Edizzjoni Provviżorja

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

EMILIOU

ippreżentati fit‑23 ta’ April 2026 (1)

Kawża C‑799/24

Babcock Montajes S.A.

vs

Kanadevia Inova Steinmüller GmbH

(talba għal deċiżjoni preliminari mill-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja)

“Domanda preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali – Regolament (UE) Nru 1215/2012 – Kunċett ta’ ‘sentenza’ – Sentenza interlokutorja ta’ qorti ta’ Stat Membru li tafferma ġurisdizzjoni internazzjonali sabiex tiddeċiedi fuq it-talba – Ftehim esklużiv dwar l-għażla tal-qorti li jindika qorti oħra”






I.      Introduzzjoni

1.        It-talba preżenti għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja, iktar ’il quddiem il-“qorti tar-rinviju”) tagħti lill-Qorti tal-Ġustizzja l-opportunità li tiċċara l-portata tal-kunċett ta’ “sentenza” fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 (2). Dan il-kunċett huwa wieħed mill-kunċetti ewlenin li fuqhom jistrieħ dan ir-regolament. Fil-fatt, huma biss id-deċiżjonijiet li jistgħu jitqiesu bħala “sentenzi” li jistgħu jkunu suġġetti għar-regoli dwar ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni stabbiliti fir-regolament imsemmi hawn fuq. B’mod iktar speċifiku, tqum il-kwistjoni dwar jekk il-kunċett ta’ “sentenza” jkoprix deċiżjoni interlokutorja meħuda mill-qrati ta’ Stat Membru wieħed (hawnhekk, Spanja), invokati l-ewwel, li biha dawk il-qrati ddikjaraw li għandhom ġurisdizzjoni internazzjonali sabiex jisimgħu u jiddeterminaw it-talba (mingħajr ma jkunu għadhom għamlu dan), f’ċirkustanzi fejn il-qrati ta’ Stat Membru ieħor (hawnhekk, il-Ġermanja), li ġew invokati t-tieni, iqisu li dik id-deċiżjoni tikser ftehim dwar l-għażla tal-qorti li jagħtihom ġurisdizzjoni esklużiva.

2.        Dik il-kwistjoni tqum fil-kuntest ta’ tilwima bejn Babcock Montajes (iktar ’il quddiem “Babcock”), kumpanija stabbilita fi Spanja, u Kanadevia Inova Steinmüller (iktar ’il quddiem “Kanadevia”), kumpanija stabbilita fil-Ġermanja, dwar l-eżekuzzjoni ta’ kuntratt għall-kostruzzjoni ta’ impjant għat-trattament tal-iskart f’San Sebastian (Spanja). Bħala riżultat ta’ din it-tilwima, Kanadevia talbet il-garanzija li Babcock kienet ipprovdiet bħala sigurtà għat-twettiq tal-parti tagħha tal-kuntratt.

3.        Bi tweġiba għal dan, minn naħa waħda, Babcock ressqet azzjoni kontra Kanadevia fejn talbet l-ammont tal-garanzija u d-danni. Għalkemm il-kuntratt kien jipprevedi l-ġurisdizzjoni esklużiva tal-qrati ta’ Cologne (il-Ġermanja) (ikar ’il quddiem il-“ftehim tal-għażla tal-qorti”), Babcock ressqet dik l-azzjoni quddiem il-qrati Spanjoli. Min-naħa l-oħra, diversi jiem wara, Kanadevia introduċiet azzjoni kontra Babcock f’Cologne (il-Ġermanja) (3)

4.        Il-qrati Spanjoli ddeċidew l-ewwel. Dawn il-qrati ddikjaraw permezz ta’ deċiżjoni interlokutorja li kellhom ġurisdizzjoni internazzjonali sabiex jisimgħu u jiddeterminaw it-talba ta’ Babcock (il-kunċett “interlokutorja” hawnhekk jirreferi għall-fatt li dik id-deċiżjoni ma ddeterminatx id-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tal-qrati Spanjoli” jew id-“deċiżjoni interlokutorja inkwistjoni”). Sussegwentement, il-Landgericht Köln (il-Qorti Reġjonali, Cologne, il-Ġermanja) ċaħdet l-azzjoni ta’ Kanadevia minħabba nuqqas ta’ ġurisdizzjoni. Dik il-qorti kkunsidrat li għalkemm il-ftehim dwar l-għażla tal-qorti kien ġie injorat mill-qrati Spanjoli (flimkien mar-regola speċifika ta’ lis pendens prevista fl-Artikolu 31(2) tar-Regolament Nru 1215/2012) (4), id-deċiżjoni kellha tiġi rrikonoxxuta skont l-Artikolu 36(1) tar-Regolament Nru 1215/2012 (5) (u għalhekk dan ipprevjena lill-qrati Ġermaniżi milli jeżerċitaw il-ġurisdizzjoni mogħtija lilhom skont il-ftehim dwar l-għażla tal-qorti).

5.        Id-deċiżjoni tal-Landgericht Köln (il-Qorti Reġjonali, Cologne) ġiet irrevokata fl-appell. Il-qorti li semgħet il-każ fl-appell ikkunsidrat l-eżistenza ta’ ftehim validu dwar l-għażla tal-qorti favur il-qrati Ġermaniżi u l-fatt li d-deċiżjoni tal-qrati Spanjoli kienet sempliċement waħda interlokutorja kien deċiżiv għall-konstatazzjonijiet tagħha. Għalhekk, dik il-qorti ddikjarat li l-Landgericht Köln (il-Qorti Reġjonali, Cologne) kellha ġurisdizzjoni internazzjonali u rrinvijat il-każ lura lilha.

6.        Babcock ikkontestat dik id-deċiżjoni tat-tieni istanza quddiem il-qorti tar-rinviju, li għandha dubji dwar jekk id-deċiżjoni interlokutorja inkwistjoni għandhiex titqies bħala “sentenza” fis-sens tar-Regolament Nru 1215/2012 u jekk dik id-deċiżjoni għandhiex għalhekk tiġi rrikonoxxuta mill-qrati Ġermaniżi (bir-riżultat li l-qrati Ġermaniżi jiġu pprevenuti milli jisimgħu u jiddeterminaw it-talba ta’ Kanadevia).

7.        Għandu jiġi mfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ċċarat, fis-sentenza tagħha fil-kawża Gjensidige (6), li qorti ta’ Stat Membru ma tistax tirrifjuta li tirrikonoxxi sentenza għar-raġuni li l-qorti tal-Istat tal-oriġini tkun iddikjarat li għandha ġurisdizzjoni mingħajr ma kkunsidrat ftehim dwar l-għażla tal-qorti. Madankollu, f’dik il-kawża, il-kwistjoni tar-rikonoxximent kienet tikkonċerna sentenza dwar il-merti tat-talba. Dak li għadu jrid jiġi ċċarat fil-kawża preżenti huwa jekk tistax issir l-istess konklużjoni fir-rigward ta’ deċiżjoni interlokutorja li sempliċement tiddikjara li l-qorti tal-oriġini jkollha ġurisdizzjoni internazzjonali sabiex tisma’ u tiddetermina t-talba, mingħajr ma tikkunsidra ftehim dwar l-għażla tal-qorti.

8.        L-ispeċifiċità tas-sitwazzjoni preżenti tikkonsisti fil-fatt li, għall-kuntrarju tas-sitwazzjoni kkunsidrata fis-sentenza fil-kawża Gjensidige, sa issa għadha ma saret l-ebda determinazzjoni sostantiva tad-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet. Huwa ssuġġerit li dan ifisser li jkun għadu possibbli li l-proċeduri jsegwu r-rotta ġurisdizzjonali li hija ddikjarata (u hija kkunsidrata mill-qorti tar-rinviju) bħala dik korretta (jiġifieri dik li tippermetti lill-qrati indikati mill-ftehim dwar l-għażla tal-qorti li jisimgħu u jiddeterminaw it-talba fil-kawża prinċipali). Madankollu, dan jippresupponi li l-qrati Ġermaniżi ma humiex obbligati li jirrikonoxxu d-deċiżjoni tal-qrati Spanjoli. Dak l-aspett tal-każ għalhekk iqajjem il-kwistjoni delikata tal-bilanċ bejn ir-regoli dwar il-ġurisdizzjoni stabbiliti fir-Regolament Nru 1215/2012 (inklużi dawk relatati mal-lis pendens), minn naħa, u r-regoli dwar ir-rikonoxximent tas-sentenzi stabbiliti f’dak ir-regolament, min-naħa l-oħra.

II.    Il-kuntest ġuridiku

9.        Il-premessi 3, 4, 6, 21, 22 u 26 tar-Regolament Nru 1215/2012 jipprovdu kif ġej:

“(3)      L-Unjoni stabbilixxiet għaliha nfisha l-għan li tmantni u tiżviluppa żona ta’ ħelsien, sigurtà u ġustizzja, inter alia billi tiffaċilita l-aċċess għall-ġustizzja, b’mod partikolari permezz tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji u extraġudizzjarji fi kwistjonijiet ċivili. Sabiex tali spazju jiġi stabbilit gradwalment l-Unjoni għandha tadotta miżuri relatati mal-kooperazzjoni ġudizzjarja fi kwistjonijiet ċivili li għandhom implikazzjonijiet transkonfinali, partikolarment meta meħtieġa għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern.

(4)      Ċerti differenzi bejn regoli nazzjonali li jirregolaw il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent ta’ sentenzi jfixklu l-operat tajjeb tas-suq intern. Huma essenzjali dispożizzjonijiet biex jiġu unifikati r-regoli ta’ kunflitt ta’ ġurisdizzjoni fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali, u sabiex jiżguraw għarfien u eżekuzzjoni malajr u sempliċi ta’ sentenzi mogħtija fi Stat Membru.

[…]

(6)      Sabiex jintlaħaq l-objettiv taċ-ċirkolazzjoni libera tas-sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali, huwa meħtieġ u xieraq li r-regoli li jirregolaw il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi jkunu regolati minn strument legali tal- Unjoni li jkun jorbot u direttament applikabbli.

[…]

(21)      Fl-interessi tal-amministrazzjoni armonjuża tal-ġustizzja huwa meħtieġ li titnaqqas il-possibbiltà ta’ proċedimenti simultanji u jkun assigurat li ma jiġux mogħtija deċiżjonijiet irrikonċiljabbli fi Stati Membri differenti. Għandu jkun hemm mekkaniżmu ċar u effettiv sabiex jiġu riżolti każijiet ta’ lis pendens u azzjonijiet relatati, u biex jiġu eliminati problemi li jirriżultaw minn differenzi nazzjonali dwar id-determinazzjoni taż-żmien meta jiġi rreġistrat każ bħala pendenti. Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, dak iż-żmien għandu jiġi definit b’mod awtonomu.

(22)      Madankollu, sabiex titjieb l-effettività ta’ ftehimiet esklużivi dwar l-għażla tal-qorti u sabiex jiġu evitati tattiċi abbużivi ta’ tilwim, hu neċessarju li tkun prevista eċċezzjoni għar-regola ġenerali lis pendens sabiex tiġi trattata b’mod sodisfaċenti s-sitwazzjoni partikulari li fiha jistgħu jinqalgħu proċedimenti konkurrenti. Din hi s-sitwazzjoni meta qorti mhux magħżula fi ftehim esklużiv dwar l-għażla tal-qorti tkun ġiet invokata bil-proċedimenti, u l-qorti magħżula tiġi invokata sussegwentement bi proċedimenti li jinvolvu l-istess kawża ta’ azzjoni u bejn l-istess partijiet. F’tali każ, il-qorti invokata l-ewwel għandha tintalab tissospendi l-proċedimenti tagħha malli l-qorti magħżula tkun ġiet invokata, u sa meta l-qorti tal-aħħar tiddikjara li m’għandha ebda ġurisdizzjoni skont il-ftehim esklużiv dwar l-għażla tal-qorti. Dan għandu jiżgura li, f’tali sitwazzjoni, il-qorti magħżula jkollha prijorità li tiddeċiedi dwar il-validità tal-ftehim u dwar il-grad sa liema l-ftehim japplika għat-tilwim pendenti quddiemha. Il-qorti magħżula għandha tkun tista’ tipproċedi irrispettivament mill-fatt jekk il-qorti mhux magħżula tkunx diġà ddeċidiet dwar is-sospensjoni tal-proċedimenti.

[…]

(26)      Il-fiduċja reċiproka fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja fl-Unjoni tiġġustifika l-prinċipju li s-sentenzi mogħtija fi Stat Membru għandhom jiġu rikonoxxuti fl-Istati Membri kollha mingħajr il-ħtieġa għal proċedura speċjali. Barra minn hekk, l-għan li t-tilwim transkonfinali jirriżulta f’inqas ħela ta’ ħin u spejjeż jiġġustifika l-abolizzjoni tad-dikjarazzjoni ta’ eżegwibbiltà qabel l-eżekuzzjoni fl-Istat Membru indirizzat. Bħala riżultat, sentenza li tingħata mill-qrati ta’ Stat Membru għandha tiġi ttrattata daqs li kieku kienet ingħatat fl-Istat Membru indirizzat.”

10.      L-Artikolu 2(a) tar-Regolament Nru 1215/2012 jiddefinixxi “sentenza” bħala “kull sentenza mogħtija minn qorti jew tribunal ta’ Stat Membru, independentement minn kif tista’ tissejjaħ dik is-sentenza, inklużi digriet, ordni, deċiżjoni jew mandat ta’ eżekuzzjoni, kif ukoll deċiżjoni dwar id-determinazzjoni tal-infiq jew l-ispejjeż minn uffiċjal tal-qorti”, u jżid li “għall-finijiet tal-Kapitolu III [dwar ir-rikonoxximent u l-infurzar], [din] tinkludi miżuri proviżorji, inklużi miżuri kawtolatorji, ordnati minn qorti jew tribunal li, bis-saħħa ta’ dan ir-Regolament ikollha ġurisdizzjoni fuq il-mertu tal-kwistjoni. Ma jinkludix miżura proviżorja, inkluża miżura kawtelatorja, li tkun ordnata minn tali qorti jew tribunal meta l-konvenut ma jkunx irċieva taħrika biex jidher, sakemm is-sentenza li jkun fiha l-miżura ma tiġix notifikata lill-konvenut qabel l-infurzar”.

