European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Serje C


C/2024/668

12.1.2024

OPINJONI TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tal-24 ta' Novembru 2023

dwar proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istatistika tas-suq tax-xogħol tal-Unjoni Ewropea dwar in-negozji, li jħassar ir-regolament tal-Kunsill (KE) Nru 530/1999 u r-Regolamenti (KE) Nru 450/2003 u (KE) Nru 453/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(CON/2023/38)

(C/2024/668)

Introduzzjoni u bażi legali

Fit-12 ta’ Ottubru 2023, il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) irċieva talba mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għal opinjoni dwar proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istatistika tas-suq tax-xogħol tal-Unjoni Ewropea dwar in-negozji, li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 530/1999 u r-Regolamenti (KE) Nru 450/2003 u (KE) Nru 453/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) (minn hawn ’il quddiem ir-“regolament propost”).

Il-kompetenza tal-BĊE li jagħti opinjoni hija bbażata fuq l-Artikoli 127(4) u 282(5) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea peress li r-regolament propost fih dispożizzjonijiet li jaffettwaw il-kompiti tal-BĊE rigward il-ġbir ta’ tagħrif statistiku u l-kontribut għall-armonizzazzjoni, fejn meħtieġ, tar-regoli u l-prattiki li jirregolaw il-ġbir, il-kompilazzjoni u d-distribuzzjoni tal-istatistika fl-oqsma ta’ kompetenza tiegħu skont l-Artikolu 5 tal-Istatut tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew (l-“Istatut tas-SEBĊ”). Skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 17.5 tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Bank Ċentrali Ewropew, il-Kunsill Governattiv adotta din l-opinjoni.

1.   Osservazzjonijiet Ġenerali

Il-BĊE jeħtieġ informazzjoni dwar ir-rata ta’ postijiet tax-xogħol battala, il-livell u l-kompożizzjoni tal-kost lavorattiv u dwar l-istruttura u d-distribuzzjoni tal-qligħ sabiex jivvaluta l-iżviluppi ekonomiċi fl-Istati Membri fil-kuntest ta’ politika monetarja Ewropea unika u l-objettiv primarju konkomitanti tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali biex tinżamm l-istabbiltà tal-prezzijiet (2). Informazzjoni f’waqtha dwar il-kundizzjonijiet tas-suq tax-xogħol u l-iżviluppi fil-pagi hija essenzjali għall-valutazzjoni tal-pressjonijiet inflazzjonarji sottostanti u biex tinforma t-teħid tad-deċiżjonijiet dwar il-politika monetarja. L-istatistika dwar il-postijiet tax-xogħol battala u l-indiċi tal-kost lavorattiv huma elenkati fost l-Indikaturi Ekonomiċi Ewropej Prinċipali (3), li jagħtuhom rwol prominenti fost l-istatistika ekonomika uffiċjali użata għall-monitoraġġ tal-politiki monetarji u ekonomiċi. Il-BĊE jappoġġa s-sostituzzjoni proposta tal-atti legali eżistenti dwar l-istatistika relatata mas-suq tax-xogħol (4) b’regolament uniku li jkopri l-istatistika kollha tas-suq tax-xogħol dwar in-negozji (minn hawn ’il quddiem “l-istatistika tal-LMB”) (5). Il-kopertura mtejba proposta tal-istatistiċi tal-LMB mill-2026 tarrikkixxi dawn l-istatistiċi u tagħmilhom aktar utli għall-monitoraġġ, il-valutazzjoni u t-tbassir mill-BĊE, u b’hekk għat-tħejjija tad-deċiżjonijiet tal-politika monetarja. Ir-rappurtar ta’ stimi bikrija tal-indiċi tal-kost lavorattiv (6) mill-2026 huwa milqugħ ukoll billi jippermetti li tingħata aktar prominenza lil dan l-indikatur fil-kuntest tal-analiżi u l-valutazzjoni tal-pressjonijiet tal-kost li jista’ jkollhom l-għeruq tagħhom fil-bidliet fil-kost lavorattiv.

2.   Osservazzjonijiet speċifiċi

2.1.   Kamp ta’ applikazzjoni u kwalità tar-rappurtar il-ġdid

L-inklużjoni proposta tas-settur pubbliku u ta’ ditti żgħar (7) fis-sorsi tad-data użati għall-kompilazzjoni tal-istatistika tal-LMB ittejjeb b’mod sinifikanti l-kopertura u r-rappreżentattività tal-istatistika rispettiva tal-LMB. Dan itejjeb ukoll l-armonizzazzjoni fil-ġbir tad-data u b’hekk jippermetti tqabbil aħjar bejn il-pajjiżi tal-iżviluppi fl-istatistika dwar il-postijiet tax-xogħol battala u l-indiċi tal-kost lavorattiv. Il-BĊE jissuġġerixxi li r-rekwiżit li tiġi pprovduta informazzjoni li tagħmilha possibbli li jinftiehem l-impatt tal-bidliet fil-metodoloġija jew fil-popolazzjoni tal-kampjun (pereżempju, ammont xieraq ta’ data b’lura, li tista’ tkun ibbażata fuq stimi, indikaturi, u sorsi oħra ta’ data  (8)) għandu jiġi stabbilit b’mod espliċitu fir-regolament propost (9). Id-dettalji ta’ tali data flimkien mar-rekwiżiti l-oħra tad-data għandhom imbagħad jiġu speċifikati mill-Kummissjoni f’att ta’ implimentazzjoni (10).

