SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla)

23 ta’ Jannar 2025 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni tal-konsumaturi – Kuntratti ta’ kreditu għall-konsumaturi – Direttiva 2008/48/KE – Rekwiżiti dwar l-informazzjoni li għandha tiġi inkluża fi ftehim ta’ kreditu bħal dan – Obbligu ta’ informazzjoni – Tul tal-kuntratt – Ir-rata perċentwali annwali ta’ imposta (APR) – Assunzjonijiet użati għall-kalkolu tal-APR”

Fil-Kawża C-677/23,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Krajský súd v Prešove (il-Qorti Reġjonali ta’ Prešov, is-Slovakkja), permezz ta’ deċiżjoni tat-12 ta’ Ottubru 2023, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-14 ta’ Novembru 2023, fil-proċedura

A. B.,

F. B.

vs

Slovenská sporiteľňa a.s.,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla),

komposta minn F. Biltgen, President tal-Ewwel Awla, li qiegħed jaġixxi bħala President tas-Seba’ Awla, M. L. Arastey Sahún (Relatriċi), Presidenta tal-Ħames Awla, u J. Passer, Imħallef,

Avukat Ġenerali: A. M. Collins,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–

għal A. B u F. B., minn I. Šafranko, avukat,

–

għal Slovenská sporiteľňa, a.s., minn M. Dubovský, avukat,

–

għall-Gvern Slovakk, minn E. V. Larišová, bħala aġent,

–

għall-Kummissjoni Ewropea, minn P. Ondrůšek u A. Tokár, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2005 dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 84/450/KEE, id-Direttivi 97/7/KE, 98/27/KE u 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Direttiva dwar Prattiċi Kummerċjali Żleali) (ĠU L 149, 11.6.2005, p. 22, rettifika fil-ĠU L 234, 10.9.2011, p. 46), kif ukoll id-Direttiva 2008/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2008 dwar ftehim ta’ kreditu għall-konsumatur u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 87/102/KEE (ĠU L 133, 22.5.2008, p. 66, rettifiki fil-ĠU L 207, 11.8.2009, p. 14, fil-ĠU L 199, 31.7.2010, p. 40 u fil-ĠU L 234, 10.9.2011, p. 46), kif emendata bid-Direttiva tal-Kummissjoni 2011/90/UE tal-14 ta’ Novembru 2011 (ĠU L 296, 15.11.2011, p. 35) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2008/48”).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima minn żewġ konsumaturi, A. B. u F. B., kontra Slovenská sporiteľňa, a.s., bank, fir-rigward ta’ talba intiża għall-konstatazzjoni tan-nullità ta’ ċerti klawżoli ta’ kuntratt ta’ kreditu (iktar ’il quddiem il-“kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali”) u għall-konstatazzjoni li l-kreditu kkonċernat huwa eżenti minn interessi u minn spejjeż.

Il‑kuntest ġuridiku

Id‑dritt tal‑Unjoni

Id-Direttiva 2005/29

3

L-Artikolu 3 tad-Direttiva 2005/29, intitolat “L-Ambitu ta’ l-Applikazzjoni”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Din id-Direttiva għandha tapplika għal prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur, kif stabbilit fl-Artikolu 5, qabel, matul jew wara tranżazzjoni kummerċjali fir-rigward ta’ xi prodott.”

Id-Direttiva 2008/48

4

Il-premessa 31 tad-Direttiva 2008/48 tipprovdi:

“Sabiex il-konsumatur ikun f’pożizzjoni li jkun jaf id-drittijiet u l-obbligi tiegħu skond il-ftehim ta’ kreditu, għandu jkun fih l-informazzjoni kollha meħtieġa b’mod ċar u konċiż.”

5

L-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva, intitolat “Informazzjoni prekuntrattwali”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Fi żmien debitu qabel ma l-konsumatur ikun marbut minn kwalunkwe ftehim jew offerta ta’ kreditu, il-kreditur u, fejn applikabbli, l-intermedjarju tal-kreditu għandhom, abbażi tat-termini u l-kondizzjonijiet ta’ kreditu offruti mill-kreditur u, jekk applikabbli, il-preferenzi espressi u l-informazzjoni fornuta mill-konsumatur, jipprovdu lill-konsumatur bl-informazzjoni meħtieġa biex iqabbel offerti differenti sabiex jieħu deċiżjoni informata dwar jekk jikkonkludix ftehim ta’ kreditu. […]

Din l-informazzjoni għandha tispeċifika:

[…]

(g)

ir-rata ta’ imposta perċentwali fis-sena [APR] u l-ammont totali pagabbli mill-konsumatur, permezz ta’ eżempju rappreżentattiv li jsemmi l-assunzjonijiet kollha użati għall-kalkolu ta’ din ir-rata; fejn il-konsumatur ikun informa lill-kreditur dwar komponent wieħed jew aktar tal-kreditu preferut tiegħu, bħat-tul ta’ żmien tal-ftehim ta’ kreditu u l-ammont totali ta’ kreditu, il-kreditur għandu jieħu kont ta’ dawn il-komponenti; jekk ftehim ta’ kreditu jipprovdi modi differenti għall-ġbid ta’ kreditu b’imposti jew rati tas-self differenti u l-kreditur juża l-assunzjoni stabbilita fil-punt (b) tal-Parti II ta’ l-Anness I, huwa għandu jindika li l-mekkaniżmi għall-ġbid ta’ kreditu oħra għal dan it-tip ta’ ftehim ta’ kreditu jistgħu jirriżultaw f’rati perċentwali annwali ogħla ta’ imposta;

[…]”