11.      L-Artikolu 25(1) tar-Regolament Nru 1215/2012 jirregola l-proroga tal-ġurisdizzjoni u jipprevedi li “jekk il-partijiet, irrispettivament mid-domiċilju tagħhom, ikunu qablu li qorti jew qrati ta’ Stat Membru għandu jkollhom ġurisdizzjoni sabiex isolvu xi tilwimiet li jkunu qamu jew li jistgħu iqumu inkonnessjoni ma’ relazzjoni legali partikolari, dik il-qorti jew dawk il-qrati għandhom ikollhom ġurisdizzjoni, sakemm il-ftehim ma jkunx null u bla effett legali fil-validità sostantiva tiegħu skont il-liġi ta’ dak l-Istat Membru. Ġurisdizzjoni bħal din għandha tkun esklużiva sakemm il-partijiet ma jiftiehmux mod ieħor […]”

12.      L-Artikolu 29 tar-Regolament Nru 1215/2012 jikkonċerna l-“lis pendens” u “azzjonijiet relatati” u jipprevedi, fil-paragrafi 1 u 3:

“1.      Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 31(2), meta proċedimenti li jinvolvu l-istess kawża ta’ azzjoni u bejn l-istess partijiet ikunu miġjuba quddiem qrati ta’ Stati Membri differenti, kull qorti apparti l-ewwel qorti li jkollha quddiemha l-każ għandha fuq inizjattiva tagħha stess tissospendi l-proċedimenti ta’ quddiemha sa dak iż-żmien li fih tiġi stabbilita l-ġurisdizzjoni tal-ewwel qorti invokata.

[…]

3.      Meta tiġi stabbilita l-ġurisdizzjoni tal-ewwel qorti invokata, kull qorti oħra apparti l-ewwel qorti invokata għandha tastjeni mill-ġurisdizzjoni favur dik il-qorti.”

13.      L-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1215/2012, li jidher fl-istess taqsima tar-Regolament Nru 1215/2012, jiddikjara:

“[…]

2.      Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 26, meta qorti ta’ Stat Membru li lilha ftehim kif imsemmi fl-Artikolu 25 jagħti ġurisdizzjoni esklużiva tiġi invokata, kwalunkwe qorti ta’ Stat Membru ieħor għandha tissospendi l-proċedimenti sa dak iż-żmien meta l-qorti invokata fuq il-bażi tal-ftehim tiddikjara li m’għandha l-ebda ġurisdizzjoni taħt il-ftehim.

3.      Meta l-qorti indikata fil-ftehim tkun stabbiliet ġurisdizzjoni f’konformità mal-ftehim, kwalunkwe qorti ta’ Stat Membr ieħor għandha tirrinunzja l-ġurisdizzjoni favur dik il-qorti.

[…]”

14.      L-Artikolu 36(1) tar-Regolament Nru 1215/2012, dwar ir-rikonoxximent tas-sentenzi, jiddikjara li “sentenza mogħtija fi Stat Membru għandha tiġi rikonoxxuta fl-Istati Membri l-oħra mingħajr il-bżonn ta’ ebda proċedura speċjali”.

15.      Skont l-Artikolu 38 tar-Regolament Nru 1215/2012, “il-qorti jew awtorità li quddiemha tiġi invokata ir-rikonoxximent ta’ sentenza mogħtija fi Stat Membru ieħor tista’ tissospendi l-proċedimenti kollha jew tissospendi parti minnhom, jekk:

(a)      is-sentenza tiġi kkontestata fl-Istat Membru ta’ oriġini; jew

[…]”

16.      L-Artikolu 45 tar-Regolament Nru 1215/2012 jikkonċerna r-rifjut tar-rikonoxximent tas-sentenzi u jipprevedi:

“1.      Fuq it-talba ta’ kwalunkwe parti interessata, ir-rikonoxximent ta’ sentenza għandha tiġi rifjutata:

(a)      jekk dak ir-rikonoxximent ikun manifestament kontra l-istrateġija pubblika (ordre public) tal-Istat Membru indirizzat;

(b)      meta s-sentenza tingħata b’kontumaċja, jekk il-konvenut ma kienx ġie notifikat bid-dokument li jkun fetaħ il-proċedimenti jew b’dokument ekwivalenti fi żmien suffiċjenti u b’tali manjiera li dan ikun jista’ jħejji għad-difiża tiegħu, sakemm il-konvenut ma jkunx naqas milli jibda l-proċedimenti biex jikkontesta s-sentenza meta kien possibli għalih li jagħmel hekk;

(c)      jekk is-sentenza tkun irrikonċiljabbli ma’ sentenza mogħtija bejn l-istess partijiet fl-Istat Membru indirizzat;

(d)      jekk is-sentenza tkun irrikonċiljabbli ma’ sentenza mogħtija aktar kmieni fi Stat Membru ieħor jew fi Stat terz li jinvolvi l-istess kawża ta’ azzjoni u bejn l-istess partijiet, dment li s-sentenza preċedenti tissodisfa l-kondizzjonijiet meħtieġa għar-rikonoxximent tagħha fl-Istat Membru indirizzat; jew;

(e)      jekk is-sentenza tkun f’konflitt ma’:

(i)      it-Taqsimiet 3, 4 jew 5 tal-Kapitolu II fejn id-detentur tal-polza tal-assigurazzjoni, l-assigurat, il-benefiċjarju tal-kuntratt ta’ assigurazzjoni, il-parti li tkun ġarrbet il-ħsara, il-konsumatur jew l-impjegat kien il-konvenut; [jew]

(ii)      it-Taqsima 6 tal-Kapitolu II.

[…]

3.      Mingħajr preġudizzju għal paragrafu 1(e), il-ġurisdizzjoni tal-qorti tal-oriġini ma tistax tiġi riveduta. It-test ta’ strateġija pubblika msemmija fil-paragrafu 1(a) ma jistax jiġi applikat għal regoli li għandhom x’jaqsmu mal-ġurisdizzjoni.

[…]”

III. Il-fatti, il-proċeduri nazzjonali u d-domandi magħmula

17.      Babcock, ir-rikorrent quddiem il-qorti tar-rinviju, u Kanadevia, il-konvenut, iffirmaw kuntratt fit‑18 ta’ Settembru 2017 (iktar ’il quddiem il-“kuntratt inizjali”) għall-kostruzzjoni ta’ impjant għat-trattament tal-iskart f’San Sebastian (Spanja). Skont dan il-kuntratt, Babcock kellha tinstalla żewġ bojlers tal-inċinerazzjoni bħala parti mill-faċilità għat-trattament tal-iskart. Barra minn hekk, Babcock ipprovdiet lil Kanadevia garanzija bankarja bħala sigurtà għat-twettiq tal-kuntratt. Skont dan il-kuntratt, il-qrati ta’ Cologne (il-Ġermanja) kellhom ġurisdizzjoni esklużiva sabiex jisimgħu u jiddeterminaw it-tilwim li jinqala’ minnu.

18.      Minħabba dewmien fix-xogħol, il-partijiet iffirmaw ftehim emendatorju fit‑8 ta’ Awwissu 2018 (iktar ’il quddiem il-“kuntratt emendatorju”), li skontu Babcock ma kinitx iktar obbligata twettaq parti mis-servizzi stipulati. Sussegwentement, Kanadevia talbet spejjeż addizzjonali mingħand Babcock fir-rigward tas-servizzi dovuti. Babcock repetutament iddikjarat li ma rat l-ebda bażi għal tali talbiet u Kanadevia talbet il-garanzija bankarja. Il-bank ħallas l-ammont sħiħ tal-garanzija bankarja lil Kanadevia.

19.      Bi tweġiba, fit‑30 ta’ Lulju 2019, Babcock ressqet azzjoni kontra Kanadevia quddiem il-Juzgado de primera instancia de Madrid (il-Qorti tal-Ewwel Istanza, Madrid, Spanja), fejn talbet l-ammont tal-garanzija bankarja (li Babcock sadanittant kienet irrimborsat lill-bank) u d-danni.

20.      Fit‑8 ta’ Awwissu 2019, Kanadevia ressqet azzjoni quddiem il-Landgericht Köln (il-Qorti Reġjonali, Cologne), fejn talbet dikjarazzjoni li Babcock kienet obbligata tirrimborsa l-ispejjeż addizzjonali kollha lilha u/jew tħallasha danni li jirriżultaw mill-fatt li, wara l-konklużjoni tal-kuntratt emendatorju, Babcock ma kinitx għadha twettaq parti mill-prestazzjoni dovuta skont il-kuntratt inizjali.

21.      Permezz ta’ digriet tas‑16 ta’ Ġunju 2020, il-Juzgado de primera instancia de Madrid (il-Qorti tal-Ewwel Istanza, Madrid) iddeċidiet li l-qrati Spanjoli kellhom ġurisdizzjoni internazzjonali sabiex jiddeċiedu dwar it-tilwima iżda rrinunzjat ġurisdizzjoni territorjali u rreferiet il-każ lill-Juzgado de primera instancia de San Sebastián (il-Qorti tal-Ewwel Istanza, San Sebastian, Spanja).

22.      Kanadevia ma kkontestatx dik id-deċiżjoni (7). Madankollu, ressqet talba sabiex il-kwistjoni tal-ġurisdizzjoni internazzjonali tiġi eżaminata mill-ġdid. Il-Juzgado de primera instancia de San Sebastián (il-Qorti tal-Ewwel Istanza, San Sebastian) irrifjutat dik it-talba permezz ta’ digriet tad‑9 ta’ Settembru 2020. Dik id-deċiżjoni ġiet ikkonfermata permezz ta’ digriet tad‑9 ta’ Diċembru 2020 adottat mill-istess qorti.

23.      Permezz ta’ sentenza tal‑11 ta’ Mejju 2021, il-Landgericht Köln (il-Qorti Reġjonali, Cologne) ċaħdet l-azzjoni mressqa minn Kanadevia (fit‑8 ta’ Awwissu 2019) bħala inammissibbli fin-nuqqas ta’ ġurisdizzjoni internazzjonali tal-qrati Ġermaniżi. Dik il-qorti kkunsidrat li għalkemm il-ġurisdizzjoni tagħha stess fil-prinċipju kellha tieħu preċedenza skont il-ftehim dwar l-għażla tal-qorti u li l-qrati Spanjoli messhom issospendew il-proċedimenti skont l-Artikolu 31(2) tar-Regolament Nru 1215/2012, id-deċiżjoni tagħhom kellha tiġi rrikonoxxuta skont l-Artikolu 36(1) ta’ dan ir-regolament.

24.      Kanadevia ppreżentat appell quddiem l-Oberlandesgericht Köln (il-Qorti Reġjonali Superjuri, Cologne, il-Ġermanja), li annullat is-sentenza tal-ewwel istanza. Hija ddeċidiet li l-Landgericht Köln (il-Qorti Reġjonali, Cologne) kellha ġurisdizzjoni internazzjonali u rrinvijat il-każ lura lill-qorti tal-ewwel istanza. Essenzjalment, hija kkunsidrat li l-ġurisdizzjoni internazzjonali tal-qrati Ġermaniżi kienet ġiet stabbilita abbażi ta’ ftehim validu dwar l-għażla tal-qorti skont it-tifsira tal-Artikolu 25(1) tar-Regolament Nru 1215/2012. Dik il-ġurisdizzjoni ma ġietx eskluża mid-deċiżjoni tal-qrati Spanjoli, għaliex dik id-deċiżjoni ma temmitx il-proċedimenti u konsegwentement ma kellhiex għalfejn tiġi rrikonoxxuta skont l-Artikolu 36(1) tar-Regolament Nru 1215/2012. Skont il-qorti tal-appell, l-ebda waħda mid-deċiżjonijiet adottati mill-qrati Spanjoli ma kkostitwiet “sentenza” skont it-tifsira tal-Artikolu 36(1) tar-Regolament Nru 1215/2021 għaliex l-effetti ta’ dawk id-deċiżjonijiet kienu purament interni għall-proċedimenti (li kienu għaddejjin) fi Spanja. Barra minn hekk, il-qorti tal-appell kienet tal-fehma li l-proċedimenti quddiem il-qrati Ġermaniżi ma kellhomx jiġu sospiżi. Fil-fehma tagħha, il-fatt li l-qrati Spanjoli naqsu milli jissospendu l-proċedimenti skont l-Artikolu 31(2) tar-Regolament Nru 1215/2012 ma kienx jipprekludi t-tkomplija tal-proċedimenti fil-Ġermanja, fid-dawl tal-ġurisdizzjoni esklużiva mogħtija lil-Landgericht Köln (il-Qorti Reġjonali, Cologne).

25.      Babcock ressqet appell kontra d-deċiżjoni tal-Oberlandesgericht Köln (il-Qorti Reġjonali Superjuri, Cologne) quddiem il-qorti tar-rinviju. Billi kellha dubji dwar l-interpretazzjoni korretta tal-kunċett ta’ “sentenza” fl-Artikolu 36(1) tar-Regolament Nru 1215/2012, dik il-qorti ddeċidiet li tissospendi l-proċedimenti u li tagħmel id-domandi li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja għal deċiżjoni preliminari:

“(1)      Il-kunċett ta’ sentenza fl-Artikolu 36(1) tar-[Regolament Nru 1215/2012] għandu jiġi interpretat fis-sens li l-qorti lil lilha ftehim imsemmi fl-Artikolu 25 tar-Regolament Nru 1215/2012 jattribwixxi ġurisdizzjoni esklużiva (l-Artikolu 31(2) tar-Regolament Nru 1215/2012) għandha tirrikonoxxi sentenza li biha qorti ta’ Stat Membru li ma hijiex indikata fi ftehim tistabbilixxi l-ġurisdizzjoni internazzjonali tal-qrati ta’ dak l-Istat Membru meta tkun sentenza li ma ttemmx l-istanza (sentenza interlokutorja)?

(2)      Fil-każ li r-risposta għall-ewwel domanda tkun fl-affermattiv:

Ir-rikonoxximent tas-sentenza interlokutorja jiddependi wkoll fuq jekk il-qorti li ma hijiex indikata hijiex hija stess marbuta b’din is-sentenza interlokutorja li tafferma l-ġurisdizzjoni internazzjonali tal-qrati tal-Istat Membru kkonċernat u/jew jekk din l-affermazzjoni ta’ ġurisdizzjoni internazzjonali tistax tiġi mibdula fil-kuntest ta’ rimedju ġudizzjarju?”

