KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

BIONDI

ippreżentati fis‑6 ta’ Marzu 2025 ( 1 )

Kawża C‑294/23 P

Ir‑Repubblika tal-Bulgarija

vs

Il‑Kummissjoni Ewropea

“Appell – FAEG u FAEŻR – Regolament (UE) Nru 1306/2013 – Infiq magħmul b’mod mhux konformi mad-dritt tal-Unjoni – Clearance ta’ konformità – Artikolu 52 – Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni – Artikolu 54 – Talba għal irkupru – Termini– Deċiżjoni li jiġi esklużi mill-finanzjament tal-Unjoni l-ammonti attribwibbli lill-baġit tal-Unjoni f’każ ta’ nuqqas ta’ osservanza tat-terminu li fih l-irkupru għandu jintalab – Drittijiet tad-difiża – Obbligu ta’ motivazzjoni – Obbligu ta’ diliġenza – Prinċipju ta’ kooperazzjoni leali – Prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba – Artikolu 47 – Verifiki fuq il-post”

1.

Għalkemm il-qawl jgħid li dak li huwa fformulat sew huwa espress b’mod ċar, il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam tal-fondi Ewropej kultant tagħmel eċċezzjoni għal dan.

2.

F’din il-kawża, ir-Repubblika tal-Bulgarija tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja biex tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tat‑8 ta’ Marzu 2023 ( 2 ), Il‑Bulgarija vs Il‑Kummissjoni, li permezz tagħha din il-qorti ċaħdet bħala infondat ir-rikors li hija kienet ippreżentat fuq il-bażi tal-Artikolu 263 TFUE u li kien intiż għall-annullament tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/261 tas‑17 ta’ Frar 2021 li teskludi mill-finanzjament tal-Unjoni Ewropea ċertu nefqa mġarrba mill-Istati Membri fil-kuntest tal-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) u tal-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) ( 3 ) inkwantu din tikkonċerna ċertu nfiq imġarrab mir-Repubblika tal-Bulgarija.

3.

Din id-deċiżjoni ġiet adottata għal raġunijiet marbutin, minn naħa, mal-ksur, mir-Repubblika tal-Bulgarija, tal-obbligu li titlob lill-benefiċjarji tal-pagamenti irregolari kkonċernati l-irkupru tal-imsemmija pagamenti f’terminu ta’ 18‑il xahar li joħroġ mir-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑17 ta’ Diċembru 2013 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 352/78, (KE) Nru 165/94, (KE) Nru 2799/98, (KE) Nru 814/2000, (KE) Nru 1290/2005 u (KE) Nru 485/2008 ( 4 ) u, min-naħa l-oħra, mal-fatt li n-nuqqas ta’ rkupru kien jikkostitwixxi, skont il-Kummissjoni Ewropea, irregolarità jew negliġenza attribwibbli lill-awtoritajiet Bulgari fis-sens ta’ dan ir-regolament. Madankollu, il-proċedura li wasslet għall-adozzjoni tal-imsemmija deċiżjoni kienet inbdiet fuq bażi differenti, marbuta mal-identifikazzjoni tal-infiq li ma kienx sar b’mod konformi mad-dritt tal-Unjoni.

4.

Id-deċiżjoni dwar dan l-appell ser teżiġi min-naħa tal-Qorti tal-Ġustizzja li hija tidħol fil-kumplessitajiet tar-Regolament Nru 1306/2013 u tippreċiża l-kundizzjonijiet li taħthom il-Kummissjoni tista’ tadotta att ta’ implimentazzjoni li jissanzjona l-intenzjoni manifesta tal-Istat Membru kkonċernat li ma josservax l-obbligu tiegħu li jitlob l-irkupru tal-ammonti irregolarment attribwiti lill-baġit tal-Unjoni, meta tali intenzjoni tkun ġiet żvelata matul il-proċedura ta’ clearance ta’ konformità.

I. Il‑kuntest ġuridiku

A. Ir‑Regolament Nru 1306/2013

5.

Huma rilevanti, fil-kuntest ta’ dan l-appell, il-premessi 36, 37 u 39 kif ukoll l-Artikolu 1, l-Artikolu 2(1)(g), l-Artikolu 7(1), l-Artikolu 47 u l-Artikolu 48(1) u (3) tar-Regolament Nru 1306/2013.

6.

Barra minn hekk, it-Taqsima II tal-Kapitolu IV, intitolat “Approvazzjoni tal-konformità”, fih l-Artikolu 52 iddedikat għall-clearance tal-konformità, li jipprovdi:

“1.   Meta ssib li l-infiq kif indikat fl-Artikolu 4(1) u fl-Artikolu 5 ma jkunx sar f’konformità mal-liġi tal-Unjoni u, fir-rigward tal-FAEŻR, ma jkunx sar f’konformità mal-liġi applikabbli tal-Unjoni u nazzjonali msemmija fl-Artikolu 85 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 [ ( 5 )], il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jistipulaw l-ammonti li għandhom jiġu esklużi mill-finanzjament mill-Unjoni. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 116(2).

2.   Il-Kummissjoni għandha tevalwa l-ammonti li għandhom jiġu esklużi abbażi tal-gravità tan-nuqqas ta’ konformità reġistrat. Hija għandha tqis kif xieraq in-natura tal-ksur u tal-ħsara finanzjarja kkawżata lill-Unjoni. Hija għandha tibbaża l-esklużjoni fuq l-identifikazzjoni tal-ammonti minfuqin bla bżonn u, meta dawn ma jkunux jistgħu jiġu identifikati bi sforz proporzjonat, tista’ tapplika korrezzjonijiet estrapolati jew b’rata fissa. Korrezzjonijiet b’rata fissa għandhom jiġu applikati biss meta minħabba n-natura tal-każ jew minħabba li l-Istat Membru ma jkunx ipprovda l-informazzjoni meħtieġa lill-Kummissjoni, ma jkunx possibbli bi sforz proporzjonat li tiġi identifikata b’mod aktar preċiż il-ħsara finanzjarja magħmula lill-Unjoni.

3.   Qabel l-adozzjoni ta’ kwalunkwe deċiżjoni għar-rifjut tal-finanzjament, is-sejbiet mill-ispezzjoni tal-Kummissjoni u t-tweġibiet tal-Istat Membru għandhom jiġu nnotifikati bil-miktub, u wara dan iż-żewġ partijiet għandhom jippruvaw jilħqu ftehim dwar l-azzjoni li jkollha tittieħed. F’dak il-punt tal-proċedura għandha tingħata l-opportunità lill-Istati Membri biex juru li l-gravità reali tan-nonkonformità hija inqas mill-valutazzjoni tal-Kummissjoni.

Jekk ma jintlaħaqx ftehim, l-Istat Membru jista’ jitlob il-ftuħ ta’ proċedura bil-għan li tiġi rrikonċiljata, fi żmien perijodu ta’ erba’ xhur, il-pożizzjoni ta’ kull parti. Għandu jiġi ppreżentat rapport dwar ir-riżultat tal-proċedura lill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni għandha tqis ir-rakkomandazzjonijiet tar-rapport qabel ma tiddeċiedi dwar kwalunkwe rifjut għal finanzjament u għandha tagħti raġunijiet jekk tiddeċiedi li ma ssegwix dawk ir-rakkomandazzjonijiet.

4.   Il-finanzjament ma jistax jiġi rrifjutat għal:

a)

infiq kif indikat fl-Artikolu 4(1) li jsir aktar minn 24 xahar qabel ma l-Kummissjoni tinnotifika lill-Istat Membru bil-miktub bis-sejbiet tal-ispezzjoni tagħha;

[…]

5.   Il-paragrafu 4 ma għandux japplika fil-każ ta’:

a)

irregolaritajiet koperti mit-Taqsima III ta’ dan il-Kapitolu;

[…]”.

7.

Skont l-Artikolu 53(1)(b) tar-Regolament Nru 1306/2013, “[i]l-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jistipulaw regoli dwar l-implimentazzjoni ta’ […] l-approvazzjoni tal-konformità prevista fl-Artikolu 52 fir-rigward tal-miżuri li jkollhom jittieħdu b’rabta mal-adozzjoni tad-deċiżjoni u l-implimentazzjoni tagħha, inklużi l-iskambju ta’ informazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri u d-dati ta’ skadenza li jkollhom jitħarsu, kif ukoll il-proċedura ta’ konċiljazzjoni msemmija f’dak l-Artikolu, inklużi t-twaqqif, il-kompiti, il-kompożizzjoni u l-arranġamenti tax-xogħol tal-korp ta’ konċiljazzjoni”.

8.

It-Taqsima III tal-Kapitolu IV tar-Regolament Nru 1306/2013, intitolat “Irregolaritajiet”, fih l-Artikolu 54 li jirrigwarda d-“Dispożizzjonijiet Komuni”, li jipprevedi, fil-paragrafi 1, 2 u 5 tiegħu:

“1.   Għal kwalunkwe pagament mhux dovut wara li sseħħ xi irregolarità jew negliġenza, l-Istati Membri għandhom jitolbu rkupru mingħand il-benefiċjarju fi żmien 18‑il xahar wara l-approvazzjoni minn u, fejn ikun applikabbli, il-wasla għand l-aġenzija tal-pagamenti jew il-korp responsabbli għall-irkupru, ta’ rapport ta’ kontroll jew dokument simili, b’dikjarazzjoni li tkun seħħet irregolarità. L-ammonti korrispondenti għandhom jiġu reġistrati, fil-mument tat-talba għal irkupru, fil-ktieb tad-debituri tal-aġenzija tal-pagamenti.

2.   Jekk ma jsirx irkupru fi żmien erba’ snin mid-data tat-talba għal irkupru, jew fi żmien tmien snin fejn l-irkupru jinkiseb permezz tal-qrati nazzjonali, 50 % tal-konsegwenzi finanzjarji tan-nuqqas ta’ rkupru għandu jġarrabhom l-Istat Membru konċernat u 50 % għandhom jiġu koperti mill-baġit tal-Unjoni, mingħajr preġudizzju għar-rekwiżit li l-Istat Membru konċernat għandu jsegwi proċeduri ta’ rkupru b’konformità mal-Artikolu 58.

Fejn, fil-kuntest tal-proċedura ta’ rkupru, jiġi rreġistrat in-nuqqas ta’ kwalunkwe irregolarità permezz ta’ strument amministrattiv jew legali ta’ natura aħħarija, l-Istat Membru konċernat għandu jiddikjara bħala nfiq dovut lill-Fondi l-piż finanzjarju li huwa jkollu jagħmel tajjeb għalih skont l-ewwel subparagrafu.