6

L-Artikolu 6 tad-direttiva msemmija, intitolat, “Ħtiġiet ta’ informazzjoni prekuntrattwali għal ċerti ftehim ta’ kreditu fil-forma ta’ faċilità ta’ overdraft u għal ċerti ftehim ta’ kreditu speċifiċi”, jipprovdi:

“1.   Fi żmien debitu qabel ma l-konsumatur ikun marbut bi kwalunkwe ftehim ta’ kreditu jew offerta li jikkonċernaw ftehim ta’ kreditu kif imsemmi fl-Artikolu 2(3), (5) jew (6), il-kreditur u, fejn applikabbli, l-intermedjarju tal-kreditu għandhom, abbażi tat-termini u l-kondizzjonijiet ta’ kreditu offruti mill-kreditur u, jekk applikabbli, il-preferenzi espressi u l-informazzjoni fornuta mill-konsumatur, jipprovdu lill-konsumatur bl-informazzjoni meħtieġa biex iqabbel offerti differenti sabiex jieħu deċiżjoni informata dwar jekk jikkonkludiex ftehim ta’ kreditu.

L-informazzjoni in kwistjoni għandha tispeċifika:

[…]

f)

[l-APR], murija permezz ta’ eżempji rappreżentattivi li jsemmu l-assunzjonijiet kollha użati għall-kalkolu ta’ din ir-rata;

[…]”

7

L-Artikolu 10 tal-istess direttiva, intitolat “Informazzjoni li għandha tiġi inkluża fi ftehim ta’ kreditu”, jipprovdi s-segwenti:

“1.   Ftehim ta’ kreditu għandhom jitfasslu fuq karta jew fuq mezz durabbli ieħor.

Il-partijiet kontraenti kollha għandhom jirċievu kopja tal-ftehim ta’ kreditu. Dan l-Artikolu għandu jkun mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe regola nazzjonali rigward il-validità tal-konklużjoni ta’ ftehim ta’ kreditu, li huma f’konformità mal-liġi Komunitarja.

2.   Il-ftehim ta’ kreditu għandu jispeċifika b’mod ċar u konċiż:

[…]

(ċ)

it-tul ta’ żmien tal-ftehim ta’ kreditu;

[…]

(g)

[l-APR] u l-ammont totali pagabbli mill-konsumatur, ikkalkolati fil-ħin tal-konklużjoni tal-ftehim ta’ kreditu; l-assunzjonijiet kollha użati għall-kalkolu ta’ dik ir-rata għandhom jissemmew;

(h)

l-ammont, in-numru u l-frekwenza tal-ħlasijiet li għandhom isiru mill-konsumatur u, fejn ikun il-każ, l-ordni li biha l-ħlasijiet ser ikunu allokati għal bilanċi pendenti differenti b’rati tas-self differenti għall-finijiet ta’ radd lura;

[…]”

8

L-Artikolu 14 tad-Direttiva 2008/48, intitolat “Dritt ta’ rtirar”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Il-konsumatur għandu jkollu perijodu ta’ erbatax-il jum ta’ kalendarju li matulhom jista’ jirtira mill-ftehim ta’ kreditu mingħajr ma jagħti l-ebda raġuni.

Dak il-perijodu ta’ rtirar għandu jibda:

(a)

jew fil-jum tal-konklużjoni tal-ftehim ta’ kreditu, jew

(b)

fil-jum li fih il-konsumatur jirċievi t-termini u l-kondizzjonijiet u l-informazzjoni kuntrattwali skond l-Artikolu 10, jekk dak il-jum ikun aktar tard mid-data msemmija f’punt (a) ta’ dan is-subparagrafu.”

9

Skont l-Artikolu 19 ta’ din id-direttiva, intitolat “Kalkolu [tal-APR]”:

“[…]

3.   Il-kalkolu [tal-APR] għandu jkun ibbażat fuq l-assunzjoni bażika li l-ftehim ta’ kreditu għandu jibqa’ validu għall-perijodu miftiehem u l-kreditur u l-konsumatur ser jissodisfaw l-obbligi tagħhom taħt it-termini u sad-dati speċifikati fil-ftehim ta’ kreditu.

4.   Fil-każ ta’ ftehim ta’ kreditu li jkollhom klawżoli li jippermettu varjazzjonijiet fir-rata tas-self u, fejn ikun applikabbli, l-imposti [fl-APR] iżda li ma jistgħux jiġu kkwantifikati fil-ħin tal-kalkolu, [l-APR] għandha tiġi kkalkolata fuq l-assunzjoni li r-rata tas-self u imposti oħrajn jibqgħu fissi b’relazzjoni mal-livell inizjali u jibqgħu applikabbli sa tmiem il-ftehim ta’ kreditu.

5.   Fejn meħtieġ, l-assunzjonijiet addizzjonali mniżżlin fl-Anness I jistgħu jiġu użati fil-kalkolu [tal-APR].

Jekk l-assunzjonijiet li jidhru f’dan l-Artikolu u fil-Parti II ta’ l-Anness I mhumiex biżżejjed biex tiġi kalkolata [l-APR] b’mod uniformi jew m’għadhomx adatti għas-sitwazzjoni kummerċjali fis-suq, il-Kummissjoni [Ewropea] tista’ tiddetermina l-assunzjonijiet addizzjonali meħtieġa għall-kalkolu [tal-APR], jew timmodifika dawk eżistenti. […]”

10

L-Artikolu 22(1) ta’ din id-direttiva, intitolat “Armonizzazzjoni u n-natura imperattiva tad-Direttiva” huwa fformulat kif ġej:

“Safejn din id-Direttiva fiha dispożizzjonijiet armonizzati, l-Istati Membri ma jistgħux iżommu jew jintroduċu fil-liġi nazzjonali tagħhom dispożizzjonijiet li jiddevjaw minn dawk stabbiliti f’din id-Direttiva.”