26.      Babcock, Kanadevia, il-Gvern Ċek, il-Gvern Spanjol, il-Gvern Ċiprijott u l-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub. Babcock, Kanadevia, il-Gvern Ġermaniż, il-Gvern Spanjol u l-Kummissjoni ppreżentaw argumenti orali fis-seduta li saret fl‑4 ta’ Marzu 2026.

IV.    Evalwazzjoni

27.      Permezz taż-żewġ domandi magħmula, li huwa xieraq li jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiċċara jekk deċiżjoni interlokutorja adottata minn qorti ta’ Stat Membru, li fiha dik il-qorti tiddikjara lilha nnifisha (biss) li jkollha ġurisdizzjoni internazzjonali, iżda li għadha ma tieħu l-ebda deċiżjoni dwar il-merti tat-talba, hijiex koperta mill-kunċett ta’ “sentenza” fis-sens tal-Artikolu 36(1) tar-Regolament Nru 1215/2012 u għalhekk għandha tiġi rrikonoxxuta skont dik id-dispożizzjoni, anki jekk dik id-deċiżjoni allegatament tikkontradixxi ftehim esklużiv dwar l-għażla tal-qorti li jindika l-qrati ta’ Stat Membru ieħor. Il-qorti tar-rinviju tistaqsi wkoll jekk ir-rikonoxximent ta’ tali deċiżjoni jiddependix fuq jekk tistax xorta tinbidel fil-proċedimenti li fihom ittieħdet.

28.      Ser nibda l-evalwazzjoni tiegħi ta’ dawn id-domandi billi nindirizza l-oġġezzjoni ta’ Kanadevia għall-ammissibbiltà tad-domandi magħmula (A). Imbagħad ser infakkar li, skont ir-regoli tar-Regolament Nru 1215/2012 kif interpretati b’mod partikolari fis-sentenza fil-kawża Gjensidige, “sentenza” (fi ħdan it-tifsira tal-Artikoli 2(a) u 36(1) tar-Regolament Nru 1215/2012) maħruġa minn qorti ta’ Stat Membru għandha tiġi rrikonoxxuta fl-Istati Membri l-oħra kollha, anki fejn il-qorti tal-oriġini tkun ddikjarat li hija għandha ġurisdizzjoni internazzjonali bi ksur ta’ ftehim dwar l-għażla tal-qorti (B).

29.      Fiċ-ċirkustanzi tal-każ fil-kawża prinċipali, dan ifisser li d-deċiżjoni interlokutorja inkwistjoni għandha tiġi rrikonoxxuta hekk fil-Ġermanja. Dan ma jkunx il-każ biss jekk dik id-deċiżjoni ma tikkwalifikax bħala “sentenza” fl-ewwel lok. Madankollu, ser nissuġġerixxi li tali konklużjoni ma hijiex appoġġjata minn dak ir-regolament, minkejja l-protezzjoni li jagħti l-leġiżlatur tal-Unjoni lill-ftehimiet dwar l-għażla tal-qorti. Dan iwassalni sabiex nikkonkludi li deċiżjoni li permezz tagħha qorti li ma tkunx indikata ssib li għandha ġurisdizzjoni internazzjonali, allegatament bi ksur ta’ ftehim dwar l-għażla tal-qorti, għandha tiġi rrikonoxxuta. Ser nispjega wkoll li, filwaqt li l-obbligu li tiġi rrikonoxxuta sentenza li jkollha biss kontenut ġurisdizzjonali jseħħ irrispettivament minn jekk dik is-sentenza tkunx finali jew le, il-punt li huwa iktar rilevanti għas-soluzzjoni prattika għal sitwazzjoni ta’ lis pendens, bħal dik quddiem il-qorti tar-rinviju, huwa d-determinazzjoni ta’ jekk il-qorti li ġiet invokata l-ewwel, li ħarġet id-deċiżjoni bi ksur ta’ ftehim dwar l-għażla tal-qorti, tkunx stabbilixxiet ġurisdizzjoni fis-sens tal-Artikolu 29(3) tar-Regolament Nru 1215/2012 (C).

A.      Ammissibbiltà

30.      Kanadevia essenzjalment targumenta li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija inammissibbli minħabba li d-domandi magħmula la huma rilevanti u lanqas neċessarji għar-riżoluzzjoni tat-tilwima, peress li l-proċedimenti Spanjoli u Ġermaniżi ma jikkonċernawx “l-istess kawża ta’ azzjoni” fis-sens tal-Artikolu 29(1) tar-Regolament Nru 1215/2012. Għalhekk, kif nifhem l-argument, ir-regoli dwar il-lis pendens stabbiliti f’din id-dispożizzjoni ma japplikawx u, għaldaqstant, il-qrati Ġermaniżi jistgħu jkomplu jiddeċiedu dwar it-talba mressqa minn Kanadevia anki kieku kellhom jirrikonoxxu d-deċiżjoni interlokutorja inkwistjoni.

31.      B’mod iktar speċifiku, dik il-parti tiddikjara li, minn naħa, permezz tal-azzjoni mressqa quddiem il-qrati Spanjoli, Babcock qiegħda titlob rimbors, minn Kanadevia, tal-garanzija bankarja pprovduta minn Babcock fil-kuntest tal-kuntratt inizjali. Min-naħa l-oħra, permezz tal-azzjoni tagħha pendenti quddiem il-qrati Ġermaniżi, Kanadevia titlob kumpens, mingħand Babcock, għal ksur ta’ kuntratt allegat. F’dan id-dawl, Kanadevia ssostni li l-qrati Spanjoli jistgħu jiddeċiedu dwar it-talba ta’ Babcock mingħajr ma jikkunsidraw jekk Kanadevia hijiex intitolata għal kumpens għal ksur ta’ kuntratt. F’dan l-isfond, Kanadevia tissuġġerixxi li għandha tiġi magħmula domanda addizzjonali lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex jiġi ċċarat il-kunċett tal-istess kawża ta’ azzjoni fis-sens tal-Artikolu 29(1) tar-Regolament Nru 1215/2012.

32.      Ninnota, l-ewwel, li mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-qorti tar-rinviju tqis li l-proċedimenti quddiem il-qrati Spanjoli u Ġermaniżi jinvolvu l-istess kawża ta’ azzjoni fis-sens tad-dispożizzjoni ta’ hawn fuq. Għalkemm mill-fajl jirriżulta li, fl-istadji preċedenti tal-proċedimenti prinċipali, il-qrati nazzjonali ħadu pożizzjonijiet kemxejn diverġenti dwar il-kwistjoni (8), issa jidher li din il-kwistjoni ġiet solvuta u la d-domandi magħmula u lanqas id-deċiżjoni tar-rinviju ma jindikaw li l-qorti tar-rinviju għandha xi dubji f’dan ir-rigward.

33.      Fil-fehma tiegħi, dan jelimina l-argument ta’ Kanadevia li d-domandi magħmula huma irrilevanti, għaliex dik l-asserzjoni hija bbażata fuq il-premessa li ż-żewġ proċedimenti inkwistjoni ma jinvolvux l-istess kawża ta' azzjoni. Għalhekk, huwa biss għall-finijiet ta’ kompletezza li nfakkar, it-tieni, li hija biss il-qorti nazzjonali li quddiemha tressqet it-tilwima, u li trid tassumi r-responsabbiltà għad-deċiżjoni ġudizzjarja sussegwenti, li għandha tiddetermina, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ, kemm il-ħtieġa kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja fi ħdan il-proċedura rregolata mill-Artikolu 267 TFUE (9). Minn dan isegwi li d-domandi relatati mad-dritt tal-Unjoni li jsiru lill-Qorti tal-Ġustizzja f’dan il-kuntest huma preżunti bħala rilevanti u l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tirrifjuta li tiddeċiedi dwar domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali biss jekk ikun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma jkollha l-ebda relazzjoni mal-fatti attwali jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ipotetika jew meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex l-informazzjoni fattwali u legali meħtieġa sabiex tipprovdi risposta utli għad-domandi li jiġu magħmula lilha (10).

34.      Ninnota li l-qorti tar-rinviju qiegħda titlob kjarifika dwar il-kunċett ta’ “sentenza” fis-sens tar-Regolament Nru 1215/2012 sabiex tiddetermina jekk id-deċiżjoni tal-qrati Spanjoli tistax tiġi kklassifikata bħala tali u jekk għalhekk għandhiex tiġi rrikonoxxuta fil-Ġermanja. Hija tindika li, jekk dan ikun il-każ, is-sentenza mogħtija mill-Oberlandesgericht Köln (il-Qorti Reġjonali Superjuri, Cologne) fl-istadju tal-appell tal-kawża prinċipali jkollha tiġi annullata u s-sentenza tal-Landgericht Köln (il-Qorti Reġjonali, Cologne) ikollha tiġi stabbilita mill-ġdid.

35.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mitluba hija ċarament rilevanti għar-riżoluzzjoni tat-tilwima pendenti fil-kawża prinċipali.

36.      It-tielet, fir-rigward tas-suġġeriment ta’ Kanadevia li għandha tiġi magħmula domanda addizzjonali sabiex jiġi ċċarat il-kunċett tal-istess kawża ta’ azzjoni fis-sens tal-Artikolu 29(1) tar-Regolament Nru 1215/2012 fil-kuntest taż-żewġ proċedimenti inkwistjoni, mir-rimarki ġenerali ta’ hawn fuq jirriżulta li, fi ħdan proċedura rregolata mill-Artikolu 267 TFUE, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddefinixxi s-suġġett tad-domandi li għandhom jiġu eżaminati mill-Qorti tal-Ġustizzja. Għaldaqstant, ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tbiddel dan is-suġġett (11). Il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, naturalment, tifformula mill-ġdid id-domandi magħmula sabiex tiżgura li r-risposta mogħtija tkun waħda utli. Madankollu, għar-raġunijiet imsemmija hawn fuq, ma nara l-ebda ħtieġa għal approċċ bħal dan.

37.      Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, nikkunsidra li l-oġġezzjoni ta’ Kanadevia dwar l-ammissibbiltà tad-domandi magħmula għandha tiġi miċħuda.

B.      Il-ksur ta’ ftehim dwar l-għażla tal-qorti ma jistax ikun bażi għal rifjut ta’ rikonoxximent ta’ sentenza

38.      L-Artikoli 36 u 39 tar-Regolament Nru 1215/2012 (12) jistabbilixxu l-prinċipju li s-“sentenzi” f’materji ċivili u kummerċjali maħruġa mill-qrati tal-Istati Membri għandhom jiġu rrikonoxxuti u kkunsidrati eżegwibbli fl-Istati Membri l-oħra kollha. Dan l-obbligu ta’ rikonoxximent reċiproku huwa bbażat, min-naħa tiegħu, fuq il-fiduċja reċiproka li l-Istati Membri għandu jkollhom fil-ġudikatura tal-oħrajn (13). Dan l-obbligu effettivament jagħmilha possibbli li jintlaħaq wieħed mill-objettivi ewlenin tar-Regolament Nru 1215/2012, jiġifieri ċ-ċirkulazzjoni libera ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, li għandhom jiġu rrikonoxxuti u eżegwiti fl-Istat Membru fejn ikun qiegħed jintalab tali rikonoxximent u eżekuzzjoni (l-Istat Membru indirizzat), mingħajr il-ħtieġa għal xi proċedura speċjali, bħallikieku dawk is-sentenzi ngħataw fl-Istat Membru indirizzat (14).

39.      L-istess prinċipju ta’ fiduċja reċiproka huwa espress permezz tal-projbizzjoni fuq il-qorti tal-Istat Membru indirizzat milli tirrevedi mhux biss is-sustanza ta’ sentenza mogħtija fi Stat Membru ieħor(15) iżda wkoll, b’mod partikolari, il-ġurisdizzjoni tal-qorti tal-oriġini (16).

40.      Fir-rigward tal-kwistjoni tal-ġurisdizzjoni, is-sistema tar-Regolament Nru 1215/2012 hija bbażata fuq il-fehim li l-qorti tal-Istat indirizzat qatt ma tkun f’pożizzjoni aħjar mill-qorti tal-Istat tal-oriġini sabiex tiddetermina jekk dan tal-aħħar għandux ġurisdizzjoni. Din il-premessa tirrifletti, min-naħa tagħha, ir-rabta bejn ir-regoli komuni ta’ rikonoxximent u r-regoli komuni ta’ ġurisdizzjoni li jiddeterminaw direttament liema qorti għandha tisma’ u tiddeċiedi talba partikolari. Fl-applikazzjoni ta’ dawn ir-regoli, il-qrati tal-Istati Membri jaġixxu fuq bażi ugwali. Dan jispjega l-grad għoli ta’ fiduċja reċiproka li għandu jkollhom il qrati bejniethom (17) u għaliex, b’mod iktar speċifiku, qorti fi Stat Membru, fil-prinċipju, ma hijiex permessa tirrevedi l-ġurisdizzjoni tal-qorti tal-oriġini (18).

41.      Din ir-regola hija suġġetta għal diversi eċċezzjonijiet li huma identifikati b’mod eżawrjenti f’lista kemxejn usa’ (iżda wkoll eżawrjenti) ta’ raġunijiet li minħabba fihom ir-rikonoxximent ta’ sentenza jista’ jiġi miċħud b’mod eċċezzjonali, kif stabbilit fl-Artikolu 45(1) tar-Regolament Nru 1215/2012.

42.      Madankollu, b’referenza għan-natura eżawrjenti ta’ dawn ir-raġunijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza fil-kawża Gjensidige ddeċidiet, b’mod partikolari u kif diġà ssemma, li l-ebda waħda minn dawn ir-raġunijiet ma tkopri s-sitwazzjoni fejn il-qorti tal-oriġini ddikjarat li għandha ġurisdizzjoni bi ksur ta’ ftehim dwar l-għażla tal-qorti li jagħti ġurisdizzjoni lill-qrati ta’ Stat Membru ieħor. Dan ifisser li r-rikonoxximent ta’ sentenza ma jistax jiġi miċħud abbażi ta’ dan (19).

43.      Sabiex waslet għal din il-konklużjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li sitwazzjoni bħal din ma setgħetx tiġi inkluża taħt ir-raġuni ta’ rifjut ta’ rikonoxximent prevista fl-Artikolu 45(1)(e) li tikkonċerna l-ksur, mill-qorti tal-oriġini, ta’ ċerti regoli ġurisdizzjonali stabbiliti fir-Regolament Nru 1215/2012 (20).