[…]

5.   Il-Kummissjoni tista’, kemm-il darba l-proċedura stipulata fl-Artikolu 52(3) tkun ġiet segwita, tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jeskludu minn finanzjament mill-Unjoni somom a karigu tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea fil-każijiet li ġejjin:

a)

jekk l-Istat Membru ma jkunx ħares il-limiti ta’ żmien imsemmija fil-paragrafu 1;

[…]

c)

jekk hi tqis li l-irregolarità jew in-nuqqas ta’ rkupru jkunu r-riżultat ta’ irregolarità jew negliġenza attribwibbli lill-awtoritajiet amministrattivi jew lil korp uffiċjali ieħor tal-Istat Membru.

[…]”

B. Ir‑Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 908/2014

9.

L-Artikolu 34 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 908/2014 tas‑6 ta’ Awwissu 2014 li jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament [Nru 1306/2013] fir-rigward tal-aġenziji tal-pagamenti u korpi oħra, il-ġestjoni finanzjarja, l-approvazzjoni ta’ kontijiet, ir-regoli dwar kontrolli, garanziji u trasparenza ( 6 ), intitolat “Approvazzjoni tal-konformità”, jipprovdi:

“1.   Sabiex jiġu ddeterminati liema ammonti għandhom jiġu esklużi mill-finanzjament tal-Unjoni, meta jinstab li l-infiq ma jkunx sar b’konformità mar-regoli tal-Unjoni, il-Kummissjoni għandha tuża wkoll is-sejbiet tagħha u għandha tqis l-informazzjoni disponibbli mill-Istati Membri, sakemm din l-informazzjoni tal-aħħar hija pprovduta f’waqtha fil-limiti ta’ żmien stabbiliti mill-Kummissjoni fil-qafas tal-proċedura tal-approvazzjoni tal-konformità mwettqa skont l-Artikolu 52 tar-Regolament [Nru 1306/2013] u skont dan l-Artikolu.

2.   Fejn, minħabba kwalunkwe stħarriġ, il-Kummissjoni tqis li l-infiq ma sarx skont ir-regoli tal-Unjoni, hija għandha tikkomunika s-sejbiet tagħha lill-Istat Membru kkonċernat, fejn tispeċifika l-miżuri korrettivi meħtieġa biex tkun żgurata l-konformità ma’ dawk ir-regoli fil-futur, u tindika l-livell provviżorju ta’ korrezzjoni finanzjarja li f’dak l-istadju tal-proċedura tikkunsidra li jikkorrispondi mas-sejbiet tagħha. Dik il-komunikazzjoni għandha wkoll tiskeda laqgħa bilaterali fi żmien ħames xhur wara li jiskadi l-perjodu għar-risposta mill-Istat Membru. Il-komunikazzjoni għandha tagħmel referenza għal dan l-Artikolu.

[…]

3.   Fil-laqgħa bilaterali, ż-żewġ partijiet għandhom jagħmlu ħilithom biex jilħqu ftehim dwar il-miżuri li għandhom jittieħdu kif ukoll dwar l-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur u tad-dannu finanzjarju kkawżat lill-baġit tal-Unjoni.

[…]

Fi żmien sitt xhur minn wara li tibgħat il-minuti tal-laqgħa bilaterali, il-Kummissjoni għandha tikkomunika formalment il-konklużjonijiet tagħha lill-Istat Membru abbażi tal-informazzjoni riċevuta fil-qafas tal-proċedura ta’ approvazzjoni tal-konformità. Dik il-komunikazzjoni għandha tevalwa l-infiq li għandu jiġi eskluż mill-finanzjament tal-Unjoni skont l-Artikolu 52 tar-Regolament [Nru 1306/2013] u l-Artikolu 12 tar-Regolament ta’ Delega [tal-Kummissjoni] (UE) Nru 907/2014 [tal‑11 ta’ Marzu 2014 li jissupplimenta r-Regolament [Nru 1306/2013] rigward l-aġenziji tal-pagamenti u korpi oħra, il-ġestjoni finanzjarja, l-approvazzjoni tal-kontijiet, il-garanziji u l-użu tal-euro (ĠU 2014, L 255, p. 18)]. Il-komunikazzjoni għandha tagħmel referenza għall-Artikolu 40(1) ta’ dan ir-Regolament.

[…]

5.   Sabiex japplikaw il-paragrafi 3 u 4 fi ħdan il-perjodi ta’ żmien rispettivi, il-Kummissjoni għandu jkollha disponibbli l-informazzjoni kollha relevanti f’dak il-pass partikolari tal-proċedura. Fejn il-Kummissjoni tqis li hemm nuqqas ta’ informazzjoni, tista’ f’kull ħin fi żmien il-perjodi ta’ żmien stipulati fil-paragrafi 3 u 4:

a)

titlob għal informazzjoni addizzjonali minn Stat Membru, u l-Istat Membru għandu jwieġeb għal dan fi żmien xahrejn minn meta jirċievi l-komunikazzjoni; u/jew

b)

tinforma lill-Istat Membru bl-intenzjoni tagħha li twettaq missjoni ta’ awditjar addizzjonali sabiex tagħmel il-verifiki meħtieġa.

F’dan il-każ, il-perjodi ta’ żmien li hemm referenza għalihom fil-paragrafi 3 u 4 għandhom jerġgħu jibdew jew mal-wasla tal-informazzjoni addizzjonali mitluba mill-Kummissjoni jew mill-aħħar jum tal-missjoni ta’ awditjar addizzjonali.

[…]

7.   Wara li tkun ikkomunikat il-konklużjonijiet tagħha lill-Istati Membri skont il-paragrafu 3 jew 4 tal-Artikolu 34 ta’ dan ir-Regolament, il-Kummissjoni għandha tadotta, fejn ikun meħtieġ, deċiżjoni waħda jew aktar skont l-Artikolu 52 tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 sabiex teskludi, mill-finanzjament tal-Unjoni, infiq li jkun sar minħabba n-nuqqas ta’ konformità mar-regoli tal-Unjoni. Il-Kummissjoni tista’ ssegwi proċeduri ta’ approvazzjoni tal-konformità konsekuttivi sakemm l-Istat Membru jimplimenta l-miżuri korrettivi.

[…]”.

10.

L-Artikolu 40 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 908/2014, intitolat “Il-proċedura ta’ konċiljazzjoni”, jipprevedi fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 tiegħu ( 7 ):

“Stat Membru jista’ jirreferi kwistjoni lill-Korp ta’ Konċiljazzjoni fi żmien 30 jum ta’ xogħol minn meta jirċievi l-komunikazzjoni formali tal-Kummissjoni li hemm referenza għaliha fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 34(3) billi jibgħat talba raġunata għal konċiljazzjoni lis-segretarjat tal-Korp ta’ Konċiljazzjoni”.

II. Il‑fatti li wasslu għall‑kawża u d‑deċiżjoni kontenzjuża

11.

Nirreferi hawnhekk għall-punti 2 sa 14 tas-sentenza appellata.

III. Il‑proċedura quddiem il‑Qorti Ġenerali, is‑sentenza appellata, il‑proċedura quddiem il‑Qorti tal-Ġustizzja u t‑talbiet tal‑partijiet

12.

Permezz ta’ rikors ippreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali fit‑28 ta’ April 2021, ir-Repubblika tal-Bulgarija ppreżentat rikors intiż għall-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża, inkwantu din il-qorti applikat, fil-konfront tagħha, korrezzjoni finanzjarja fl-ammont ta’ EUR 7 656 848.97.

13.

Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet il-ħames motivi mressqa quddiemha mir-Repubblika tal-Bulgarija ( 8 ) u, għaldaqstant, ir-rikors tagħha.

14.

Fit‑8 ta’ Mejju 2023, ir-Repubblika tal-Bulgarija ppreżentat appell kontra s-sentenza appellata. Fit-talbiet tagħha, hija titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha tannulla s-sentenza appellata fl-intier tagħha; tiddeċiedi b’mod definittiv fuq it-tilwima jew, b’mod sussidjarju, tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali; tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

15.

Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha tiċħad l-appell u tikkundanna lir-Repubblika tal-Bulgarija għall-ispejjeż.

16.

Ir-Repubblika tal-Bulgarija u l-Kummissjoni għamlu s-sottomissjonijiet orali tagħhom waqt is-seduta li nżammet quddiem il-Qorti Ġenerali fl‑4 ta’ Diċembru 2024.

IV. Analiżi

17.

Insostenn tal-appell tagħha, ir-Repubblika tal-Bulgarija tressaq żewġ aggravji.

18.

L-ewwel wieħed huwa bbażat fuq żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni tal-Artikolu 52(3) tar-Regolament Nru 1306/2013 u tal-Artikolu 34 tar-Regolament Nru 908/2014, moqri flimkien mal-Artikolu 52(1) u mal-Artikolu 54(5) tar-Regolament Nru 1306/2013, kif ukoll tal-obbligu ta’ motivazzjoni skont l-Artikolu 296 TFUE, tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali, li wasslu lill-Qorti Ġenerali sabiex tikkonkludi b’mod żbaljat li d-drittijet tad-difiża u l-garanziji proċedurali tar-Repubblika tal-Bulgarija, l-obbligu ta’ motivazzjoni tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni kif ukoll il-prinċipji ta’ amministrazzjoni tajba u ta’ kooperazzjoni leali kienu ġew osservati. Ir-Repubblika tal-Bulgarija tikkritika wkoll lill-Qorti Ġenerali, fil-kuntest ta’ dan l-ewwel aggravju, li ma tatx motivazzjoni suffiċjenti u xierqa lis-sentenza appellata peress li l-Qorti Ġenerali allegatament ma evalwatx il-punti kollha ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti li kienu tressqu għall-konjizzjoni tagħha.

19.

It-tieni aggravju huwa bbażat fuq żball ta’ liġi li l-Qorti Ġenerali allegatament wettqet meta interpretat l-Artikolu 54(5)(a) u (c), moqri flimkien mal-Artikolu 54(1) tar-Regolament Nru 1306/2013 billi ddeċidiet li t-terminu ta’ 18-il xahar kien beda jiddekorri b’effett mill-komunikazzjoni tar-rapporti tal-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) lill-appellanti.

20.

Skont it-talba tal-Qorti tal-Ġustizzja, dawn il-konklużjonijiet immirati ser jirrigwardaw biss l-ewwel aggravju.

A. Fuq l‑ewwel aggravju

21.

L-argument tar-Repubblika tal-Bulgarija li ġie żviluppat fil-kuntest ta’ dan l-ewwel aggravju jidher rikk imma strutturat ħażin. Huwa jidher madankollu li jista’ jinftiehem bħala li jinqasam f’sitt ilmenti li għandhom jiġu organizzati mill-ġdid.

22.

L-ewwel ilment huwa bbażat fuq interpretazzjoni żbaljata tal-Artikolu 52(3) tar-Regolament Nru 1306/2013 u tal-Artikolu 34 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 908/2014, minn naħa, u tal-Artikolu 52(1) u tal-Artikolu 54(5) tar-Regolament Nru 1306/2013, min-naħa l-oħra.

23.