11

L-Artikolu 23 tal-istess direttiva, intitolat “Penali”, jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli dwar il-penali applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skond din id-Direttiva u għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa kollha biex jiżguraw li dawn jiġu implimentati. Il-penali previsti għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u disswassivi.”

12

L-Anness I tad-Direttiva 2008/48 jelenka, fil-Parti II(a) sa (j), l-assunzjonijiet addizzjonali għall-kalkolu tal-APR.

Id-dritt Slovakk

13

Iz-zákon č. 129/2010 Z. z. o spotrebiteľských úveroch a o iných úveroch a pôžičkách pre spotrebiteľov a o zmene a doplnení niektorých zákonov (il-Liġi Nru 129/2010 dwar il-krediti għall-konsum u l-krediti u self mogħti għall-konsumaturi u li temenda ċerti liġijiet oħra), tad-9 ta’ Marzu 2010 (Nru 129/2010 Z. z), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Liġi Nru 129/2010”), hija intiża sabiex tittrasponi d-Direttiva 2008/48 fid-dritt Slovakk.

14

Skont l-Artikolu 9 tal-Liġi Nru 129/2010:

“1.   Il-ftehim ta’ kreditu għall-konsum għandu jiġi stabbilit bil-miktub. Il-partijiet kollha fil-ftehim għandhom jirċievu mill-inqas kopja tiegħu fuq karta jew fuq mezz durabbli ieħor, li jkun disponibbli għall-konsumatur.

2.   Minbarra r-referenzi ġenerali li jinsabu fl-Občiansky zákonník (il-kodiċi ċivili) […], il-ftehim ta’ kreditu għall-konsum għandu jinkludi l-elementi li ġejjin:

[…]

f)

it-tul ta’ żmien tal-ftehim ta’ kreditu għall-konsum u d-data tal-aħħar skadenza tar-rimbors tal-kreditu lill-konsumaturi,

g)

l-ammont totali u l-munita speċifika tal-kreditu lill-konsumaturi kif ukoll il-modalitajiet tal-użu tiegħu,

[…]

i)

ir-rata ta’ interessi tal-kreditu lill-konsumaturi, il-kundizzjonijiet applikabbli għal din ir-rata, l-indiċi jew ir-rata ta’ interessi ta’ referenza li magħhom hija marbuta r-rata ta’ interessi tal-kreditu lill-konsumaturi, kif ukoll il-perijodi li fihom ir-rata ta’ interessi tal-kreditu lill-konsumaturi ġiet aġġustata, il-kundizzjonijiet u l-proċeduri għat-twettiq ta’ dan l-aġġustament; jekk japplikaw rati tal-imgħax differenti tal-kreditu għall-konsumatur skont iċ-ċirkostanzi, din l-informazzjoni għandha tkopri r-rati tal-imgħax kollha tal-kreditu għall-konsumaturi applikabbli;

g)

[l-APR] u l-ammont totali pagabbli mill-konsumatur, ikkalkolati abbażi tad-data rilevanti fil-mument tal-konklużjoni tal-ftehim ta’ kreditu għall-konsumaturi; l-assunzjonijiet kollha użati għall-kalkolu ta’ dik ir-rata għandhom jissemmew;

k)

l-ammont, in-numru u d-dati tal-ħlasijiet bħala rimbors tal-kapital, tal-interessi u tal-ispejjeż l-oħra, jekk ikun il-każ l-ordni li fiha l-ħlasijiet ikunu allokati għad-diversi bilanċi dovuti ffissati b’rati ta’ interessi tal-kreditu għall-konsumaturi differenti għall-finijiet tar-rimbors,

[…]

m)

sommarju tal-perijodi u tal-kundizzjonijiet għall-ħlas tal-interessi u tal-ispejjeż rikorrenti u mhux rikorrenti relatati, jekk ikun hemm ħlas ta’ imposti u ta’ interessi mingħajr amortizzament tal-kapital,

n)

fejn applikabbli, l-imposti għaż-żamma ta’ kont wieħed jew ta’ diversi kontijiet sabiex jiġu reġistrati kemm tranżazzjonijiet ta’ ħlas kif ukoll ġbid ta’ kreditu, jekk il-ftuħ ta’ kont ma jkunx obbligatorju, flimkien mal-imposti għall-użu ta’ mezzi ta’ ħlas kemm għal tranżazzjonijiet ta’ ħlas kif ukoll għall-ġbid ta’ kreditu u l-imposti l-oħra li jirriżultaw mill-ftehim ta’ kreditu għall-konsum u l-kundizzjonijiet li taħthom jistgħu jinbidlu dawn l-imposti;

[…]

r)

l-ammont tal-ispejjeż dovuti mill-konsumatur għall-atti tan-nutar, jekk dawn ikunu magħrufa mill-persuna li ssellef.

[…]”

15

L-Artikolu 11(1) tal-Liġi Nru 129/2010 jipprovdi:

“Il-kreditu għall-konsum mogħti huwa meqjus eżenti minn interessi u minn spejjeż jekk:

[…]

b)

il-ftehim ta’ kreditu għall-konsum ma jinkludix l-elementi meħtieġa fl-Artikolu 9(2)(a) sa (k), (r) u (y).”

16

L-Artikolu 122 tal-Kodiċi Ċivili jipprovdi li t-termini għandhom jiġu espressi b’mod partikolari f’xhur u fi snin.

