KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

ĆAPETA

ippreżentati fid‑19 ta’ Settembru 2024 ( 1 )

Kawża C‑607/21

XXX

vs

État belge

(Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Conseil d’État (il‑Kunsill tal-Istat, il-Belġju))

(Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Moviment liberu tal-persuni – Direttiva 2004/38/KE – Ċirku ta’ benefiċjarji – Artikolu 2(2)(d) – Axxendent dirett – Kunċett ta’ “dipendenza” – Post fejn għandha teżisti d-dipendenza – Dritt ta’ residenza tal-axxendent dirett dipendenti – Talba għal permess ta’ residenza fl-Istat Membru ospitanti diversi snin wara r-rilokazzjoni mill-pajjiż ta’ oriġini – Legalità tas-soġġorn fl-Istat Membru ospitanti – Prova ta’ dipendenza)

I. Introduzzjoni

1.

L-awtoritajiet Belġjani rrifjutaw li joħorġu permess ta’ residenza lis-Sinjura XXX, ċittadina ta’ pajjiż terz (“ĊPT”), li ngħaqdet ma’ binha u s-sieħba tiegħu, ċittadina mobbli tal-Unjoni Ewropea, fil-Belġju. Dan ir-rifjut wassal għal din il-kawża.

2.

Abbażi tad-Direttiva dwar iċ-Ċittadinanza ( 2 ), l-Istati Membri għandhom joħorġu permess ta’ residenza lil ĊPT li huwa axxendent dirett dipendenti, u li, bħala riżultat ta’ dik id-dipendenza, akkwista dritt ta’ residenza dderivat.

3.

Din il-kawża tistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja tispjega d‑dimensjoni ġeografika tal-kunċett ta’ dipendenza li tinsab fid-Direttiva dwar iċ‑Ċittadinanza, billi tagħti risposta għad-domanda dwar jekk huwiex deċiżiv għal dan il-kunċett li axxendent kellu bżonn l-għajnuna fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu.

II. Il‑kawża prinċipali, id‑domandi preliminari u l‑proċedura quddiem il‑Qorti tal‑Ġustizzja

4.

Is-Sinjura XXX hija ċittadina Marokkina u omm AL, ċittadin Belġjan li jgħix fil-Belġju. Is-sieħba ta’ AL, is-Sinjura N.E.K., hija ċittadina Daniża li marret tgħix il-Belġju fejn ilha tgħix ma’ AL sa mill‑2005 ( 3 ).

5.

Is-Sinjura XXX daħlet fit-territorju Belġjan fil‑25 ta’ Lulju 2011 b’viża ta’ turista.

6.

Fil‑21 ta’ Settembru 2011, hija ressqet talba għal permess ta’ residenza, u bbażat it-talba tagħha fuq il-fatt li kienet dipendenti fuq binha. Madankollu, kif jidher mid-deċiżjoni tar-rinviju, il-leġiżlazzjoni Belġjana rilevanti ġiet emendata ftit qabel it-talba tas‑Sinjura XXX, b’tali mod li ma għadhiex tagħti dritt għal riunifikazzjoni tal-familja lil ċittadini Belġjani mal-familjari tagħhom fil‑linja ta’ axxendenti ( 4 ). B’riżultat ta’ dan, l-ewwel talba tas-Sinjura XXX ġiet irrifjutata fil‑21 ta’ Ottubru 2011.

7.

Fis‑26 ta’ Ġunju 2015, is-Sinjura XXX, li jidher li kompliet tgħix ma’ binha u mas-sieħba tiegħu fil-Belġju, ressqet it-tieni talba tagħha għal permess ta’ residenza. Din id-darba, hija applikat bħala membru tal‑familja dipendenti tas-sieħba ta’ binha, is-Sinjura N.E.K., peress li din tal-aħħar kienet ċittadin mobbli tal-Unjoni koperta mill‑kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva dwar iċ-Ċittadinanza.

8.

L-awtoritajiet nazzjonali rrifjutaw din it-talba fit‑28 ta’ Settembru 2015 għal żewġ raġunijiet: l-ewwel nett, ir-riżorsi domestiċi ta’ binha u tas-sieħba tiegħu ma kinux iddokumentati b’mod suffiċjenti, u t-tieni nett, id-dokumenti li jattestaw id-dipendenza tas-Sinjura XXX kienu antiki wisq. Dik id-deċiżjoni kienet tinkludi wkoll ordni sabiex titlaq mit-territorju Belġjan.

9.

Is-Sinjura XXX ikkontestat dan ir-rifjut, iżda r-rikors tagħha ġie miċħud mill-Conseil du contentieux des étrangers (il-Kunsill għall‑Kwistjonijiet dwar Barranin, il-Belġju) fl‑14 ta’ April 2016. Iċ‑ċaħda kienet tirreferi biss għall-ewwel motiv – provi dokumentarji insuffiċjenti tar-riżorsi domestiċi ta’ sponsor, u ma eżaminatx l-argument li d-dokumenti li kienu juru d-dipendenza tas-Sinjura XXX kienu antiki wisq.

10.

Is-Sinjura XXX ressqet it-tielet talba tagħha għal permess ta’ residenza fid‑9 ta’ Novembru 2017, għal darba oħra bħala membru tal-familja tas-sieħba ta’ binha, is-Sinjura N.E.K., ċittadina mobbli tal-Unjoni.

11.

Fit‑2 ta’ Mejju 2018, din it-talba ġiet miċħuda wkoll. Waħda mir‑raġunijiet li ngħataw kienet li d-dokumenti prodotti bħala prova li ma kellhiex mezzi finanzjarji biżżejjed (b’mod partikolari, id-dikjarazzjoni ta’ informazzjoni mill-ispettur tat-taxxa Marokkin u ċ-ċertifikat Marokkin dwar nuqqas ta’ mezzi finanzjarji, it-tnejn iddatati 2011), u l-prova tal‑appoġġ finanzjarju mill‑unità familjari li hija ddikjarat li tixtieq tingħaqad magħha (provi ta’ flus mibgħuta mill‑2010 u mill‑2011) kienu antiki wisq.

12.

Is-Sinjura XXX ikkontestat il-validità ta’ din l-aħħar ċaħda. Permezz ta’ sentenza tat‑30 ta’ Awwissu 2019, il-Conseil du contentieux des étrangers (il-Kunsill għall‑Kwistjonijiet dwar Barranin) ċaħad ir‑rikors tagħha, peress li qies li d-dipendenza tirrikjedi li jiġu ssodisfatti żewġ kundizzjonijiet b’mod kumulattiv. L-ewwel nett, l-istat ta’ dipendenza kellu jissussisti fl-Istat ta’ oriġini qabel mal-membru tal-familja jasal il-Belġju. Fl-opinjoni ta’ dan il-korp, din il-pożizzjoni tirriżulta mis-sentenza Jia ( 5 ). It-tieni nett, sabiex tiġi prodotta prova dwar dan l-istat ta’ dipendenza, ma huwiex suffiċjenti li l-membru tal-familja li huwa l‑isponsor ikollu riżorsi suffiċjenti jew li jkun jgħix mal-persuna li tressaq it-talba; huwa wkoll neċessarju li l-persuna li tressaq it-talba tistabbilixxi li l-għajnuna materjali ta’ dak il-membru tal-familja li huwa sponsor kienet neċessarja għaliha fil-mument meta tressqet it-talba.

13.

Fit‑3 ta’ Ottubru 2019, is-Sinjura XXX appellat minn dik id‑deċiżjoni quddiem il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, il-Belġju). Dan l-appell wassal għal dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari.

14.

Il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat) jispjega li differenza sinjifikattiva bejn din il-kawża u l-kawżi preċedenti deċiżi mill-Qorti tal‑Ġustizzja tinsab fil-fatt li l-membru tal-familja li qiegħed jitlob li jibbenefika mir-riunifikazzjoni tal-familja kien diġà jgħix fit-territorju ta’ dak l-Istat li fih tixtieq tingħaqad maċ-ċittadin tal-Unjoni għal sitt snin. Huwa għalhekk qies li kellu bżonn kjarifika addizzjonali dwar id-dritt tal‑Unjoni applikabbli.

15.

Kien f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat) iddeċieda li jissospendi l-proċeduri u jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja s‑segwenti domandi preliminari:

“1)

Fil-kuntest tal-eżami tal-kunċett ta’ persuna dipendenti fis-sens tal‑Artikolu 2(2)(d) tad-[Direttiva dwar iċ-Ċittadinanza], huwa meħtieġ li tittieħed inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni tal-persuna li tkun ressqet it‑talba li diġà tinsab fit-territorju tal-Istat li fih l-isponsor ikun stabbilit?

2)

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda, huwa meħtieġ li tiġi stabbilita differenza fit-trattament bejn il-persuna li tressaq it-talba u li tkun tinsab legalment fit-territorju ta’ dan l-Istat u l-persuna li tressaq it-talba li tkun tinsab fl-imsemmi Stat illegalment?

3)

L-Artikolu 2(2)(d) tad-[Direttiva dwar iċ-Ċittadinanza] għandu jiġi interpretat fis-sens li sabiex ikun jista’ jitqies li huwa dipendenti u b’hekk jaqa’ taħt id-definizzjoni ta’ ‘membru tal-familja’ msemmija f’din id‑dispożizzjoni, l-axxendent dirett jista’ jinvoka sitwazzjoni ta’ dipendenza materjali reali fil-pajjiż ta’ oriġini stabbilita minn dokumenti li, fil-mument li fih tkun ġiet introdotta t-talba għal permess ta’ residenza bħala membru tal-familja ta’ ċittadin Ewropew, madankollu kienu nħarġu diversi snin qabel, abbażi tal-fatt li t-tluq mill-pajjiż ta’ oriġini u l‑preżentazzjoni tat-talba għal permess ta’ residenza fl-Istat Membru ospitanti ma jikkoinċidux fiż-żmien?