It-tieni lment huwa bbażat fuq żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni tal-Artikolu 47 tar-Regolament Nru 1306/2013 inkwantu l-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-Kummissjoni ma kinitx obbligata tipproċedi b’verifiki fuq il-post.

24.

It-tielet ilment huwa bbażat fuq żball ta’ liġi għal dak li jikkonċerna r-rispett, mill-Kummissjoni, tad-drittijiet tad-difiża.

25.

Ir-raba’ lment huwa bbażat fuq żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni tal-obbligu ta’ motivazzjoni tal-Kummissjoni.

26.

Il-ħames ilment huwa bbażat fuq ksur, mill-Qorti Ġenerali, tal-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha inkwantu hija naqset milli teżamina l-allegazzjoni ta’ ksur tal-obbligu ġenerali ta’ diliġenza.

27.

Is-sitt ilment huwa wkoll ibbażat fuq ksur mill-Qorti Ġenerali tal-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha bili naqset milli tevalwa jew tikkummenta fuq il-provi insostenn tal-allegazzjoni ta’ ksur, mill-Kummissjoni, tal-prinċipji ta’ kooperazzjoni leali u ta’ amministrazzjoni tajba prodotti qabel is-seduta.

28.

F’ordni skont l-importanza, ser neżamina l-ewwel u b’mod konġunt l-ewwel u t-tielet ilment qabel ma neżamina, imbagħad u b’mod separat, it-tieni, ir-raba’ u l-ħames ilment u, fl-aħħar nett, is-sitt ilment.

1.   Fuq l‑ewwel u t‑tielet ilment, ibbażati fuq żball ta’ liġi fl‑interpretazzjoni tal‑Artikoli 52 u 54 tar‑Regolament Nru 1306/2013 u fuq żball ta’ liġi fl‑interpretazzjoni tad‑drittijiet tad‑difiża matul il‑proċedura amministrattiva

a)   Sunt tal‑argumenti tal‑partijiet

29.

Għal dak li jikkonċerna l-ewwel ilment, ir-Repubblika tal-Bulgarija ssostni, fil-punti 40 sa 42 u 47 sa 49 tas-sentenza appellata, li l-Qorti Ġenerali għamlet żball ta’ liġi u ħawdet il-proċedura kontradittorja tal-Artikolu 52(3) tar-Regolament Nru 1306/2013, moqri flimkien mal-Artikolu 34 tar-Regolament Nru 908/2014, mal-motiv sostantiv distint imsemmi fl-Artikolu 54(5) tar-Regolament Nru 1306/2013. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali żbaljat meta qieset, fil-punti 47 sa 49 tas-sentenza appellata li, fid-dawl tat-trażmissjoni tal-ittra u taż-żamma tat-tieni laqgħa bilaterali, id-difetti proċedurali fir-rigward tal-modifika, mill-Kummissjoni, tal-bażi legali tal-korrezzjoni finanzjarja kontenzjuża ġew irrimedjati.

30.

Ir-Repubblika tal-Bulgarija ssostni li l-impożizzjoni ta’ korrezzjoni finanzjarja skont l-Artikolu 52(1) tar-Regolament Nru 1306/2013 u l-impożizzjoni ta’ tali korrezzjoni skont l-Artikolu 54(5) ta’ dan ir-regolament hija bbażata fuq bażijiet legali differenti, minkejja li dawn iż-żewġ proċeduri huma suġġetti għall-istess proċedura kontradittorja, irregolata mill-Artikolu 52(3) tar-Regolament Nru 1306/2013, moqri flimkien mal-Artikolu 34 tar-Regolament Nru 908/2014.

31.

Id-deċiżjoni kontenzjuża ta’ esklużjoni tal-Kummissjoni kellha, għaldaqstant, tkun ibbażata fuq l-istess motivi bħal dawk li fuq il-bażi tagħhom kienet inbdiet il-proċedura.

32.

Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet b’mod żbaljat, fil-punt 42 tas-sentenza appellata, li t-tieni stedina għal laqgħa bilaterali setgħet tadatta l-komunikazzjoni tal-konstatazzjonijiet b’riferiment għall-bażi legali l-ġdida invokata peress li l-Artikolu 54(5) jipprevedi b’mod ċar li l-proċedura stabbilita fl-Artikolu 52(3) tar-Regolament Nru 1306/2013 tkun ġiet segwita.

33.

Għal dak li jikkonċerna t-tielet ilment, l-appellanti ssostni li, fil-kuntest tat-tieni motiv għall-adozzjoni tal-atti ta’ implimentazzjoni li jeskludu l-ammonti mill-finanzjament tal-Unjoni, stabbilit fl-Artikolu 54 tar-Regolament Nru 1306/2013, il-Kummissjoni tkun obbligata tipproċedi bil-verifiki msemmija fil-paragrafu 4 ta’ din id-dispożizzjoni sabiex tiżgura l-applikazzjoni korretta tal-Artikolu 54(2) tal-imsemmi regolament. L-Artikolu 54 jawtorizza lill-Kummissjoni tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jeskludu l-ammonti mill-finanzjament tal-Unjoni, anki fl-assenza ta’ verifiki fuq il-post, sakemm tkun ġiet segwita l-proċedura kontradittorja stabbilita fl-Artikolu 52(3) tal-istess regolament, li tiggarantixxi li l-Istat Membru jkollu l-possibbiltà li jeżerċita d-drittijiet tad-difiża tiegħu qabel ma tittieħed deċiżjoni ta’ esklużjoni.

34.

Fir-replika tagħha, ir-Repubblika tal-Bulgarija ssemmi l-preġudizzji li hija sofriet għad-drittijiet tad-difiża matul il-proċedura amministrattiva. Għaldaqstant, filwaqt li l-komunikazzjoni tal-konstatazzjonijiet, kif prevista fl-Artikolu 34 tar-Regolament Nru 908/2014, għandha tagħti għarfien preċiż tar-riżervi tal-Kummissjoni biex tissodisfa l-obbligu ta’ avviż tagħha, ir-Repubblika tal-Bulgarija kellha tibda tiddefendi ruħha “fil-għama”. Il-Kummissjoni ma semmietx id-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni strutturali li hija qieset possibbilment miksura bil-pagamenti investigati, ħaġa li kienet twassal għall-annullament, mill-qorti nazzjonali, tal-ordnijiet ta’ twaqqif ta’ pagamenti adottati mill-organi tal-pagamenti. It-terminu ta’ 18-il xahar, biex jiġi mitlub l-irkupru, għandu jibda jiddekorri biss b’effett mid-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni li permezz tagħha l-Kummissjoni tidentifika preċiżament il-pagamenti li għandhom jiġu esklużi mill-finanzjament tal-Unjoni biex tħalli żmien lill-Istat Membru kkonċernat biex jirreaġixxi b’għarfien sħiħ tal-fatti. L-applikazzjoni retroattiva tal-Artikolu 54 tar-Regolament Nru 1306/2013 ma ppermettietx lill-appellanti tikkonforma ruħha mal-obbligi tagħha, peress li d-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni ġiet adottata meta t-terminu ta’ 18-il xahar kien kważi skada. Hija lanqas ma ppermettietilha tibbenefika mir-regola tal-50/50.

35.

Il-Kummissjoni ssostni li dawn l-ilmenti huma infondati.

b)   Evalwazzjoni

36.

Dawn l-ilmenti jqajmu, minn naħa, il-kwistjoni tar-rabta eventwali bejn il-proċeduri mibdija skont l-Artikolu 52(1) tar-Regolament Nru 1306/2013 u dawk mibdija fuq il-bażi tal-Artikolu 54(5) ta’ dan ir-regolament kif ukoll, min-naħa l-oħra, il-kwistjoni tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża tal-appellanti matul il-proċedura li wasslet għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża.

1) Fuq ir‑rabta bejn il-proċeduri mibdija skont l‑Artikolu 52(1) tar‑Regolament Nru 1306/2013 u dawk mibdija fuq il‑bażi tal‑Artikolu 54(5) ta’ dan ir‑regolament

37.

Ir‑Regolament Nru 1306/2013 jistabbilixxi żewġ tipi ta’ clearance. L-ewwel wieħed huwa clearance tal-kontijiet. Huwa rregolat mill-Artikolu 51 u jseħħ kull sena. It-tieni wieħed huwa l-clearance ta’ konformità, irregolat mill-Artikolu 52. Skont l-ewwel paragrafu ta’ din id-dispożizzjoni, dan isir meta l-Kummissjoni “ssib li l-infiq kif indikat fl-Artikolu 4(1) u fl-Artikolu 5 ma jkunx sar f’konformità mal-liġi tal-Unjoni” ( 9 ). Il-Kummissjoni tista’ għaldaqstant tadotta l-miżuri ta’ implimentazzjoni li bihom teskludi l-ammonti mhux konformi mill-finanzjament tal-Unjoni ( 10 ). Il-paragrafu 3 tal-Artikolu 52 tar-Regolament Nru 1306/2013 jiddefinixxi l-proċedura li għandha tiġi segwita qabel “kwalunkwe deċiżjoni għar-rifjut tal-finanzjament”.

38.

Barra minn hekk, l-Artikolu 54 tar-Regolament Nru 1306/2013 jipprevedi li għal kwalunkwe pagament indebitu li jirriżulta minn irregolaritajiet jew negliġenza, l-Istati Membri għandhom jitolbu rkupru mingħand il-benefiċjarju fi żmien 18‑il xahar wara l-approvazzjoni jew il-wasla, għand l-organu tal-pagamenti jew l-organu responsabbli għall-irkupru, ta’ rapport ta’ kontroll jew dokument simili li jindika li tkun seħħet irregolarità ( 11 ) u li, b’mod parallel għal din it-“talba” ( 12 ), l-ammonti korrispondenti għandhom jiġu rreġistrati fil-ktieb tad-debituri tal-organu tal-pagamenti.

39.

Dawn iż-żewġ stadji (talba għal irkupru/reġistrazzjoni fil-ktieb tad-debituri) jiġu qabel dak tal-irkupru bħala tali ( 13 ). Għaldaqstant hemm rekwiżit ċar li l-Istati Membri jitolbu l-irkupru f’terminu ta’ 18‑il xahar b’effett mill-mument li fih jirċievu l-informazzjoni li saru l-pagamenti irregolari ( 14 ).

40.