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

17

Fid-29 ta’ Ottubru 2014, A. B. u F. B. ikkonkludew ma’ Slovenská sporitel’ňa l-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li l-kapital tiegħu ġie kkreditat lilhom f’kont bankarju fl-istess jum. Il-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali ġie konkluż għal żmien determinat, peress li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali impenjaw ruħhom li jirrimborsaw il-kreditu kkonċernat f’108 pagament mensili ta’ EUR 54.20. Kull pagament kien dovut fl-għoxrin jum tax-xahar. L-ewwel skadenza kienet dovuta fl-20 ta’ Diċembru 2014 u kien ġie miftiehem li l-aħħar waħda kellha titħallas fl-20 ta’ Novembru 2023.

18

Il-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali kien jipprevedi APR ta’ 17.93 % u ammont totali li għandu jiġi rrimborsat ta’ EUR 5 858.98. It-taqsima ta’ dan il-kuntratt, intitolata “Assunzjonijiet użati għall-kalkolu tal-APR”, kienet ifformulata kif ġej: “Il-kreditu tħallas immedjatament, fl-intier tiegħu, id-debitur għandu jissodisfa l-obbligi tiegħu skont il-kundizzjonijiet u fit-termini indikati fil-kuntratt ta’ kreditu, ir-rata tal-interessi hija valida sa tmiem ir-relazzjoni ta’ kreditu”. Il-punt 12 tal-Parti III tal-imsemmi kuntratt kien jistipula: “Il-kuntratt huwa konkluż għal żmien determinat, sal-ħlas komplet tar-rapporti kollha li dehru b’rabta mal-kreditu”.

19

Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali qiesu li din l-aħħar stipulazzjoni kienet “mhux ċara ħafna” u kienet tissostitwixxi l-indikazzjoni obbligatorja tat-tul tal-kuntratt ta’ kreditu. Barra minn hekk, huma rrilevaw li l-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma kienx jinkludi l-indikazzjoni tat-tul tiegħu u lanqas tal-ipoteżijiet użati għall-kalkolu tal-APR.

20

Peress li qiesu li l-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali kien jippreġudika d-drittijiet tagħhom bħala konsumaturi, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali adixxew lill-Okresný súd Prešov (il-Qorti Distrettwali ta’ Prešov, is-Slovakkja) b’talba intiża sabiex tiġi kkonstatata n-nullità tal-klawżoli ta’ dan il-kuntratt u sabiex jiġi ddikjarat li l-kreditu kien eżenti mill-interessi u mill-ispejjeż.

21

Adita b’appell ippreżentat mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali mis-sentenza ta’ din il-qorti, il-Krajský súd v Prešove (il-Qorti Reġjonali ta’ Prešov, is-Slovakkja), li hija l-qorti tar-rinviju, tqis li d-dati tal-ewwel u tal-aħħar skadenza tal-ħlas tal-kreditu ma jikkorrispondux neċessarjament għat-tul reali ta’ kuntratt. Skont il-qorti tar-rinviju, ikun “estremament problematiku” li jiġi ffissat iż-żmien preċiż għall-provvista tal-kreditu, it-tul tiegħu kif ukoll id-data tal-eżekuzzjoni effettiva sħiħa tal-obbligi kollha tal-kuntratt ta’ kreditu.

22

Madankollu, skont il-qorti tar-rinviju, id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2008/48 u, b’mod partikolari, l-Artikolu 10(2) tagħha jeżiġu li t-tul tal-kuntratt ta’ kreditu jiġi speċifikat f’dan il-kuntratt, peress li s-sempliċi possibbiltà, għall-konsumatur, li jikkalkola dan it-tul billi jieħu inkunsiderazzjoni l-iskadenzi tar-rimbors tal-kreditu ma hijiex suffiċjenti f’dan ir-rigward.

23

Barra minn hekk, peress li l-Artikolu 122 tal-Kodiċi Ċivili jipprevedi li t-termini għandhom jiġu espressi b’mod partikolari f’xhur u fi snin, id-determinazzjoni tat-tul tal-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali tista’ titqies li hija espliċita u, għaldaqstant, li tissodisfa r-rekwiżit ta’ ċarezza u ta’ konċiżjoni stabbilit mid-Direttiva 2008/48.

24

Fir-rigward tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal-5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288), u tad-Direttiva 2005/29, u minkejja l-fatt li l-qorti tar-rinviju ma għamlitx domanda dwar l-interpretazzjoni ta’ dawn id-direttivi, din il-qorti, minn naħa, tqis li huwa neċessarju li tittieħed inkunsiderazzjoni d-Direttiva 93/13 sabiex jiġi interpretat ir-rekwiżit ta’ preċiżjoni tal-klawżoli kuntrattwali, konformement mad-Direttiva 2008/48, u, min-naħa l-oħra, tikkonstata li l-punt dwar jekk l-ipoteżijiet użati għall-kalkolu tal-APR għandhomx natura essenzjali għandu rabta mal-eżami tal-eżistenza eventwali ta’ prattika kummerċjali qarrieqa. F’dan ir-rigward, tqum il-kwistjoni dwar jekk, f’dan il-każ, il-perijodu ta’ wara t-tmiem tal-provvista tas-servizz ta’ kreditu, li jista’ jmur lil hinn mit-tul tal-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jikkorrispondix għall-perijodu li jinsab wara t-tranżazzjoni kummerċjali kkonċernata, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2005/29.

25

Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar ir-raġuni għalfejn id-Direttiva 2008/48 teżiġi mhux biss l-indikazzjoni tal-APR fil-kuntratt ta’ kreditu, iżda wkoll l-indikazzjoni f’dan il-kuntratt tal-ipoteżijiet kollha użati għall-kalkolu ta’ din ir-rata, peress li l-assunzjonijiet kollha neċessarji għal dan il-kalkolu huma elementi obbligatorji tal-imsemmi kuntratt li għandhom jissemmew speċifikament fih.