4)

Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv għat-tielet domanda, liema huma l‑kriterji li jippermettu li tiġi evalwata s-sitwazzjoni ta’ dipendenza materjali ta’ persuna li tressaq it-talba sabiex tkun tista’ tingħaqad ma’ ċittadin Ewropew jew is-sieħeb jew sieħba tiegħu jew tagħha, fil-kwalità ta’ axxendent, mingħajr ma kienet setgħet tibbenefika minn permess ta’ residenza abbażi ta’ talba introdotta meta kienet ser titlaq mill-pajjiż ta’ oriġini?”

16.

Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub lill-Qorti tal‑Ġustizzja mis-Sinjura XXX, mill-Gvern Belġjan, Ċek, Daniż u Ġermaniż u mill-Kummissjoni Ewropea.

17.

Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat‑28 ta’ Ottubru 2022, il-proċeduri f’din il-kawża ġew sospiżi, skont l‑Artikolu 55(1)(b) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, sakemm tingħata s-sentenza fil-Kawża C‑488/21, Chief Appeals Officer.

18.

Wara l-għoti ta’ dik is-sentenza fil‑21 ta’ Diċembru 2023 ( 6 ), il‑Qorti tal-Ġustizzja staqsiet lill-qorti tar-rinviju jekk xtaqitx iżżomm id‑domandi preliminari tagħha.

19.

Permezz ta’ ittra tad‑19 ta’ Jannar 2024, il-qorti tar-rinviju wieġbet li xtaqet iżżomm id-domandi preliminari kollha tagħha, peress li qieset li dik is-sentenza ma kinitx tagħti risposti għal dawn id-domandi.

20.

Il-proċeduri f’din il-kawża għalhekk reġgħu bdew fl‑24 ta’ Jannar 2024.

21.

Saret seduta fit‑13 ta’ Ġunju 2024 li fiha s-Sinjura XXX, il-Gvern Belġjan, Daniż u Ġermaniż u l-Kummissjoni għamlu sottomissjonijiet orali.

III. Analiżi

A. Introduzzjoni

1.   L‑istruttura ta’ dawn il‑konklużjonijiet

22.

Id-Direttiva dwar iċ-Ċittadinanza tagħti d-dritt lil membri tal‑familja ta’ ċittadin mobbli tal-Unjoni jingħaqdu ma’ dak iċ-ċittadin fl-Istat li fih huwa jkun mar (iktar ’il quddiem l-“Istat Membru ospitanti”). Għal din ir-raġuni, l-Artikolu 7(1)(d) ta’ din id-direttiva jagħti lill-membri tal‑familja d-dritt li jirrisjedu fi Stat Membru ospitanti.

23.

Jekk persuna hijiex ikkunsidrata membru tal-familja ta’ ċittadin mobbli tal-Unjoni ma hijiex kwistjoni ta’ għażla min-naħa ta’ dan iċ-ċittadin, iżda, pjuttost, tiddependi fuq id-definizzjoni ta’ dan it-terminu stabbilit fl-Artikolu 2(2) tad-Direttiva dwar iċ-Ċittadinanza. Flimkien mal-konjuġi, mas-sieħeb irrikkonoxxut u mal-ulied minuri ta’ ċittadin tal-Unjoni, din id-direttiva tagħti wkoll id-dritt ta’ residenza lil dixxendenti diretti dipendenti taħt l‑età ta’ 21 sena (l-Artikolu 2(2)(ċ) tagħha) u lil axxendenti diretti dipendenti (l-Artikolu 2(2)(d) ta’ din id-direttiva).

24.

Sabiex tgawdi d-dritt ta’ residenza abbażi tad-Direttiva dwar iċ‑Ċittadinanza, is-Sinjura XXX għalhekk għandha tkun dipendenti fuq ċittadin mobbli tal-Unjoni.

25.

Mill-kliem tal-Artikolu 2(2)(d) tad-Direttiva dwar iċ-Ċittadinanza u mill-ġurisprudenza jsegwi li, sabiex jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva, ma hemmx bżonn li axxendent (jew dixxendent) ikun dipendenti fuq persuna familjari diretta tiegħu (f’din il-kawża, iben is‑Sinjura XXX, AL), iżda jista’ jkun dipendenti minflok fuq il-konjuġi jew is-sieħeb ta’ din il-persuna familjari diretta (f’din il-kawża, is-Sinjura N.E.K.) ( 7 ). Jekk il‑persuna familjari diretta u s-sieħeb tagħha, li huwa ċittadin mobbli tal‑Unjoni, jifformaw unità familjari, huwa suffiċjenti li l-għajnuna lill-axxendent dirett tingħata minn membru ta’ din l-unità familjari ( 8 ).

26.

Il-partijiet fil-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettaw din l-interpretazzjoni. Għalhekk, ma huwiex ikkontestat li s-Sinjura XXX setgħet titlob id-dritt għal residenza tagħha abbażi tad-Direttiva dwar iċ‑Ċittadinanza jekk hija dipendenti fuq l-unità familjarji fformata minn binha, li ma huwiex ċittadin mobbli tal-Unjoni, u s-sieħba tiegħu, li hija ċittadina mobbli tal-Unjoni.

27.

Bħala ĊPT, taħt l-Artikolu 9 tad-Direttiva dwar iċ-Ċittadinanza is-Sinjura XXX hija mitluba tapplika għal permess ta’ residenza, li l-Istat Membru ospitanti għandu joħroġ, jekk hija membru tal-familja dipendenti ( 9 ).

28.

Numru ta’ kawżi waslu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja minħabba r-rifjut ta’ Stat Membru li joħroġ permess ta’ residenza ( 10 ), jew li jirrikonoxxi xi dritt ieħor li huwa mogħti mid-Direttiva dwar iċ‑Ċittadinanza lil familjari dipendenti, bħad-dritt għal ugwaljanza fit-trattament fl-aċċess għall-benefiċċji soċjali ( 11 ). Dawk il-kawżi kkjarifikaw sa ċertu punt il-kunċett ta’ dipendenza fid-Direttiva dwar iċ-Ċittadinanza.

29.

L-element innovattiv f’din il-kawża huwa t-tul ta’ żmien (iktar minn sitt snin) bejn il-mument tar-rilokazzjoni tas-Sinjura XXX fil‑Belġju u t-talba tagħha għal permess ta’ residenza ( 12 ). Dan iqajjem il‑kwistjoni tal-ġeografija: jekk is-sitwazzjoni tas-Sinjura XXX fl-Istat ta’ oriġini tagħha hijiex rilevanti għall-evalwazzjoni tad-dipendenza tagħha.

30.

Fil-kawżi preċedenti rilevanti, fil-mument li fih intalab il-permess ta’ residenza, il-persuna li ressqet it-talba kienet jew għadha kemm irrilokat fl-Istat Membru ospitanti jew ressqet tali talba mill-pajjiż ta’ oriġini tagħha. Fis-sentenza Jia, membru tal-familja axxendenti talab il-permess ta’ residenza tiegħu tliet xhur qabel ma daħal fl-Isvezja. Fis-sentenza Reyes, dixxendent applika għal permess ta’ residenza 26 jum wara li daħal fl‑Isvezja. Fis-sentenza Rahman, membri tal-familja oħra (dawk koperti mill‑Artikolu 3(2) u mhux mill-Artikolu 2(2) tad-Direttiva dwar iċ‑Ċittadinanza), talbu permess ta’ residenza qabel ma daħlu fir-Renju Unit mill-pajjiż ta’ oriġini tagħhom. Għalhekk, il-post li fih kellha tiġi evalwata d-dipendenza fil-mument meta ntalbu l-permessi ta’ residenza seta’ jkun biss il-pajjiż ta’ oriġini li fih dawn il-membri tal-familja għexu qabel ma ddeċidew li jingħaqdu maċ-ċittadin tal-Unjoni.

31.

Madankollu, is-Sinjura XXX kienet diġà qiegħda tirċievi għajnuna fil‑Belġju għal ammont sinjifikattiv ta’ żmien. Sabiex jiġi konkluż jekk kinitx dipendenti jew le, għandha ssir evalwazzjoni tas‑sitwazzjoni tagħha fil-pajjiż ta’ oriġini tagħha kif kienet sitt snin ilu (fl‑2011), jew kif kienet tkun fl‑2017 li kieku ma rrilokatx?

32.

Din il-kwistjoni ta’ “ġeografija ta’ dipendenza” hija l-kwistjoni ewlenija li timmotiva d-domandi kollha magħmula f’din il-kawża.

33.

Qabel ma nirrispondi d-domandi tal-qorti tar-rinviju, nixtieq nenfasizza xi kwistjonijiet, rilevanti għal din il-kawża, li diġà ġew stabbiliti mill‑ġurisprudenza.

2.   Kwistjonijiet li diġà ġew stabbiliti fir‑rigward tal‑kunċett ta’ “dipendenza”

34.

Hemm diversi elementi, li huma rilevanti għal din il-kawża, li jiena jidhirli li huma stabbiliti fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

35.

Fl-ewwel lok, mis-sentenzi Lebon ( 13 ) u Jia ( 14 ) jirriżulta li d-dipendenza hija r‑riżultat ta’ sitwazzjoni fattwali li fiha qiegħda tingħata għajnuna lil membru tal-familja minn ċittadin mobbli tal-Unjoni ( 15 ).

36.

Fit-tieni lok, il-bżonn ta’ għajnuna għandu jkun reali. Għalhekk, fis-sentenza Jia, il-Qorti tal-Ġustizzja spjegat li l-membri tal-familja li jridu jibbażaw ruħhom fuq id-Direttiva dwar iċ-Ċittadinanza sabiex jiksbu d-dritt ta’ residenza għandhom, fid-dawl tal-kundizzjonijiet finanzjarji u soċjali tagħhom, ikunu f’sitwazzjoni li ma jistgħux imantnu lilhom infushom ( 16 ).

37.

Fit-tielet lok, mill-ġurisprudenza jirriżulta li d-dipendenza tal-inqas tinkludi bżonn ta’ għajnuna materjali ( 17 ). Għalhekk, fis-sentenza Jia, il‑Qorti tal-Ġustizzja kienet iffaċċjata b’dipendenza finanzjarja ta’ axxendent dirett ta’ ĊPT (omm) fuq binha u s-sieħba ta’ binha ( 18 ). Fis-sentenza Reyes, l-għajnuna inkwistjoni kienet tikkonsisti fi trasferimenti finanzjarji lil bint ĊPT mir-raġel ta’ ommha ( 19 ). Għajnuna ta’ tip simili hija inkwistjoni f’din il-kawża, peress li l-prova ta’ dipendenza tal‑persuna li ressqet it-talba kienet parzjalment miċħuda abbażi ta’ dokumenti finanzjarji li kienu kkunsidrati antiki wisq.