Barra minn hekk, mill-formulazzjoni tal-Artikolu 54(5) tar-Regolament Nru 1306/2013, jirriżulta ċar li l-leġiżlatur tal-Unjoni ma rrendiex l-eżistenza ta’ deċiżjoni ta’ implimentazzjoni skont l-Artikolu 52(1) ta’ dan ir-regolament bħala rekwiżit għal qabel it-talba ta’ rkupru. Dan l-artikolu jipprovdi li l-Kummissjoni tista’, “kemm-il darba l-proċedura stipulata fl-Artikolu 52(3) tkun ġiet segwita”, tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jeskludu mill-finanzjament tal-Unjoni somom li l-Istat Membru kkonċernat ma jkunx talab l-irkupru tagħhom jew meta hija tqis li n-nuqqas ta’ rkupru jkunu r-riżultat ta’ irregolaritajiet jew negliġenza attribwibbli lill-awtoritajiet nazzjonali ( 15 ). L-Artikolu 54 tar-Regolament Nru 1306/2013 jimponi għaldaqstant fuq il-Kummissjoni li tadotta att ta’ implimentazzjoni li permezz tiegħu teskludi mill-finanzjament tal-Unjoni l-ammonti minħabba l-fatt li l-awtoritajiet nazzjonali ma jkunux talbu l-irkupru tagħhom fit-terminu impost skont il-proċedura prevista fl-Artikolu 52(3) ta’ dan ir-regolament, mingħajr qatt ma jimponi li din il-proċedura tinbeda biss wara proċedura sħiħa li tkun tlestiet u li tkun wasslet għal deċiżjoni ta’ implimentazzjoni li teskludi mill-finanzjament tal-Unjoni l-pagamenti irregolari. Peress li l-obbligu li jintalab l-irkupru jinħoloq mal-għarfien mill-operaturi ekonomiċi kkonċernati b’rapport ta’ kontroll jew kull dokument simili li jindika li tkun seħħet irregolarità ( 16 ), il-proċedura li tista’ twassal għall-adozzjoni ta’ att ta’ implimentazzjoni li jeskludi mill-finanzjament tal-Unjoni l-ammonti identifikati minħabba nuqqas ta’ talba għall-irkupru ma hijiex neċessarjament konsostanzjali jew suċċessiva għal dik li tirrigwarda l-identifikazzjoni tal-operaturi kkonċernati u l-pagamenti suspettużi.

41.

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li proċedura li twassal għall-adozzjoni ta’ att ta’ implimentazzjoni fuq il-bażi tal-Artikolu 54(5) tar-Regolament Nru 1306/2013 hija proċedura awtonoma li ma għandhiex neċessarjament tkun ġiet ippreċeduta minn proċedura sħiħa li twassal għall-adozzjoni ta’ att ta’ implimentazzjoni bbażata fuq l-Artikolu 52(1) ta’ dan ir-regolament. Fid-dawl tal-għan ta’ ħeffa mfittex mill-Artikolu 54 tar-Regolament Nru 1306/2013, imfakkar fil-punt 34 tas-sentenza appellata – li, kif irrilevat il-Kummissjoni, ma huwiex ikkontestat mill-appellanti -, il-Kummissjoni tista’ fi kwalunkwe mument, hekk kif jiġi kkonstatat il-ksur tal-obbligu ta’ rkupru, tadotta att ta’ implimentazzjoni għal din ir-raġuni, bil-kundizzjoni li ssegwi l-proċedura stabbilita fl-Artikolu 52(3) ta’ dan ir-regolament. Ir-rabta stretta bejn il-proċeduri ta’ clearance ta’ konformità u l-obbligu ta’ ftuħ ta’ proċeduri u ta’ rkupru tal-konsegwenzi finanzjarji marbutin mal-irregolaritajiet ikkonstatati mill-Istati Membri diġà ġew enfasizzati mill-Qorti tal-Ġustizzja ( 17 ), l-istess kif din tal-aħħar diġà ddeċidiet li l-assenza jew id-dewmien rikorrenti fl-irkupru tad-djun jistgħu jiġġustifikaw b’mod validu li ssir korrezzjoni ( 18 ).

42.

Mill-konstatazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali jirriżulta li l-proċedura li tirriżulta mill-Artikolu 52(3) tar-Regolament Nru 1306/2013, moqri flimkien mal-Artikolu 34 tar-Regolament Nru 908/2014 hija magħmula minn sitt stadji ( 19 ). Il-Kummissjoni osservat dawn l-istadji kollha.

43.

Hija biss il-komunikazzjoni tal-konstatazzjonijiet inizjali li kienet tirrigwarda r-raġuni waħdanija tal-Artikolu 52(1) tar-Regolament Nru 1306/2013. Fil-punt 41 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali rrikonoxxiet ukoll li “ir-raġunijiet tal-korrezzjoni finanzjarja kontenzjuża, kif ġew imfissra fir-rapport ta’ sinteżi u fid-Deċiżjoni [kontenzjuża], jaqblu biss parzjalment ma’ dawk li kienu ġġustifikaw il-ftuħ tal-proċedura ta’ clearance kontenzjuża, kif kienu ġew spjegati mill-Kummissjoni fil-komunikazzjoni tal-konstatazzjonijiet”. Ir-raġunament għal dan it-tibdil fir-raġunijiet jinsabu madankollu espressi fil-punti 43 sa 46 ta’ din is-sentenza, li ma humiex ikkontestati mir-Repubblika tal-Bulgarija fil-kuntest tal-ewwel aggravju tal-appell tagħha. Essenzjalment, minn dawn il-punti jirriżulta li l-Kummissjoni fakkret lil dan l-Istat Membru b’dan l-obbligu ta’ rkupru biss fil-mument li fih l-ewwel rapport tal-OLAF nġieb għall-attenzjoni tagħha u li l-bdil fl-attitudni tal-Kummissjoni kien iddettat mir-reazzjoni tar-Repubblika tal-Bulgarija stess għall-invokazzjoni ta’ dan l-obbligu.

44.

Ir-Repubblika tal-Bulgarija ssostni, fis-sustanza, li l-Kummissjoni kienet obbligata terġa’ tibda l-proċedura ab initio jekk l-intenzjoni tagħha kienet inbidlet matul il-proċedura u jekk hija kienet intenzjonata finalment tadotta deċiżjoni ta’ implimentazzjoni fuq il-bażi tal-Artikolu 54(5) tar-Regolament Nru 1306/2013.

45.

Tali interpretazzjoni, li barra minn hekk ma hijiex sostnuta mit-test stess ta’ din id-dispożizzjoni, tidher, minflok, eċċessivament formalistika u tidher li tinjora l-ħtieġa tal-ħeffa tal-azzjoni ( 20 ) – tal-Kummissjoni kif ukoll tal-awtoritajiet nazzjonali – meta s-somom ikunu ġew indebitament imposti fuq il-baġit tal-Unjoni. Madankollu, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, kif imfakkra mill-Kummissjoni waqt is-seduta, jirriżulta li għalkemm il-Kummissjoni, fir-relazzjonijiet tagħha mal-Istati Membri, hija marbuta tirrispetta l-kundizzjonijiet li hija tkun rabtet lilha nfisha bihom permezz ta’ regolamenti ta’ implimentazzjoni, l-Istati Membri ma jistgħux jadottaw, fir-relazzjonijiet tagħhom mal-Kummissjoni, pożizzjonijiet purament formalistiċi meta miċ-ċirkustanzi jirriżulta li d-drittijiet tagħhom kienu kompletament protetti ( 21 ).

46.

Barra minn hekk, infakkar li d-deċiżjoni kontenzjuża ngħatat wara l-iskadenza tat-terminu ta’ 18-il xahar li matulu kien mistenni mir-Repubblika tal-Bulgarija, wara l-komunikazzjoni ta’ rapport ta’ kontroll jew dokument simili li jindika l-eżistenza ta’ irregolaritajiet ( 22 ), li hija titlob l-irkupru mingħand il-benefiċjarji kif ukoll twettaq ir-reġistrazzjoni fil-ktieb tad-debituri tal-organu tal-pagamenti u li r-rifjut tar-Repubblika tal-Bulgarija kienet ġie fformalizzat diversi drabi bil-miktub matul il-proċedura li wasslet għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-allegazzjoni ta’ applikazzjoni retroattiva tal-Artikolu 54 tar-Regolament Nru 1306/2013 u tal-għoti tad-deċiżjoni kontenzjuża qabel l-iskadenza tat-terminu previst fl-ewwel paragrafu ta’ din id-dispożizzjoni għandha tiġi miċħuda.

47.

Għal dak li jikkonċerna d-diffikultajiet ibbażati fuq id-dritt intern invokati mir-Repubblika tal-Bulgarija u ddettaljati b’mod partikolari matul is-seduta li nżammet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, nikkonstata li l-leġiżlatur tal-Unjoni ma kkunsidrax li tali diffikultajiet setgħu jwasslu lill-awtoritajiet nazzjonali biex ma jitolbux l-irkupru mill-iktar fis possibbli. Għall-kuntrarju, l-Artikolu 54(2) tar-Regolament Nru 1306/2013 jipprevedi possibbli estensjoni tat-terminu li fih l-irkupru għandu jseħħ b’mod effettiv f’każ li tinbeda l-proċedura ġudizzjarja bil-għan li dan ikun ikkontestat.

48.

Għaldaqstant, għalkemm ir-Repubblika tal-Bulgarija għandha raġun issostni li hija ma kellhiex l-obbligu li titlob l-irkupru immedjatament wara l-komunikazzjoni jew il-wasla tad-dokumenti msemmija iktar ’il fuq ( 23 ), hija tidher madankollu li tħawwad l-obbligu li titlob l-irkupru mal-effettività tal-irkupru.

49.

Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet jirriżulta li l-ilment ibbażat fuq żball ta’ liġi li wettqet il-Qorti Ġenerali meta ddeċidiet, fil-punt 42 tas-sentenza appellata, li l-istedina għat-tieni laqgħa bilaterali kienet adattat il-konstatazzjonijiet, fis-sens tal-Artikolu 52(3) tar-Regolament Nru 1306/2013, moqri flimkien mal-Artikolu 34 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 908/2014, għandu jiġi miċħud.

2) Fuq id‑drittijiet tad‑difiża tal-appellanti matul il‑proċedura li wasslet għall‑adozzjoni tad‑deċiżjoni kontenzjuża

50.

Għal dak li jikkonċerna l-allegazzjoni ta’ ksur tad-drittijiet tad-difiża, nikkonstata li l-Qorti Ġenerali fakkret b’mod korrett il-ġurisprudenza rilevanti fil-punt 31 tas-sentenza appellata u, b’mod partikolari, li, fil-kuntest tal-proċeduri li jirrigwardaw il-FAEG, ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża jeżiġi li d-deċiżjoni finali u definittiva li tirrigwarda l-clearance tal-kontijiet tittieħed skont il-proċedura kontradittorja speċifika li matulha l-Istati Membri kkonċernati għandu jkollhom il-garanziji kollha meħtieġa biex jippreżentaw il-fehma tagħhom.

51.