44.      F’dan ir-rigward infakkar li, skont l-Artikolu 45(e)(i) tar-Regolament Nru 1215/2012, ir-rikonoxximent jista’ jiġi miċħud meta, fl-għoti tas-sentenza li għaliha jkun qiegħed jintalab ir-rikonoxximent, il-qorti tkun kisret regoli ġurisdizzjonali li jipproteġu lill-konvenuti meqjusa bħala parti iktar dgħajfa, jiġifieri l-konsumaturi, l-impjegati u dawk li jistgħu jkunu kkonċernati minn kuntratti ta’ assigurazzjoni (id-detentur ta’ polza, il-parti assigurata, benefiċjarju jew il-parti li tkun ġarrbet il-ħsara) (21).

45.      Barra minn hekk, skont l-Artikolu 45(1)(e)(ii) tar-Regolament Nru 1215/2012, ir-rikonoxximent jista’ jiġi miċħud ukoll f’każ ta’ ksur ta’ ċerti regoli ġurisdizzjonali li jipprevedu kompetenza esklużiva. Dawn il-każijiet ta’ kompetenza esklużiva jikkonċernaw diversi xenarji(22) iżda ma jikkonċernawx il-kompetenza esklużiva li tirriżulta speċifikament minn ftehim dwar l-għażla tal-qorti (23). Diġà spjegajt f’okkażjonijiet preċedenti li r-regoli ta’ ġurisdizzjoni esklużiva msemmija fl-Artikolu 45(1)(e)(ii) tar-Regolament Nru 1215/2012 ma jistgħux jiġu dderogati permezz ta’ ftehim (kif jirriżulta mill-Artikolu 25(4) tar-Regolament Nru 1215/2012) u li r-ratio legis tagħhom ġie ġġustifikat b’referenza għall-konnessjoni partikolari bejn l-oqsma li huma marbuta magħhom u l-Istat Membru partikolari (24).

46.      Fil-qosor, għalkemm id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 45(1)(e)(i) u (ii) tar-Regolament Nru 1215/2012 jidentifikaw diversi sitwazzjonijiet limitati fejn huwa eċċezzjonalment possibbli li jiġi rifjutat ir-rikonoxximent ta’ sentenza minħabba li tkun f’kunflitt ma’ ċerti regoli ġurisdizzjonali, dawn l-eċċezzjonijiet ma jistgħux jaffettwaw ir-regola ewlenija li skontha l-ksur tar-regoli ġurisdizzjonali ddefiniti fir-Regolament Nru 1215/2012 ma jistax iwassal għar-rifjut tar-rikonoxximent għaliex, għal darba oħra, il-ġurisdizzjoni tal-qorti tal-Istat tal-oriġini ma tistax, fil-prinċipju, tiġi rriveduta.

47.      Dik il-konklużjoni ma tinbidilx mill-fatt li, meta ġie adottat ir-Regolament Nru 1215/2012, il-leġiżlatur tal-Unjoni ddeċieda li jsaħħaħ l-effettività tal-ftehimiet dwar l-għażla tal-qorti permezz ta’ regola speċifika ta’ lis pendens fl-Artikolu 31(2) tar-Regolament Nru 1215/2012 (25).

48.      F’dan l-istadju, nixtieq infakkar li r-regoli ta’ lis pendens previsti fl-Artikolu 29 tar-Regolament Nru 1215/2012 huma mfassla sabiex jittrattaw is-sitwazzjoni (li ma hijiex mixtieqa) fejn tilwima li tinvolvi l-istess partijiet u l-istess kawża ta’ azzjoni titressaq quddiem żewġ qrati differenti b’mod parallel. Dawn ir-regoli jindirizzaw dik is-sitwazzjoni billi jiddependu fuq il-kronoloġija sempliċi tal-azzjonijiet u jagħtu prijorità lill-qorti li tkun ġiet invokata l-ewwel. B’mod iktar speċifiku, meta tali tilwima tkun diġà pendenti quddiem il-qrati ta’ Stat Membru A, il-qorti li tkun ġiet invokata t-tieni fi Stat Membru B għandha tissospendi l-proċedimenti sakemm tiġi stabbilita l-ġurisdizzjoni tal-ewwel qorti. Meta dan iseħħ, it-tieni qorti tkun obbligata li tirrinunzja l-ġurisdizzjoni.

49.      Dawn ir-regoli ġenerali kienu diġà jeżistu taħt ir-Regolament Nru 44/2001 u l-predeċessur legali tiegħu, il-Konvenzjoni ta’ Brussell tal‑1968 (26). Meta adotta r-Regolament Nru 1215/2012, il-leġiżlatur tal-Unjoni żamm dawn ir-regoli iżda żied regola speċifika ta’ lis pendens għax-xenarju li jinvolvi ftehim dwar l-għażla tal-qorti.

50.      Skont din ir-regola speċifika, fejn ftehim bejn il-partijiet jagħti ġurisdizzjoni esklużiva fuq it-tilwima tagħhom lil qorti ta’ Stat Membru partikolari, dik il-qorti indikata għandha tingħata prijorità sabiex tiddetermina jekk għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tisma’ u tiddetermina t-talba, anki meta ma tkunx ġiet invokata l-ewwel (prijorità inversa). Dan jirriżulta mill-Artikolu 31(2) tar-Regolament Nru 1215/2012 li skontu fejn tiġi invokata tali qorti indikata, “kwalunkwe qorti ta’ Stat Membru ieħor għandha tissospendi l-proċedimenti sa dak iż-żmien meta l-qorti invokata fuq il-bażi tal-ftehim tiddikjara li m’għandha l-ebda ġurisdizzjoni taħt il-ftehim”. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 31(3) tar-Regolament Nru 1215/2012, fejn il-qorti indikata tkun stabbiliet il-ġurisdizzjoni tagħha skont il-ftehim, dawk il-qrati l-oħra “għandhom jirrinunzjaw” tagħhom.

51.      Niftakar li din ir-regola speċifika ġiet introdotta sabiex “titjieb l-effettività ta’ ftehimiet esklużivi dwar l-għażla tal-qorti u sabiex jiġu evitati tattiċi abbużivi ta’ tilwim” (27). Dawk it-termini jirreferu għax-xenarju li spiss jiġi deskritt bħala azzjonijiet vessatorji (“torpedo actions”) li bihom, meta jseħħ nuqqas ta’ qbil, il-parti b’interess li ma ssirx litigazzjoni quddiem il-qorti indikata tressaq malajr it-talba tagħha (spiss għal dikjarazzjoni negattiva ta’ responsabbiltà) quddiem qorti li ma hijiex indikata, b’mod partikolari fejn il-proċedimenti huma kkunsidrati li notorjament jimxu bil-mod.

52.      Skont ir-regola ġenerali tal-lis pendens, approċċ bħal dan ipprevjena lill-qorti indikata (invokata t-tieni) milli taġixxi minħabba li kellha tissospendi l-proċedimenti sakemm tittieħed id-deċiżjoni tal-qorti invokata l-ewwel u, meta dik il-qorti stabbilixxiet il-ġurisdizzjoni tagħha (ibbażata fuq bażi ġurisdizzjonali oħra stabbilita fir-Regolament Nru 1215/2012), kellha tirrinunzja tagħha stess, minkejja l-ftehim dwar l-għażla tal-qorti. L-applikazzjoni stretta ta’ dawk ir-regoli tista’ għalhekk iċċaħħad il-ftehim dwar l-għażla tal-qorti mill-effett tiegħu (28). Kif diġà ġie osservat, ir-regola speċjali ta’ lis pendens fl-Artikolu 31(2) tar-Regolament Nru 1215/2012 hija maħsuba sabiex issolvi dik it-tensjoni.

53.      Madankollu, kif irrimarkat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza fil-kawża Gjensidige u, fil-proċedimenti preżenti, minn Babcock, il-Gvern Spanjol u l-Kummissjoni, meta introduċa din ir-regola speċifika, il-leġiżlatur tal-Unjoni ma mmodifikax ir-raġunijiet għal rifjut previsti fl-Artikolu 45(1) tar-Regolament Nru 1215/2012 (29). Dan jirrifletti l-għażla tal-leġiżlatur tal-Unjoni li ma jestendix il-protezzjoni (dak iż-żmien ġdida) mogħtija lill-ftehimiet dwar l-għażla tal-qorti għall-istadju tar-rikonoxximent u, minflok, jagħti preċedenza, f’dak l-istadju, lill-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku, kif tirrimarka l-Kummissjoni (30).

54.      B’kuntrast ma’ dan, il-Gvern Ġermaniż esprima l-fehma li n-nuqqas ta’ ksur tal-Artikolu 31(2) tar-Regolament Nru 1215/2012 bħala waħda mir-raġunijiet għal rifjut elenkati fl-Artikolu 45(1) tar-Regolament Nru 1215/2012 ma huwiex ommissjoni intenzjonali min-naħa tal-leġiżlatur tal-Unjoni iżda pjuttost lakuna regolatorja. Skont il-Gvern Ġermaniż, din il-lakuna hija dovuta għall-fatt li, meta introduċa r-regola l-ġdida ta’ lis pendens, il-leġiżlatur tal-Unjoni aġixxa fuq il-premessa li din ir-regola kienet ser tiġi osservata. Għalhekk, il-Gvern Ġermaniż huwa tal-fehma li dan in-nuqqas ma huwiex deċiżiv dwar jekk ir-rikonoxximent jistax jiġi miċħud fiċ-ċirkustanzi diskussi hawnhekk.

55.      Din il-pożizzjoni ma tikkonvinċinix. L-ewwel, il-Qorti tal-Ġustizzja eskludiet b’mod ċar il-proposta mressqa mill-Gvern Ġermaniż fis-sentenza fil-kawża Gjensidige, li minnha jirriżulta li l-ommissjoni ta’ hawn fuq hija, preċiżament, kruċjali. It-tieni, jidhirli li dik il-“premessa li r-regola tiġi osservata” kienet ċertament preżenti meta l-leġiżlatur introduċa r-regoli ġurisdizzjonali li, kuntrarjament għar-regola inkwistjoni hawnhekk, huma riflessi fid-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Artikolu 45(1) tar-Regolament Nru 1215/2012 bħala raġunijiet għar-rifjut tar-rikonoxximent. It-tqabbil bejn ir-regoli ġurisdizzjonali stabbiliti fir-Regolament Nru 1215/2012, minn naħa, u l-lista ta’ raġunijiet għar-rifjut, min-naħa l-oħra, minflok jindika li l-leġiżlatur ma injorax il-fatt li, fil-prattika, jistgħu jseħħu żbalji iżda identifika biss uħud minnhom bħala kapaċi li jwasslu għar-rifjut tar-rikonoxximent.

56.      Fil-fatt, apparti mill-fehma meħuda mill-Gvern Ġermaniż, dan ta’ hawn fuq ma jidhirx li huwa kkontestat. Madankollu, il-qorti tar-rinviju tqis dimensjoni oħra tar-reġim ta’ rikonoxximent irregolat mir-Regolament Nru 1215/2012, li issa ser nitkellem dwaru issa.

C.      Deċiżjoni interlokutorja li biha qorti ta’ Stat Membru tiddikjara li għandha ġurisdizzjoni bi ksur ta’ ftehim dwar l-għażla tal-qorti tikkostitwixxi “sentenza”?

57.      L-applikazzjoni tar-regoli dwar ir-rikonoxximent u l-infurzar ta’ “sentenzi” previsti mir-Regolament Nru 1215/2012, deskritti fit-taqsima preċedenti, tippresupponi li d-deċiżjoni kkonċernata tikkwalifika bħala tali. Id-domandi tal-qorti tar-rinviju fil-fatt jistaqsu dwar din il-kundizzjoni sottostanti.

58.      Fil-fatt, jekk jiġi konkluż li d-deċiżjoni tal-qrati Spanjoli li tiddikjara li dawk il-qrati għandhom ġurisdizzjoni internazzjonali iżda li, għall-kuntrarju tal-każ li wassal għas-sentenza fil-kawża Gjensidige, għadha ma tiddeterminax id-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet, ma tikkostitwixxix “sentenza” fis-sens tar-Regolament Nru 1215/2012, ma jkun hemm l-ebda obbligu min-naħa tal-qrati invokati t-tieni (hawnhekk, il-qrati Ġermaniżi) li jirrikonoxxuha. Fi kliem ieħor, u kif nifhem l-argument, ma jkun hemm l-ebda obbligu min-naħa tagħhom li jqisu lilhom infushom marbuta bid-determinazzjoni ġurisdizzjonali magħmula mill-qrati invokati l-ewwel (hawnhekk, il-qrati Spanjoli) bir-riżultat li ma jkunux obbligati li jirrinunzjaw il-ġurisdizzjoni tagħhom stess u, billi jiddependu fuq il-ftehim dwar l-għażla tal-qorti inkwistjoni, ikunu jistgħu jipproċedu bis-smigħ u d-determinazzjoni tat-talba ta’ Kanadevia.

59.      Ninnota li l-partijiet u persuni interessati oħra fil-proċedimenti preżenti jistgħu jinqasmu f’żewġ gruppi skont ir-risposta ssuġġerita tagħhom għad-domanda kif għadha kif ġiet imqassra. Minn naħa, Babcock, il-Gvern Spanjol, il-Gvern Ċek u l-Kummissjoni jqisu li deċiżjoni bħad-deċiżjoni interlokutorja inkwistjoni hija “sentenza” fis-sens tal-Artikolu 2(a) tar-Regolament Nru 1215/2012 (u għalhekk, għandha tiġi rrikonoxxuta fl-Unjoni Ewropea kollha, skont ir-regoli deskritti fit-taqsima preċedenti). Min-naħa l-oħra, Kanadevia u l-Gvern Ċiprijott għandhom il-fehma opposta, li tidher ukoll li hija s-soluzzjoni ppreferuta mill-qorti tar-rinviju.

60.      Minn dawk iż-żewġ pożizzjonijiet, essenzjalment, jiena naqbel mal-ewwel waħda.

61.      Sabiex nispjega r-raġunijiet li wassluni għal din il-konklużjoni, ser nagħmel xi rimarki preliminari dwar il-kunċett ta’ “sentenza” (1) qabel ma ndur għall-interpretazzjoni ta’ dan il-kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni billi nikkunsidra t-test u l-kuntest rilevanti (2) u l-objettivi rilevanti (3).

