|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje C |
|
C/2025/608 |
27.1.2025 |
Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ isem skont l-Artikolu 50(2), il-punt (a), tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel
(C/2025/608)
Wara din il-pubblikazzjoni, l-awtoritajiet ta’ Stat Membru jew ta’ pajjiż terz, jew persuna fiżika jew ġuridika li jkollha interess leġittimu u li tkun stabbilita jew residenti f’pajjiż terz, tista’ tippreżenta, f’konformità mal-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) 2024/1143 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1), oppożizzjoni lill-Kummissjoni fi żmien 3 xhur mid-data ta’ din il-pubblikazzjoni.
DOKUMENT UNIKU
“Sal de Rio Maior / Flor de Sal de Rio Maior”
Nru tal-UE: PDO-PT-02589– 24.9.2019
DOP (X) IĠP ( )
1. Isem/Ismijiet
“Sal de Rio Maior / Flor de Sal de Rio Maior”
2. Stat Membru jew pajjiż terz
Il-Portugall
3. Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel
3.1. Tip ta’ prodott
Klassi 2.6. Melħ
Kodiċi tan-Nomenklatura Magħquda
25.01.00 - Melħ
3.2. Deskrizzjoni tal-prodott li għalih japplika l-isem f’(1)
“Sal de Rio Maior / Flor de Sal de Rio Maior” tfisser il-melħ tan-nixxiegħa tas-salmura li jinkiseb mill-proċess naturali ta’ preċipitazzjoni u bl-evaporazzjoni tal-ilma ta’ taħt l-art salmastru, li jikkonsisti f’ilma, klorur tas-sodju u mlieħi minerali u oligoelementi oħra li jiġu dderivati biss minn dak l-ilma. Huwa melħ li jinġabar bl-idejn, mhux raffinat, mhux maħsul wara l-ġbir u mingħajr addittivi.
Skont il-kundizzjonijiet ta’ ffurmar u l-metodu tal-ġbir, is-“Sal de Rio Maior” huwa kif ġej:
“Sal de Rio Maior”
Huwa materjal abjad u jleqq b’togħma mielħa karatteristika. Il-melħ huwa f’forma ta’ kristalli kubi b’dimensjonijiet differenti, li jinġabru flimkien u jieħdu l-forma ta’ piramida invertita, u li jiġi estratt mill-ilma tal-għadajjar finali tas-salini matul il-kristallizzazzjoni tal-melħ.
“Flor de Sal de Rio Maior”
Huwa rita rqiqa li tifforma fil-wiċċ tal-ilma tal-baċiri tal-kristallizzazzjoni, l-ewwel prodott li jiġi ffurmat wara li l-ilma jkun laħaq is-saturazzjoni meħtieġa għall-bidu tal-kristallizzazzjoni. Huwa magħmul minn kristalli rqaq irranġati f’folji żgħar li jiġu ffurmati matul il-preċipitazzjoni tal-mlieħi, li jżommu fil-wiċċ tal-baċir tal-kristallizzazzjoni.
Is-“Sal de Rio Maior” jista’ jkun kif inhu jew mitħun, u kemm is-“Sal de Rio Maior” kif ukoll il-“Flor de Sal de Rio Maior” jistgħu jiġu aromatizzati b’taħlitiet ta’ ħwawar u/jew ħxejjex aromatiċi.
Is-“Sal de Rio Maior” kif inhu jew imħallat ma’ ħxejjex u/jew ħwawar jista’ jkollu wkoll f’forma ċilindrika.
Is-“Sal de Rio Maior / il-Flor de Sal de Rio Maior” għandhom kompożizzjoni kimika simili peress li t-tnejn li huma jinkisbu bl-evaporazzjoni fis-salina.
Is-“Sal de Rio Maior / il-Flor de Sal de Rio Maior” jikkonsistu f’97-99 % klorur tas-sodju, f’inqas minn 0,02 % manjeżju u f’inqas minn 0,1 mg/kg selenju.
Il-kristalli tal-melħ għandhom daqs tal-partikoli ta’ bejn 1 u 4 mm, u kontenut massimu ta’ ndewwa ta’ 4 %.
Ir-rabta ċara bejn il-konċentrazzjoni tal-manjeżju u l-kontenut tal-manjeżju tal-prodott finali hija ddokumentata fir-rapport tal-ittestjar Nru 53339/2021, li jindika għall-prodott finali valur tal-manjeżju ta’ < 50 mg/kg, jiġifieri 50 ppm, meta mqabbel ma’ 125 ppm għas-salmura.