26

Din il-qorti tqis li r-rekwiżit, previst f’din id-direttiva, li jiġu esposti fil-kuntratt ta’ kreditu l-ipoteżijiet użati għall-kalkolu tal-APR huwa ġġustifikat mill-fatt li konsumatur medju ma jistax jitqies li huwa f’pożizzjoni li jidentifika huwa stess dawn l-ipoteżijiet kollha.

27

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Krajský súd v Prešove (il-Qorti Reġjonali ta’ Prešove) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“1)

L-Artikolu 10(2)(ċ) tad-[Direttiva 2008/48] għandu jiġi interpretat fis-sens li:

–

determinazzjoni espliċita tat-tul tal-kuntratt ta’ kreditu b’mod partikolari taħt il-forma ta’ delimitazzjoni b’data ta’ bidu u data ta’ tmiem tal-kuntratt (minn… sa…), possibbilment permezz ta’ tul kalendarju bħal xhur jew snin (pereżempju għal tul ta’ sena), tikkostitwixxi klawżola kuntrattwali ċara u konċiża dwar it-tul tal-kuntratt ta’ kreditu, jew

–

biex tiġi kkostitwita klawżola kuntrattwali ċara u konċiża dwar it-tul tal-kntratt ta’ kreditu huwa biżżejjed li l-konsumatur jikkalkola t-tul tal-kuntratt jew jiddeduċi dan it-tul b’mod ieħor mill-klawżoli tal-kuntratt, pereżempju min-numru ta’ pagamenti ta’ kull xahar jew mid-data ta’ ħlas lura komplet tal-kreditu?

2)

L-Artikolu 10(2)(ċ) tad-Direttiva 2008/48 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-indikazzjoni, fil-kuntratt ta’ kreditu, tat-tul tiegħu jiddetermina l-perijodu ‘matul […] transazzjoni’ għall-finijiet tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva [2005/29]?

3)

Il-kliem ‘b’mod ċar u konċiż’ u ‘l-assunzjonijiet kollha użati għall-kalkolu ta’ dik ir-rata’ fl-Artikolu 10(2)(g) tad-Direttiva 2008/48 li dan l-artikolu għandu jiġi interpretat fis-sens li:

–

l-assunzjonijiet għall-kalkolu [tal-APR] għandhom jiġu indikati b’mod espliċitu fil-kuntratt fis-sens li jikkostitwixxu l-assunzjonijiet użati għall-kalkolu tal-APR, jew

–

il-konsumatur innifsu għandu jidentifika, fil-klawżoli kuntrattwali, l-ssunzjonijiet użati għall-kalkolu tal-APR rilevanti?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda

28

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 10(2)(ċ) tad-Direttiva 2008/48 għandux jiġi interpretat fis-sens li kuntratt ta’ kreditu għandu jsemmi b’mod espliċitu t-tul tiegħu jew jekk huwiex suffiċjenti, fid-dawl ta’ din id-dispożizzjoni, li l-klawżoli ta’ dan il-kuntratt jippermettu lill-konsumatur jiddetermina dan it-tul mingħajr diffikultà u b’ċertezza.

29

Preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont l-imsemmija dispożizzjoni, il-kuntratt ta’ kreditu jsemmi, b’mod ċar u konċiż, it-tul tal-kuntratt ta’ kreditu.

30

Mill-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2008/48, moqri fid-dawl tal-premessa 31 tagħha, jirriżulta li r-rekwiżit li, f’kuntratt ta’ kreditu stabbilit fuq karta jew fuq mezz durabbli ieħor, jiġu indikati, b’mod ċar u konċiż, l-elementi msemmija f’din id-dispożizzjoni huwa meħtieġ sabiex il-konsumatur ikun f’pożizzjoni li jkun jaf id-drittijiet u l-obbligi tiegħu (sentenzi tad-9 ta’ Novembru 2016, Home Credit Slovakia, C-42/15, EU:C:2016:842, punt 31, u tad-9 ta’ Settembru 2021, Volkswagen Bank et, C-33/20, C-155/20 u C-187/20, EU:C:2021:736, punt 70 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

31

L-għarfien u komprensjoni tajba, min-naħa tal-konsumatur, tal-elementi li għandhom ikunu inklużi b’mod obbligatorju fil-kuntratt ta’ kreditu, konformement mal-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2008/48, huma meħtieġa għall-eżekuzzjoni tajba ta’ dan il-kuntratt (sentenza tad-9 ta’ Settembru 2021, Volkswagen Bank et, C-33/20, C-155/20 u C-187/20, EU:C:2021:736, punt 71 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

32

Dan ir-rekwiżit jikkontribwixxi sabiex jintlaħaq l-għan imfittex mid-Direttiva 2008/48, li huwa li, fil-qasam tal-kreditu għall-konsumatur, tiġi prevista armonizzazzjoni sħiħa u imperattiva f’ċertu numru ta’ oqsma prinċipali, li hija meqjusa bħala neċessarja sabiex il-konsumaturi kollha tal-Unjoni Ewropea jkunu ggarantiti livell għoli u ekwivalenti ta’ protezzjoni tal-interessi tagħhom u sabiex jiġi ffaċilitat il-ħolqien ta’ suq intern bi prestazzjoni tajba tal-kreditu għall-konsumatur (sentenzi tad-9 ta’ Novembru 2016, Home Credit Slovakia, C-42/15, EU:C:2016:842, punt 32, u tad-9 ta’ Settembru 2021, Volkswagen Bank et, C-33/20, C-155/20 u C-187/20, EU:C:2021:736, punt 72 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

33

Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet b’mod iktar puntwali dwar il-portata tal-imsemmi rekwiżit f’dak li jirrigwarda l-indikazzjoni, f’kuntratt ta’ kreditu, tal-ammont, tan-numru u tal-frekwenza tal-pagamenti li għandhom isiru mill-konsumatur, konformement mal-Artikolu 10(2)(h) ta’ din id-direttiva.