1.      Rimarki preliminari dwar il-kunċett ta’ sentenza

62.      Ninnota li l-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-kunċett ta’ “sentenza” li jidher fl-Artikolu 36(1) tar-Regolament Nru 1215/2012 li skontu “sentenza mogħtija fi Stat Membru għandha tiġi rikonoxxuta fl-Istati Membri l-oħra mingħajr il-bżonn ta’ ebda proċedura speċjali”.

63.      Dan il-kunċett huwa ddefinit fl-Artikolu 2(a) tar-Regolament Nru 1215/2012 bħala “kull sentenza mogħtija minn qorti jew tribunal ta’ Stat Membru, independentement minn kif tista’ tissejjaħ dik is-sentenza, inklużi digriet, ordni, deċiżjoni jew mandat ta’ eżekuzzjoni, kif ukoll deċiżjoni dwar id-determinazzjoni tal-infiq jew l-ispejjeż minn uffiċjal tal-qorti”. Din id-dispożizzjoni tiddikjara wkoll li “għall-finijiet tal-Kapitolu III [dwar ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni], [din] tinkludi miżuri proviżorji, inklużi miżuri kawtolatorji, ordnati minn qorti jew tribunal li, bis-saħħa ta’ dan ir-Regolament ikollha ġurisdizzjoni fuq il-mertu tal-kwistjoni”. L-uniku limitu li jimponi l-Artikolu 2(a) tar-Regolament Nru 1215/2012 f’dak il-kuntest huwa l-kjarifikazzjoni, fl-aħħar sentenza, li l-kunċett ta’ “sentenza” “ma jinkludix miżura proviżorja, inkluża miżura kawtelatorja, li tkun ordnata minn tali qorti jew tribunal meta l-konvenut ma jkunx irċieva taħrika biex jidher, sakemm is-sentenza li jkun fiha l-miżura ma tiġix notifikata lill-konvenut qabel l-infurzar”.

64.      Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li tibda bis-sentenzi tagħha dwar il-Konvenzjoni ta’ Brussell tal‑1968, jirriżulta li dan il-kunċett tad-dritt tal-Unjoni għandu jiġi interpretat b’mod wiesa’ (31). F’dan is-sens, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li dan “ikopri kull sentenza mogħtija minn qorti ta’ Stat Membru, mingħajr ma hemm lok li ssir distinzjoni skont il-kontenut tas-sentenza inkwistjoni, sakemm din kienet jew setgħet tkun, fl-Istat Membru ta’ oriġini, is-suġġett, taħt diversi modalitajiet, ta’ investigazzjoni kontradittorja” (32).

65.      B’mod partikolari, fis-sentenza fil-kawża Mærsk, il-Qorti tal-Ġustizzja applikat il-kunċett ta’ sentenza għal ordnijiet interlokutorji u miżuri protettivi (bħal deċiżjoni li tiffissa provviżorjament l-ammont li għalih tkun limitata r-responsabbiltà ta’ sid tal-bastiment) (33). Fis-sentenza fil-kawża Gothaer, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li dan jinkludi sentenza li biha qorti ta’ Stat Membru tkun irrifjutat il-ġurisdizzjoni abbażi ta’ klawżola ġurisdizzjonali (li, f’dak il-każ, tagħti ġurisdizzjoni esklużiva lill-qrati Islandiżi) (34).

66.      Wara li fakkart dawk il-kwistjonijiet ġenerali, issa ser ngħaddi għall-eżami iktar speċifiku ta’ jekk il-kunċett ta’ “sentenza” jkoprix deċiżjoni interlokutorja li biha qorti ta’ Stat Membru tiddikjara li jkollha ġurisdizzjoni iżda għadha ma tiddeterminax id-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet (bi ksur ta’ ftehim dwar l-għażla tal-qorti).

2.      Interpretazzjoni testwali u kuntestwali

67.      L-ewwel, jekk inħarsu lejn id-definizzjoni tal-kunċett ta’ “sentenza” stabbilita fl-Artikolu 2(a) tar-Regolament Nru 1215/2012, ma hemm xejn fil-kliem wiesa’ tiegħu li jippermetti l-esklużjoni ta’ deċiżjoni interlokutorja bħal dik inkwistjoni mill-portata tagħha, kif irrikonoxxut mill-qorti tar-rinviju. Lanqas ma jidher li hemm kontestazzjoni dwar il-fatt li dik id-deċiżjoni “kienet jew setgħet tkun, fl-Istat Membru ta’ oriġini, is-suġġett, taħt diversi modalitajiet, ta’ investigazzjoni kontradittorja”, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 65 hawn fuq.

68.      Is-sentenzi fil-kawża Maersk u fil-kawża Gothaer imsemmija hawn fuq jidhru li huma partikolarment rilevanti għall-każ preżenti peress li jħaddnu interpretazzjoni wiesgħa li tissuġġerixxi d-definizzjoni tal-kunċett ta’ “sentenza” u, għal dik ir-raġuni, ġew invokati minn Babcock sabiex issostni l-argument li d-deċiżjonijiet proċedurali (li ma jiddeċidux dwar il-merti tal-azzjoni) ma humiex esklużi mill-kunċett ta’ “sentenza”.

69.      Ċertament naqbel mal-qorti tar-rinviju li ż-żewġ sentenzi ma jikkonċernawx direttament deċiżjoni bħad-deċiżjoni interlokutorja inkwistjoni hawnhekk. Minn naħa, miżura provviżorja (bħal dik inkwistjoni fis-sentenza fil-kawża Maersk), għall-kuntrarju tad-deċiżjoni kkunsidrata hawnhekk, tiddetermina d-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet (għalkemm b’mod provviżorju biss). Min-naħa l-oħra, deċiżjoni li tirrinunzja l-ġurisdizzjoni favur qorti oħra (ta’ pajjiż terz) ibbażata fuq ftehim dwar l-għażla tal-qorti (inkwistjoni fis-sentenza fil-kawża Gothaer) ittemm il-proċedimenti kuntrarjament għad-deċiżjoni interlokutorja inkwistjoni hawnhekk (li tikkonferma l-ġurisdizzjoni tagħhom sabiex jisimgħu u jiddeterminaw it-talba).

70.      Madankollu, il-fatt li d-deċiżjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija differenti, b’xi mod jew ieħor, mid-deċiżjonijiet ikkunsidrati fis-sentenzi fil-kawża Maersk u l-kawża Gothaer ma jfissirx awtomatikament li ma tistax taqa’ taħt id-definizzjoni ta’ “sentenza”. Fil-fatt, u pjuttost għall-kuntrarju, fid-dawl tal-kliem wiesa’ ta’ dik id-definizzjoni, ma narax kif deċiżjoni li “sempliċement” tistabbilixxi ġurisdizzjoni (possibilment bi ksur ta’ ftehim dwar l-għażla tal-qorti), għall-kuntrarju ta’ deċiżjoni li tiddetermina wkoll id-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet, tista’ tiġi identifikata bħala li ma hijiex koperta minn dan il-kunċett. Din il-konklużjoni ma hijiex affettwata mill-osservazzjoni, imressqa mill-qorti tar-rinviju u l-Gvern Ġermaniż, li tali esklużjoni hija ġġustifikata mill-fatt li l-effetti tad-deċiżjoni interlokutorja inkwistjoni huma “purament interni” għall-proċedimenti (li għadhom pendenti)

71.      Naturalment, ma huwiex diffiċli li wieħed jara kif deċiżjoni li tikkonċerna biss il-ġurisdizzjoni hija differenti minn waħda li tiddetermina d-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet (jew, jekk niġu f’dan, minn waħda li tieħu pożizzjoni kemm dwar il-ġurisdizzjoni kif ukoll dwar il-merti). Nirrikonoxxi wkoll faċilment li jeżistu ħafna kategoriji speċifiċi ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji fl-ordinamenti ġuridiċi nazzjonali, li minnhom jistgħu jirriżultaw diversi konsegwenzi legali skont id-dritt nazzjonali.

72.      Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja repetutament iddikjarat li l-kunċetti użati fir-Regolament Nru 1215/2012 għandhom jiġu interpretati b’mod awtonomu, li japplika wkoll għall-kunċett inkwistjoni, kif diġà osservajt.

73.      Ċertament, parti tipikament titlob ir-rikonoxximent ta’ sentenza sabiex tasserixxi dritt sostantiv li jkun ingħatalha, jew li ġie ddikjarat li jeżisti eċċ. Madankollu, ma hemm xejn fid-definizzjoni tal-kunċett ta’ “sentenza” li jindika li l-leġiżlatur tal-Unjoni xtaq jillimita l-kategorija ta’ determinazzjonijiet ġudizzjarji li jistgħu jiġu rrikonoxxuti għal dawk li għandhom kontenut speċifiku (bħal dawk li jiddeterminaw drittijiet u obbligi u ma humiex biss relatati mal-ġurisdizzjoni). Għall-kuntrarju, u kif diġà osservat fil-punt 65 hawn fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja eskludiet il-possibbiltà li l-klassifikazzjoni ta’ determinazzjoni ġudizzjarja bħala “sentenza” tkun dipendenti preċiżament fuq il-kontenut tagħha. F’dak ir-rigward, infakkar li, fis-sentenza fil-kawża Gothaer, il-Qorti tal-Ġustizzja inkludiet f’dak il-kunċett determinazzjoni ġurisdizzjonali negattiva, irrispettivament mit-tħassib simili mqajjem mill-qorti tar-rinviju f’dak il-każ li jindika l-ispeċifiċitajiet tal-klassifikazzjoni dottrinali nazzjonali tad-deċiżjonijiet li jirrinunzjaw il-ġurisdizzjoni (35).

74.      Issa, jekk ngħaddu għall-kuntest li fih jintuża l-kunċett ta’ “sentenza”, jiena tal-fehma li l-inklużjoni ta’ deċiżjonijiet bħad-deċiżjoni interlokutorja inkwistjoni fil-kunċett ta’ “sentenza” hija rilevanti, b’mod partikolari, f’sitwazzjonijiet ta’ lis pendens.

75.      Għandu jiġi nnutat li, skont ir-regoli ġenerali tal-lis pendens stabbiliti fl-Artikolu 29(1) u (3) tar-Regolament Nru 1215/2012, fejn il-qorti invokata l-ewwel tistabbilixxi l-ġurisdizzjoni tagħha, jiġi attivat l-obbligu li jirrikjedi li kwalunkwe qorti oħra invokata għall-istess kawża li tinvolvi l-istess partijiet tirrifjuta l-ġurisdizzjoni. Dak l-obbligu japplika mutatis mutandis għall-qorti li ma hijiex indikata skont ir-regola tal-kronoloġija inversa prevista mir-regola speċifika tal-lis pendens fl-Artikolu 31(2) u (3) tar-Regolament Nru 1215/2012 meta l-qorti indikata fi ftehim esklużiv dwar l-għażla tal-qorti tistabbilixxi l-ġurisdizzjoni.

76.      F’dan ir-rigward, ma huwiex ċar kif l-operazzjoni xierqa ta’ dawk l-obbligi (li tiġi rrifjutata l-ġurisdizzjoni) tista’ tiġi żgurata jekk deċiżjoni ġudizzjarja li jkun fiha konstatazzjoni ġurisdizzjonali “sempliċi” tinstab li ma taqax taħt il-kunċett ta’ “sentenza” li tista’ (u għandha) tiġi rrikonoxxuta.

77.      Fil-fatt, jekk wieħed iqis li dawk il-konstatazzjonijiet ġurisdizzjonali “awtonomi” ma jistgħux jitqiesu bħala “sentenzi” li għandhom jiġu rrikonoxxuti, ma jkun hemm l-ebda obbligu, fuq qorti li ma għandhiex prijorità li tiddetermina jekk għandhiex ġurisdizzjoni skont ir-regola rilevanti tal-lis pendens, li tirrinunzja l-ġurisdizzjoni meta l-ġurisdizzjoni tal-qorti “bi prijorità” tkun ġiet stabbilita (f’sentenza interlokutorja). Dan, min-naħa tiegħu, jirriskja li jċaħħad ir-regoli tal-lis pendens skont ir-Regolament Nru 1215/2012 mill-effett prattiku tagħhom (irrispettivament minn jekk is-sitwazzjoni taqax taħt ir-regola ġenerali jew speċifika tal-lis pendens).

78.      Madankollu, jista’, ċertament, jiġi ssuġġerit li l-applikazzjoni tar-regola tal-lis pendens ma tiddependix fuq l-attivazzjoni tal-kunċett ta’ rikonoxximent skont l-Artikolu 36(1) tar-Regolament Nru 1215/2012. Fil-fatt, jista’ jiġi argumentat li deċiżjoni li jkun fiha biss konstatazzjoni ġurisdizzjonali ma għandhiex kontenut “eżegwibbli” (fi ħdan it-tifsira ta’ drittijiet sostantivi u obbligi korrispondenti) li jidher li r-regoli ta’ rikonoxximent u infurzar ġew imfassla għalih fl-ewwel lok (36). Għalhekk jista’ jiġi argumentat iktar li l-obbligu li, b’mod partikolari, tiġi rrinunzjata l-ġurisdizzjoni meta l-ġurisdizzjoni tal-qorti “bi prijorità” tkun ġiet stabbilita, jirriżulta mill-obbligi speċifiċi stabbiliti fl-Artikoli 29(3) u 31(3) tar-Regolament Nru 1215/2012. Jekk inkomplu fuq din il-linja ta’ raġunament, jista’ jiġi konkluż li l-eżistenza ta’ “sentenza” fis-sens tal-Artikolu 2(a) ta’ dan ir-regolament ma hijiex meħtieġa sabiex dak l-obbligu jiġi attivat.

79.      Madankollu, mis-sentenza fil-kawża Gothaer jirriżulta li deċiżjonijiet li fihom biss konstatazzjonijiet ġurisdizzjonali jikkostitwixxu “sentenzi” li jistgħu jiġu rrikonoxxuti. Sakemm il-Qorti tal-Ġustizzja ma tixtieqx terġa’ tirrevedi dik il-konklużjoni (37), l-adozzjoni tal-pożizzjoni opposta hawnhekk għalhekk tkun inkonsistenti mal-ġurisprudenza tagħha. Fil-fatt, ma nistax nara kif is-sitwazzjoni kkawżata minn deċiżjoni li tirrinunzja ġurisdizzjoni (inkwistjoni fil-kawża Gothaer) tkun differenti mis-sitwazzjoni li tirriżulta minn deċiżjoni li tikkonferma ġurisdizzjoni (inkwistjoni hawnhekk), meta ż-żewġ sitwazzjonijiet jiġu kkunsidrati mill-perspettiva speċifika tal-kontenut tad-deċiżjonijiet inkwistjoni.

