|
30.7.2020 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 245/15 |
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/1122
tat-28 ta’ Lulju 2020
dwar ir-rikonoxximent ta’ DNV GL AS bħala soċjetà tal-klassifikazzjoni għall-bastimenti tal-passaġġi fuq l-ilma interni f’konformità mad-Direttiva (UE) 2016/1629 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat id-Direttiva (UE) 2016/1629 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Settembru 2016 li tistabbilixxi r-rekwiżiti tekniċi għall-bastimenti tal-passaġġi fuq l-ilma interni, li temenda d-Direttiva 2009/100/KE u li tħassar id-Direttiva 2006/87/KE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 21(1) tagħha,
Wara konsultazzjoni mal-Kumitat stabbilit skont l-Artikolu 7 tad-Direttiva tal-Kunsill 91/672/KEE tas-16 ta’ Diċembru 1991 dwar ir-rikonoxximent reċiproku taċ-ċertifikati tal-boatmasters nazzjonali għat-trasportazzjoni ta’ merkanzija u ta’ passiġġieri permezz ta’ passaġġi interni fuq l-ilma (2),
Billi:
|
(1) |
Il-Ġermanja ressqet applikazzjoni lill-Kummissjoni għar-rikonoxximent ta’ DNV GL AS bħala soċjetà tal-klassifikazzjoni f’konformità mad-Direttiva (UE) 2016/1629. |
|
(2) |
Il-Ġermanja ressqet ukoll l-informazzjoni u d-dokumentazzjoni meħtieġa sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tivverifika li l-kriterji għar-rikonoxximent huma ssodisfati. |
|
(3) |
DNV GL AS hija soċjetà ġdida tal-klassifikazzjoni, li ġiet iffurmata wara l-fużjoni ta’ żewġ soċjetajiet tal-klassifikazzjoni, Det Norske Veritas AS u Germanischer Lloyd SE, fl-2013. |
|
(4) |
Preċedentement Germanischer Lloyd SE kienet ingħatat rikonoxximent bħala soċjetà tal-klassifikazzjoni għall-bastimenti tal-passaġġi fuq l-ilma interni f’konformità mad-Direttiva 2006/87/KE. |
|
(5) |
DNV GL AS, bħala entità legali ġdida stabbilita bħala konsegwenza tal-fużjoni, jenħtieġ li tiġi rikonoxxuta mill-Kummissjoni bħala soċjetà tal-klassifikazzjoni ġdida f’konformità mad-Direttiva (UE) 2016/1629. |
|
(6) |
Il-Kummissjoni vvalutat l-informazzjoni u d-dokumentazzjoni li jakkumpanjaw l-applikazzjoni għal rikonoxximent, li tikkonferma li DNV GL AS tissodisfa l-kriterji stabbiliti fl-Anness VI tad-Direttiva (UE) 2016/1629, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
DNV GL AS għandha tiġi rikonoxxuta bħala soċjetà tal-klassifikazzjoni għall-bastimenti tal-passaġġi fuq l-ilma interni f’konformità mad-Direttiva (UE) 2016/1629.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Magħmul fi Brussell, it-28 ta’ Lulju 2020.
Għall-Kummissjoni
Adina VĂLEAN
Membru tal-Kummissjoni