34

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-għan ta’ din l-aħħar dispożizzjoni huwa li jiġi ggarantit li l-konsumatur ikun jaf id-data li fiha kull ħlas li għandu jsir ikun dovut. Konsegwentement, meta l-kundizzjonijiet ta’ dan il-kuntratt jippermettu lill-konsumatur jidentifika mingħajr diffikultà u b’ċertezza d-dati ta’ dawn il-pagamenti, dan l-għan ikun issodisfatt (sentenza tad-9 ta’ Novembru 2016, Home Credit Slovakia, C-42/15, EU:C:2016:842, punti 48 u 49).

35

Wara dawn il-kunsiderazzjonijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li l-Artikolu 10(2)(h) tad-Direttiva 2008/48 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma huwiex meħtieġ li l-ftehim ta’ kreditu jindika kull skadenza tal-pagamenti li għandhom isiru mill-konsumatur b’riferiment għal data preċiża, sakemm il-kundizzjonijiet ta’ dan il-ftehim jippermettu li l-konsumatur jidentifika mingħajr diffikultà u b’ċertezza d-dati ta’ dawn il-pagamenti (sentenza tad-9 ta’ Novembru 2016, Home Credit Slovakia, C-42/15, EU:C:2016:842, punt 50).

36

F’din il-kawża għandu jiġi applikat ir-raġunament segwit f’din l-aħħar sentenza sabiex jiġi interpretat l-Artikolu 10(2)(ċ) tad-Direttiva 2008/48.

37

Kif jirriżulta mill-ġurisprudenza msemmija fil-punti 30 u 31 ta’ din is-sentenza, l-għarfien, mill-konsumatur, tal-mument li fih il-kuntratt jintemm huwa ta’ importanza fundamentali għall-eżerċizzju minnu tad-drittijiet u tal-obbligi tiegħu kif ukoll għall-eżekuzzjoni tajba ta’ dan il-kuntratt.

38

Barra minn hekk, kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, l-eżekuzzjoni ta’ kuntratt tikkostitwixxi l-mekkaniżmu naturali ta’ terminazzjoni tal-obbligi kuntrattwali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2023, BMW Bank et, C-38/21, C-47/21 u C-232/21, EU:C:2023:1014, punt 279).

39

Issa, it-tmiem tal-obbligi kuntrattwali jindika t-tmiem tal-kuntratt u b’hekk jiddetermina t-tul tiegħu.

40

Il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li, fil-każ ta’ eżekuzzjoni sħiħa tal-kuntratt ta’ kreditu, l-obbligu li tiġi pprovduta informazzjoni prevista fl-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2008/48 ma jistax, bħala prinċipju, jilħaq l-għan imfittex minn din id-dispożizzjoni, li jikkonsisti fil-possibbiltà li l-konsumatur ikun jista’ jikseb l-informazzjoni kollha neċessarja għall-eżekuzzjoni tajba tal-kuntratt u, b’mod partikolari, fl-eżerċizzju tad-drittijiet tiegħu, fosthom id-dritt ta’ rtirar tiegħu, b’mod li jitqiegħed f’pożizzjoni li jkun jaf il-portata tad-drittijiet u tal-obbligi tiegħu. Minn dan jirriżulta li dawn l-obbligi ma jippreżentawx iktar l-istess livell ta’ utilità ladarba l-kuntratt ikun ġie eżegwit fl-intier tiegħu (sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2023, BMW Bank et, C-38/21, C-47/21 u C-232/21, EU:C:2023:1014, punt 277).

41

F’dan il-każ, il-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jispeċifikax b’mod espress it-tul tiegħu, iżda jindika n-numru ta’ pagamenti mensili li għandhom jitħallsu mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, kif ukoll id-data ta’ skadenza tal-ewwel u tal-aħħar minn dawn il-pagamenti mensili.

42

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet imsemmija fil-punti 37 sa 40 ta’ din is-sentenza, għandu jiġi kkonstatat li t-tul ta’ kuntratt ta’ kreditu bħall-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandu rabta stretta mal-eżekuzzjoni sħiħa tal-obbligi minn kull waħda mill-partijiet f’dan il-kuntratt u għalhekk, essenzjalment, mar-rilaxx tal-kapital mill-persuna li ssellef u mar-rimbors sħiħ tal-kreditu mill-persuna li tissellef.

43

Għaldaqstant, l-indikazzjoni tat-tul tal-kuntratt ta’ kreditu, konformement mal-Artikolu 10(2)(ċ) tad-Direttiva 2008/48, ma għandhiex neċessarjament issir permezz ta’ indikazzjoni formali tad-data preċiża tal-bidu u tat-tmiem ta’ dan il-kuntratt, sakemm il-klawżoli tiegħu jippermettu lill-konsumatur jiddetermina dan it-tul mingħajr diffikultà u b’ċertezza.

44

Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-klawżoli kollha li jinsabu fil-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali, b’mod partikolari dawk li jindikaw in-numru ta’ pagamenti mensili li għandhom jitħallsu u d-data ta’ skadenza tal-ewwel kif ukoll tal-aħħar pagament mensili previst għar-rimbors tal-kreditu kif ukoll eventwali klawżoli oħra li jipprevedu l-obbligi tal-partijiet, sabiex jiġi vverifikat jekk dawn il-klawżoli kollha jippermettux, f’dan il-każ, lill-konsumatur jiddetermina mingħajr diffikultà u b’ċertezza t-tul ta’ dan il-kuntratt.