80.      F’dan ir-rigward, jidhirli li l-inklużjoni ta’ deċiżjoni, bħad-deċiżjoni interlokutorja inkwistjoni hawnhekk, fil-kunċett ta’ “sentenza” li tista’ tiġi rrikonoxxuta tevita r-riskju li l-obbligu li tiġi rrifjutata l-ġurisdizzjoni skont ir-regoli tal-lis pendens ma jiġix osserva għar-raġuni li deċiżjoni li tikkonferma biss il-ġurisdizzjoni sabiex tisma’ u tiddetermina talba ma jkollhiex kontenut eżegwibbli u għalhekk tista’ ma tibbenefikax minn rikonoxximent reċiproku.

81.      Il-pożizzjoni li deċiżjoni interlokutorja li sempliċement tikkonferma l-ġurisdizzjoni ta’ qorti sabiex tisma’ u tiddetermina talba tkun koperta mill-kunċett ta’ “sentenza” fis-sens tal-Artikoli 2(a) u 36(1) tar-Regolament Nru 1215/2012 madankollu għadha trid tiġi ttestjata kontra l-objettivi rilevanti segwiti minn dan ir-regolament.

3.      Il-kunsiderazzjoni tal-objettivi rilevanti

82.      Huwa pjuttost ċar li l-konklużjoni li deċiżjoni interlokutorja bħal dik inkwistjoni tikkostitwixxi “sentenza” fis-sens tal-Artikoli 2(a) u 36(1) tar-Regolament Nru 1215/2012 hija konsistenti mal-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka u mal-objettiv li tiġi żgurata ċ-ċirkulazzjoni libera tas-sentenzi. Madankollu, dak li għadu jrid jiġi vverifikat huwa jekk din il-pożizzjoni għandhiex tinbidel fid-dawl tal-objettiv speċifiku li jiġi protett l-effett prattiku tal-ftehimiet dwar l-għażla tal-qorti li, kif spjegat, huwa segwit mir-Regolament Nru 1215/2012 permezz tar-regola tal-lis pendens fl-Artikolu 31(2) tiegħu (kif irrikonoxxut fil-premessa 22 ta’ dak ir-regolament).

83.      Il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li dawk il-ftehimiet ikunu mċaħħda mill-effett prattiku tagħhom jekk id-deċiżjoni interlokutorja inkwistjoni tinstab li tikkostitwixxi “sentenza” li għandha tiġi rrikonoxxuta. Barra minn hekk, ir-rikonoxximent ta’ din id-deċiżjoni interlokutorja minkejja l-fatt li, meta ttieħdet, il-qrati Spanjoli injoraw l-Artikolu 31(2) tar-Regolament Nru 1215/2012, essenzjalment iwassal għar-riżultat li kien jinqala’ qabel l-adozzjoni tar-regola speċifika ta’ lis pendens u li dik ir-regola preċiżament tfittex li tevita (il-punti 49 sa 51 hawn fuq), kif argumentat Kanadevia essenzjalment.

84.      Kif diġà semmejt fil-parti introduttorja ta’ dawn il-Konklużjonijiet, il-qorti tar-rinviju tqis li, għall-kuntrarju tas-sitwazzjoni li wasslet għas-sentenza fil-kawża Gjensidige, il-merti tal-azzjoni għadhom ma ġewx deċiżi u għalhekk ma huwiex tard wisq sabiex il-każ jitqiegħed fuq il-bażi ġurisdizzjonali korretta peress li għadu possibbli li l-qrati invokati l-ewwel (hawnhekk, il-qrati Spanjoli) josservaw ir-regola li tirriżulta mill-Artikolu 31(2) tar-Regolament Nru 2015/2012 billi jissospendu l-proċedimenti favur il-qorti indikata. Il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li dan huwa l-każ irrispettivament minn kwalunkwe effett ta’ res judicata li jista’ jkun marbut mad-determinazzjoni ġurisdizzjonali magħmula mill-qrati Spanjoli skont id-dritt Spanjol minħabba li s-supremazija tad-dritt tal-Unjoni għandha tipprevali.

85.      Bl-istess mod, il-Gvern Ġermaniż u l-Gvern Ċiprijott jikkunsidraw li l-kunċett ta’ “sentenza” għandu jingħata interpretazzjoni restrittiva (bħala deroga eċċezzjonali għall-approċċ li l-Qorti ħadet b’mod konsistenti fil-ġurisprudenza tagħha dwar dak il-kunċett). Il-Gvern Ġermaniż jirrikonoxxi li din l-interpretazzjoni restrittiva tillimita l-obbligu ta’ rikonoxximent reċiproku u taffettwa l-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka. Madankollu, huwa jikkunsidra li dan l-impatt ikun minimu minħabba l-“effetti interni” msemmija qabel tad-deċiżjoni interlokutorja inkwistjoni. Dan il-gvern jikkunsidra li l-impatt fuq il-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka jkun, fil-fatt, ħafna ikbar jekk deċiżjoni adottata bi ksur tal-Artikolu 31(2) tar-Regolament Nru 2015/2015 kellha tibbenefika minn rikonoxximent.

86.      Għalkemm nirrikonoxxi li l-protezzjoni tal-effetti prattiċi tal-ftehimiet dwar l-għażla tal-qorti hija tħassib leġittimu, nikkunsidra li l-protezzjoni mogħtija lil dawk il-ftehimiet taħt ir-regola speċifika tal-lis pendens fl-Artikolu 31(2) tar-Regolament Nru 1215/2012 ma tiġġustifikax l-esklużjoni ta’ deċiżjonijiet li fihom biss konstatazzjonijiet ġurisdizzjonali mill-kunċett ta’ “sentenza” fis-sens tar-Regolament Nru 1215/2012.

87.      L-ewwel, infakkar li dan ir-regolament huwa bbażat fuq il-premessa li l-qrati tal-Istati Membri huma fundamentalment ugwali fir-rigward tal-applikazzjoni tar-regoli ġurisdizzjonali. Din il-premessa tiddependi fuq il-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka, li fuqu huwa bbażat ir-Regolament Nru 1215/2012 u li huwa espress b’mod speċifiku fil-lista ta’ raġunijiet eżawrjenti li fuqhom jista’ jiġi miċħud ir-rikonoxximent (il-ksur ta’ ftehim dwar l-għażla tal-qorti jew, jekk niġu f’dan, tar-regoli tal-lis pendens, ma humiex inklużi f’din il-lista). L-iskema ta’ dak ir-regolament, billi tipprovdi biss numru limitat ta’ raġunijiet għar-rifjut tar-rikonoxximent, għalhekk tirrikjedi li, fejn il-konvenut ikun jixtieq li jikkontesta l-ġurisdizzjoni tal-Istat ta’ oriġini, huwa għandu jagħmel dan billi juża s-sistema ta’ rimedji ta’ dak l-Istat Membru (38).

88.      Madankollu, kuntrarjament għall-iskema tar-Regolament Nru 1215/2012, il-konklużjoni li deċiżjoni li sempliċement tistabbilixxi ġurisdizzjoni (bi ksur ta’ ftehim dwar l-għażla tal-qorti) ma tikkostitwixxix “sentenza” fis-sens tar-Regolament Nru 1215/2012 tkun ekwivalenti għall-introduzzjoni ta’ kategorija ġdida ta’ konstatazzjonijiet ġudizzjarji li ma humiex soġġetti għall-obbligu ta’ rikonoxximent reċiproku, u b’hekk effettivament tinħoloq eċċezzjoni għal dak il-prinċipju li ma hijiex prevista (39).

89.      It-tieni, il-pożizzjoni opposta effettivament tfisser li l-qorti li titlob ġurisdizzjoni esklużiva abbażi ta’ ftehim dwar l-għażla tal-qorti li jkun ġie injorat tista’ tisma’ u tiddetermina t-talba, u b’hekk iżżomm il-preżenza ta’ żewġ settijiet paralleli ta’ proċedimenti u għalhekk toħloq riskju ta’ sentenzi konfliġġenti. Madankollu, dan huwa preċiżament dak li l-leġiżlatur tal-Unjoni fittex li jevita permezz tar-regola speċifika tal-lis pendens fl-Artikolu 31(2) u (3) tar-Regolament Nru 1205/2015 (kif ukoll permezz tar-regola ġenerali tal-lis pendens skont l-Artikolu 29(1) u (3) ta’ dak ir-regolament) (40). F’dan ir-rigward, jidhirli li, fejn il-koordinazzjoni ta’ proċedimenti paralleli ma tkunx tista’ tiġi żgurata permezz tar-regola speċifika ta’ lis pendens fl-Artikolu 31(2) tar-Regolament Nru 1215/2012 minħabba li dik ir-regola ma tkunx ġiet osservata, li wieħed jinsisti li l-ftehim dwar l-għażla tal-qorti għandu jiġi osservat (u li l-qrati indikata għandhom għalhekk ikunu jistgħu jisimgħu u jiddeterminaw it-talba) imur direttament kontra l-objettiv li jiġu evitati proċedimenti paralleli u sentenzi konfliġġenti. Għal din ir-raġuni, jidhirli li s-soluzzjoni li tikkontribwixxi l-aħjar sabiex jintlaħaq dan l-objettiv (u li, b’estensjoni, tippromwovi l-objettiv ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja) tinsab fir-regola stabbilita fl-Artikolu 29(3) tar-Regolament Nru 1215/2012 (41).

90.      Soluzzjoni bħal din tfisser li, meta l-qorti għajr dik indikata minn ftehim esklużiv dwar l-għażla tal-qorti tiddeċiedi l-ewwel (billi tadotta deċiżjoni interlokutorja li fiha tiddikjara li għandha ġurisdizzjoni, bi ksur tal-ftehim dwar l-għażla tal-qorti u tar-regola tal-lis pendens stabbilita fl-Artikolu 31(2) tar-Regolament Nru 1215/2012), il-qorti indikata minn dak il-ftehim għandha tirrifjuta l-ġurisdizzjoni abbażi tar-regola ġenerali tal-lis pendens stabbilita fl-Artikolu 29(3) ta’ dan ir-regolament. Fil-fatt, jidhirli li ladarba jsir ċar li l-eżistenza ta’ proċedimenti paralleli ma tkunx tista’ tiġi evitata permezz tal-mekkaniżmu tal-Artikolu 31(2) tar-Regolament Nru 1215/2012 u qorti għajr dik indikata mill-ftehim dwar l-għażla tal-qorti tiddeċiedi l-ewwel (billi tiddikjara li għandha ġurisdizzjoni), dawk il-proċedimenti paralleli jsiru suġġetti għar-regola ġenerali tal-lis pendens prevista fl-Artikolu 29 tar-Regolament Nru 1215/2012.

91.      F’dan l-aħħar rigward, u sabiex nirrispondi għal tħassib speċifiku mqajjem kemm mill-qorti tar-rinviju kif ukoll minn Kanadevia, ma naħsibx li konklużjoni bħal din twassal għal kunflitt negattiv ta’ ġurisdizzjoni (fejn l-applikazzjoni ta’ regoli ġurisdizzjonali twassal sabiex l-ebda qorti ma jkollha ġurisdizzjoni sabiex tisma’ u tiddetermina t-talba). B’mod partikolari, il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li sitwazzjoni bħal din tista’ tinqala’ kieku l-qrati Ġermaniżi kellhom jirrinunzjaw il-ġurisdizzjoni minkejja l-ftehim dwar l-għażla tal-qorti u kieku l-qrati Spanjoli kellhom ireġġgħu lura d-deċiżjoni tagħhom, li l-qorti tar-rinviju tikkunsidra li huwa ksur tal-Artikolu 31(2) tar-Regolament Nru 1215/2012 (li, jekk nifhem l-argument sew, jagħmel tali treġġigħ lura iktar plawżibbli).

92.      Dak it-tħassib huwa tabilħaqq wieħed importanti. Sabiex nispjega, ir-regoli dwar il-lis pendens stabbiliti fir-Regolament Nru 1215/2012 huma mmirati, l-ewwel u qabel kollox, sabiex jevitaw kunflitti pożittivi ta’ ġurisdizzjoni (u l-problema li tirriżulta ta’ sentenzi konfliġġenti possibbli). Madankollu, huwa ċar li dak ir-regolament, naturalment, għandu jiġi interpretat b’tali mod li jiżgura r-rispett tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva garantit fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

93.      F’dan ir-rigward, ma huwiex ċar għal kollox mid-digriet tar-rinviju jekk id-deċiżjoni tal-qrati Spanjoli hijiex finali jew le skont id-dritt Spanjol. Il-Gvern Spanjol, madankollu, spjega fis-seduta li hija finali (li jfisser li l-ġurisdizzjoni tal-qrati Spanjoli ma tistax tiġi kkontestata iktar).

94.      Minn naħa, dak l-aspett jista’ jiġi miċħud prima facie bħala irrilevanti għaliex, kif sostnut minn Babcock, il-Gvern Ċek u l-Kummissjoni, ir-rikonoxximent ta’ sentenza ma jiddependix fuq il-fatt li tkun finali. Fil-fatt, l-Artikolu 38(a) tar-Regolament Nru 1215/2012 jipprevedi li “il-qorti jew awtorità li quddiemha tiġi invokata ir-rikonoxximent ta’ sentenza mogħtija fi Stat Membru ieħor tista’ tissospendi l-proċedimenti kollha jew tissospendi parti minnhom, jekk: (a) is-sentenza tiġi kkontestata fl-Istat Membru ta’ oriġini” (42). Minn dan isegwi, b’raġunament kuntrarju, li r-rikonoxximent ta’ sentenza huwa possibbli anki fin-nuqqas ta’ effett res judicata skont il-liġi tal-Istat ta’ oriġini ta’ dik is-sentenza.