Nirrileva wkoll li d-deskrizzjoni fattwali tal-proċedura li wasslet għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża ( 24 ) turi li l-ewwel rapport tal-OLAF ġie kkomunikat lir-Repubblika tal-Bulgarija fid‑19 ta’ Jannar 2018. L-obbligu li jintalab l-irkupru f’terminu ta’ 18‑il xahar issemma mill-Kummissjoni għall-ewwel darba fis-sejħa tagħha għat-tieni laqgħa bilaterali bid-data tas‑7 ta’ Mejju 2018 li ssemmi l-Artikolu 54 tar-Regolament Nru 1306/2013, u mbagħad f’kull wieħed mill-istadji suċċessivi, inkluż waqt il-proċedura ta’ konċiljazzjoni. B’mod partikolari, il-komunikazzjoni uffiċjali tad‑19 ta’ Novembru 2019 ( 25 ) kienet diġà tikkonstata li r-Repubblika tal-Bulgarija la kienet ipproċediet għat-talba ta’ rkupru u lanqas għar-reġistrazzjoni tal-ammonti korrispondenti fil-ktieb tad-debituri u kienet diġà tipproponi li jiġu esklużi EUR 7 656 848.97 mill-finanzjament mill-FAEG peress li s-sistema nazzjonali ta’ ġestjoni u ta’ kontroll ma kinitx konformi mar-rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni.

52.

Ir-Repubblika tal-Bulgarija ssostni, kif ikkonfermat waqt is-seduta b’risposta għal domanda tal-Qorti tal-Ġustizzja, li l-proċedura li wasslet għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża u l-interpretazzjoni li ġiet adottata mill-Qorti Ġenerali kienu bbażati fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża tagħha inkwantu dawn ma kinux jippermettulha tibbenefika mir-regola tal-50/50 ( 26 ). Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li l-appellanti hija żbaljata dwar it-tifsira tal-Artikolu 54(2) tar-Regolament Nru 1306/2013 li, kif tindika b’mod ċar il-formulazzjoni tiegħu u kif tfakkar il-Kummissjoni waqt is-seduta, ma jistax japplika meta ma tkunx saret talba għall-irkupru mill-Istat Membru kkonċernat.

53.

L-istess japplika meta r-Repubblika tal-Bulgarija ssostni li, fil-kuntest ta’ proċedura bbażata fuq l-Artikolu 54 tar-Regolament Nru 1306/2013, il-Kummissjoni hija obbligata tagħmel il-verifiki msemmija fl-Artikolu 54(4) ta’ dan ir-regolament u billi naqset milli tagħmel dawn il-verifiki, il-Kummissjoni kisret id-drittijiet tad-difiża tagħha. Apparti li l-punti tas-sentenza appellata msemmija mill-appellanti fil-kuntest tal-argumenti tagħha ma jsemmux lil din id-dispożizzjoni, nirrileva li dan il-paragrafu 4 jirreferi għall-Artikolu 54(2) tar-Regolament Nru 1306/2013 u jirrigwarda l-konsegwenzi finanzjarji għall-Istat Membru li jirriżultaw mill-irkupru li ma jkunx seħħ f’terminu ta’ erba’ jew tmien snin wara li tkun ġiet magħmula t-talba għal irkupru. Madankollu, intenni li tali talba hija sempliċiment nieqsa hawnhekk.

54.

Għal dak li jikkonċerna l-allegazzjoni li tgħid li l-bdil tal-bażi legali matul il-proċedura obbliga lir-Repubblika tal-Bulgarija tiddefendi ruħha “fil-għama”, nagħmel riferiment għad-deskrizzjoni ddettaljata tal-proċedura li wasslet għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża kif imfakkra fil-punti 2 sa 14 tas-sentenza appellata, li minnha jirriżulta b’mod partikolari li l-kwistjoni tal-irkupru kienet fil-qalba tal-iskambji kollha mal-Kummissjoni li segwew l-istedina għat-tieni laqgħa bilaterali.

55.

Għaldaqstant, kienet ukoll korretta l-Qorti Ġenerali tikkonkludi, fil-punt 49 tas-sentenza appellata, li ma kienx hemm ksur tad-drittijiet tad-difiża meta ddeċidiet, impliċitament imma neċessarjament fid-dawl tar-riferiment għall-ġurisprudenza li sar fil-punt 31 tas-sentenza appellata, li d-deċiżjoni kontenzjuża kienet ġiet adottata wara proċedura kontradittorja speċifika li matulha l-appellanti kellha l-garanziji kollha biex tippreżenta l-fehma tagħha għal dak li jikkonċerna n-nuqqas ta’ talba għal irkupru.

3) Konklużjoni

56.

L-ewwel u t-tielet ilment għandhom jiġu miċħuda bħala infondati.

2.   Fuq it‑tieni lment ibbażat fuq żball ta’ liġi fl‑interpretazzjoni tal‑Artikolu 47 tar‑Regolament Nru 1306/2013 dwar l-assenza ta’ verifiki fuq il‑post

57.

Ir-Repubblika tal-Bulgarija ssostni li, biex tadotta deċiżjoni skont l-Artikolu 52 tar-Regolament Nru 1306/2013, il-Kummissjoni kienet obbligata twettaq verifiki fuq il-post u kellha tavża lill-Istat Membru kkonċernat bihom, fi żmien xieraq,, skont dak li jipprevedi l-Artikolu 47 ta’ dan ir-regolament ( 27 ). Ir-Repubblika tal-Bulgarija tikkritika lill-Qorti Ġenerali li ma eżaminatx il-provi prodotti sabiex tevalwa jekk il-Kummissjoni kinitx avżatha fi żmien xieraq qabel il-verifika fuq il-post waqt il-ftuħ tal-proċedura skont l-Artikolu 52(3) tar-Regolament Nru 1306/2013, moqri flimkien mal-Artikolu 52(1) ta’ dan ir-regolament, kif jeżiġi l-Artikolu 47(2) tal-imsemmi regolament.

58.

Il-Kummissjoni titlob li dan it-tieni lment jiġi miċħud.

59.

Mill-punt 33 tal-appell jirriżulta li r-Repubblika tal-Bulgarija “ssostni li, f’dan il-każ, biex tadotta deċiżjoni skont l-Artikolu 52 [tar-Regolament Nru 1306/2013], il-Kummissjoni kellha tipproċedi b’verifika fuq il-post […] fl-Istat Membru fuq il-bażi tal-Artikolu 47 u, wara din il-missjoni, fuq il-bażi tal-Artikolu 52(1) [ta’ dan ir-regolament] tadotta deċiżjoni ta’ implimentazzjoni li tiddetermina l-ammonti li għandhom jiġu esklużi mill-finanzjament tal-Unjoni fuq il-bażi tal-konstatazzjonijiet tagħha jew tinnotifika lill-Istat Membru bl-għeluq tal-investigazzjoni”.

60.

Ir-Repubblika tal-Bulgarija naqset milli tidentifika l-partijiet mis-sentenza appellata li fihom il-Qorti Ġenerali interpretat b’mod żbaljat l-Artikolu 47 tar-Regolament Nru 1306/2013. Is-sentenza appellata ma fiha ebda traċċi ta’ dibattiti li kienu jirrigwardaw lil din id-dispożizzjoni. Fl-istess ħin, nikkonstata li r-Repubblika tal-Bulgarija ma tikkontestax il-punt 23 tas-sentenza appellata li fih il-Qorti Ġenerali ppreżentat il-motivi mressqa quddiemha u li ma fihom ebda riferiment għal dan l-Artikolu 47. Għaldaqstant, naqbel mal-pożizzjoni tal-Kummissjoni fis-sens li r-Repubblika tal-Bulgarija ma tistax, fil-kuntest tal-appell, tikkritika lill-Qorti Ġenerali li ma ttrattatx din il-kwistjoni. Fid-dawl tal-limiti inerenti għall-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ appell, limitata mill--parametri tas-soluzzjoni legali tal-motivi u lmenti ttrattati quddiem il-Qorti Ġenerali ( 28 ), l-appellanti ma tistax tqajjem għall-ewwel darba quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja lment li hija ma ressqitx quddiem il-Qorti Ġenerali

61.

Għal dak li jikkonċerna l-kritika magħmula lill-Qorti Ġenerali li ma eżaminatx il-provi li kienu jippermettulha tevalwa jekk il-kundizzjoni dwar il-verifiki fuq il-post kinitx issodisfatta, ir-Repubblika tal-Bulgarija ma tikkorrobora l-allegazzjoni tagħha b’ebda identifikazzjoni preċiża tal-imsemmija provi li ġew prodotti quddiem il-Qorti Ġenerali mingħajr ma din ħadithom inkunsiderazzjoni.

62.

Prima facie, dan l-ilment jista’ għaldaqstant jiġi miċħud bħala inammissibbli.

63.

Madankollu, ir-Repubblika tal-Bulgarija tispjega, fil-kuntest tar-replika tagħha, li dan l-ilment għandu jinftiehem fil-kuntest iktar wiesgħa tal-argument tagħha intiż li jistabbilixxi d-differenza fin-natura bejn il-proċeduri bbażati fuq l-Artikolu 52 tar-Regolament Nru 1306/2013 u dawk ibbażati fuq l-Artikolu 54 ta’ dan ir-regolament. L-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ implimentazzjoni skont din l-ewwel dispożizzjoni teħtieġ verifiki fuq il-post, li r-Repubblika tal-Bulgarija kienet leġittimament tistenna.

64.

Anki jekk il-Qorti tal-Ġustizzja kellha tiddeċiedi li teżamina l-fondatezza ta’ dan l-ilment – billi tiddeċiedi, kif tallega l-appellanti, li dan huwa argument ġdid żviluppat fir-rigward tal-pożizzjoni meħuda mill-Qorti Ġenerali ( 29 ) –, ir-Repubblika tal-Bulgarija ma tista’ tislet minn dan ebda konklużjoni utli għall-iskopijiet ta’ dan l-appell peress li l-proċedura li wasslet għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża għandha titqies, b’effett mill-istedina għat-tieni laqgħa bilaterali, bħala proċedura bbażata fuq l-Artikolu 54(5) tar-Regolament Nru 1306/2013.

65.

Barra minn hekk, għal dak li jikkonċerna l-allegazzjoni tal-obbligu li jsiru verifiki fuq il-post meta l-Kummissjoni tiddeċiedi li tiftaħ proċedura skont l-Artikolu 52(1) tar-Regolament Nru 1306/2013 bil-għan li tadotta deċiżjoni ta’ implimentazzjoni bħala tali, jiena naqbel mal-fehma tal-Kummissjoni u ser nillimita ruħi biex nikkonstata, l-ewwel, li mill-formulazzjoni tal-Artikolu 47 tar-Regolament Nru 1306/2013 ( 30 ) jirriżulta indubbjament li l-verifiki fuq il-post huma biss fakultà ( 31 ); it-tieni, li l-ftuħ tal-proċedura taħt l-Artikolu 52(1) tar-Regolament Nru 1306/2013 ma jidher imkien li huwa suġġett għat-twettiq ta’ tali verifiki u, it-tielet, li tali konstatazzjoni ma tiġix affettwata mill-qari tal-Artikolu 52(3) tar-Regolament Nru 1306/2013 li jirreferi għas-“sejbiet mill-ispezzjoni tal-Kummissjoni” mingħajr ma jistabbilixxi relazzjonijiet sistematiċi bejn dawn is-sejbiet u l-organizzazzjoni ta’ verifiki fuq il-post ( 32 ).

