8.5.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 115/26


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 397/2010

tas-7 ta’ Mejju 2010

li jiffissa l-limitu kwantitattiv għall-esportazzjonijiet taz-zokkor u l-isoglukożju lil hinn mill-kwota sa tmiem is-sena tas-suq 2010/2011

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 tat-22 ta’ Ottubru 2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta’ swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (ir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS) (1), u partikolarment l-Artikolu 61, l-ewwel paragrafu, il-punt (d) flimkien mal-Artikolu 4 tiegħu,

Billi:

(1)

Skont l-Artikolu 61, l-ewwel paragrafu, il-punt (d), tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007, iz-zokkor jew l-isoglukożju li jiġi prodott lil hinn mill-kwota msemmija fl-Artikolu 56 ta’ dak ir-Regolament jista’ jiġi esportat biss skont il-limitu kwantitattiv li għandu jiġi ffissat.

(2)

Regoli dettaljati tal-implimentazzjoni għall-esportazzjonijiet lil hinn mill-kwota, b’mod partikolari rigward il-ħruġ ta’ liċenzji tal-esportazzjoni, huma stipulati bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 951/2006 (2). Madankollu, il-limitu kwantitattiv għandu jiġi ffissat għal kull sena tas-suq, fid-dawl tal-opportunitajiet possibbli fis-swieq tal-esportazzjoni.

(3)

Għal ċerti produtturi taz-zokkor u l-isoglukożju mill-UE, l-esportazzjonijiet mill-Unjoni jirrappreżentaw parti importanti tal-attivitajiet ekonomiċi tagħhom, u stabbilixxew swieq tradizzjonali barra mill-Unjoni. L-esportazzjonijiet taz-zokkor u l-isoglukożju lejn dawn is-swieq jistgħu jkunu ekonomikament vijabbli anke mingħajr l-għoti ta’ rifużjonijiet tal-esportazzjoni. Minħabba f’hekk, jeħtieġ li jiġi ffissat limitu kwantitattiv għall-esportazzjonijiet taz-zokkor u tal-isoglukożju lil hinn mill-kwota, b’tali mod li l-produtturi mill-UE kkonċernati jistgħu jkomplu jfornu lis-swieq tradizzjonali tagħhom.

(4)

Għas-sena tas-suq 2010/2011, huwa stmat li l-ewwel iffissar tal-limitu kwantitattiv għal 650 000 tunnellata, f’ekwivalenti taz-zokkor abjad, għall-esportazzjonijiet taz-zokkor lil hinn mill-kwota, u għal 50 000 tunnellata, f’materja niexfa, għall-isoglukożju lil hinn mill-kwota, jkun jikkorrispondi għad-domanda fis-suq.

(5)

L-esportazzjonijiet taz-zokkor mill-Unjoni lejn ċerti destinazzjonijiet fil-qrib u lejn pajjiżi terzi li jagħtu trattament preferenzjali tal-importazzjoni lill-prodotti tal-UE, attwalment jinsabu f’pożizzjoni kompetittiva partikolarment favorevoli. Fid-dawl tan-nuqqas ta’ strumenti xierqa ta’ assistenza reċiproka fil-ġlieda kontra l-irregolaritajiet u sabiex jitnaqqas ir-riskju tal-frodi u biex jiġi evitat kwalunkwe abbuż assoċjat mal-importazzjoni mill-ġdid jew mad-dħul mill-ġdid fl-Unjoni ta’ zokkor barra mill-kwota, ċerti destinazzjoniet fil-qrib għandhom jiġu eskluzi mid-destinazzjonijiet eliġibbli.

(6)

Fid-dawl tal-istima ta’ anqas riskji ta’ frodi eventwali għall-isoglukożju minħabba n-natura tal-prodott, mhuwiex meħtieġ li jkunu ristretti d-destinazzjonijiet eliġibbli għall-esportazzjoni tal-isokglukożju lil hinn mill-kwota.

(7)

Il-miżuri stipulati f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat ta’ Ġestjoni għall-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Iffissar tal-limitu kwantitattiv għall-esportazzjonijiet ta’ zokkor lil hinn mill-kwota

1.   Għas-sena tas-suq 2010/2011, li tiddekorri mill-1 ta’ Ottubru 2010 sat-30 ta’ Settembru 2011, il-limitu kwantitattiv imsemmi fl-Artikolu 61, l-ewwel paragrafu, il-punt (d) tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007 għandu jkun 650 000 tunnellata għall-esportazzjonijiet mingħajr rifużjoni ta’ zokkor abjad lil hinn mill-kwota kopert bil-kodiċi tan-NM 1701 99 .

2.   L-esportazzjonijiet fi ħdan il-limitu kwantitattiv iffissat fil-paragrafu 1 għandhom ikunu permessi għad-destinazzjonijiet kollha, minbarra:

(a)

pajjiżi terzi: Andorra, il-Liechtenstein, is-Santa Sede (l-Istat tal-Vatikan), San Marino, il-Kroazja, il-Bosnja-Ħerzegovina, is-Serbja (3), il-Montenegro, l-Albanija u dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja;

(b)

it-territorji tal-Istati Membri li ma jagħmlux parti mit-territorju doganali tal-Komunità: il-Gżejjer Faeroe, Greenland, Heligoland, Ceuta, Melilla, il-lokalitajiet ta’ Livigno u Campione d’Italia, u ż-żoni tar-Repubblika ta’ Ċipru fejn il-Gvern tar-Repubblika ta’ Ċipru ma għandux kontroll effettiv;

(c)

it-territorji Ewropej li għar-relazzjonijiet esterni tagħhom huwa responsabbli Stat Membru li ma jiffurmax parti mit-territorju doganali tal-Komunità: Ġibiltà.

Artikolu 2

Iffissar tal-limitu kwantitattiv għall-esportazzjonijiet ta’ isoglukożju lil hinn mill-kwota

1.   Għas-sena tas-suq 2010/2011, li tiddekorri mill-1 ta’ Ottubru 2010 sat-30 ta’ Settembru 2011, il-limitu kwantitattiv imsemmi fl-Artikolu 61, l-ewwel paragrafu, il-punt (d) tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007 għandu jkun 50 000 tunnellata ta’ materja niexfa, għall-esportazzjonijiet mingħajr rifużjoni ta’ isoglukożju lil hinn mill-kwota kopert bil-kodiċijiet tan-NM 1702 40 10 , 1702 60 10  u 1702 90 30 .

2.   L-esportazzjonijiet tal-prodotti msemmija fil-paragrafu 1 għandhom ikunu permessi biss meta jissodisfaw il-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 951/2006.

Artikolu 3

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fis-seba’ jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta’ Ottubru 2010.

Għandu jiskadi fit-30 ta’ Settembru 2011.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-7 ta’ Mejju 2010.

Għall-Kummissjoni, f’isem il-President,

Dacian CIOLOŞ

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 299, 16.11.2007, p. 1.

(2)   ĠU L 178, 1.7.2006, p. 24.

(3)  Kif ukoll il-Kosovo skont ir-Riżoluzzjoni Nru 1244 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti tal-10 ta’ Ġunju 1999.