95.      Madankollu, u min-naħa l-oħra, infakkar li skont iż-żewġ regoli ta’ lis pendens tar-Regolament Nru 1215/2012, l-obbligu ta’ qorti li tirrinunzja ġurisdizzjoni favur ġurisdizzjoni oħra jirriżulta meta l-qorti “bi prijorità” tkun stabbiliet il-ġurisdizzjoni tagħha. It-test tar-regoli rilevanti ma jiċċarax kif għandu jiġi determinat dan il-mument. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja spjegat, essenzjalment, li l-qorti “bi prijorità” tistabbilixxi l-ġurisdizzjoni fejn “ma tkunx ċaħdet il-ġurisdizzjoni tagħha” u fejn “l-ebda waħda mill-partijiet ma tkun ikkontestatha qabel jew sal-mument ta’ teħid ta’ pożizzjoni li skont id-dritt proċedurali nazzjonali titqies li hija l-ewwel difiża” (għaliex minn dak il-punt ’il quddiem, il-parti hija fil-prinċipju pprojbita milli tikkontesta l-ġurisdizzjoni fil-proċedimenti bħala tali) (43) Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li tali soluzzjoni ma tagħtix lok għal riskju ta’ kunflitti negattivi ta’ ġurisdizzjoni għaliex, essenzjalment, il-ġurisdizzjoni tal-ewwel qorti invokata (skont ir-regola ġenerali tal-lis pendens) ma tistax tiġi kkontestata aktar. (44)

96.      Jiena naħseb li l-iffissar tal-punt fiż-żmien li fih tiġi stabbilita l-ġurisdizzjoni, għall-iskop tal-applikazzjoni tar-regoli tal-lis pendens, fil-mument meta tali ġurisdizzjoni ma tistax tiġi kkontestata iktar, jimplika li l-obbligu li tiġi rrinunzjata l-ġurisdizzjoni skont l-Artikolu 29(3) tar-Regolament Nru 1215/2012 (jew skont l-Artikolu 31(3) ta’ dak ir-regolament) jista’ jinqala’ f’diversi stadji proċedurali tal-proċedimenti, skont jekk il-konvenut ikunx għadu jista’ jikkontesta l-ġurisdizzjoni. Il-limitu għall-kontestazzjoni tal-ġurisdizzjoni (minħabba res judicata) jista’ jinqala’ wara li tingħata s-sentenza tal-ewwel istanza, jew saħansitra fi stadju iktar tard, matul il-proċedimenti ta’ appell (skont jekk il-konvenut ikkontestax il-ġurisdizzjoni fl-ewwel istanza u fl-appell, suġġett għar-regoli ta’ proċedura rilevanti) (45). Għalhekk nikkunsidra li l-objettivi tal-prevenzjoni tar-riskju ta’ sentenzi kontradittorji u tal-iżgurar tal-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja (ukoll inerenti għar-regola tal-lis pendens) jiġu servuti l-aħjar meta l-ġurisdizzjoni tiġi stabbilita b’referenza għal dak il-mument u mhux biss b’referenza għall-adozzjoni tas-sentenza fl-ewwel istanza (minħabba wkoll li tali mument jista’ jseħħ anki qabel ma tiġi adottata kwalunkwe sentenza). B’dak il-mod, il-qorti “mingħajr prijorità” tirrinunzja l-ġurisdizzjoni biss meta jkun jidher li wieħed jista’ jassumi li l-qorti “bi prijorità” tipproċedi għal eżami tal-merti. Barra minn hekk, il-konsegwenzi negattivi tat-titwil tas-sitwazzjoni ta’ proċedimenti paralleli sakemm ikun hemm appell possibbli jkunu fi kwalunkwe każ minimi peress li l-proċedimenti pendenti quddiem il-qorti “mingħajr prijorità” normalment jiġu sospiżi.

97.      Dak ir-riżultat huwa differenti mir-regola skont l-Artikolu 38(a) tar-Regolament Nru 1215/2012, li skontha l-fatt li sentenza qiegħda tiġi kkontestata fi Stat Membru wieħed ma jipprevjenix ir-rikonoxximent tagħha fi Stat Membru ieħor (“tista’ tissospendi l-proċedimenti […] jekk [...] is-sentenza tiġi kkontestata” (enfasi miżjuda minni)).

98.      Għal din ir-raġuni, jidhirli li filwaqt li l-obbligu li tiġi rrikonoxxuta sentenza li jkollha biss kontenut ġurisdizzjonali jista’ jinqala’ irrispettivament minn jekk tkunx finali jew le (kif jirriżulta mill-Artikolu 38(a) tar-Regolament Nru 1215/2012), dak li huwa iktar rilevanti għas-soluzzjoni prattika ta’ sitwazzjoni ta’ lis pendens bħal dik quddiem il-qorti tar-rinviju huwa li l-obbligu, fuq qorti indikata minn ftehim dwar l-għażla tal-qorti li jkun ġie injorat, li tirrinunzja l-ġurisdizzjoni skont l-Artikolu 29(3) tar-Regolament Nru 2012/2015 jinqala’ biss meta l-ġurisdizzjoni tal-qorti invokata l-ewwel li tressqet tkun ġiet stabbilita bil-mod deskritt hawn fuq (meta din il-ġurisdizzjoni ma tkunx tista’ tiġi kkontestata iktar).

99.      Finalment, ninnota li l-qorti tar-rinviju hija wkoll tal-fehma (kif nifhimha jien, bħala alternattiva għat-tħassib ibbażat fuq ir-riskju ta’ kunflitti negattivi ta’ ġurisdizzjoni), li jekk id-deċiżjoni tal-qrati Spanjoli tkun kisbet il-forza ta’ res judicata (jiġifieri li ma tistax tiġi kkontestata iktar), dawk il-qrati ma jistgħux jiġu pprojbiti milli jibdlu l-kors ta’ azzjoni tagħhom u jiddeċiedu li jikkonformaw mal-Artikolu 31(2) tar-Regolament Nru 1215/2012, sabiex il-każ jitqiegħed fuq il-bażi ġurisdizzjonali korretta.

100. Il-konklużjoni li wasalt għaliha hawn fuq tagħmel dik il-kunsiderazzjoni irrilevanti. Madankollu, għall-fini tal-kompletezza, ma naħsibx li l-effett possibbli ta’ res judicata tad-determinazzjoni ġurisdizzjonali skont il-liġi tal-Istat Membru tal-qorti li ma hijiex indikata jista’ jiġi injorat faċilment, sempliċement b’referenza għas-supremazija tad-dritt tal-Unjoni.

101. Fil-fatt, ma hemm l-ebda obbligu ġenerali skont id-dritt tal-Unjoni li jirrikjedi li “qorti nazzjonali [...] ma tapplikax ir-regoli proċedurali interni li jagħtu l-awtorità ta’ res judicata lil deċiżjoni ġudizzjarja, anki jekk dan ikun jippermetti li tiġi rrimedjata sitwazzjoni nazzjonali li tkun inkompatibbli ma’ dan id-dritt” (46). Il-Qorti tal-Ġustizzja repetutament tfakkar l-importanza tal-prinċipju tar-res judicata, li huwa, fi kliem sempliċi, iġġustifikat mill-interess li tiġi żgurata l-istabbiltà tad-dritt u tar-relazzjonijiet ġuridiċi kif ukoll l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja (47). Filwaqt li l-Qorti tal-Ġustizzja ċertament iddefinixxiet diversi eċċezzjonijiet limitati għal dik il-premessa, l-ebda waħda minnhom ma tidher applikabbli hawnhekk (48). Fi kwalunkwe każ, dik il-kwistjoni jkollha tiġi eżaminata mill-perspettiva tal-prinċipji ta’ ekwivalenza u effettività, li jifformulaw l-eżerċizzju tal-awtonomija proċedurali tal-Istati Membri skont id-dmir ta’ kooperazzjoni leali stabbilit fl-Artikolu 4(3) TUE (49) Madankollu, fid-dawl tas-suġġeriment tiegħi hawn fuq, nillimita ruħi għal dawk il-kummenti ġenerali mingħajr ma nqis li jkun neċessarju li nesplora dan l-aspett tal-każ f’iktar dettall.

102. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet ta’ hawn fuq, nikkonkludi li l-Artikolu 2(a) u l-Artikolu 36(1) tar-Regolament Nru 1215/2012 għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-kunċett ta’ “sentenza” fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet ikopri deċiżjoni li biha qorti ta’ Stat Membru, invokata l-ewwel, tiddikjara li għandha ġurisdizzjoni (mingħajr ma tkun għadha wettqet eżami tal-merti tal-każ), bi ksur tal-Artikolu 31(2) ta’ dak ir-regolament. Barra minn hekk, filwaqt li l-obbligu li tiġi rrikonoxxuta tali sentenza jirriżulta irrispettivament minn jekk dik is-sentenza tkunx finali jew le, l-obbligu tal-qorti indikata mill-ftehim dwar l-għażla tal-qorti li jkun ġie injorat, li ġiet invokata t-tieni, li tirrinunzja l-ġurisdizzjoni skont l-Artikolu 29(3) tar-Regolament Nru 1215/2012 jirriżulta biss meta l-ġurisdizzjoni tal-qorti (li ma hijiex indikata), invokata l-ewwel, tkun ġiet stabbilita fis-sens tal-Artikolu 29(1) tar-Regolament Nru 1215/2012, jiġifieri, meta tali ġurisdizzjoni ma tkunx tista’ tiġi kkontestata iktar fil-proċedimenti li jkunu għaddejjin.

V.      Konklużjoni

103. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet ta’ hawn fuq, nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi tal-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja) kif ġej:

“L-Artikoli 2(a) u 36(1) tar-Regolament Nru 1215/2012 għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-kunċett ta’ ‘sentenza’ fis-sens ta’ dawk id-dispożizzjonijiet ikopri deċiżjoni li biha qorti ta’ Stat Membru, invokata l-ewwel, tiddikjara li għandha ġurisdizzjoni (mingħajr ma tkun għadha wettqet eżami tal-merti tal-każ), bi ksur tal-Artikolu 31(2) ta’ dan ir-regolament.

Filwaqt li l-obbligu li tiġi rrikonoxxuta tali sentenza jirriżulta irrispettivament minn jekk dik is-sentenza tkunx finali jew le, l-obbligu tal-qorti indikata fi ftehim dwar l-għażla tal-qorti li jkun ġie injorat, invokata t-tieni, li tirrinunzja l-ġurisdizzjoni skont l-Artikolu 29(3) tar-Regolament Nru 1215/2012 jirriżulta biss meta l-ġurisdizzjoni tal-qorti (li ma hijiex indikata), invokata l-ewwel, tkun ġiet stabbilita fis-sens tal-Artikolu 29(3) tar-Regolament Nru 1215/2012, jiġifieri, meta tali ġurisdizzjoni ma tkunx tista’ tiġi kkontestata iktar fil-proċedimenti li jkunu għaddejjin”.


1      Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


2      Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (riformulazzjoni) (ĠU 2012, L 351, p. 1).


3      Il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li dawn il-proċedimenti ma jinvolvux “l-istess kawża ta’ azzjoni” fis-sens tal-Artikolu 29(1) tar-Regolament Nru 1215/2012, li ser jiġi diskuss iktar tard.


4      Kif ser jiġi spjegat f’iktar dettall hawn taħt, skont l-Artikolu 31(2) tar-Regolament Nru 1215/2012, fejn ftehim bejn il-partijiet jagħti ġurisdizzjoni esklużiva lil qorti ta’ Stat Membru partikolari, dik il-qorti indikata għandha tingħata prijorità sabiex tiddetermina jekk ikollhiex ġurisdizzjoni sabiex tisma’ u tiddetermina t-talba, anki jekk ma tkunx ġiet invokata l-ewwel.


5      L-Artikolu 36(1) tar-Regolament Nru 1215/2012 jipprevedi li “sentenza mogħtija fi Stat Membru għandha tiġi rikonoxxuta fl-Istati Membri l-oħra mingħajr il-bżonn ta’ ebda proċedura speċjali”.


6      Ara s-sentenza tal‑21 ta’ Marzu 2024, fil-kawża Gjensidige (C‑90/22, EU:C:2024:252, iktar ’il quddiem is-“sentenza fil-kawża Gjensidige”).


7      Id-digriet tar-rinviju ma jipprovdix iktar dettalji dwar il-parteċipazzjoni ta’ Kanadevia f’dawk il-proċedimenti.


8      Mid-digriet tar-rinviju jirriżulta li l-Oberlandesgericht Köln (il-Qorti Reġjonali Superjuri, Cologne, il-Ġermanja) esprimiet dubji f’dan ir-rigward.


9      Ara, f’dan ir-rigward, b’mod partikolari, is-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2021, fil-kawża Consorzio Italian Management and Catania Multiservizi (C‑561/19, EU:C:2021:799, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).


10      Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tad‑29 ta’ April 2025, fil-kawża Prezydent Miasta Mielca (C‑453/23, EU:C:2025:285, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).


11      Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Procureur de la République (Konkorrenza ta’ mandat ta’ arrest Ewropew u talba għal estradizzjoni) (C‑763/22, EU:C:2024:707, punt 84 u n-nota f’qiegħ il-paġna 33). Barra minn hekk, u b’rabta ma’ dan l-aspett, infakkar li l-partijiet ma jgawdu ebda dritt suġġettiv sabiex domanda partikolari tiġi rrinvijata fi ħdan il-proċedura skont l-Artikolu 267 tat-TFUE.. Ara s-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2021, fil-kawża Consorzio Italian Management and Catania Multiservizi (C‑561/19, EU:C:2021:799, punti 54 u 55) u l-Konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Centro Petroli Roma – II (C‑386/24, EU:C:2025:775, punti 49 u 50).


12      Skont l-Artikolu 39 tar-Regolament Nru 1215/2012, “sentenza mogħtija fi Stat Membru li hija eżegwibbli f’dak l-Istat Membru għandha tkun eżegwibbli fl-Istati Membri l-oħra mingħajr ma tkun meħtieġa l-ebda dikjarazzjoni ta’ eżegwibbiltà”.


13      Ara, f’dan ir-rigward, il-premessi 3 u 26 tar-Regolament Nru 1215/2012. Ara, pereżempju, is-sentenza fil-kawża Gjensidige, punt 60, u l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Spielerschutz Sigma (C‑683/24, punt 96) mogħtija fl-istess ġurnata bħall-konklużjonijiet preżenti.


14      Ara, b’mod partikolari, il-premessi 4, 6 u 26 tar-Regolament Nru 1215/2012.


15      L-Artikolu 52 tar-Regolament Nru 1215/2015 jipprevedi li “taħt l-ebda ċirkostanzi, ma tista’ tiġi riveduta sentenza mogħtija fi Stat Membru fir-rigward tal-mertu tagħha fl-Istat Membru indirizzat”.


