati fil-qafas tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza. Issostni l-momentum tal-implimentazzjoni fil-qafas tal-programmi tal-politika ta' koeżjoni filwaqt li tibni, fejn xieraq, fuq ir-riallokazzjoni għal prijoritajiet strateġiċi u flessibbiltajiet maqbula fil-kuntest tar-rieżami ta' nofs it-terminu tal-qafas tal-politika ta' koeżjoni.

3.

Tissimplifika r-regolamentazzjoni, tirrazzjonalizza u tiddiġitalizza l-proċessi amministrattivi. Tlesti l-oqfsa regolatorji għal-liċenzjar ambjentali u l-ftehimiet ta' konċessjoni fuq ix-xatt. Tneħħi l-ostakli għoljin għall-eżerċizzju tas-servizzi professjonali u għall-istabbiliment ta' negozju. Ittejjeb il-governanza tas-sistema nazzjonali ta' riċerka, żvilupp u innovazzjoni billi tnaqqas il-frammentazzjoni tal-ġestjoni tal-politika tar-riċerka u tal-finanzjament. Tiffaċilita l-aċċess għall-finanzjament għal negozji ġodda u negozji li qed jespandu, inkluż billi tiżviluppa ekwità privata lokali u l-kapital ta' riskju. Tippromwovi d-diġitalizzazzjoni tan-negozji, b'mod partikolari l-SMEs. Tkompli bl-isforzi biex tissimplifika l-proċedimenti ġudizzjarji u tnaqqas it-tul tagħhom billi taċċellera l-proċedimenti tal-akkwist ċivili u pubbliku. Tlesti r-riforma tal-ippjanar urban permezz tad-dħul fis-seħħ ta' pjanijiet urbani li jkopru t-territorju kollu.

4.

Tippromwovi prezzijiet tal-elettriku affordabbli billi tiżviluppa soluzzjonijiet flessibbli, tlesti l-interkonnessjonijiet tal-gżejjer u ttejjeb il-kwalità u l-kapaċità tan-network ta' distribuzzjoni, u tespandi aktar il-produzzjoni tal-enerġija rinnovabbli inkluż permezz tal-kapaċità eolika fuq il-baħar. Tikkalibra mill-ġdid it-taxxa fuq l-enerġija biex jingħata inċentiv għall-elettrifikazzjoni u tieħu passi konkreti għall-eliminazzjoni gradwali tas-sussidji għall-fjuwils fossili b'mod partikolari fis-settur industrijali. Taċċellera d-dekarbonizzazzjoni tas-settur tat-trasport, tlesti r-riforma tat-trasport bil-karozzi tal-linja u testendi u taġġorna s-sistema ferrovjarja nazzjonali, inkluż l-implimentazzjoni tas-Sistema Ewropea tal-Ġestjoni tat-Traffiku Ferrovjarju. Issaħħaħ ir-reżiljenza għall-klima billi tagħmel l-infrastruttura ewlenija reżistenti għall-klima u tieħu passi biex iżżid il-kopertura tal-assigurazzjoni privata kontra danni relatati mad-diżastri naturali fosthom bl-adozzjoni tal-istrateġija nazzjonali. Ittejjeb il-ġestjoni u l-infrastruttura tal-ilma. Taġġorna l-pjanijiet għall-ġestjoni tal-iskart u ttejjeb il-ġestjoni tal-iskart solidu, inkluż fil-livell reġjonali u fil-gżejjer.

5.

Iżżid ir-rata ta' impjieg tan-nisa, taż-żgħażagħ u tal-gruppi vulnerabbli, u ttejjeb il-kwalità tal-impjiegi billi żżid l-isforzi għal arranġamenti tax-xogħol flessibbli u tespandi l-edukazzjoni u l-kura formali bikrija tat-tfal u l-kura fit-tul. Ittejjeb l-eżiti edukattivi billi tespandi t-taħriġ u l-evalwazzjoni tal-għalliema, u l-awtonomija tal-iskejjel. Tkompli tissimplifika l-benefiċċji soċjali u ttejjeb l-aċċess għas-servizzi. Tespandi l-provvista ta' akkomodazzjoni affordabbli u soċjali inkluż permezz ta' kodiċi tal-bini ġdid. Tippromwovi l-aċċess għal kura tas-saħħa ta' kwalità u affordabbli billi ssaħħaħ il-kura tas-saħħa primarja, tindirizza n-nuqqasijiet u l-iżbilanċi ġeografiċi tal-infermiera u tat-tobba, u tnaqqas il-pagamenti mill-but.