2.2.   Il-puntwalità tar-rappurtar

Id-dispożizzjoni proposta ta’ stimi bikrija tal-indiċi tal-kost lavorattiv tkun titjib sostanzjali għar-reġim attwali ta’ rappurtar. Il-puntwalità mtejba ta’ dawn l-istimi hija partikolarment importanti peress li ma hemm l-ebda indikatur armonizzat ta’ kull xahar dwar l-iżviluppi fil-pagi fl-Istati Membri kollha. L-informazzjoni trimestrali dwar il-kumpens tal-impjegati kif ippubblikata skont il-Kontijiet Nazzjonali fl-ESA 2010 (11) tagħmilha possibbli li jiġu vvalutati l-iżviluppi fil-pagi biss b’dewmien kbir. Ir-rilaxx tal-istimi bikrija għall-indiċi tal-kost lavorattiv għalhekk ikun l-ewwel informazzjoni disponibbli dwar l-iżviluppi tal-pagi trimestrali. Aktar titjib fid-dati tat-trażmissjoni tad-data għall-istruttura ta’ stħarriġ dwar il-qligħ ulterjorment mal-bidliet relattivament modesti proposti bħalissa jintlaqgħu tajjeb.

2.3.   Definizzjoni ta’ unità statistika

Bil-ħsieb li jinkiseb, sa fejn ikun possibbli, trattament statistiku armonizzat, il-BĊE jqis id-definizzjoni ta’ unità statistika (12) bħala kruċjali għall-finijiet tal-produzzjoni ta’ statistika Ewropea bħall-istatistika tal-LMB. Sabiex jiġu evitati duplikazzjonijiet u elementi neqsin, b’mod partikolari fejn l-impriżi (13) jkollhom unitajiet lokali (14) f’aktar minn Stat Membru wieħed, huwa importanti li jkun hemm arranġamenti konkreti fis-seħħ għall-ġbir ta’ data jew minn impriżi jew minn unitajiet lokali.

Fejn il-BĊE jirrakkomanda li r-regolament propost jiġi emendat, proposti ta’ abbozzar speċifiċi huma stabbiliti f’dokument ta’ ħidma tekniku separat flimkien ma’ test ta’ spjegazzjoni f’dan is-sens. Id-dokument ta’ ħidma tekniku huwa disponibbli bl-Ingliż fuq EUR-Lex.

Magħmul fi Frankfurt am Main, fl-24 ta’ Novembru 2023.

Il-President tal-BĊE

Christine LAGARDE


(1)  COM(2023) 459 finali.

(2)  L-ewwel sentenza tal-Artikolu 127(1) tat-Trattat. It-tieni sentenza tal-Artikolu 127(1) tat-Trattat tirrikjedi wkoll li l-Eurosistema tappoġġa l-politiki ekonomiċi ġenerali fl-Unjoni bl-għan li tikkontribwixxi għall-kisba tal-objettivi tal-Unjoni kif stabbiliti fl-Artikolu 3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.

(3)  COM (2002) 661 finali.

(4)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 530/1999 tad-9 ta’ Marzu 1999 li jikkonċerna l-istatistiċi strutturali dwar il-qligħ u dwar l-ispejjeż tax-xogħol (ĠU L 63, 12.3.1999, p. 6); ir-Regolament (KE) Nru 450/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Frar 2003 dwar l-indiċi tal-ispiża tax-xogħol (ĠU L 69, 13.3.2003, p. 1); u r-Regolament (KE) Nru 453/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2008 dwar l-istatistika ta’ kull tliet xhur dwar il-postijiet tax-xogħol battala fil-Komunità (ĠU L 145, 4.6.2008, p. 234).

(5)  Artikolu 1 tar-regolament propost.

(6)  Artikolu 5 ta’, u l-Anness tar-regolament propost.

(7)  Artikolu 4(1), il-punti (b)(ii) u (ċ)(i), u l-Artikolu 6(2) tar-regolament propost.

(8)  Artikolu 3(1)(ċ) tar-regolament propost.

(9)  B’mod partikolari, fl-Artikolu 8(2) tar-regolament propost.

(10)  Artikolu 4(7) tar-regolament propost.

(11)  Skont il-Kapitolu 4, D.1 tal-Anness A tar-Regolament (UE) Nru 549/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Mejju 2013 dwar is-sistema Ewropea ta' kontijiet nazzjonali u reġjonali fl-Unjoni Ewropea (ĠU L 174, 26.6.2013, p. 1).

(12)  Kif hemm definit fl-Artikolu 2(1) tar-regolament propost.

(13)  Kif hemm definit fl-Artikolu 2(2) tar-regolament propost.

(14)  Kif hemm definit fl-Artikolu 2(3) tar-regolament propost.


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/668/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)