66.

Konsegwentement, dan l-ilment, anki jekk jitqies ammissibbli, għandu jiġi miċħud bħala infondat.

3.   Fuq ir‑raba’ lment ibbażat fuq żball ta’ liġi fl‑interpretazzjoni tal‑obbligu ta’ motivazzjoni tal‑Kummissjoni

67.

Għal dak li jikkonċerna r-raba’ lment, ir-Repubblika tal-Bulgarija ssostni li l-Qorti Ġenerali żbaljat meta kkunsidrat, fil-punti 61 u 62 tas-sentenza appellata, li l-obbligu ta’ motivazzjoni kien ġie osservat minħabba l-parteċipazzjoni tar-Repubblika tal-Bulgarija fil-proċedura kontradittorja prevista fl-Artikolu 52(3) tar-Regolament Nru 1306/2013.

68.

Ebda komunikazzjoni li tinforma lill-Istat Membru bil-konklużjonijiet tagħha skont l-Artikolu 54(5) tar-Regolament Nru 1306/2013, milħuqin wara l-verifiki msemmija fil-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu, ma ġew trażmessi mill-Kummissjoni, u dan għall-kuntrarju ta’ dak li jeżiġi l-Artikolu 34 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 908/2014. Il-Kummissjoni ma tistax tbiddel il-bażi legali matul il-proċedura. B’dan il-mod, hija ma ppermettietx lill-appellanti tifhem il-motivi reali li għalihom il-proċedura infetħet, li lanqas ma jidhru fid-deċiżjoni kontenzjuża.

69.

Il-Kummissjoni titlob li dan ir-raba’ lment jiġi miċħud.

70.

Mill-punti tas-sentenza appellata msemmija f’dan l-ilment jirriżulta li l-Kummissjoni semmiet biss l-Artikolu 54(1) tar-Regolament Nru 1306/2013 għall-ewwel darba fl-istadju tal-istedina għat-tieni laqgħa bilaterali. Il-Qorti Ġenerali rrilevat madankollu li r-Repubblika tal-Bulgarija kienet ġiet involuta fil-proċess tat-tfassil tad-deċiżjoni kontenzjuża u li hija setgħet tiddiskuti l-kwistjoni tal-irkupru tad-djun f’diversi okkażjonijiet qabel l-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni kontenzjuża ( 33 ). Minn dan, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li l-appellanti ma kinitx iġġustifikata ssostni li hija ma kinitx ġiet avżata u lanqas ma kienet f’pożizzjoni li tifhem ir-raġunijiet li għalihom il-Kummissjoni riedet timponi fuqha l-korrezzjoni finanzjarja kontenzjuża ( 34 ).

71.

Dawn il-punti tas-sentenza appellata ġew ippreċeduti bi tfakkira, fil-punti 57 sa 60 ta’ din is-sentenza, tal-ġurisprudenza rilevanti li tirrigwarda l-obbligu ta’ motivazzjoni li għandha l-Kummissjoni. Ir-Repubblika tal-Bulgarija ma tikkontestax il-portata tal-obbligu ta’ motivazzjoni kif imfakkra f’dawn il-punti.

72.

Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ppreċiżat, fil-punt 60 tas-sentenza appellata, il-ġurisprudenza rilevanti tal-Qorti tal-Ġustizzja li tirrigwarda speċifikament il-kundizzjonijiet li abbażi tagħhom, deċiżjoni tal-Kummissjoni li tirrifjuta li l-fond ikkonċernat ibati parti mill-infiq iddikjarat, tidher li hija suffiċjentement immotivata. Hija kkonstatat, minn naħa, li dawn id-deċiżjonijiet għandhom jittieħdu fuq il-bażi ta’ rapport ta’ sinteżi u ta’ korrispondenza bejn il-Kummissjoni u dan l-Istat Membru u, min-naħa l-oħra, li l-obbligu ta’ motivazzjoni jkun issodisfatt meta, l-ewwel, dan l-Istat Membru jkun involut mill-qrib fil-proċess ta’ tfassil tad-deċiżjoni u, it-tieni, li huwa kien jaf bir-raġunijiet għaliex il-Kummissjoni kienet qieset li s-somma kkonċernata ma kellhiex tkun koperta mill-fond inkwistjoni. Il-Qorti Ġenerali vverifikat sussegwentement li dawn iż-żewġ kundizzjonijiet kienu ssodisfatti f’dan il-każ.

73.

Biex tikkonkludi li l-appellanti kienet involuta mill-qrib fil-proċess ta’ tfassil tad-deċiżjoni, il-Qorti Ġenerali għamlet riferiment għall-punti 38 sa 40 tas-sentenza tagħha – li ma humiex ikkontestati ( 35 )– li minnhom jirriżulta li, l-ewwel, l-istedina għat-tieni laqgħa bilaterali indirizzata lill-appellanti kienet issemmi l-Artikolu 54(1) tar-Regolament Nru 1306/2013; it-tieni, l-avviż definittiv ikkomunikat lir-Repubblika tal-Bulgarija kien jindika li l-Kummissjoni riedet iżżomm l-intenzjoni tagħha li timponi korrezzjoni finanzjarja fuq il-bażi tal-Artikolu 54(5)(a) u (c) ta’ dan ir-regolament; u, it-tielet, li għalkemm id-deċiżjoni kontenzjuża kienet tirrigwarda, b’mod ġenerali, l-Artikolu 52 ta’ dan ir-regolament, fit-tabella annessa mal-imsemmija deċiżjoni, fil-parti ddedikata lill-Bulgarija, fil-kolonna “Raġuni” l-assenza ta’ rkupru kienet tidher b’mod ċar ( 36 ). Inżid ngħid li, kif ġustament sostniet il-Kummissjoni, ir-Repubblika tal-Bulgarija ma tidhirx li tikkontesta l-fatt li r-rapport ta’ sinteżi jirreferi huwa stess espressament għall-Artikolu 54(1) tar-Regolament Nru 1306/2013 ( 37 ).

74.

L-involviment mill-qrib tar-Repubblika tal-Bulgarija matul il-proċess deċiżjonali kollu li wassal għad-deċiżjoni kontenzjuża jirriżulta għaldaqstant b’mod ċar mill-konstatazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali. Għaldaqstant, mingħajr ma wettqet ebda żball ta’ liġi, hija setgħet tiddeċiedi li, fid-dawl tal-mod li bih tmexxiet il-proċedura amministrattiva, ir-Repubblika tal-Bulgarija kienet ġiet regolarment informata, sa mill-istedina għat-tieni laqgħa bilaterali ( 38 ), bl-intenzjoni, imbagħad bid-deċiżjoni, tal-Kummissjoni li teskludi ċerti ammonti mill-finanzjament tal-Unjoni minħabba r-rifjut persistenti tar-Repubblika tal-Bulgarija li titlob l-irkupru tal-ammonti kkonċernati ( 39 ).

75.

Loġikament, jirriżulta wkoll minn dan ir-rifjut li l-appellanti ma hijiex konvinċenti meta tallega li ma kellhiex għarfien tar-raġunijiet li għalihom il-Kummissjoni kienet iddeċidiet li teskludi l-ammonti kkonċernati mill-finanzjament tal-Unjoni.

76.

Għaldaqstant il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta ma kkonstatat ebda ksur, mill-Kummissjoni, tal-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha. Għaldaqstant, dan l-ilment għandu jiġi miċħud bħala infondat.

4.   Fuq il‑ħames ilment ibbażat fuq l‑assenza ta’ eżami tal‑obbligu ġenerali ta’ diliġenza previst fl‑Artikolu 4(3) TUE

77.

Għal dak li jikkonċerna l-ħames ilment, l-appellanti tikkritika lill-Qorti Ġenerali li naqset milli tivverifika jekk il-Kummissjoni kinitx osservat l-obbligu ġenerali ta’ diliġenza previst fl-Artikolu 4(3) TUE filwaqt li l-Kummissjoni aġixxiet b’mod prematur meta adottat id-deċiżjoni kontenzjuża. Għaldaqstant, wara li rċeviet ir-rapporti finali tal-OLAF, il-Kummissjoni kellha tibgħathom lill-Istat Membru biss flimkien ma rakkomandazzjoni biex jieħu miżuri korrettorji u mbagħad kellha tivverifika li l-Artikolu 54(1) tar-Regolament Nru 1306/2013 kien ġie osservat qabel ma tadotta deċiżjoni ta’ implimentazzjoni fuq il-bażi tal-Artikolu 54(5)(a) u (c) ta’ dan ir-regolament.

78.

Il-Kummissjoni titlob li dan l-ilment jiġi miċħud.

79.

L-ewwel nett, għandu jiġi ppreċiżat li l-portata tal-obbligu li jiġu rkuprati s-somom imħallsa indebitament tfakkret b’mod korrett mill-Qorti Ġenerali meta ddeċidiet li tali obbligu huwa “l-espressjoni, fir-rigward tal-finanzjament tal-Politika Agrikola Komuni, tal-obbligu ta’ diliġenza ġenerali previst fl-Artikolu 4(3) TUE” u li dan “jimplika li l-awtoritajiet nazzjonali għandhom jipproċedu sabiex jirkupraw is-somom minnufih u fi żmien utli u għandhom jirrikorru għall-mezzi ta’ verifika u ta’ rkupru għad-dispożizzjoni tagħhom sabiex tkun żgurata l-protezzjoni ta’ dawn l-interessi” ( 40 ). Jidher li dan l-ilment għandu jiġi interpretat pjuttost bħala li jikkritika lill-Qorti Ġenerali li naqset milli tirrispondi l-argumenti invokati fl-ewwel istanza u jammonta, essenzjalment, għal invokazzjoni ta’ ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni li għandha l-Qorti Ġenerali ( 41 ).

80.

Skont ġurisprudenza stabbilita sew, l-obbligu ta’ motivazzjoni li għandha l-Qorti Ġenerali huwa intiż li jippermetti lill-persuni kkonċernati li jkunu jafu bir-raġunijiet li wasslu lil din il-qorti tadotta s-sentenza inkwistjoni u lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex ikollha elementi suffiċjenti biex teżerċita l-istħarriġ ġudizzjarju tagħha ( 42 ). Il-Qorti Ġenerali ma hijiex obbligata tipprovdi espożizzjoni li ssegwi, b’mod eżawrjenti u punt punt, ir-raġunamenti kollha żviluppati mill-partijiet fit-tilwima, u l-motivazzjoni tista’ tkun impliċita, bil-kundizzjoni li tippermetti lill-partijiet ikkonċernati jifhmu r-raġunijiet għaliex il-Qorti Ġenerali ma laqgħetx l-argumenti tagħhom u lill-Qorti tal-Ġustizzja jkollha punti suffiċjenti sabiex teżerċita l-istħarriġ tagħha ( 43 ).