45

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 10(2)(ċ) tad-Direttiva 2008/48 għandu jiġi interpretat fis-sens li kuntratt ta’ kreditu ma għandux isemmi b’mod espliċitu t-tul tiegħu sakemm il-klawżoli ta’ dan il-kuntratt jippermettu lill-konsumatur jiddetermina dan it-tul mingħajr diffikultà u b’ċertezza.

Fuq it-tieni domanda

46

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 10(2)(ċ) tad-Direttiva 2008/48 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-indikazzjoni, f’kuntratt ta’ kreditu, tat-tul tiegħu tiddetermina l-perijodu li jinsab “matul” it-tranżazzjoni kkonċernata, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2005/29.

47

Preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont din l-aħħar dispożizzjoni, id-Direttiva 2005/29 tapplika għal prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur, kif stabbilit fl-Artikolu 5, “qabel, matul jew wara transazzjoni kummerċjali fir-rigward ta’ xi prodott”.

48

Għandu jingħad ukoll li, ċertament, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ħadet inkunsiderazzjoni d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2005/29 sabiex tinterpreta d-Direttiva 2008/48 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ Ġunju 2021, Ultimo Portfolio Investment (Luxembourg), C-303/20, EU:C:2021:479, punti 42 sa 45).

49

F’dan il-każ, għandu madankollu jiġi kkonstatat li, permezz tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jridu, fl-ewwel lok, li tiġi kkonstatata n-nullità tal-klawżoli tal-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali minħabba ksur tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2008/48 u tal-leġiżlazzjoni nazzjonali li tittrasponi din id-direttiva u, fit-tieni lok, li jiġi ddikjarat li l-kreditu kkonċernat huwa eżenti mill-interessi u mill-ispejjeż.

50

Issa, is-sempliċi indikazzjoni, f’kuntratt ta’ kreditu, li t-tul tiegħu jaqa’ taħt il-perijodu li jinsab “matul” it-tranżazzjoni kkonċernata, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2005/29, ma għandha, a priori, ebda effett fuq l-interpretazzjoni tal-Artikolu 10(2)(ċ) tad-Direttiva 2008/48.

51

Barra minn hekk, id-deċiżjoni tar-rinviju ma tinkludix indikazzjoni li tippermetti li tiġi ddeterminata l-ipoteżi li fuqha hija bbażata t-tieni domanda u ma turix ir-raġunijiet għalfejn risposta għal din id-domanda hija, f’dan il-każ, neċessarja għas-soluzzjoni tat-tilwima fil-kawża prinċipali.

52

F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-tieni domanda hija ta’ natura ipotetika u hija, għaldaqstant, inammissibbli.

Dwar it-tielet domanda

53

Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 10(2)(g) tad-Direttiva 2008/48 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-ipoteżijiet użati għall-kalkolu tal-APR għandhom jissemmew espliċitament f’kuntratt ta’ kreditu, jew jekk huwiex suffiċjenti li l-konsumatur ikun jista’ jidentifikahom huwa stess permezz tal-eżami tal-klawżoli ta’ dan il-kuntratt.

54

Preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont din id-dispożizzjoni, il-kuntratt ta’ kreditu jsemmi, b’mod ċar u konċiż, l-APR u l-ammont totali dovut mill-konsumatur, ikkalkolati fil-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt ta’ kreditu, filwaqt li l-assunzjonijiet kollha użati għall-kalkolu ta’ din ir-rata għandhom jissemmew ukoll.

55

Fir-rigward ta’ dawn l-assunzjonijiet, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 19 tad-Direttiva 2008/48 jipprovdi, l-ewwel nett, fil-paragrafu 3 tiegħu, li l-kalkolu tal-APR għandu jkun ibbażat fuq l-assunzjoni bażika li l-ftehim ta’ kreditu għandu jibqa’ validu għall-perijodu miftiehem u li l-kreditur u l-konsumatur ser jissodisfaw l-obbligi tagħhom taħt it-termini u sad-dati speċifikati fil-ftehim ta’ kreditu. It-tieni nett, skont il-paragrafu 4 ta’ dan l-artikolu, fil-każ ta’ ftehim ta’ kreditu li jkollhom klawżoli li jippermettu varjazzjonijiet fir-rata tas-self u, fejn ikun applikabbli, l-imposti fl-APR, iżda li ma jistgħux jiġu kkwantifikati fil-ħin tal-kalkolu, din l-APR għandha tiġi kkalkolata fuq l-assunzjoni li r-rata tas-self u imposti oħrajn jibqgħu fissi b’relazzjoni mal-livell inizjali u jibqgħu applikabbli sa tmiem il-ftehim ta’ kreditu. It-tielet nett, il-paragrafu 5 tal-artikolu msemmi jipprovdi li, fejn meħtieġ, l-assunzjonijiet addizzjonali mniżżlin fl-Anness I ta’ din id-direttiva jistgħu jiġu użati fil-kalkolu tal-APR. Ir-raba’ nett, dan l-anness jelenka, fil-Parti II(a) sa (j) tiegħu, l-assunzjonijiet addizzjonali differenti neċessarji għall-kalkolu tal-APR.

56

Għandu jingħad ukoll li l-obbligu li jissemmew l-ipoteżijiet użati għall-kalkolu tal-APR permezz ta’ eżempju rappreżentattiv huwa previst ukoll fl-Artikolu 5(1)(g) u fl-Artikolu 6(1)(f) tad-Direttiva 2008/48 bħala rekwiżit fil-qasam tal-informazzjoni prekuntrattwali.