38.

Fir-raba’ lok, id-dritt ta’ residenza japplika awtomatikament meta l-elementi rilevanti ta’ dipendenza jissussistu, jiġifieri (i) bżonn reali ta’ għajnuna min-naħa tal-axxendent dirett (jew dixxendent) u (ii) ir-rieda min-naħa taċ-ċittadin mobbli tal-Unjoni li jagħti din l-għajnuna. La permess ta’ residenza u lanqas ċertifikat ta’ reġistrazzjoni ma jikkostitwixxu d-dritt ta’ residenza, peress li tali dokumenti huma sempliċement dikjaratorji ( 20 ).

39.

Minkejja n-natura dikjaratorja tal-permess tar-residenza, kif diġà ġie spjegat (ara l-punt 27 ta’ dawn il-konklużjonijiet), hemm obbligu min-naħa tal-familjari ta’ ĊPT dipendenti li jitolbu permess ta’ residenza ( 21 ). Tali permess ta’ residenza huwa importanti sabiex ikun hemm ċertezza legali dwar l-eżistenza tad-dritt ta’ residenza u b’hekk jiġi ffaċilitat l‑eżerċizzju ta’ dan id-dritt u l-integrazzjoni tal-membru tal-familja fl‑Istat Membru ospitanti ( 22 ). Barra minn hekk, meta membru tal-familja huwa ĊPT, bħal f’din il-kawża, permess ta’ residenza jiffaċilita l-moviment liberu ta’ din il-persuna fl-Unjoni, u r-ritorn tagħha fl-Istat Membru ospitanti mingħajr ostakoli amministrattivi żejda ( 23 ). Madankollu, in-nuqqas ta’ osservanza tal-obbligu li jintalab permess ta’ residenza ma jirriżultax fit-telf tad-dritt ta’ residenza, peress li tali permess ma jikkostitwixxix id-dritt ta’ residenza ( 24 ).

40.

Fil-qosor, mill-ġurisprudenza jirriżulta li meta axxendent dirett ta’ ċittadin mobbli tal-Unjoni jkun f’tali sitwazzjoni fattwali li huwa għandu bżonn reali ta’ għajnuna minn dan iċ-ċittadin mobbli tal‑Unjoni (jew il-konjuġi jew is-sieħeb tiegħu), id-Direttiva dwar iċ-Ċittadinanza awtomatikament tipprovdi d-dritt ta’ residenza fl-Istat Membru ospitanti lil dan l-axxendent dirett.

41.

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, issa ser ngħaddi għad‑domandi preliminari.

B. L‑ewwel domanda – il‑ġeografija ta’ dipendenza

42.

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk, meta jevalwaw id-dipendenza kif mitlub fl-Artikolu 2(2)(d) tad‑Direttiva dwar iċ-Ċittadinanza, l-awtoritajiet nazzjonali għandhomx jikkunsidraw is-sitwazzjoni ta’ axxendent dirett ta’ ċittadin mobbli tal‑Unjoni li diġà jinsab fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti.

43.

Din id-domanda tista’ tinftiehem b’żewġ modi: (i) mistoqsija dwar jekk it-talba għal permess ta’ residenza minn tali persuna għandhiex tkun evalwata fi kwalunkwe każ, jew (ii) jekk, meta tiġi eżaminata t-talba, ikunx rilevanti biss li tiġi evalwata s-sitwazzjoni kif kienet teżisti qabel mal‑persuna li ressqet it-talba rrilokat lejn l-Istat Membru ospitanti. Fi kwalunkwe każ, din id-domanda tqajjem il-kwistjoni ta’ ġeografija – is-sitwazzjoni fil-pajjiż ta’ oriġini tal-persuna li ressqet it-talba hija deċiżiva sabiex tiġi evalwata d-dipendenza?

44.

Fi kliem ieħor, sabiex tipprova d-dipendenza tagħha u b’hekk tkun irrikonoxxuta bħala li għandha d-dritt ta’ residenza abbażi tad-Direttiva dwar iċ-Ċittadinanza, huwa neċessarju li s-Sinjura XXX kienet dipendenti fuq l-unità familjari ta’ AL u ta’ N.E.K. meta kienet għadha tgħix fil-pajjiż ta’ oriġini tagħha?

1.   L‑argumenti tal‑partijiet fil‑kawża quddiem il‑Qorti tal‑Ġustizzja

45.

Il-partijiet f’din il-kawża offrew erba’ proposti differenti dwar il-fatturi li l-awtoritajiet kompetenti għandhom jevalwaw meta jiddeċiedu jekk għandhomx joħorġu permess ta’ residenza.

46.

Skont is-Sinjura XXX u l-Gvern Ġermaniż, huwa biżżejjed li tiġi pprovata l-eżistenza, fil-Belġju (l-Istat Membru ospitanti), tal-bżonn ta’ għajnuna fil‑mument tat-talba għall-permess ta’ residenza, li, f’din il-kawża, kienet imressqa fl‑2017.

47.

Il-pożizzjoni tal-Gvern Belġjan hija kemxejn ambigwa. Dan il-Gvern spjega li s-Sinjura XXX kellha tipprova li hija kienet dipendenti fil‑mument li fih applikat għall-permess ta’ residenza, li, f’din il-kawża, kien fl‑2017, iżda ma kienx ċar jekk kinitx meħtieġa tipprova li kienet dipendenti fil-Belġju jew fil-pajjiż ta’ oriġini tagħha. Waqt is-seduta, dan il-Gvern ikkjarifika li l-awtoritajiet Belġjani ma huma bl-ebda mod ikkonċernati bis-sitwazzjoni fil-Belġju, iżda biss bis-sitwazzjoni tas-Sinjura XXX fil‑pajjiż ta’ oriġini tagħha. Madankollu, kien sostnut ukoll li s-Sinjura XXX ma kinitx mitluba tipprovdi prova dokumentarja li kienet tkun dipendenti fil-pajjiż ta’ oriġini tagħha fl‑2017, li kieku rritornat sabiex tgħix hemm.

48.

Il-Kummissjoni u l-Gvern Daniż iqisu li d-dipendenza għandha teżisti fil-pajjiż ta’ oriġini fil-mument li fih l-axxendent dirett japplika sabiex jingħaqad maċ-ċittadin tal-Unjoni u jidħol fl-Unjoni għal din ir‑raġuni għall-ewwel darba. Wara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil‑kawża Chief Appeals Officer, huma jqisu li d-dipendenza għandha teżisti wkoll fil-mument li fih jintalab il-permess ta’ residenza, jekk dan ikun imbiegħed fiż-żmien mill-mument ta’ rilokazzjoni fl-Istat Membru ospitanti. Barra minn hekk, il-Kumissjoni spjegat ukoll li dan huwa neċessarju sabiex jiġi evitat il-ħruġ ta’ permess li ma għadux iġġustifikat ( 25 ).

49.

Fil-fehma tal-Kummissjoni u tal-Gvern Daniż, sabiex issir din l‑aħħar evalwazzjoni, l-awtoritajiet ikollhom bżonn jikkunsidraw jekk l‑axxendent huwiex dipendenti fl-Istat Membru ospitanti u mhux jekk kinitx tkun dipendenti fil-pajjiż ta’ oriġini tagħha. Għalhekk, il-Gvern Daniż jispjega li fit-tip ta’ sitwazzjoni bħal dik f’din il-kawża, l‑awtoritajiet Daniżi jitolbu żewġ tipi ta’ dokumentazzjoni, jiġifieri (i) dokumentazzjoni iktar antika mill‑2008, mill‑2009 u mill‑2010, li huwa l-perijodu qabel il-wasla, li turi li l-persuna kienet dipendenti fil-pajjiż ta’ oriġini tagħha, u (ii) dokumentazzjoni iktar reċenti li tipprova li s‑sitwazzjoni ta’ dipendenza tkompli teżisti fl-Istat Membru ospitanti, fil‑mument li fih saret it-talba.

50.

Fl-aħħar nett, skont il-Gvern Ċek, il-kundizzjoni ta’ dipendenza tista’ tkun issodisfatta jew fl-Istat ta’ oriġini jew fl-Istat Membru ospitanti.

2.   Evalwazzjoni

51.

Fl-opinjoni tiegħi, il-bżonn ta’ għajnuna fil-pajjiż ta’ oriġini ma huwiex kundizzjoni sabiex tkun dipendenti fis-sens tal-Artikolu 2(2)(d) tad‑Direttiva dwar iċ-Ċittadinanza.

52.

La l-kliem, il-kuntest jew l-għan tad-Direttiva dwar iċ‑Ċittadinanza, u lanqas il-ġurisprudenza relatata ma’ din id-direttiva, ma jeħtieġu li l-membru tal-familja taċ-ċittadin mobbli tal-Unjoni jkun dipendenti fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu qabel ma jingħaqad maċ-ċittadin mobbli tal-Unjoni jew li huwa kien ikun dipendenti hemmhekk li kieku rritorna.

53.

Sabiex ikun hemm dritt ta’ residenza bbażat fuq dipendenza, u, għalhekk, sabiex jinħareġ il-permess ta’ residenza, huwa biżżejjed li axxendent dirett ikun dipendenti fuq ċittadin mobbli tal-Unjoni fil-mument meta tressqet it-talba għal dan il-permess. Il-post fejn tali dipendenza tissussisti huwa irrilevanti.

a)   Id‑Direttiva dwar iċ‑Ċittadinanza ma torbotx l‑eżistenza tad‑dritt ta’ residenza ma’ xi kundizzjoni ġeografika

54.

Fir-rigward tar-rekwiżit ta’ dipendenza fil-pajjiż ta’ oriġini, jien inklinat li naqbel mas-Sinjura XXX li dan ir-rekwiżit ma jeżistix fid-Direttiva dwar iċ-Ċittadinanza.