81.

Qabel kollox, nirrimarka li l-preżentazzjoni tal-motivi tar-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali, kif tinsab fil-punt 23 tas-sentenza appellata, ma hijiex ikkontestata mill-appellanti fil-kuntest tal-appell.

82.

L-argument imressaq mir-Repubblika tal-Bulgarija quddiem il-Qorti Ġenerali b’rabta mal-kwistjoni tal-ksur tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali ma kienx ta’ natura awtonoma ( 44 ), imma deher, għall-kuntrarju, bħala konsegwenza tal-allegat ksur tal-proċedura li kellha twassal għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża. Għaldaqstant il-Qorti Ġenerali setgħet leġittimament teżamina dan l-ilment fil-kuntest tal-eżami tal-ewwel motiv, kif ifformulat mill-ġdid minnha.

83.

L-argument imressaq mill-appellanti kellu, barra minn hekk, il-partikolarità li kien partikolarment sommarju ( 45 ). Issa, wieħed ma jistax jikkritika risposta sommarja għal argument sommarju.

84.

Għaldaqstant, kif issostni, ġustament, il-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali setgħet tiddeċiedi, fil-punt 49 tas-sentenza appellata, li “sa fejn il-pożizzjoni tal-Kummissjoni fir-rigward tal-irkupru meħtieġ tal-infiq kontenzjuż kienet ġiet ikkomunikata lilha qabel it-tieni laqgħa bilaterali u sa fejn il-kwistjonijiet kollha dwar l-applikazzjoni […] tal-Artikolu 54 tar-Regolament Nru 1306/2013, ġew diskussi matul il-proċedura ta’ clearance kollha, inkluż quddiem il-Korp ta’ Konċiljazzjoni, ma jistax jitqies li d-drittijiet proċedurali tar-Repubblika tal-Bulgarija ġew miksura, u lanqas ma [nkiser]... il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali”.

85.

B’dan il-mod, il-Qorti Ġenerali rrispondiet manifestament għas-sustanza tal-argument żviluppat fil-punti 104 sa 108 ( 46 ) tar-rikors promotur, peress li l-appellanti sostniet fih li huwa minħabba l-ksur tad-drittijiet proċedurali tagħha li joħorġu mill-Artikolu 54 tar-Regolament Nru 1306/2013 li nkiser il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali.

86.

Għaldaqstant, il-ħames ilment għandu, konsegwentement, jiġi miċħud bħala infondat.

5.   Fuq is‑sitt ilment ibbażat fuq ksur mill‑Qorti Ġenerali tal‑obbligu ta’ motivazzjoni

87.

Ir-Repubblika tal-Bulgarija tikkritika lill-Qorti Ġenerali talli ma pprovdietx motivazzjoni suffiċjenti għas-sentenza li tistrieħ essenzjalment fuq tliet argumenti. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ma ħaditx inkunsiderazzjoni u lanqas ma evalwat l-ittra tal-Kummissjoni prodotta mill-appellanti eżatt qabel is-seduta li nżammet quddiemha. Lanqas ma rrispondiet għall-argument ibbażat fuq bdil fil-prattika min-naħa tal-Kummissjoni. Fl-aħħar nett, il-Qorti Ġenerali ma ħaditx pożizzjoni fuq l-argumenti bbażati fuq ir-Regolament (UE, Euratom) 2020/2223 ( 47 ).

88.

Il-Kummissjoni titlob li dan is-sitt ilment jiġi miċħud.

89.

Għal dak li jikkonċerna l-ittra, mill-punti 17 sa 22 tas-sentenza appellata jirriżulta li din l-offerta ta’ prova, ippreżentata mir-Repubblika tal-Bulgarija lejliet is-seduta quddiem il-Qorti Ġenerali, ġiet meqjusa ammissibbli, b’mod li l-ittra tal-Kummissjoni li waslet għand l-appellanti fit‑12 ta’ Mejju 2022 ġiet inkluża fil-proċeduri. Din l-ittra tissemma mbagħad fil-motivi tas-sentenza appellata li jikkonċernaw l-analiżi tal-ewwel motiv quddiem il-Qorti Ġenerali fil-punt 53, li minnu jirriżulta li, skont l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali, ir-Repubblika tal-Bulgarija ma spjegatx kif din l-ittra setgħet tikkorrobora l-argument tagħha. B’dan il-mod, il-Qorti Ġenerali poġġiet perfettament lill-appellanti f’kundizzjoni li tifhem ir-raġunijiet li għalihom ma ntlaqax l-argument tagħha.

90.

Skont il-Qorti Ġenerali, huwa wkoll minħabba li r-Repubblika tal-Bulgarija naqset milli tispjega r-rilevanza ta’ din l-ittra, għar-rikors tagħha, li l-Qorti Ġenerali ma ħaditx pożizzjoni fuq il-kwistjoni tal-bdil fil-prattika allegat tal-Kummissjoni.

91.

Għaldaqstant, peress li – kif fakkart ( 48 ) – il-Qorti Ġenerali ma kinitx meħtieġa tieħu pożizzjoni fuq kull wieħed mill-argumenti mressqa mill-appellanti fil-kuntest tar-rikors tagħha, is-sentenza appellata fiha elementi suffiċjenti biex tippermetti lir-Repubblika tal-Bulgarija tkun taf ir-raġunijiet li għalihom il-Qorti Ġenerali ma laqgħetx l-argumenti tagħha dwar l-ittra u l-bdil fil-prattika allegat tal-Kummissjoni. Għaldaqstant, ir-Repubblika tal-Bulgarija ma hijiex iġġustifikata ssostni li l-Qorti Ġenerali kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha.

92.

Fl-aħħar nett, għal dak li jikkonċerna l-punt 48 tal-appell, għandu jiġi kkonstatat li r-Repubblika tal-Bulgarija ma rnexxilhiex tispjega b’mod ċar ir-raġunijiet li għalihom hija tikkunsidra li l-premessa 29 tar-Regolament Nru 2020/2223 tista’ tgħinha biex turi li s-sentenza appellata għandha tiġi annullata. L-istess konklużjoni għandha tingħata dwar l-invokazzjoni ( 49 ), mir-Repubblika tal-Polonja, tal-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament, li l-għan tiegħu jidher li ma huwiex rilevanti għal din il-kwistjoni ( 50 ). Tali argument, għaldaqstant, ma jidhirx li jista’ jinfluwenza s-soluzzjoni ta’ dan l-appell.

93.

Għaldaqstant, għandu jiġi miċħud kollu kemm hu l-ilment ibbażat fuq ksur, mill-Qorti Ġenerali, tal-obbligu ta’ motivazzjoni.

V. Konklużjoni

94.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, u mingħajr preġudizzju għall-eżami tat-tieni aggravju, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-ewwel aggravju tal-appell.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 ) T‑235/21,, (iktar ’il quddiem is-sentenza appellata), EU:T:2023:105.

( 3 ) ĠU 2021, L 59, p. 10 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kontenzjuża”).

( 4 ) ĠU 2013, L 347, p. 549, rettifiki fil-ĠU 2016, L 130, p. 6, u fil-ĠU 2017, L 327, p. 83.

( 5 ) Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 (ĠU 2013, L 347, p. 320, rettifiki fil-ĠU 2016, L 200, p. 140 u fil-ĠU 2019, L 66, p. 6 u fil-ĠU 2022, L 146, p. 155).

( 6 ) ĠU 2014, L 255, p. 59, rettifika fil-ĠU 2015, L 114, p. 25. It-test tal-Artikolu 34 ta’ dan ir-regolament kien suġġett għal diversi modifiki (ara, b’mod partikolari, ir-rettifika li seħħet fl‑2015 (ĠU 2015, L 114, p. 25) kif ukoll l-Artikolu 1(6) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/56 tat‑12 ta’ Jannar 2018 li jemenda r-Regolament Nru 908/2014 (ĠU 2018, L 10, p. 9)).

( 7 ) It-test tal-Artikolu 40(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 908/2014 kien suġġett għal rettifika fl‑2015 (ara ĠU 2015, L 114, p. 25).

( 8 ) Għal preżentazzjoni ta’ dawn il-motivi, ara l-punt 23 tas-sentenza appellata.

( 9 ) Artikolu 52(1) tar-Regolament Nru 1306/2013. Enfasi miżjud minni. L-Artikolu 4(1) ta’ dan ir-regolament jelenka l-infiq eliġibbli għall-finanzjament mill-FAEG, bil-kundizzjoni li dan isir skont id-dritt tal-Unjoni. L-Artikolu 5 tal-imsemmi regolament jikkonċerna l-FAEŻR. Peress li mill-punt 2 tas-sentenza appellata jirriżulta li l-ispejjeż marbutin mal-FEAG biss kienu milquta mill-proċedura mibdija mill-Kummissjoni, ser nikkonċentra fuq id-dispożizzjonijiet li jirrigwardaw dan il-fond jew kif dawn japplikaw għalih.

( 10 ) Skont l-Artikolu 52(2) tar-Regolament Nru 1306/2013.

( 11 ) Il-bidu tad-dekorrenza ta’ dan it-terminu ta’ 18-il xahar huwa ttrattat fil-kuntest tat-tieni aggravju ta’ dan l-appell, li dawn il-konklużjonijiet immirati ma jirrigwardawhx. Mingħajr preġudizzju għall-klassifikazzjoni, mill-Qorti tal-Ġustizzja, taż-żewġ rapporti tal-OLAF li waslu għand ir-Repubblika tal-Bulgarija (ara l-punti 5 u 8 tas-sentenza appellata), ser nillimita ruħi, għall-iskopijiet tal-analiżi ta’ dan l-aggravju, sabiex nikkunsidra li mill-formulazzjoni tal-Artikolu 54(1) tar-Regolament Nru 1306/2013 jirriżulta li t-terminu ta’ 18‑il xahar jibda jiddekorri b’effett mill-mument li fih l-awtoritajiet Bulgari rċevew “rapport ta’ kontroll jew dokument simili, b’dikjarazzjoni li tkun seħħet irregolarità”.

( 12 ) L-Artikolu 54(1) tar-Regolament Nru 1306/2013 jobbliga biss, għaldaqstant, lill-Istati Membri li jagħmlu talba ta’ rkupru. It-termini li fihom l-irkupru għandu effettivament iseħħ huma ffissati mill-Artikolu 54(2) tar-Regolament Nru 1306/2013.

( 13 ) Dan huwa kkonfermat mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 54(2) tar-Regolament Nru 1306/2013 li jipprevedi li l-irkupru għandu jsir f’terminu ta’ 8 snin jekk jinkiseb permezz tal-qrati nazzjonali, kif ukoll mit-tieni subparagrafu ta’ din l-istess dispożizzjoni, li tgħid, min-naħa tagħha, li l-possibbiltà li strument amministrattiv jew legali ta’ natura aħħarija jista’, in fine, jikkonstata nuqqas ta’ irregolarità. Skont ir-Regolament Nru 1306/2013, it-talba għall-irkupru għandha tinbeda immedjatament peress li l-istħarriġ tal-fondatezza tagħha jsir fi stadju ulterjuri.