Magħmul fi Brussell, l-10 ta’ Lulju 2026.

Għall-Kunsill

Il-President

S. HARRIS


(1)  Ir-Regolament (UE) 2024/1263 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2024 dwar il-koordinazzjoni effettiva tal-politiki ekonomiċi u dwar is-sorveljanza baġitarja multilaterali u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 (ĠU L, 2024/1263, 30.4.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1263/oj).

(2)  Ir-Regolament (UE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Novembru 2011 dwar il-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi (ĠU L 306, 23.11.2011, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2011/1176/oj).

(3)   ĠU C, C/2026/2434, 28.4.2026, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2026/2434/oj.

(4)  Ir-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Frar 2021 li jistabbilixxi l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (ĠU L 57, 18.2.2021, p. 17, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2021/241/oj).

(5)  SWD(2026) 137 final.

(6)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-21 ta' Jannar 2025 li tapprova l-pjan fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju tal-Greċja (ĠU C, C/2025/661, 10.02.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/661/oj).

(7)  Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni, “Nakkomodaw żieda fin-nefqa fid-difiża fil-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir”, Brussell, 19.3.2025, C(2025) 2000 final.

(8)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-8 ta' Lulju 2025 li tippermetti lill-Greċja tiddevja mir-rati massimi ta' tkabbir tan-nefqa netta kif stabbiliti mill-Kunsill skont ir-Regolament (UE) 2024/1263 (Attivazzjoni tal-klawżola liberatorja nazzjonali) (ĠU C, C/2025/3965, 20.08.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/3965/oj).

(9)  Ir-Rapporti ta' Progress Annwali 2026 huma disponibbli hawn: https://economy-finance.ec.europa.eu/economic-and-fiscal-governance/stability-and-growth-pact/preventive-arm/annual-progress-reports_en.

(10)  Il-Eurostat-Indikaturi tal-Euro, 22.04.2026.

(11)  Il-pożizzjoni fiskali hija definita bħala kejl tal-bidla annwali fil-pożizzjoni baġitarja sottostanti tal-gvern estiż. Għandha l-għan li tivvaluta l-impuls ekonomiku li jirriżulta mill-politiki fiskali, kemm dawk li huma ffinanzjati fil-livell nazzjonali kif ukoll dawk li huma ffinanzjati mill-baġit tal-UE. Il-pożizzjoni fiskali titkejjel bħala d-differenza bejn (i) it-tkabbir potenzjali fuq perjodu medju ta' żmien u (ii) il-bidla fin-nefqa primarja netta mill-miżuri diskrezzjonali tad-dħul u inkluża n-nefqa ffinanzjata minn appoġġ (għotjiet) mhux ripagabbli mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u minn fondi oħra tal-Unjoni.

(12)  Il-Eurostat-Indikaturi tal-Euro, 22.04.2026.

(13)  Il-Eurostat, in-nefqa tal-gvern skont il-klassifikazzjoni tal-funzjonijiet tal-gvern (COFOG).

(14)  Id-definizzjoni tal-infiq fid-difiża tan-NATO hija differenti mid-definizzjoni tad-difiża tal-COFOG. Barra minn hekk, jista' jkun hemm differenzi minħabba ż-żmien tar-reġistrazzjoni tan-nefqa, b'mod partikolari t-tagħmir militari, peress li r-rappurtar tan-NATO ma jsegwix ir-regoli tal-kontijiet nazzjonali għaż-żmien tar-reġistrazzjoni.

(15)  Dan jirrifletti s-sitwazzjoni fid-data limitu tat-Tbassir tar-Rebbiegħa 2026 tal-Kummissjoni (4 ta' Mejju 2026).

(16)  Ir-Regolament (UE) 2025/1914 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Settembru 2025 li jemenda r-Regolamenti (UE) 2021/1058 u (UE) 2021/1056 fir-rigward ta' miżuri speċifiċi sabiex jiġu indirizzati sfidi strateġiċi fil-kuntest tar-rieżami ta' nofs it-terminu.

(17)  SWD(2026) 122 final – Analiżi tal-pajjiżi tat-tieni stadju dwar il-konverġenza soċjali f'konformità mal-Qafas ta' Konverġenza Soċjali (SCF).


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2026/3921/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)