1) Il‑kliem, il‑kuntest u l‑istorja leġiżlattiva

55.

Jekk nibdew mill-kliem tad-Direttiva dwar iċ-Ċittadinanza, l‑Artikolu 2(2)(d), differenti mill-Artikolu 3(2)(a) ( 26 ), ma jirreferix għall‑pajjiż li minnu ġie l-membru tal-familja. Din id-dispożizzjoni sempliċement tirrikjedi li jkun hemm dipendenza, mingħajr riferiment dwar fejn din kellha teżisti.

56.

Jekk l-Artikolu 2(2)(d) jitpoġġa fil-kuntest usa’ tad-Direttiva dwar iċ-Ċittadinanza, l-Artikolu 10(2)(d) tagħha, li jittratta l-ħruġ tal‑permess ta’ residenza, jirrikjedi b’mod ġenerali li l-axxendent dirett jissottometti prova dokumentarja li turi li l-kundizzjonijiet tal‑Artikolu 2(2)(d) ġew issodisfatti. Huwa ma jispeċifikax li tali prova għandha toriġina mill‑pajjiż ta’ oriġini tal-axxendent ( 27 ).

57.

L-istorja leġiżlattiva tista’ wkoll tiġi interpretata bħala li tindika li ma kienx intenzjonat li jkun hemm rekwiżit ġeografiku. Filwaqt li d‑Direttiva 68/360/KEE ( 28 ) kienet tirrikjedi prova dokumentarja mill-pajjiż ta’ oriġini, dik id-direttiva tħassret u ġiet issostitwita bid-Direttiva dwar iċ‑Ċittadinanza, li ma għadhiex tinkludi tali rekwiżit fir-rigward tal‑axxendenti diretti.

2) Il-ġurisprudenza

58.

L-argumenti tal-partijiet dwar il-post li fih id-dipendenza għandha teżisti kien jirrigwarda wkoll punt wieħed fis-sentenza Jia, li huma interpretaw b’mod differenti. Fil-punt 37 ta’ dik is-sentenza, il-Qorti tal‑Ġustizzja ddikjarat: “[i]l-bżonn ta’ għajnuna materjali għandu jeżisti fl-Istat ta’ oriġini ta’ dawn l-axxendenti jew fl-Istat minn fejn huma jkunu ġew, fil-mument meta jitolbu li jingħaqdu ma’ l-imsemmi ċittadin Komunitarju”. Il-Qorti tal-Ġustizzja waslet għal konklużjonijiet simili fis-sentenzi Rahman ( 29 ) u Reyes ( 30 ).

59.

Din il-konstatazzjoni tista’ tinftiehem li tfisser li d-dipendenza kellha teżisti fil-pajjiż ta’ oriġini. Inkella, setgħet tinftiehem bħala li tissuġġerixxi li d-dipendenza hija evalwata fil-mument tat-talba, li, fil‑kuntest tas-sentenzi Jia, Reyes u Rahman, kien (kważi) fl-istess ħin mas‑sitwazzjoni tal-axxendenti inkwistjoni fil-pajjiżi ta’ oriġini.

60.

Il-partijiet kollha, ħlief is-Sinjura XXX u l-Gvern Ġermaniż, interpretaw il-punt 37 tas-sentenza Jia bħala li jfisser li d-dipendenza kellha tkun diġà teżisti fl-Istat ta’ oriġini qabel ma’ membru tal-familja jingħaqad maċ‑ċittadin mobbli tal-Unjoni.

61.

B’kuntrast, is-Sinjura XXX iddikjarat li, jekk meħuda fil‑kuntest taċ-ċirkustanzi ta’ dawk il-kawżi, il-konstatazzjoni fis-sentenza Jia u f’sentenzi oħra li għandhom formulazzjoni simili ma tappoġġax il-konklużjoni preċedenti.

62.

Jiena naqbel ma’ din l-aħħar interpretazzjoni li l-punt 37 tas‑sentenza Jia ma tappoġġax il-konklużjoni li r-rekwiżit li l-bżonn ta’ għajnuna kien jeżisti fil-pajjiż ta’ oriġini huwa kundizzjoni stabbilita fl‑Artikolu 2(2)(d) u fl-Artikolu 7(2) tad-Direttiva dwar iċ-Ċittadinanza.

63.

Din il-konstatazzjoni mis-sentenza Jia, ripetuta fis-sentenzi Rahman u Reyes – ara l‑punt 58 ta’ dawn il-konklużjonijiet – tabilħaqq għandha titqiegħed fil‑kuntest ta’ dawk il-kawżi u d-domandi li għalihom il-Qorti tal‑Ġustizzja kienet qiegħda tipprovdi risposti. Fis-sentenzi Jia u Reyes, membri tal‑familja talbu permess ta’ residenza malajr hekk kif daħlu fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti (ara l-punt 59 ta’ dawn il-konklużjonijiet). Fis-sentenza Rahman, membri tal-familja talbu permess ta’ residenza anki qabel ma daħlu fir‑Renju Unit mill-pajjiż ta’ oriġini tagħhom. Għalhekk, ir-riferiment għall-pajjiż ta’ oriġini f’dawk il-kawżi kien immotivat mill-fatt li l‑awtoritajiet li kienu ser jiddeċiedu jekk joħorġux permess ta’ residenza setgħu jħarsu biss lejn il-perijodu ta’ qabel ir-rilokazzjoni lejn l-Istat Membru ospitanti sabiex jevalwaw jekk il-persuni kkonċernati kinux dipendenti fuq ċittadin mobbli tal-Unjoni. Fil-kawża inkwistjoni, madankollu, hemm intervall ta’ sitt snin bejn il-mument tad-dħul fil‑Belġju u l-mument li fih it-talba għall-permess ta’ residenza ġiet evalwata. Għalhekk, il-konstatazzjoni mis-sentenza Jia ma tistax awtomatikament tiġi trasposta għaċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża.

64.

Barra minn hekk, kif ġie spjegat ukoll mis-Sinjura XXX, il-punt 37 tas-sentenza Jia għandu jinftiehem fir-rigward tad-domanda speċifika li l-Qorti tal-Ġustizzja kienet qiegħda tirrispondi f’dak ir-riferiment għal deċiżjoni preliminari. F’dik il-kawża, il-qorti tar-rinviju staqsiet jekk il‑kunċett ta’ dipendenza jfissirx li l-membru tal-familja lanqas ma jista’ jilħaq il-livell minimu ta’ għajxien aċċettabbli fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu ( 31 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja għalhekk intalbet tagħti risposta dwar il‑livell tal-bżonn ta’ għajnuna li jiskatta l-eżistenza ta’ dipendenza u mhux dwar fejn il-bżonn ta’ għajnuna għandu jeżisti.

65.

Fil-kawża Chief Appeals Officer, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kkonfermat li l-konstatazzjonijiet fis-sentenzi Jia u Reyes għandhom jinqraw fil-kuntesti tagħhom, u ma setgħux jiġu awtomatikament applikati sabiex tingħata risposta għad‑domanda mqajma f’dik il-kawża. F’dik il-kawża, il-Qorti tal‑Ġustizzja spjegat li, fis-sentenza Reyes, hija kienet mitluba tikkunsidra l‑kundizzjonijiet li kellhom jiġu ssodisfatti fil-mument li fih il-persuna kkonċernata tapplika għal dritt idderivat ta’ residenza fl-Istat Membru ospitanti, u mhux dwar il-kundizzjonijiet li għandhom jiġu ssodisfatti minn din il-persuna sabiex issostni dan id-dritt fl-Istat Membru ospitanti ( 32 ).

66.

F’din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja hija mistiedna wkoll tikkjarifika kwistjoni differenti minn dawk imqajma fil-kawżi preċedenti. Il-kwistjoni f’din il-kawża hija dwar jekk is-sitwazzjoni ta’ persuna dipendenti fil‑pajjiż ta’ oriġini hijiex rilevanti għall-evalwazzjoni ta’ dipendenza fejn, differenti mis-sitwazzjoni fis-sentenzi Jia u Reyes, għadda ammont sinjifkattiv ta’ żmien bejn ir-rilokazzjoni mill-pajjiż ta’ oriġini u t-talba għall-permess ta’ residenza.

67.

Il-kawżi preċedenti ma jirrispondux din id-domanda u għalhekk, ma jistgħux jintużaw awtomatikament sabiex jirrisolvu l-kwistjoni f’din il-kawża.

3) Ir-rilevanza tas-sentenza Chief Appeals Officer

68.

L-interpretazzjoni tas-sentenza Chief Appeals Officer mogħtija minn uħud mill-partijiet f’din il-kawża tissuġġerixxi li l‑kunċett ta’ dipendenza għandu dimensjoni temporali minbarra dimensjoni ġeografika. Skont din l-interpretazzjoni, id-dipendenza għandha tabilħaqq tirriżulta fil-pajjiż ta’ oriġini, iżda mbagħad għandha tkompli tissussisti fl-Istat Membru ospitanti. Għalhekk, jekk jgħaddi perijodu ta’ żmien kunsiderevoli bejn il-mument ta’ rilokazzjoni u l-mument li fih issir it-talba għall-permess ta’ residenza, żewġ postijiet huma rilevanti sabiex tiġi evalwata d-dipendenza – il-pajjiż ta’ oriġini (fil-passat) u l‑Istat Membru ospitanti (fil-preżent).

69.

Jiena ma nifhimx il-konstatazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja fis‑sentenza Chief Appeals Officer b’dan il-mod.

70.

B’risposta għal waħda mid-domandi f’dik il-kawża, il-Qorti tal‑Ġustizzja ddikjarat li, skont id-Direttiva dwar iċ-Ċittadinanza, axxendent dirett iżomm id-dritt ta’ residenza sakemm huwa jibqa’ dipendenti, u li dan id-dritt jista’ jintilef jekk id-dipendenza ma tibqax teżisti ( 33 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja ma implikatx li d-dipendenza kellha tibda meta l-membru tal-familja jkun għadu fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu. F’dik il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja ma ntalbitx tiddeċiedi dwar fejn id-dipendenza għandha tissussisti. Il-qofol tal-kwistjoni kienet, pjuttost, li d-dipendenza għandha teżisti fil-mument meta l‑axxendent japplika għal benefiċċju soċjali. Minflok iddeċidiet dwar fejn id-dipendenza għandha teżisti, il-Qorti tal-Ġustizzja sempliċement spjegat li ma jistax jiġi konkluż li d-dipendenza teżisti sempliċement għaliex kienet teżisti f’mument preċedenti.