3.3. Għalf (għall-prodotti li joriġinaw mill-annimali biss) u materja prima (għall-prodotti pproċessati biss)
—
3.4. Passi speċifiċi tal-produzzjoni li jridu jsiru fiż-żona ġeografika ddefinita
Il-fażijiet kollha, mill-estrazzjoni, l-evaporazzjoni, is-separazzjoni u l-kristallizzazzjoni sal-ġbir, iseħħu fiż-żona ġeografika ddefinita.
3.5. Regoli speċifiċi dwar it-tqattigħ, it-taħkik, l-imballaġġ, eċċ.
—
3.6. Regoli speċifiċi dwar it-tikkettar
Irrispettivament mill-preżentazzjoni kummerċjali u skont il-prodott, it-tikketta jrid ikollha l-kliem “ ‘Sal de Rio Maior’ - DOP” jew “ ‘Flor de Sal de Rio Maior’ – DOP”.
4. Definizzjoni fil-qosor taż-żona ġeografika
Is-salini naturali ta’ Rio Maior jinsabu fin-naħa t’isfel ta’ Serra dos Candeeiros fil-muniċipalità ta’ Rio Maior, fejn il-koordinati ġeografiċi taċ-ċentru taż-żona tas-salini huma bejn wieħed u ieħor N 39° 21′ 15″ u W 8° 53′ 45.
5. Rabta maż-żona ġeografika
Il-kwalità tas-“Sal de Rio Maior / tal-Flor de Sal de Rio Maior” hija dovuta biss għall-fatturi naturali u umani taż-żona ġeografika ddefinita.
Prodott fis-salini ta’ Rio Maior, is-“Sal de Rio Maior / il-Flor de Sal de Rio Maior” għandu karatteristiċi speċifiċi li jirriżultaw mill-post fejn jinsab u mill-ambjent tal-madwar.
Il-karatteristiċi ġeomorfoloġiċi taż-żona tal-madwar, b’mod partikolari l-ġebla tal-ġir massiva ta’ Estremenho u l-kumpless idroloġiku ta’ taħt l-art tagħha, huma wieħed mill-fatturi li ddeterminaw it-tip ta’ sfruttament tal-ilma mielaħ li ilu jiġi pprattikat f’din iż-żona għal sekli sħaħ.
Waħda mill-karatteristiċi l-aktar notevoli ta’ din iż-żona muntanjuża hija l-faċilità li biha l-ilma tax-xita jidħol bejn il-qasmiet tal-blat tal-ġebla tal-ġir, u b’hekk tiġi evitata l-preżenza viżibbli ta’ xmajriet moħbija taħt l-art.
Waħda minn dawn ix-xmajriet issir mielħa billi tgħaddi minn minjiera tal-melħ tal-blat u tarmi fil-bir li jinsab fiċ-ċentru tas-salini, is-“Sal de Rio Maior / il-Flor de Sal de Rio Maior”, jinġabar bl-idejn, li jirriżulta mill-evaporazzjoni ta’ dan l-ilma mielaħ ta’ taħt l-art permezz tas-sħana solari u l-enerġija mir-riħ, f’baċiri tal-kristallizzazzjoni (għadajjar finali) bi tqassim tradizzjonali; is-salikultura hija mrawma mill-klima moderata Mediterranja, li hija kkaratterizzata minn perjodi ta’ xemx qawwija u rjieħ li jonfħu prinċipalment mit-Tramuntana u mill-Majjistral.
Skont Calado & Brandão (2009), fis-salini ta’ Rio Maior, is-salmura hija assoċjata ma’ struttura mdaħħla ’l ġewwa ta’ lom (Margas de Dagorda) li ġiet iffurmata kważi 190 miljun sena ilu, bil-melħ tal-blat ikun fond fil-massa, xi drabi oħxon ħafna. L-awturi jindikaw ir-rabta mill-qrib bejn il-preżenza ta’ ilma mineralizzat ħafna mill-klorur tas-sodju u l-preżenza ta’ melħ tal-blat u dta’ daħliet ’il ġewwa tal-“Margas de Dagorda”, li min-naħa tagħhom jiddeterminaw il-kompożizzjoni kimika tas-“Sal de Rio Maior / Flor de Sal de Rio Maior” magħmula minn 97-99 % klorur tas-sodju u rikka fis-selenju.