( 14 ) Fuq ir-raison d’être ta’ dan it-terminu ta’ 18-il xahar, ara l-premessa 37 tar-Regolament Nru 1306/2013.

( 15 ) Ara, rispettivament, il-punti (a) u (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 54[5] tar-Regolament Nru 1306/2013. It-tliet sitwazzjonijiet deskritti fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 54[5] ta’ dan ir-regolament jirrigwardaw ipoteżijiet differenti (assenza ta’ talba għal irkupru/deċiżjoni li ma jitwettaqx irkupru mhux iġġustifikata skont l-Artikolu 54(3)/irregolaritajiet u negliġenza attribwibbli lill-awtoritajiet nazzjonali) u huma alternattivi. Peress li r-Repubblika tal-Bulgarija ma tikkontestax li ma talbitx l-irkupru fit-terminu impost, is-sitwazzjoni tagħha taqa’ taħt il-punt (a) ta’ din id-dispożizzjoni.

Jien nistaqsi madankollu fuq ir-riferiment għall-Artikolu 54(3) tar-Regolament Nru 1306/2013 li hemm fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 54(5) tal-imsemmi regolament peress li dan l-Artikolu 54(3) ma jirrigwardax il-proċedura li għandha tiġi segwita. Ma nifhimx għaliex it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 54(5) li suppost jikkonċerna t-tliet sitwazzjonijiet imsemmija fl-ewwel subparagrafu tiegħu, timponi l-verifiki biss taħt l-Artikolu 54(3) li, dawn, huma rilevanti biss għall-ipoteżi (c) ta’ dan l-ewwel subparagrafu. Nistaqsi għaldaqstant jekk dan huwiex żball tal-pinna tal-leġiżlatur tal-Unjoni, li kellu minflok isemmi mill-ġdid l-Artikolu 52(3) tar-Regolament Nru 1306/2013, li l-kontenut tiegħu huwa, min-naħa tiegħu, b’mod ċar proċedurali.

( 16 ) Kif iddefinita mill-Artikolu 2(1)(g) tar-Regolament Nru 1306/2013 jiġifieri “kull ksur ta’ dispożizzjoni tal-liġi tal-Komunità li jirriżulta minn att jew nuqqas ta’ operatur ekonomiku, li għandu, jew li jista’ jkollu, l-effett li jippreġudika l-budget ġenerali tal-[Unjoni] jew il-budget mmexxi minnhom, jew billi jnaqqas jew jitlef id-dħul li jakkumula minn riżorsi tagħhom stess miġbura direttament għan-nom tal-Komunità, jew permezz ta’nefqa mhux ġustifikata” (ara Artikolu 1(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE, EURATOM) Nru 2988/95 tat‑18 ta’ Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 1, p. 340)).

( 17 ) Ara s-sentenza tal‑31 ta’ Jannar 2019, Il‑Greċja vs Il‑Kummissjoni (C‑6/18 P, EU:C:2019:83, punt 55).

( 18 ) Ara s-sentenza tal‑31 ta’ Jannar 2019, Il‑Greċja vs Il‑Kummissjoni (C‑6/18 P, EU:C:2019:83, punt 57).

( 19 ) Ara l-Artikolu 36 tas-sentenza appellata.

( 20 ) Imfakkra fil-punt 34 tas-sentenza appellata. Infakkar ukoll li l-ġestjoni tal-finanzjament tal-FAEG huwa, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, ibbażat fuq relazzjoni ta’ fiduċja reċiproka bejn il-Kummissjoni u l-amministrazzjonijiet u awtoritajiet nazzjonali (ara b’mod partikolari s-sentenza tas‑7 ta’ Ottubru 2004, Spanja vs Il‑Kummissjoni (C‑153/01, EU:C:2004:589, punt 133).

( 21 ) Ara s-sentenzi tal‑24 ta’ Jannar 2002, Il‑Finlandja vs Il‑Kummissjoni (C‑170/00, EU:C:2002:51, punt 34) u tas‑7 ta’ Ottubru 2004, Spanja vs Il-Kummissjoni (C‑153/01, EU:C:2004:589, punt 93). Fuq ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti matul il-proċedura amministrattiva, ara infra l-punti 50 et seq ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 22 ) Jiġifieri, iż-żewġ rapporti tal-OLAF trażmessi rispettivament fid‑19 ta’ Jannar 2018 u fit‑3 ta’ Settembru 2018. Id-deċiżjoni kontenzjuża għandha d-data, min-naħa tagħha, tas‑17 ta’ Frar 2021.

( 23 ) Peress li din it-talba għandha ssir f’terminu ta’ 18‑il xahar: ara l-Artikolu 54(1) tar-Regolament Nru 1306/2013.

( 24 ) Ara l-punti 2 sa 14 tas-sentenza appellata.

( 25 ) Ara l-punt 10 tas-sentenza appellata.

( 26 ) Din id-dispożizzjoni tipprevedi li, meta l-irkupru ma jkunx seħħ fit-terminu ta’ erba’ snin mid-data tat-talba għall-irkupru jew f’terminu ta’ tmien snin fil-każ ta’ proċeduri quddiem il-qrati nazzjonali, 50 % tal-konsegwenzi finanzjarji tan-nuqqas ta’ rkupru għandu jġarrabhom l-Istat Membru kkonċernat u 50 % għandhom jiġu koperti mill-baġit tal-Unjoni.

( 27 ) L-Artikolu 47(1) tar-Regolament Nru 1306/2013 jipprovdi li: “[m]ingħajr preġudizzju għall-kontrolli magħmula mill-Istati Membri skont il-liġi […] nazzjonali […] il-Kummissjoni tista’ torganizza kontrolli fuq il-post fl-Istati Membri […]”. L-ewwel subparagrafu ta’ dan l-Artikolu 47(2) jipprevedi li “[]l-Kummissjoni għandha tagħti avviż minn qabel biżżejjed ta’ verifika fuq il-post lill-Istat Membru konċernat […]”.

( 28 ) Fost l-espressjonijiet l-iktar reċenti ta’ dan ir-rekwiżit magħruf sew, ara, pereżempju, is-sentenzi tas‑26 ta’ Settembru 2024, JCDecaux Street Furniture Belgium vs Il‑Kummissjoni (C‑710/22 P, EU:C:2024:787, punt 33) kif ukoll tal‑4 ta’ Ottubru 2024, Aeris Invest vs Il‑Kummissjoni u SRB (C‑535/22 P, EU:C:2024:819, punt 253) u Thyssenkrupp vs Il‑Kummissjoni (C‑581/22 P, EU:C:2024:821, punt 123).

( 29 ) Ara s-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2019, HK vs Il‑Kummissjoni (C‑460/18 P, EU:C:2019:1119, punt 27) iċċitata mir-Repubblika tal-Bulgarija. F’dan il-każ, hija l-affermazzjoni tal-Qorti Ġenerali li tgħid li l-komunikazzjoni tal-konstatazzjonijiet setgħet tiġi adattata (ara l-punt 42 tas-sentenza appellata). Nagħmel riferiment ukoll għaldaqstant għall-punti 43 et seq ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 30 ) Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 27 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 31 ) “[…] il-Kummissjoni tista’ torganizza kontrolli fuq il-post fl-Istati Membri” (enfasi miżjud minni). Huwa biss meta l-Kummissjoni tiddeċiedi li tagħmel il-verifiki fuq il-post li hija obbligata, skont l-Artikolu 47(2) tar-Regolament Nru 1306/2013, li tavża bihom lill-Istat Membru kkonċernat fi żmien xieraq.

( 32 ) Kif sostniet ġustament il-Kummissjoni, l-Artikolu 48(1) tar-Regolament Nru 1306/2013 jiddeskrivi l-verifiki fuq il-post magħmula mill-Kummissjoni bħala wieħed mill-mezzi – u mhux l-uniku mezz – għad-dispożizzjoni tagħha biex tikseb l-informazzjoni neċessarja għall-verifika tagħha.

( 33 ) Ara l-punt 61 tas-sentenza appellata.

( 34 ) Ara l‑punt 62 tas-sentenza appellata.

( 35 ) Ir-Repubblika tal-Bulgarija tirrikonoxxi barra minn hekk, fil-punt 24 tal-appell tagħha, li l-affermazzjonijiet li jinsabu fil-punt 40 tas-sentenza appellata huma preċiżi.

( 36 ) Ara l-punti 39, 40 u 41, rispettivament, tas-sentenza appellata.

( 37 ) Dan ir-rapport ta’ sinteżi ġie pprovdut lill-Qorti Ġenerali mill-Kummissjoni fil-kuntest tar-risposta tagħha (ara l-Anness B.1 tal-imsemmija risposta). Il-Kummissjoni tiċċita ukoll silta minnu fil-punt 16 tar-risposta tagħha fil-kuntest ta’ dan l-appell. Hemm riferiment għal dan fil-punt 41 tas-sentenza appellata.

( 38 ) Ara l‑punt 6 tas-sentenza appellata.

( 39 ) Dan huwa kkonfermat ukoll mid-deskrizzjoni tal-istadji differenti tal-proċedura kif deskritti b’mod partikolari fil-punti 9, 10 u 12 tas-sentenza appellata.

( 40 ) Ara l-punt 88 tas-sentenza appellata u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 41 ) Ara s-sentenza tat‑12 ta’ Diċembru 2024, DD vs FRA (C‑680/22 P, EU:C:2024:1019, punt 58).

( 42 ) Ara s-sentenza tas‑7 ta’ Ġunju 2018, Equipolymers et vs Il-Kunsill (C‑363/17 P, EU:C:2018:402, punt 45).

( 43 ) Ara s-sentenza tat‑12 ta’ Diċembru 2024, DD vs FRA (C-130/22 P, EU:C:2024:1018, punt 87 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 44 ) Nirreferi hawnhekk għat-titolu tal-ewwel motiv kif jirriżulta mir-rikors promotur.

( 45 ) Ara, pereżempju, il-punt 108 tar-rikors promotur.

( 46 ) Kif ippreċiżat ir-Repubblika tal-Bulgarija fir-replika tagħha.

( 47 ) Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑23 ta’ Diċembru 2020 li jemenda r-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 fir-rigward tal-kooperazzjoni mal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew u l-effettività tal-investigazzjonijiet tal-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (ĠU 2020, L 437, p. 49).

( 48 ) Ara l-ġurisprudenza msemmija fil-punt 80 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 49 ) Ara l-punt 48 tar-rikors ta’ appell.

( 50 ) Fil-fatt, dan l-artikolu jippreċiża biss il-kundizzjonijiet għad-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 2020/2223.