71.

Għalhekk, iktar milli ddeċidiet li d-dipendenza għandha tissussisti fil-pajjiż ta’ oriġini, il-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza Chief Appeals Officer, tikkonferma biss li d‑dipendenza għandha teżisti fil-mument meta l-membru tal-familja dipendenti jitlob ċertu dritt ibbażat fuq id-dritt ta’ residenza tiegħu fl-Istat Membru ospitanti.

4) L‑għan tad‑Direttiva dwar iċ‑Ċittadinanza

72.

Il-premessi tad-Direttiva dwar iċ-Ċittadinanza jissuġġerixxu li d-dritt għar‑riunifikazzjoni tal-familja li sar possibbli permezz ta’ din id-direttiva jirrigwarda l‑protezzjoni taċ-ċittadini tal-Unjoni, mhux ċittadini ta’ pajjiżi terzi.

73.

Id-dritt taċ-ċittadini kollha tal-Unjoni li jiċċaqilqu u jirrisjedu b’mod liberu fit-territorju tal-Istati Membri protett minn din id-direttiva għandu, skont il-premessa 5 tagħha, jiġi eżerċitat taħt il-kundizzjonijiet oġġettivi tal-libertà u tad-dinjità.

74.

Il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet ( 34 ) li r-rispett għad-dritt tal-ħajja tal-familja, kif stabbilit fl-Artikolu 7 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) u fl-Artikolu 8 tal‑Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem (iktar ’il quddiem il-“KEDB”), huwa wieħed mill-kundizzjonijiet li jippermetti t-tgawdija tad-drittijiet taċ-ċittadinanza taħt il-kundizzjoni ta’ dinjità.

75.

Għalhekk, sabiex jiġi żgurat id-dritt għall-ħajja tal-familja, il-membri tal-familja axxendenti ( 35 ) jingħataw drittijiet, anki jekk biss drittijiet idderivati, sabiex jidħlu u jirrisjedu fi ħdan it-territorju tal‑Unjoni sakemm dan ikun neċessarju sabiex ma jkunx hemm ostakoli għall-moviment ta’ ċittadini tal-Unjoni.

76.

Huwa rari li leġiżlazzjoni jkollha biss għan wieħed. Id-Direttiva dwar iċ-Ċittadinanza ma hijiex eċċezzjoni. Hija għandha l-intenzjoni mhux biss li tagħti d-drittijiet, iżda wkoll sabiex tillimitahom billi timponi ċerti kundizzjonijiet fir-rigward tal-eżerċizzju tagħhom ( 36 ).

77.

Kif indikat mill-Gvern Daniż, id-Direttiva dwar iċ-Ċittadinanza hija r-riżultat tal-bżonn ta’ bilanċ bejn il-ħtieġa li jiġi eżerċitat id-dritt ta’ residenza ta’ ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom u l‑interess leġittimu tal-Istati Membri ospitanti sabiex jiżguraw li tali persuni ma jikkostitwixxux piż (finanzjarju) mhux meħtieġ.

78.

L-interpretazzjoni proposta, li d-dritt ta’ residenza ta’ axxendent dirett ma huwiex suġġett għar-rekwiżit li l-bżonn ta’ għajnuna kien jeżisti fil-pajjiż ta’ oriġini qabel ir-rilokazzjoni lejn l-Istat Membru ospitanti, itellef dan il-bilanċ milħuq mill-proċess leġiżlattiv tal-Unjoni?

79.

Fl-opinjoni tiegħi, le.

80.

Huwa veru li l-proposta oriġinali tal-Kummissjoni għal din id‑direttiva ma kienet tinkludi l-ebda klassifikazzjoni fir-rigward tal-axxendenti diretti li jistgħu jingħaqdu maċ-ċittadin tal-Unjoni. Il-kundizzjoni li tali persuna tkun dipendenti kienet miżjuda fil-kors tal-proċedura leġiżlattiva ( 37 ). Anki jekk, kif spjegajt banda oħra ( 38 ), ir-raġunijiet għal tali bidla leġiżlattiva ma humiex espressi, l-intenzjoni li jiġi limitat in‑numru ta’ axxendenti li jistgħu jingħaqdu maċ-ċittadin tal-Unjoni hija ovvja.

81.

Din l-intenzjoni hija espressa bir-rekwiżit li axxendent għandu jkun dipendenti fuq iċ-ċittadin tal-Unjoni. Fid-dawl tad-dritt għall-ħajja tal-familja mogħti liċ-ċittadini mobbli tal-Unjoni, ma hemm l-ebda ġustifikazzjoni sabiex dan id-dritt jiġi llimitat iktar billi jintalab li d‑dipendenza għandha teżisti fil-pajjiż ta’ oriġini.

82.

Għalhekk, fid-dawl tal-għan tad-Direttiva dwar iċ-Ċittadinanza, u kif espress mill-Gvern Ġermaniż, huwa neċessarju li sempliċement jiġi pprovat li hemm il-bżonn ta’ għajnuna u ta’ rieda li tingħata tali għajnuna. Jekk dan jiġi pprovat, irrispettivament mill-post fejn il-membru tal‑familja għandu bżonn l-għajnuna miċ-ċittadin mobbli tal-Unjoni, dritt idderivat ta’ residenza jirriżulta b’mod awtomatiku abbażi tad-Direttiva dwar iċ-Ċittadinanza.

b)   Id‑Direttiva dwar iċ‑Ċittadinanza ma torbotx l‑eżistenza tad‑dritt għal residenza mal‑mument tad‑dħul fl‑Istat Membru ospitanti

83.

Fl-opinjoni tiegħi, id-Direttiva dwar iċ-Ċittadinanza ma tagħmilx id-dritt idderivat għal residenza ta’ axxendent dipendenti kkundizzjonat fuq ir-rekwiżit li din il-persuna għandha tkun daħlet fil-pajjiż ospitanti bl-intenzjoni li tingħaqad ma’ ċittadin mobbli tal-Unjoni bħala d-dipendenti tiegħu ( 39 ).

84.

Id-dritt għad-dħul u d-dritt għar-residenza huma rregolati minn dispożizzjonijiet differenti tad-Direttiva dwar iċ-Ċittadinanza, l‑Artikolu 5 u l-Artikolu 7 rispettivament.

85.

L-Artikolu 7(1)(d) tad-Direttiva dwar iċ-Ċittadinanza jagħti lil membri tal-familja d-dritt li jirrisjedu fi Stat Membru ospitanti. Madankollu, l-Artikolu 7 ma jagħmilx riferiment għall-Artikolu 5, li jirregola d-dritt għad-dħul. Għalhekk ma hemmx rekwiżit li jinkiseb dritt speċjali għad-dħul sabiex persuna tingħaqad ma’ ċittadin mobbli tal‑Unjoni sabiex tkun tista’ tikseb id-dritt għal residenza. L-uniku rekwiżit għat-tgawdija tad-dritt għal residenza abbażi tal-Artikolu 7(2) tad‑Direttiva dwar iċ-Ċittadinanza huwa li l-persuna inkwistjoni tkun membru tal-familja fis-sens tal-Artikolu 2(2) ta’ din id-direttiva, li huwa kunċett li jinkludi axxendenti dipendenti taċ-ċittadin mobbli tal-Unjoni, kif deskritt fl-Artikolu 7(1)(a) sa (ċ) tagħha. Ma hemm l-ebda rekwiżit fid-Direttiva dwar iċ-Ċittadinanza li tali persuna għandha tkun daħlet fit-territorju tal-Unjoni abbażi tal-fatt li hija dipendenti fuq iċ-ċittadin mobbli tal‑Unjoni.

86.

Fil-qosor, id-dipendenza tal-membru tal-familja axxendenti fuq iċ‑ċittadin mobbli tal-Unjoni u d-dritt konness għar-residenza jirrikjedu biss li din il-persuna ikollha bżonn l-għajnuna miċ-ċittadin mobbli tal‑Unjoni, irrispettivament mill-post fejn dan il-bżonn għall-għajnuna jeżisti. Id-dipendenza ma hijiex marbuta ma’ post partikolari, fis-sens li l‑bżonn għall-għajnuna għandu jissussisti fil-pajjiż ta’ oriġini qabel mal‑persuna tidħol fl-Istat Membru ospitanti. Bl-istess mod, ma hemm l‑ebda rekwiżit fid‑Direttiva dwar iċ-Ċittadinanza li, sabiex jiġi akkwistat id-dritt idderivat għal residenza, il-membru tal-familja għandu jidħol fl‑Istat Membru ospitanti bl-intenzjoni li jingħaqad maċ-ċittadin mobbli tal‑Unjoni li jieħu ħsiebu. Id-dritt għal residenza jiddependi esklużivament fuq l-eżistenza tar-relazzjoni ta’ dipendenza u d-Direttiva dwar iċ-Ċittadinanza ma timponi l-ebda kundizzjoni addizzjonali għalih.

87.

Għal din ir-raġuni, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti risposta għall-ewwel domanda bil-mod segwenti: fil-kuntest tal-eżami tal-kunċett ta’ dipendenza għall-finijiet tal-Artikolu 2(2)(d) tad-Direttiva dwar iċ-Ċittadinanza, għandha tiġi kkunsidrata wkoll is-sitwazzjoni ta’ axxendent dirett ta’ ċittadin mobbli tal-Unjoni li diġà qiegħed fit‑territorju tal-Istat li fih huwa stabbilit l-isponsor.

C. It‑tieni domanda – il‑kwistjoni ta’ soġġorn illegali

88.