16      L-Artikolu 45(3) tar-Regolament Nru 1215/2012. Ir-Rapport Jenard jiddikjara li “in-nuqqas ta’ stħarriġ dwar il-mertu jimplika fiduċja sħiħa fil-qorti tal-Istat Membru ta’ oriġini, fejn din il-fiduċja dwar il-fondatezza tas-sentenza għandha normalment tiġi estiża għall-applikazzjoni li l-qorti għamlet tar-regoli dwar il-ġurisdizzjoni [armonizzati]”, Rapport dwar il-Konvenzjoni dwar il-ġurisdizzjoni u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (Iffirmat fi Brussell, fis‑27 ta’ Settembru 1986) mis-Sur P. Jenard (ĠU 1979 C 59, p. 1), p. 46 (ikar ’il quddiem ir-“Rapport Jenard”). Il-Qorti tal-Ġustizzja tikkwota dik is-silta fis-sentenza tagħha tal‑15 ta’ Novembru 2012, Gothaer Allgemeine Versicherung et (C‑456/11, iktar ’il quddiem is-“sentenza fil-kawża Gothaer”, EU:C:2012:719, punt 37).


17      Ara, pereżempju, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bot fil-kawża Gothaer Allgemeine Versicherung et (C‑456/11, iktar ’il quddiem il-“konklużjonijiet fil-kawża Gothaer”, EU:C:2012:554, punti 72, 73 u 75).


18      Is-sentenza fil-kawża Gjendisige, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata. Fil-kuntest tar-Regolament Nru 44/2001, ara, pereżempju, is-sentenza fil-kawża Gothaer, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata. Fil-kuntest tal-Konvenzjoni ta’ Brussell tal-1968, ara s-sentenza tat‑28 ta’ Marzu 2000 fil-kawża Krombach (C‑7/98, EU:C:2000:164, punt 31), u s-sentenza tas‑27 Ġunju 1991, fil-kawża Overseas Union Insurance et (C‑351/89, EU:C:1991:279, punti 23 u 24). Infakkar li “safejn ir-Regolament Nru 1215/2012 ħassar u ssostitwixxa r-Regolament Nru 44/2001, li hu stess issostitwixxa l-Konvenzjoni ta’ Brussell tal-1968, l-interpretazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-dispożizzjonijiet ta’ wieħed minn dawk l-istrumenti legali tapplika wkoll għal dawk tal-oħrajn, kull meta dawk id-dispożizzjonijiet jistgħu jitqiesu bħala ekwivalenti”. Ara, pereżempju, is-sentenza fil-kawża Gjensidige, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata.


19      Ninnota li l-fatti li wasslu għas-sentenza fil-kawża Gjensidige kienu rregolati mill-Konvenzjoni dwar il-Kuntratt għat-Trasport Internazzjonali ta’ Merkanzija bit-Triq, iffirmata f’Ġinevra fid‑19 ta’ Mejju 1956, kif emendata mill-Protokoll iffirmat f’Ġinevra fil‑5 ta’ Lulju 1978. Madankollu, fin-nuqqas ta’ xi regoli speċifiċi f’din l-aħħar konvenzjoni dwar ir-rikonoxximent, dak l-aspett huwa rregolat minn (u għalhekk ġie eżaminat mill-Qorti tal-Ġustizzja fid-dawl ta’) Regolament Nru 1215/2012. Ara s-sentenza fil-kawża Gjensidige, punti 43 sa 47.


20      Il-Qorti tal-Ġustizzja eżaminat ukoll ir-raġuni għar-rifjut elenkata fl-Artikolu 45(1)(a) tar-Regolament Nru 1215/2015 relatata mal-istrateġija pubblika, li, kif speċifikat fit-tieni sentenza tal-Artikolu 45(3) tar-Regolament Nru 1215/2015, ma tistax tiġi applikata għar-regoli relatati mal-ġurisdizzjoni. Is-sentenza fil-kawża Gjensidige, punti 51 sa 53.


21      Dawk ir-regoli ġurisdizzjonali protettivi huma stabbiliti fit-Taqsimiet 3 sa 5 tal-Kapitolu II tar-Regolament Nru 1215/2012.


22      Dawn huma elenkati fl‑Artikolu 24 tar-Regolament Nru 1215/2012. Dawn ikopru (i) ċerti aspetti tal-proprjetà immobbli, (ii) ċerti kwistjonijiet korporattivi, (iii) il-validità tad-dħul f’reġistri pubbliċi, (iv) il-validità tal-privattivi, trademarks, disinji jew drittijiet oħra simili, u (v) l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi.


23      Infakkar li, skont l-Artikolu 25(1) tar-Regolament Nru 1215/2012, il-ġurisdizzjoni mogħtija skont ftehim dwar l-għażla tal-qorti hija esklużiva, sakemm il-partijiet ma jkunux qablu mod ieħor. Infakkar ukoll li l-Artikolu 25 tar-Regolament Nru 1215/2012 jifforma parti mit-Taqsima 7 tal-Kapitolu II tar-Regolament Nru 1215/2015. Dan id-dettall huwa rilevanti peress li l-eċċezzjoni fl-Artikolu 45(1)(e)(ii) tar-Regolament Nru 1215/2015 tirreferi għal sentenzi li huma kunfliġġenti mar-raġunijiet ġurisdizzjonali elenkati fit-Taqsima 6 tal-Kapitolu II.


24      Il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Gjensidige (C‑90/22, EU:C:2023:994, punt 86; iktar ’il quddiem il-“konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Gjensidige”).


25      Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza fil-kawża Gjensidige, punt 73. Ara wkoll il-Kummissjoni Ewropea, “Green Paper dwar ir-Reviżjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001 dwar Ġurisdizzjoni u Rikonoxximent u Eżekuzzjoni ta’ Sentenzi f’Materji Ċivili u Kummerċjali”, COM(2009) 175 final, p. 5.


26      Ara l-Artikolu 21 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell tal-1968 u l-Artikolu 27 tar-Regolament Nru 44/2001.


27      Ara l-premessa 22 tar-Regolament Nru 1215/2012. Ara wkoll Law, S., “Article 31”, f’Requejo Isidro, M. (ed.), “Brussels I Bis: A Commentary on Regulation (EU) No 1215/2012”, Edward Elgar Publishing (Series: Elgar Commentaries in Private International Law), 2022, p. 490 sa 499, p. 495 et seq.


28      Ara, b’mod partikolari, fil-kuntest tal-Konvenzjoni ta’ Brussell tal-1968, is-sentenza tad‑9 ta’ Diċembru 2003, fil-kawża Gasser (C‑116/02, EU:C:2003:657, punti 41 sa 54). Ara Mankowski, P., “Der Schutz von Gerichtsstandsvereinbarungen vor abredewidrigen Klagen durch Art. 31 Abs. 2 EuGVVO n.F.”, RIW 2015, p. 17 sa 24; Law, S., “Article 31”, f’Requejo Isidro, M. (ed.), “Brussels I Bis: A Commentary on Regulation (EU) No 1215/2012”, Edward Elgar Publishing (Series: Elgar Commentaries in Private International Law), 2022, p. 490 sa 499, b’mod partikolari p. 494.


29      Is-sentenza fil-kawża Gjensidige, punt 73.


30      Ara wkoll, f’dan ir-rigward, il-Konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Gjensidige, punti 91 u 98.


31      Ara s-sentenza fil-kawża Gothaer, punti 25 sa 29. Ir-Rapport Jenard, nota f’qiegħ il-paġna 16, op. cit., b’mod partikolari p. 42; Rapport dwar il-Konvenzjoni tad‑9 ta’ Ottubru 1978 dwar l-Assoċjazzjoni tar-Renju tad-Danimarka, l-Irlanda u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq għall-Konvenzjoni dwar il-ġurisdizzjoni u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali u għall-Protokoll dwar l-interpretazzjoni tagħha mill-Qorti tal-Ġustizzja” (Iffirmat fil-Lussemburgu, id‑9 ta’ Ottubru 1979), (ĠU 1979 C 59, p. 71), punti 184 u 191.


32      Sentenza tal‑20 ta’ Ġunju 2022, fil-kawża London Steam-Ship Owners’ Mutual Insurance Association (C‑700/20, EU:C:2022:488, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ara wkoll is-sentenza tal‑14 ta’ Ottubru 2004, fil-kawża Mærsk Olie & Gas (C‑39/02, iktar ’il quddiem is-“sentenza fil-kawża Mærsk”, EU:C:2004:615, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata).


33      Is-sentenza fil-kawża Mærsk, punt 52.


34      Il-Qorti tal-Ġustizzja, barra minn hekk, ikkonkludiet li d-determinazzjoni minn qorti ta’ Stat Membru wieħed li ma għandhiex ġurisdizzjoni minħabba l-validità ta’ tali klawżola hija vinkolanti għall-qorti indirizzata fejn qiegħed jintalab ir-rikonoxximent. Is-sentenza fil-kawża Gothaer, punt 43.


35      Ara s-sentenza fil-kawża Gothaer, punt 20, li tirriproduċi l-ispjegazzjoni tal-qorti tar-rinviju f’dik il-kawża li minnha jirriżulta li, skont id-duttrina legali Ġermaniża, sentenza li tirrifjuta l-ġurisdizzjoni hija “sentenza dwar l-ammissibbiltà” (“Prozessurteil”) peress li tiċħad ir-rikors bħala inammissibbli minħabba n-nuqqas tagħha li tissodisfa r-rekwiżiti għal sentenza dwar il-mertu tal-kawża.


36      Ara, għal dan il-għan, Mankowski, P., “Der Schutz von Gerichtsstandsvereinbarungen vor abredewidrigen Klagen durch Art. 31 Abs. 2 EuGVVO n.F.”, Recht der internationalen Wirtschaft, 2015, p. 17 sa 24.


37      Għal diskussjoni tal-implikazzjonijiet ta’ dak il-każ, ara Voulgarakis K.D., “Reflections on the scope of ‘EU res judicata’ in the context of Regulation 1215/2012”, Ġurnal tad-Dritt Internazzjonali Privat, 2020, 16:3, p. 451 sa 464.


38      Ara għal dan il-għan ukoll il-konklużjonijiet fil-kawża Gothaer, punti 46 sa 48.


39      Sentenza fil-kawża Gothaer, punti 30 u 31, u sentenza tas‑7 ta’ April 2022, fil-kawża H Limited (C‑568/20, EU:C:2022:264, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).


40      Jew, jekk niġu għal dan, permezz tar-regola fl-Artikolu 30 tar-Regolament Nru 1215/2012 dwar azzjonijiet relatati. Dawn huma azzjonijiet li ma jissodisfawx ir-rekwiżiti sabiex jitqiesu li jinvolvu l-istess kawża ta’ azzjoni u l-istess partijiet (li huwa l-prerekwiżit sabiex japplikaw ir-regoli ta’ lis pendens), iżda fejn ix-xebh tal-kwistjonijiet imqajma xorta jista’ jiġġustifika sospensjoni tal-proċedimenti u, f’ċirkustanzi speċifiċi, jiġġustifika li l-qorti invokata t-tieni tirrinunzja l-ġurisdizzjoni.


41      Ara wkoll Mankowski, P., “Der Schutz von Gerichtsstandsvereinbarungen vor abredewidrigen Klagen durch Art. 31 Abs. 2 EuGVVO n.F.”, RIW 2015, p. 17 sa 24.


42      Enfasi miżjuda minni.


43      Sentenza tas‑27 ta’ Frar 2014, fil-kawża Cartier parfums-lunettes and Axa Corporate Solutions assurances (C‑1/13, EU:C:2014:109, punt 44). Il-Qorti tal-Ġustizzja għamlet dawk il-konstatazzjonijiet fil-kuntest tar-regola ġenerali tal-lis pendens (prevista fir-Regolament Nru 44/2001, li hija ekwivalenti għall-Artikolu 29 tar-Regolament Nru 1215/2012) iżda l-istess għandu jingħad fir-rigward tar-regola speċifika tal-lis pendens (fl-Artikolu 31(2) tar-Regolament Nru 2015/2012) għaliex il-mument li fih il-qorti “mingħajr prijorità” jkollha tirrinunzja l-ġurisdizzjoni tagħha huwa ddefinit bl-istess mod. Filwaqt li huwa minnu li l-Qorti tal-Ġustizzja sabet li d-deċiżjoni tagħha ma tkoprix każijiet fejn il-qorti invokata t-tieni (skont ir-regola ġenerali tal-lis pendens) ikollha ġurisdizzjoni esklużiva, madankollu huwa ċar li l-Qorti tal-Ġustizzja rreferiet f’dak ir-rigward għar-raġunijiet ta’ ġurisdizzjoni esklużiva li ma tistax issir deroga minnhom permezz ta’ ftehim (u li l-ksur tagħhom jista’ jwassal għar-rifjut tar-rikonoxximent skont l-Artikolu 45(1)(e)(ii) tar-Regolament Nru 2015/2012 kif spjegat qabel). Ibidem, punt 26.


44      Ibidem, punt 42 u 43.


45      BeckOK ZPO/Eichel, 60. Ed. 1.3.2026, Brüssel Ia-VO Art. 29 Rn. 47.


46      Ara, pereżempju, is-sentenza tad‑9 ta’ April 2024, Profi Credit Polska (Ftuħ mill-ġdid ta’ proċedimenti konklużi permezz ta’ sentenza ġudizzjarja finali) (C‑582/21, EU:C:2024:282, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).


47      Ara, pereżempju, is-sentenza tat‑18 ta’ Diċembru 2025, fil-kawża Soledil (C‑320/24, EU:C:2025:993, punt 32) u s-sentenza tal‑24 ta’ Ottubru 2018, XC et (C‑234/17, EU:C:2018:853, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata).


48      Ara għall-ħarsa ġenerali tagħhom, u pereżempju, il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Profi Credit Polska (Ftuħ mill-ġdid ta’ proċedimenti konklużi permezz ta’ sentenza ġudizzjarja finali) (C‑582/21, EU:C:2023:674, punti 42 sa 50 u 158 sa 169) jew il-Konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Società Cattolica di Assicurazione (C‑17/25, p 57 sa 64), mogħtija fl-istess jum bħall-konklużjonijiet preżenti.


49      Ara, pereżempju, is-sentenza tas‑16 ta’ Jannar 2025, fil-kawża BALTIC CONTAINER TERMINAL (C‑376/23, EU:C:2025:20, punt 73 u l-ġurisprudenza ċċitata).