European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Serje L


2024/805

8.3.2024

REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2024/805

tas-7 ta’ Marzu 2024

li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/996 fir-rigward tad-data tal-applikazzjoni tal-Artikolu 11(1) ta’ dak ir-Regolament

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva (UE) 2018/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2018 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 30(8) tagħha,

Billi:

(1)

Sabiex jiġi stabbilit jekk il-bijokarburanti, il-bijolikwidi, il-fjuwils mill-bijomassa, il-fjuwils għat-trasport rinnovabbli gassużi u likwidi ta’ oriġini mhux bijoloġika u l-fjuwils tal-karbonju riċiklat jikkonformawx mar-rekwiżiti tad-Direttiva (UE) 2018/2001, hija essenzjali ċ-ċertifikazzjoni korretta u armonizzata mill-iskemi volontarji. Għalhekk, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/996 (2) jistabbilixxi regoli armonizzati, applikabbli tul il-proċess ta’ ċertifikazzjoni, li jġibu ċ-ċertezza legali meħtieġa dwar ir-regoli applikabbli għall-operaturi ekonomiċi u għall-iskemi volontarji.

(2)

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/996 daħal fis-seħħ fit-30 ta’ Ġunju 2022 u r-regoli tiegħu għandhom japplikaw minn 18-il xahar wara d-dħul fis-seħħ tiegħu, jiġifieri mit-30 ta’ Diċembru 2023.

(3)

Matul l-implimentazzjoni tar-rekwiżiti għall-Istati Membri rigward l-akkreditazzjoni jew ir-rikonoxximent għas-superviżjoni tal-korpi taċ-ċertifikazzjoni stabbiliti fl-Artikolu 11(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/996, ġie konkluż li t-tħejjija xierqa tal-programmi ta’ akkreditazzjoni jew tas-sistema għar-rikonoxximent mill-Istati Membri tkun teħtieġ perjodu ta’ tħejjija ħafna itwal u jkun impossibbli li tiġi implimentata sad-data tal-applikazzjoni ta’ dak ir-Regolament.

(4)

In-nuqqas ta’ aċċess għall-programmi ta’ akkreditazzjoni jew għas-sistema għar-rikonoxximent tal-korpi taċ-ċertifikazzjoni eżistenti mill-Istati Membri fid-data tal-applikazzjoni tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/996 iwassal għal sitwazzjoni li fiha l-ebda wieħed mill-korpi taċ-ċertifikazzjoni eżistenti ma jkun f’pożizzjoni li jikkonforma mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 11(1) ta’ dak ir-Regolament u għalhekk li jkompli x-xogħol ta’ ċertifikazzjoni tiegħu f’konformità mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva (UE) 2018/2001 u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/996 applikabbli għall-korpi taċ-ċertifikazzjoni. Dan joħloq tfixkil kbir fis-suq tal-fjuwils rinnovabbli mill-bidu tal-2024.

(5)

Għalhekk, sabiex tkun possibbli l-applikazzjoni tal-Artikolu 11(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/996, jeħtieġ li tiġi posposta l-applikazzjoni tiegħu, jiġifieri r-rekwiżit li skontu l-korpi taċ-ċertifikazzjoni għandhom jiġu akkreditati minn korp nazzjonali ta’ akkreditazzjoni u f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 765/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) jew rikonoxxuti minn awtorità kompetenti biex ikopru l-ambitu tad-Direttiva (UE) 2018/2001 jew l-ambitu speċifiku tal-iskema volontarja. Perjodu ta’ sena kalendarja huwa żmien xieraq, meħtieġ u proporzjonat biex jippermetti tħejjija ulterjuri.

(6)

Għaldaqstant, jenħtieġ li r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/996 jiġi emendat skont dan.

(7)

Dan ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni emendatorju jenħtieġ li jiġi applikat mid-data tal-applikazzjoni tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni, jiġifieri t-30 ta’ Diċembru 2023, sabiex tiġi żgurata l-validità taċ-ċertifikati kollha li jinħarġu mill-korpi taċ-ċertifikazzjoni mit-30 ta’ Diċembru 2023 sad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

(8)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat dwar is-Sostenibbiltà tal-Bijokarburanti, tal-Bijolikwidi u tal-Karburanti mill-Bijomassa stabbilit bl-Artikolu 34(2) tad-Direttiva (UE) 2018/2001.

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Fl-Artikolu 28 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/996, jiżdied dan is-subparagrafu li ġej:

“Madankollu, l-Artikolu 11(1) ta’ dan ir-Regolament għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2025.”.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mit-30 ta’ Diċembru 2023.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-7 ta’ Marzu 2024.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 328, 21.12.2018, p. 82, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2018/2001/oj.

(2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/996 tal-14 ta’ Ġunju 2022 dwar ir-regoli biex jiġu verifikati l-kriterji tas-sostenibbiltà u tal-iffrankar tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra u l-kriterji ta’ riskju baxx ta’ tibdil indirett fl-użu tal-art (ĠU L 168, 27.6.2022, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2022/996/oj).

(3)  Ir-Regolament (KE) Nru 765/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Lulju 2008 li jistabbilixxi r-rekwiżiti għall-akkreditament u għas-sorveljanza tas-suq relatati mal-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti, u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 339/93 (ĠU L 218, 13.8.2008, p. 30, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2008/765/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2024/805/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)