Jekk is-sitwazzjoni ta’ persuna li ressqet it-talba li diġà tinsab fl‑Istat Membru ospitanti għandha tiġi kkunsidrata, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk huwiex rilevanti jekk il-persuna li ressqet it-talba tinsab fit-territorju ta’ dan l‑Istat b’mod legali.

89.

Mill-ġurisprudenza jirriżulta li d-dritt ta’ residenza ta’ axxendent (jew dixxendent) dirett jeżisti bħala konsegwenza awtomatika tar‑relazzjoni ta’ dipendenza. Għalhekk, jekk il-bżonn reali tal-axxendent li jirċievi għajnuna miċ-ċittadin mobbli tal-Unjoni jeżisti, id-dritt ta’ residenza jeżisti wkoll awtomatikament fir-rigward ta’ dan l-axxendent.

90.

Is-soġġorn fl-Istat Membru ospitanti ta’ axxendent li huwa dipendenti għalhekk ma jistax ikun illegali, peress li d-dritt li wieħed jibqa’ f’tali sitwazzjoni huwa previst fid-Direttiva dwar iċ-Ċittadinanza.

91.

Ma hemmx rekwiżit addizzjonali apparti l-bżonn reali li wieħed jirċievi l-għajnuna, inkluż il-legalità tas-soġġorn preċedenti li tikkundizzjona d‑dritt ta’ residenza abbażi tal-Artikolu 7(1)(d) jew (2) tad-Direttiva dwar iċ‑Ċittadinanza ( 40 ).

92.

F’dan l-istadju, ninnota wkoll li s-Sinjura XXX jidher li kellha bżonn l-għajnuna mill-unità familjari ta’ binha u tas-sieħba tiegħu mal-wasla tagħha fil-Belġju, u, suġġett għal verifika mill-qorti nazzjonali, anki qabel dan meta kienet fil-pajjiż ta’ oriġini tagħha. Il-fatt li, fl‑2011, ma ngħatalhiex permess ta’ residenza abbażi tad-dritt nazzjonali ma jibdilx il‑fatt li hija setgħet tibbaża ruħha fuq id-dipendenza tagħha fuq din l‑unità familjari abbażi tad-Direttiva dwar iċ-Ċittadinanza.

93.

Barra minn hekk, peress li d-dritt ta’ residenza abbażi tad-Direttiva dwar iċ-Ċittadinanza jirriżulta b’mod awtomatiku jekk ir-relazzjoni rilevanti ta’ dipendenza teżisti, u ma huwiex ikkundizzjonat fuq il-ħruġ tal-permess ta’ residenza, ma huwiex rilevanti li l-awtoritajiet irrifjutaw li joħorġu tali permess fl‑2015 u ħarġu ordni sabiex is-Sinjura XXX titlaq mill-Belġju. Peress li d-dipendenza hija kwistjoni fattwali, jidher li s-Sinjura XXX kellha dritt ta’ residenza mill-mument tal-wasla tagħha fil-Belġju.

94.

Jidher ukoll li lanqas ma hemm raġuni sabiex wieħed jemmen li din id‑dipendenza spiċċat f’xi punt sal-lum, li jwassal għall-konklużjoni li hija għamlet iktar minn ħames snin bħala residenta legali abbażi tad‑Direttiva dwar iċ‑Ċittadinanza fil-Belġju, u għalhekk kisbet ukoll id‑dritt ta’ residenza permanenti ( 41 ). Dan ifisser ukoll li d-deċiżjonijiet li jirrifjutaw li jinħarġilha permess ta’ residenza u li jordnaw it-tkeċċija tagħha mill‑Belġju huma illegali. Madankollu, dawn il-fatti għandhom jiġu vverifikati mill-qorti nazzjonali.

95.

Għalhekk nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti s-segwenti risposta għat-tieni domanda: axxendent dirett li huwa dipendenti fuq ċittadin mobbli tal-Unjoni, fis-sens tal-Artikolu 2(2) tad-Direttiva dwar iċ-Ċittadinanza, qiegħed legalment fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti minkejja kwalunkwe deċiżjonijiet li jsostnu mod ieħor adottati taħt id-dritt nazzjonali. Jekk, qabel ma saret dipendenti, il-persuna li ressqet it-talba kienet, skont id-dritt nazzjonali, qiegħda illegalment fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti, dan ma jaffettwax sussegwentement id-drittijiet tagħha bbażati fuq l-Artikolu 7(1)(d) u l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva dwar iċ-Ċittadinanza.

D. It‑tielet u r‑raba’ domanda – kif tintwera d‑dipendenza

96.

Permezz tat-tielet u tar-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju trid tistabbilixxi kif axxendent dirett ta’ ċittadin mobbli tal-Unjoni għandu jipprova dipendenza sabiex jikseb permess ta’ residenza.

97.

Permezz tat-tielet domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk axxendent dirett ta’ ċittadin mobbli tal-Unjoni li jressaq talba għal permess ta’ residenza jistax jipprova l-fatt tad-dipendenza tiegħu billi juża prova dokumentarja li tmur lura għaż-żmien qabel ma seħħet ir-rilokazzjoni lejn l-Istat Membru ospitanti anki jekk kien għadda perijodu sinjifikattiv minn dak iż-żmien. Jekk tali prova dokumentarja ma hijiex rilevanti, jew suffiċjenti, permezz tar-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar‑rinviju tixtieq tistabbilixxi kif il-persuna li tressaq it-talba tista’ tipprova d-dipendenza tagħha.

98.

Id-domanda dwar kif tista’ tiġi pprovata d-dipendenza tiddependi mir-raġuni għaliex id-dipendenza għandha tkun ipprovata fl-ewwel lok.

99.

F’din il-kawża, is-Sinjura XXX għandha tipprova d-dipendenza sabiex jinħarġilha permess ta’ residenza.

100.

L-għan tal-permess ta’ residenza huwa li jiddikjara li, fil-mument meta jinħareġ, membru tal-familja għandu d-dritt ta’ residenza abbażi tal-Artikolu 7 tad-Direttiva dwar iċ-Ċittadinanza. F’dan ir-rigward, jidhirli li l-unika domanda rilevanti hija jekk teżistix dipendenza fil-post u fil-mument meta jintalab il-permess.

101.

Is-sitwazzjoni tkun differenti jekk ċertifikat ta’ residenza jkollu għan differenti, pereżempju sabiex jikkonferma li kien hemm dipendenza f’mument partikolari u għadha teżisti fil-mument tal-ħruġ taċ-ċertifikat. Dan jista’ jkun importanti sabiex jintalab status għal residenza permanenti, peress li tali status jiddependi fuq residenza legali kontinwa għal perijodu ta’ ħames snin. F’tali sitwazzjoni, kemm il-mument li fih bdiet teżisti d-dipendenza, li jista’ jkun fil-passat, u l-mument attwali, huma rilevanti.

102.

Madankollu, mid-deċiżjoni tar-rinviju jidher li s-Sinjura XXX fil-fatt talbet il-permess ta’ residenza biss mill-mument tat-(tielet) talba tagħha, fl‑2017.

103.

Fl-opinjoni tiegħi, għalhekk, jekk tabilħaqq, il-permess ta’ residenza f’din il-kawża huwa meħtieġ biss bħala konferma li d-dritt ta’ residenza jeżisti fil-mument ta’ tali talba u ser ikompli jeżisti fil-futur, sakemm ma jiġix irrevokat, ma hemmx ġustifikazzjoni għaliex tintalab prova tad‑dipendenza tas-Sinjura XXX fil-pajjiż ta’ oriġini. Ikun biżżejjed li tipprova li għandha bżonn l-għajnuna u li s-sieħba ta’ binha hija lesta li tipprovdi tali għajnuna fil-Belġju fil-mument meta tressaq it-talba għall‑permess ta’ residenza.

104.

F’dan ir-rigward, is-Sinjura XXX ma tistax tibbaża ruħha fuq provi li jmorru lura għall‑2011, iżda għandha tipprova d-dipendenza tagħha billi tuża provi kontemporanji li juru l‑bżonn tagħha għal għajnuna fl‑2017.

105.

Il-prova ta’ dipendenza fil-mument li titressaq it-talba għal permess ta’ residenza tista’ ssir b’kull mezz xieraq ( 42 ), skont is‑sitwazzjoni individwali tal-membru tal-familja kkonċernat. Jekk il-permess ta’ residenza jintalab ftit biss wara l-wasla ta’ membru tal-familja fl-Istat Membru ospitanti, dokument li jiċċertifika li din il-persuna kienet diġà qiegħda tirċievi pagamenti miċ-ċittadin mobbli tal-Unjoni fil-kont tagħha fil-pajjiż ta’ oriġini jista’ jkun rilevanti, iżda mhux mandatorju. Jekk, madankollu, il-membru tal-familja huwa diġà fl-Istat Membru ospitanti, prova li turi li kienet qiegħda tgħix maċ-ċittadin mobbli tal-Unjoni, jew li dan iċ-ċittadin qiegħed iħallas għall‑akkomodazzjoni, għall-ikel jew għal bżonnijiet oħra bażiċi tagħha fl-Istat Membru ospitanti tista’ tkun relevanti sabiex turi d-dipendenza materjali. Jista’ anki jkun meħtieġ li tintalab xi prova dokumentarja (pereżempju, il-prova li l-membru tal-familja ma għandu l-ebda sorsi ta’ dħul oħra minn xogħol fil-passat jew minn proprjetà) mill-pajjiż ta’ oriġini, sakemm ma jkunx impossibbli li tiġi akkwistata tali prova. Madankollu, din isservi sabiex turi li l-membru tal-familja ma huwiex f’pożizzjoni li jmantni lilu nnifsu f’dak il-mument li fih qiegħed iressaq it-talba għal permess ta’ residenza u fil-post li minnu din it-talba qiegħda titressaq, u mhux li kien ser ikun f’tali pożizzjoni fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu.

106.