57

Ir-riferiment, fl-istadju prekuntrattwali, għall-ipoteżijiet differenti użati għall-kalkolu tal-APR jippermetti li jiġi implimentat l-għan imsemmi fl-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2008/48 relatat mal-informazzjoni neċessarja għall-paragun tal-offerti differenti sabiex il-konsumatur ikun jista’ jieħu deċiżjoni informata dwar il-konklużjoni ta’ kuntratt ta’ kreditu, peress li dan il-paragun għandu jkun jista’ jsir billi tittieħed inkunsiderazzjoni l-APR skont id-diversi perijodi tal-offerti għad-dispożizzjoni tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Lulju 2020, Soho Group, C-686/19, EU:C:2020:582, punt 48).

58

Fir-rigward tal-obbligu li jissemmew dawn l-ipoteżijiet differenti fil-kuntratt ta’ kreditu, konformement mal-Artikolu 10(2)(g) tad-Direttiva 2008/48, mill-ġurisprudenza msemmija fil-punt 30 ta’ din is-sentenza jirriżulta li dan l-obbligu huwa intiż sabiex jiżgura li l-konsumatur ikun f’pożizzjoni li jkun jaf id-drittijiet u l-obbligi tiegħu.

59

Din l-indikazzjoni għandha għalhekk tippermetti lill-konsumatur jivverifika jekk l-APR ġietx ikkalkolata mill-kummerċjant b’mod korrett u, jekk dan ma jkunx il-każ, li jinvoka d-drittijiet tiegħu, b’mod partikolari d-dritt ta’ rtirar previst fl-Artikolu 14 tad-Direttiva 2008/48, fejn it-terminu għall-eżerċizzju ta’ dan l-irtirar jiġi estiż fil-każ ta’ ksur tar-rekwiżiti previsti fl-Artikolu 10 ta’ din id-direttiva, kif ukoll ta’ dak tad-drittijiet l-oħra previsti fil-leġiżlazzjoni nazzjonali, bħala sanzjoni adottata konformement mal-Artikolu 23 tad-direttiva msemmija.

60

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li għandu importanza essenzjali l-obbligu li jissemmew, fil-kuntratt ta’ kreditu, b’mod partikolari elementi bħall-APR, imsemmija fl-Artikolu 10(2)(g) tad-Direttiva 2008/48 (sentenza tad-9 ta’ Novembru 2016, Home Credit Slovakia, C-42/15, EU:C:2016:842, punt 70).

61

Skont din il-ġurisprudenza, għandu jiġi kkonstatat li l-indikazzjoni, f’kuntratt ta’ kreditu, tal-assunzjonijiet użati għall-kalkolu tal-APR għandha wkoll, b’mod partikolari għar-raġunijiet esposti fil-punti 58 u 59 ta’ din is-sentenza, importanza essenzjali għall-konsumatur.

62

Sa fejn l-assenza ta’ indikazzjoni ta’ dawn l-elementi, fil-ftehim ta’ kreditu, tista’ tikkomprometti l-possibbiltà għall-konsumatur li jevalwa l-portata tal-impenn tiegħu, is-sanzjoni permezz tat-telf mill-persuna li ssellef tad-dritt tagħha għall-interessi u għall-ispejjeż, prevista mil-leġiżlazzjoni nazzjonali, għandha titqies li hija proporzjonata, fis-sens tal-Artikolu 23 tad-Direttiva 2008/48 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-9 ta’ Novembru 2016, Home Credit Slovakia, C-42/15, EU:C:2016:842, punt 71).

63

Peress li, kif tfakkar fil-punt 55 ta’ din is-sentenza, l-assunzjonijiet użati għall-kalkolu tal-APR jistgħu jkunu ta’ natura kumplessa, huwa neċessarju li dawn jissemmew b’mod ċar, konċiż u espress f’kuntratt ta’ kreditu, peress li s-sempliċi possibbiltà, għall-konsumatur, li jidentifikahom permezz tal-qari tad-diversi klawżoli ta’ dan il-kuntratt ma hijiex suffiċjenti.

64

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li l-Artikolu 10(2)(g) tad-Direttiva 2008/48 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-ipoteżijiet użati għall-kalkolu tal-APR għandhom jissemmew espliċitament fil-kuntratt ta’ kreditu u li ma huwiex suffiċjenti f’dan ir-rigward li l-konsumatur ikun jista’ jidentifikahom huwa stess permezz tal-eżami tal-klawżoli ta’ dan il-kuntratt.

Fuq l-ispejjeż

65

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 10(2)(ċ) tad-Direttiva 2008/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2008 dwar ftehim ta’ kreditu għall-konsumatur u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 87/102/KEE, kif emendata bid-Direttiva tal-Kummissjoni 2011/90/UE, tal-14 ta’ Novembru 2011,

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

kuntratt ta’ kreditu ma għandux imperattivament isemmi b’mod espliċitu t-tul tal-kuntratt sakemm il-klawżoli ta’ dan il-kuntratt jippermettu lill-konsumatur jiddetermina dan it-tul mingħajr diffikultà u b’ċertezza.

 

2)

L-Artikolu 10(2)(g) tad-Direttiva 2008/48, kif emendata bid-Direttiva 2011/90,

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

l-assunzjonijiet użati għall-kalkolu tar-rata perċentwali annwali ta’ imposta (APR) għandhom jissemmew espliċitament fil-kuntratt ta’ kreditu u li ma huwiex suffiċjenti f’dan ir-rigward li l-konsumatur ikun jista’ jidentifikahom huwa stess permezz tal-eżami tal-klawżoli ta’ dan il-kuntratt.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: is-Slovakk.