Dan kollu jissuġġerixxi li s-salmura hija prodott tal-lissija tal-lom tal-ilma mielaħ minħabba l-infiltrazzjoni tal-ilma tax-xita fis-sottoswol. Skont analiżi kimika tas-salmura mwettqa minn Charles Lepierre fit-tletinijiet, fil-bir li minnu jiġi prodott illum is-“Sal de Rio Maior / il-Flor de Sal de Rio Maior”, is-soluzzjoni mbagħad kellha residwu niexef ta’ madwar 200 g/kg, li 96 % minnu kien jikkorrispondi għal 213,34 g/l ta’ klorur tas-sodju (Lepierre, 1936 ikkwotat minn Calado & Brandão, 2009). Minbarra s-salinità għolja, il-kompożizzjoni kimika deskritta turi wkoll konċentrazzjoni ta’ manjeżju (qrib il-125 ppm) (Calado & Brandão, 2009).
L-ispeċifiċità taż-żona ġeografika tirriżulta wkoll minn fatturi umani u minn kriterji tal-użu li jmorru lura għas-seklu 12 u li jiġu rrappurtati fl-istorja tal-“Marinhas de Rio Maior”. L-imġiba tal-varjabbli tal-ħamrija u tal-klima u l-kompożizzjoni ġeoloġika taż-żona ġeografika ddefinita, flimkien mal-esperjenza u l-għarfien lokali, li huma essenzjali għall-preparazzjoni tas-salini, l-estrazzjoni, il-ħżin u l-konservazzjoni tal-prodott, sabiex jinkiseb prodott finali nadif mingħajr impuritajiet, taw lil dan ir-reġjun karatteristiċi uniċi għall-produzzjoni tas-“Sal de Rio Maior” / “Flor de Sal de Rio Maior”.
Il-produzzjoni tal-melħ tibda bil-preparazzjoni tal-proċess, jiġifieri tas-salini, u hija kkaratterzzata mit-tindif tal-ħama u tat-tajn, il-preparazzjoni tal-ilma u t-tiswija ta’ kwalunkwe ħsara li tkun seħħet matul ix-xitwa. Il-preparazzjoni tas-salini hija pass importanti ħafna sabiex jiġu ottimizzati kemm il-kwalità tal-ilma kif ukoll il-kwantità miġbura ta’ melħ. Waqt il-ġbir bl-idejn, il-ħaddiem fis-salini jista’ jiġbor il-melħ li jkun hemm fil-qiegħ tal-għadira finali bl-użu ta’ las (“rodo”), għodda tat-tindif. Peress li l-ġbir huwa nadif, ikun fih aktar melħ u inqas sustanzi insolubbli.
Fid-dizzjunarju tiegħu “Portugal Antigo e Moderno”, Pinho Leal iddedika entrata għall-marġi salmastri ta’ Rio Maior, li tenfasizza l-kwalitajiet tal-melħ estratt u magħruf: “Il-prodott ta’ dawn il-marġi salmastri jissejjaħ ‘melħ xkumat’. Huwa ċar ħafna, xott u jleqq b’tali mod li jifforma piramidi sbieħ ħafna u figuri differenti oħra, bħal zokkor raffinat ileqq jew ġebel. Il-kwalità tiegħu hija tant superjuri għal dik tal-melħ komuni (tal-baħar), li għat-tmelliħ tal-laħam, jintuża nofs l-ammont tiegħu milli meta jintuża l-melħ estratt mill-ilma baħar. Huwa saturat ħafna fil-murjat tas-sodju, pur ħafna u mingħajr ma jitħallat ma’ murjati tal-ġebla tal-ġir u tal-manjeżju li jinsabu fil-mlieħi komuni l-oħra u li jagħmluhom morri u delikwexxenti.”
Illum il-ġurnata, is-salini ta’ Rio Maior huma eżempju uniku ta’ salmura taħt l-art li qed tiġi sfruttata fil-Portugall, li, flimkien mal-fenomenu idroġeoloġiku uniku li jirrappreżentaw, jagħtihom importanza kbira f’termini tal-wirt naturali tagħhom.
Referenza għall-pubblikazzjoni tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott
https://tradicional.dgadr.gov.pt/images/prod_imagens/sal/Docs/CE_Sal_Rio_Maior_022022VF.pdf
(1) Ir-Regolament (UE) 2024/1143 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ April 2024 dwar indikazzjonijiet ġeografiċi għall-inbid, ix-xorb spirituż u l-prodotti agrikoli, kif ukoll l-ispeċjalitajiet tradizzjonali garantiti u t-termini tal-kwalità mhux obbligatorji għall-prodotti agrikoli, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1308/2013, (UE) 2019/787 u (UE) 2019/1753 u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1151/2012 (ĠU L, 2024/1143, 23.4.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1143/oj).
ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/608/oj
ISSN 1977-0987 (electronic edition)