Jekk membru tal-familja dipendenti għandu bżonn deċiżjoni li tiċċertifika d-dipendenza kontinwa tiegħu, kif jista’ jintalab meta japplika għal residenza permanenti, jista’ jkun meħtieġ li dik id‑dipendenza kienet teżisti fil-pajjiż, inkluż fil-pajjiż ta’ oriġini. F’tali każ, il-prova ta’ dipendenza fil-pajjiż ta’ oriġini qabel ma tidħol fl-Istat Membru ospitanti tista’ tkun ibbażata fuq provi dokumentarji antiki. Ma hemm l‑ebda ġustifikazzjoni sabiex tintalab dokumentazzjoni li turi li s-Sinjura XXX kienet diġà dipendenti fil-pajjiż ta’ oriġini tagħha qabel ma ngħaqdet mal-familja tagħha fil-Belġju jekk tali dokumenti kienu diġà sottomessi lill-awtorità kompetenti.

107.

Għalhekk nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tagħti s-segwenti risposta għat-tielet domanda: axxendent dirett ta’ ċittadin mobbli tal‑Unjoni ma jistax jibbaża ruħu fuq dokumenti maħruġa diversi snin qabel ma jressaq it-talba għal permess ta’ residenza sabiex jipprova d‑dipendenza tiegħu fuq iċ-ċittadin mobbli tal-Unjoni. Tali axxendent għandu juri d-dipendenza tiegħu fl-Istat Membru ospitanti fil‑mument li jressaq it-talba tiegħu għal permess ta’ residenza.

108.

B’risposta għar-raba’ domanda, nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi li tali prova tista’ tiġi ppreżentata b’kull mezz xieraq li jista’ juri li l-axxendent dirett inkwistjoni għandu bżonn reali ta’ għajnuna miċ-ċittadin mobbli tal-Unjoni fl-Istat Membru ospitanti fil-mument li fih titressaq it-talba għal permess tar-residenza. Tali prova tista’ tirrikjedi dokumenti ġodda mill-pajjiż ta’ oriġini li juru n-nuqqas jew l-inadegwatezza tar-riżorsi tiegħu minn relazzjonijiet ta’ impjieg fil-passat jew minn proprjetà. Tali dokumenti jservu sabiex jipprovaw il-bżonn ta’ għajnuna fl-Istat Membru ospitanti fil-mument li fih titressaq it-talba u mhux il-bżonn ta’ għajnuna fil-pajjiż ta’ oriġini.

IV. Konklużjoni

109.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti r-risposti segwenti għad-domandi magħmula mill‑Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, il-Belġju):

(1)

Meta teżamina l-eżistenza ta’ dipendenza fis-sens tal‑Artikolu 2(2)(d) tad-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar id-drittijiet taċ‑ċittadini ta’ l-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju ta’ l-Istati Membri u li temenda r‑Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE, l-awtoritajiet nazzjonali għandhom jikkunsidraw is-sitwazzjoni ta’ axxendent dirett ta’ ċittadin mobbli tal-Unjoni li diġà qiegħed fit‑territorju tal-Istat li fih huwa stabbilit l-isponsor.

(2)

Axxendent dirett li huwa dipendenti fuq ċittadin mobbli tal-Unjoni, fis-sens tal-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 2004/38, qiegħed legalment fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti minkejja kwalunkwe deċiżjonijiet adottati taħt id-dritt nazzjonali li jsostnu mod ieħor. Jekk qabel ma saret dipendenti, il-persuna li ressqet it-talba kienet, skont id-dritt nazzjonali, qiegħda illegalment fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti, dan ma jaffettwax sussegwentement id-drittijiet tagħha bbażati fuq l-Artikolu 7(1)(d) u l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2004/38.

(3)

Axxendent dirett ta’ ċittadin mobbli tal‑Unjoni ma jistax jibbaża ruħu fuq dokumenti maħruġa diversi snin qabel ma jressaq it-talba għal permess ta’ residenza sabiex jipprova d‑dipendenza tiegħu fuq iċ-ċittadin mobbli tal-Unjoni. Tali axxendent għandu juri d-dipendenza tiegħu fl-Istat Membru ospitanti fil‑mument li jressaq it-talba tiegħu għall-permess ta’ residenza.

(4)

Prova ta’ dipendenza tista’ tiġi ppreżentata b’kull mezz xieraq li jista’ juri li l-axxendent dirett inkwistjoni għandu bżonn reali ta’ għajnuna miċ-ċittadin mobbli tal-Unjoni fl-Istat Membru ospitanti fil‑mument li fih titressaq it-talba għal permess tar-residenza. Tali prova tista’ tirrikjedi dokumenti ġodda mill-pajjiż ta’ oriġini li juru n-nuqqas jew l-inadegwatezza tar-riżorsi tiegħu minn relazzjonijiet ta’ impjieg fil-passat jew minn proprjetà. Tali dokumenti jservu sabiex jipprovaw il-bżonn ta’ għajnuna fl-Istat Membru ospitanti fil-mument li fih titressaq it-talba u mhux il-bżonn ta’ għajnuna fil-pajjiż ta’ oriġini.


( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.

( 2 ) Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑29 ta’ April 2004 dwar id-drittijiet taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju ta’ l-Istati Membri u li temenda r‑Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 46; iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar iċ-Ċittadinanza”).

( 3 ) Ma huwiex ikkontestat li AL u s-Sinjura N.E.K. jgħixu flimkien fl-istess dar b’mod li huma rrikonoxxuti bħala unità tal-familja taħt id-dritt nazzjonali. Is-Sinjura N.E.K. għamlet dikjarazzjoni ta’ koabitazzjoni ma’ AL lir-Reġistratur ta’ Anderlecht (il-Belġju) fil‑11 ta’ Frar 2005, ħafna qabel ma s-Sinjura XXX irrilokat sabiex tgħix magħhom.

( 4 ) Id-Direttiva dwar iċ-Ċittadinanza tagħti drittijiet biss lill-familjari ta’ ċittadini tal‑Unjoni li telqu mill-Istat ta’ oriġini tagħhom lejn Stat Membru ieħor (“ċittadin mobbli tal-Unjoni”). Għalhekk, il-kwistjoni dwar jekk AL, ċittadin Belġjan jistax jingħaqad ma’ ommu fil-Belġju hija kwistjoni tad-dritt Belġjan. F’dan ir-rigward, ara l‑Artikolu 3(1) tad-Direttiva dwar iċ-Ċittadinanza. Ara wkoll, ex multis, is-sentenzi tat‑12 ta’ Marzu 2014, O. u B. (C‑456/12, EU:C:2014:135, punti 42 u 43), u tal‑14 ta’ Novembru 2017, Lounes (C‑165/16, EU:C:2017:862, punt 33).

( 5 ) Sentenza tad‑9 ta’ Jannar 2007 (C‑1/05, EU:C:2007:1, iktar ’il quddiem is-“sentenza Jia”).

( 6 ) Sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2023, Chief Appeals Officer et (C‑488/21, EU:C:2023:1013, iktar ’il quddiem is-“sentenza Chief Appeals Officer”).

( 7 ) Bl-istess mod, fis-sentenza tad‑9 ta’ Jannar 2007, Jia (C‑1/05, EU:C:2007:1), is‑Sinjura Jia, li bbażat it-talba tagħha taħt id-Direttiva dwar iċ-Ċittadinanza bħala axxendent dirett dipendenti, kienet l-omm ta’ ċittadin Ċiniż li martu kienet ċittadina Ġermaniża li kienet tgħix miegħu fl-Isvezja.

( 8 ) Fis-sentenza Reyes, ir-raġel Norveġiż ta’ ċittadina Ġermaniża li marret l-Isvezja, fejn kienu jgħixu bħala unità familarji, kien jappoġġja finanzjarjament lil bint martu. Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Jannar 2014, Reyes (C‑423/12, EU:C:2014:16, iktar ’il quddiem is-“sentenza Reyes”, punt 11).

( 9 ) L-axxendenti diretti li huma ċittadini tal-Unjoni ma għandhomx bżonn permess ta’ residenza. Madankollu, l-Istati Membri ospitanti jistgħu jitolbu li dawn jirreġistraw mal‑awtoritajiet rilevanti, li jistgħu joħorġulhom ċertifikat ta’ residenza. Ara, f’dan is-sens, l-Artikolu 8 tad-Direttiva dwar iċ-Ċittadinanza.

( 10 ) Ara s-sentenzi tad‑9 ta’ Jannar 2007, Jia (C‑1/05, EU:C:2007:1, punt 17); tal‑5 ta’ Settembru 2012, Rahman et (C‑83/11, EU:C:2012:519, iktar ’il quddiem is-“sentenza Rahman”, punt 14); u tas‑16 ta’ Jannar 2014, Reyes (C‑423/12, EU:C:2014:16, punt 12).

( 11 ) Fis-sentenza tat‑18 ta’ Ġunju 1987, Lebon (316/85, EU:C:1987:302, iktar ’il quddiem is-“sentenza Lebon”), is‑Sinjura Lebon applikat għal minimex fil-Belġju u ġiet irrifjutata, ara l-punt 2. Fil‑kawża Chief Appeals Officer, is-Sinjura GV applikat għal allowance ta’ diżabbiltà fl-Irlanda u ġiet irrifjutata, ara l-punt 2 tas-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2023, Chief Appeals Officer (C‑488/21, EU:C:2023:1013).

( 12 ) Minkejja li s-Sinjura XXX applikat għal permess ta’ residenza għall-ewwel darba xahrejn biss wara li daħlet fil-Belġju (ara l-punt 5 ta’ dawn il‑konklużjonijiet), din il-kawża tirrigwarda biss it-tielet talba tagħha mressqa fl‑2017 (ara l-punt 10 ta’ dawn il-konklużjonijiet).

( 13 ) Sentenza tat‑18 ta’ Ġunju 1987, Lebon (316/85, EU:C:1987:302, punt 22).

( 14 ) Sentenza tad‑9 ta’ Jannar 2007, Jia (C‑1/05, EU:C:2007:1, punt 35). Ara wkoll is‑sentenza tas‑16 ta’ Jannar 2014, Reyes (C‑423/12, EU:C:2014:16, punt 21).

( 15 ) Wara li kkonfermat li d-dipendenza hija riżultat ta’ sitwazzjoni fattwali, f’Zhu u Chen, il-Qorti tal-Ġustizzja spjegat li s-sitwazzjoni għandha tkun tali li l-membru tal-familja inkwistjoni jiddependi fuq iċ-ċittadin mobbli tal-Unjoni, u mhux viċe versa. Għal dik ir-raġuni, is-Sinjura Chen, omm ĊPT ta’ ċittadin tal-Unjoni li kellha d-dritt tirrisjedi fir-Renju Unit, ma setgħetx tinvoka d-dritt ta’ residenza tagħha abbażi tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni li sadattant kienet ġiet issostitwita mid-Direttiva dwar iċ‑Ċittadinanza, peress li ma kinitx dipendenti fuq bintha, iżda pjuttost il-kuntrarju, bintha kienet tiddependi fuqha. Ara s-sentenza tad‑19 ta’ Ottubru 2004, Zhu and Chen (C‑200/02, EU:C:2004:639, punti 43 u 44).

( 16 ) Sentenza tad‑9 ta’ Jannar 2007, Jia (C‑1/05, EU:C:2007:1, punt 37).

( 17 ) F’dan ir-rigward, fil-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Chief Appeals Officer, jiena pproponejt li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tadotta interpetazzjoni wiesgħa tal-kunċett ta’ dipendenza sabiex tinkludi mhux biss dipendenza materjali, iżda wkoll dik emozzjonali (C‑488/21, EU:C:2023:115, punt 58). Fis-sentenza tagħha f’dik il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja ma kkunsidratx din il-kwistjoni. Għalhekk, jiena nqis li din il-kwistjoni għadha miftuħa. Madankollu, din id-distinzjoni ma għandhiex tiġi kkunsidrata hawnhekk, peress li din il-kawża tirrigwarda għajnuna materjali.

( 18 ) Ara, pereżempju, is-sentenza tad‑9 ta’ Jannar 2007, Jia (C‑1/05, EU:C:2007:1, punti 18, 19 jew 37).

( 19 ) Sentenza tas‑16 ta’ Jannar 2014, Reyes (C‑423/12, EU:C:2014:16, punt 15).

( 20 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑27 ta’ Ġunju 2018, Diallo (C‑246/17, EU:C:2018:499, punti 48 u 49).

( 21 ) Fl-Artikolu 9(2), id-Direttiva dwar iċ-Ċittadinanza timponi fuq il-membri tal-familja li ma humiex ċittadini tal-Unjoni obbligu li japplikaw għal permess ta’ residenza, f’terminu ta’ mhux inqas minn tliet xhur mid-data tal-wasla fil-pajjiż ospitanti, iżda t-terminu preċiż jista’ jiġi stabbilit minn kull Stat Membru.

( 22 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑27 ta’ Ġunju 2018, Diallo (C‑246/17, EU:C:2018:499, punt 66).

( 23 ) Ara, f’dan is-sens, il-premessa 8 tad-Direttiva dwar iċ-Ċittadinanza.

( 24 ) Nuqqas li jiġi osservat it-terminu impost minn Stat Membru sabiex jintalab permess ta’ residenza jista’, skont l-Artikolu 9(3) tad-Direttiva dwar iċ-Ċittadinanza, iwassal sabiex il-membru tal-familja kkonċernat ikun suġġett għal sanzjonijiet proporzjonati u nondiskriminatorji. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat li n-nuqqas li jintalab il-permess ta’ residenza ma jistax iwassal għat-telf tad-dritt ta’ residenza. Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ Lulju 2002, MRAX (C‑459/99, EU:C:2002:461, punti 74 u 79).

( 25 ) Jista’ jinżied li l-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha tas‑27 ta’ Ġunju 2018, Diallo (C‑246/17, EU:C:2018:499, punti 50 u 55) qieset li l-Istati Membri huma preklużi milli joħorġu permess ta’ residenza abbażi tad-Direttiva dwar iċ-Ċittadinanza jekk ma jkunux issodisfatti bil-prova ta’ dipendenza. Madankollu, huma jistgħu jirrikonoxxu d-dritt ta’ residenza u jiċċertifikawh b’mezzi xierqa abbażi tad-dritt nazzjonali biss, anki fl-assenza tal-prova ta’ dipendenza.

( 26 ) L-Artikolu 3(2) tad-Direttiva dwar iċ-Ċittadinanza huwa dwar membri tal-familja minbarra dawk elenkati fl-Artikolu 2(2) tagħha, li għalihom l-Istati Membri għandhom jiffaċilitaw id-dħul u r-residenza, iżda tali drittijiet ma jirriżultawx b’mod dirett abbażi ta’ din id-direttiva.

( 27 ) Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 10(2)(e) tad-Direttiva dwar iċ-Ċittadinanza jirreferi għad-dokumenti maħruġa mill-awtorità rilevanti fil-pajjiż ta’ oriġini fir-rigward ta’ membri tal-familja oħra mill-Artikolu 3(2) ta’ din id-direttiva.

( 28 ) Direttiva tal-Kunsill 68/360/KEE tal‑15 ta’ Ottubru 1968 dwar it-tneħħija ta’ restrizzjonijiet fuq il-moviment u residenza fi ħdan il-Komunità għal ħaddiema ta’ Stati Membri u l-familji tagħhom (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 27).

( 29 ) Sentenza tal‑5 ta’ Settembru 2012, Rahman et (C‑83/11, EU:C:2012:519, punt 33).

( 30 ) Sentenza tas‑16 ta’ Jannar 2014, Reyes (C‑423/12, EU:C:2014:16, punt 30).

( 31 ) Ara, f’dan is-sens, id-domanda 2a, kif riprodotta fil-punt 24 tas-sentenza tad‑9 ta’ Jannar 2007, Jia (C‑1/05, EU:C:2007:1).

( 32 ) Ara s-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2023, Chief Appeals Officer et (C‑488/21, EU:C:2023:1013, punt 58).

( 33 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2023, Chief Appeals Officer (C‑488/21, EU:C:2023:1013, punti 60 u 61). Id-dipendenza tista’ tispiċċa jekk il‑bżonn tal-axxendent għal għajnuna minn membri tal-familja jisparixxi, jew jekk il-membri tal-familja li huma ċittadini mobbli tal-Unjoni jieqfu jipprovdu l-għajnuna neċessarja.

( 34 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ Lulju 2002, MRAX, (C‑459/99, EU:C:2002:461, punt 53).

( 35 ) F’dan ir-rigward, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (Qorti EDB) iddeċidiet li r-relazzjoni bejn adulti u l-ġenituri tagħhom tikkostitwixxi ħajja tal-familja protetta bl-Artikolu 8 KEDB, anki fejn l-adult ma kienx jgħix mal-ġenituri tiegħu jew ma’ ħutu u kien ifforma unità familjari u familja separata. Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenzi tal-QEDB tat‑18 ta’ Frar 1991, Moustaquim vs Il‑Belġju (CE:KEDB:1991:0218JUD001231386, punti 35 u 45 sa 46), u tas‑26 ta’ Settembru 1997, El Boujaïdi vs Franza (CE:KEDB:1997:0926JUD002561394, punt 33).

( 36 ) Ara l-Artikolu 1(a) tad-Direttiva dwar iċ-Ċittadinanza li jistipula li din id-direttiva tipprevedi l-kundizzjonijiet li jirregolaw l-eżerċizzju tad-dritt tal-moviment liberu u ta’ residenza fit-territorju tal-Istati Membri minn ċittadini tal-Unjoni u l-membri tal‑familja tagħhom.

( 37 ) Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jirrisjedu liberament fit-territorju tal-Istati Membri (COM(2001) 257 final) (ĠU 2001, C 270 E, p. 150). Għal spjega iktar iddettaljata, ara De Somer, M. “Identifying Member States Interests”Precedents and Judicial Politics in EU Immigration Law, Palgrave Macmillan Cham, 2019, Taqsima 5.2.2 “The Citizenship Directive”, p. 113; Guild, E, Peers, S., u Tomkins, J., “General Provisions”, The EU Citizenship Directive: A Commentary, it-tieni edizzjoni, Oxford University Press, Oxford, 2019, pp. 42 sa 46; Nic Shuibhne, N., EU Citizenship Law, Oxford University Press, Oxford, 2023, pp. 174 sa 179.

( 38 ) Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Chief Appeals Officer et (C‑488/21, EU:C:2023:115, punt 55).

( 39 ) L-implikazzjoni tal-konnessjoni bejn id-dħul u d-dritt ta’ residenza tista’ tispjega għaliex il-qorti tar-rinviju staqsiet, permezz tal-ewwel domanda tagħha, jekk l‑awtoritajiet nazzjonali għandhomx jevalwaw is-sitwazzjoni ta’ persuna li ma daħlitx fl-Istat Membru ospitanti bħala membru tal-familja dipendenti, iżda fuq xi bażi oħra, bħal viża ta’ turist.

( 40 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ Lulju 2008, Metock et (C‑127/08, EU:C:2008:449, punti 50 u 51). Dik il-kawża kienet tikkonċerna grupp ta’ konjuġi ĊPT ta’ ċittadin mobbli tal-Unjoni residenti fl-Irlanda, li l-permessi ta’ residenza tagħhom ġew irrifjutati abbażi tal-fatt li ma kinux irrisjedu b’mod legali fi Stat Membru ieħor qabel ma ngħaqdu maċ-ċittadini tal-Unjoni fl-Irlanda, kundizzjoni li kienet imposta bid-dritt nazzjonali. F’dik is-sentenza l-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li “[i]d-definizzjoni ta’ membri tal-familja li tinsab fil-punt 2 tal-Artikolu 2 tad‑Direttiva 2004/38 ma tagħmilx distinzjoni bejn dawk li diġà għexu u dawk li ma għexux legalment fi Stat Membru ieħor” u li l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva dwar iċ‑Ċittadinanza jagħti dritt ta’ residenza lil membri tal-familja “mingħajr ma jirrefer[i] għall-post jew għall-kundizzjonijiet ta’ residenza li huma kellhom qabel ma waslu fl-imsemmi Stat Membru”.

( 41 ) Ara l-Artikolu 16 tad-Direttiva dwar iċ-Ċittadinanza.

( 42 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ Jannar 2007, Jia (C‑1/05, EU:C:2007:1, punt 43).