Brussell, 24.10.2024

COM(2024) 491 final

2024/0273(NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL

li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/1493 li tawtorizza lill-Ungerija biex iddaħħal miżura speċjali li tidderoga mill-punt (a) tal-Artikolu 26(1) u l-Artikoli 168 u 168a tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

Skont l-Artikolu 395(1) tad-Direttiva 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud 1 (“id-Direttiva tal-VAT”), il-Kunsill, li jaġixxi b’mod unanimu fuq proposta tal-Kummissjoni, jista’ jawtorizza kwalunkwe Stat Membru biex japplika miżuri speċjali għal deroga mid-dispożizzjonijiet ta’ dik id-Direttiva, sabiex jissimplifika l-proċedura tal-ġbir tat-taxxa fuq il-valur miżjud (“VAT”) jew biex jipprevjeni ċerti forom ta’ evażjoni jew ta’ evitar tat-taxxa.

Permezz ta’ ittra rreġistrata mal-Kummissjoni fis-26 ta’ Marzu 2024, l-Ungerija talbet l-awtorizzazzjoni biex tkompli tapplika miżura li tidderoga mill-punt (a) tal-Artikolu 26(1) u mill-Artikoli 168 u 168a tad-Direttiva tal-VAT u biex tirrestrinġi d-dritt għal tnaqqis tal-VAT fuq il-lokazzjoni ta’ ċerti karozzi tal-passiġġieri li ma jintużawx biss għal finijiet kummerċjali, u biex teħles lill-persuni taxxabbli milli jkollhom jittrattaw l-użu privat ta’ dawn il-vetturi bħala provvista ta’ servizzi bi ħlas. It-talba kienet akkumpanjata minn rapport li jinkludi rieżami tal-perċentwal previst għal-limitazzjoni tad-dritt għal tnaqqis.

F’konformità mal-Artikolu 395(2) tad-Direttiva tal-VAT, il-Kummissjoni infurmat lill-Istati Membri l-oħra bit-talba tal-Ungerija permezz tal-ittra tad-29 ta’ Mejju 2024. Permezz tal-ittra tat-30 ta’ Mejju 2024, il-Kummissjoni nnotifikat lill-Ungerija li kellha l-informazzjoni kollha li qieset meħtieġa sabiex tivvaluta t-talba.

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

•Raġunijiet u objettivi tal-proposta

L-Artikolu 168 tad-Direttiva tal-VAT jipprevedi li persuna taxxabbli hija intitolata li tnaqqas il-VAT imposta minn fuq ix-xiri li jsir għall-fini ta’ tranżazzjonijiet intaxxati. L-Artikolu 168a(1) tad-Direttiva tal-VAT jipprevedi li l-VAT fuq in-nefqa relatata ma’ proprjetà immobbli li tifforma parti mill-assi kummerċjali ta’ persuna taxxabbli u li tintuża għal finijiet kummerċjali u mhux kummerċjali, għandha tkun deduċibbli biss sal-proporzjon tal-użu tal-proprjetà għal finijiet kummerċjali tal-persuna taxxabbli. Skont l-Artikolu 168a(2) tad-Direttiva tal-VAT, l-Istati Membri jistgħu japplikaw din ir-regola wkoll b’rabta man-nefqa relatata ma’ merkanzija oħra li tifforma parti mill-assi kummerċjali, skont dak li jispeċifikaw. L-Artikolu 26, il-punt (a) tal-paragrafu 1 tal-istess Direttiva jeżiġi li l-użu ta’ merkanzija li tifforma parti mill-assi ta’ negozju għall-użu privat, ikun provvista ta’ servizzi bi ħlas jekk il-VAT fuq il-merkanzija kienet eliġibbli għal tnaqqis. Din is-sistema tippermetti l-irkupru tal-VAT li tkun tnaqqset fil-bidu b’rabta mal-użu privat.

Fil-każ tal-karozzi tal-passiġġieri, huwa diffiċli li din is-sistema tiġi applikata, b’mod partikolari minħabba li huwa diffiċli li tiġi identifikata l-qasma bejn l-użu privat u dak kummerċjali. Meta jinżammu r-rekords, iż-żamma u l-verifika tagħhom iżidu piż addizzjonali kemm fuq in-negozju kif ukoll fuq l-amministrazzjoni.

Skont l-Artikolu 395 tad-Direttiva tal-VAT, l-Istati Membri jistgħu japplikaw miżuri li jidderogaw mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-VAT sabiex jissimplifikaw il-proċedura għall-ġbir tal-VAT jew biex jipprevjenu ċerti forom ta’ evażjoni jew ta’ evitar tat-taxxa jekk ikunu ġew awtorizzati mill-Kunsill.

Abbażi tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2018/1493 2 , l-Ungerija bħalissa hija awtorizzata li tillimita sa 50 % id-dritt għal tnaqqis tal-VAT imħallsa fuq in-nefqa eliġibbli għal tnaqqis fir-rigward tal-lokazzjoni ta’ karozzi tal-passiġġieri li ma jintużawx biss għal finijiet kummerċjali u li teħles lil persuni taxxabbli milli jittrattaw l-użu mhux għal finijiet kummerċjali ta’ tali karozzi tal-passiġġieri bħala provvista ta’ servizzi bi ħlas. Il-karozzi tal-passiġġieri koperti mill-miżura speċjali huma vetturi bil-mutur maħsuba għat-trasport ta’ massimu ta’ disa’ persuni b’piż gross tal-vettura li ma jaqbiżx il-ħames tunnellati. Il-vetturi maħsuba għat-trasport tal-oġġetti, il-vetturi għal finijiet speċjali (jiġifieri trakk bil-krejn, vettura tat-tifi tan-nar, truck-mixer), il-vetturi maħsuba għat-trasport ta’ 10 persuni jew iktar, it-tratturi u t-trejlers huma esklużi mir-restrizzjoni fuq id-dritt għal tnaqqis tal-VAT u huma trattati skont ir-regoli normali. Il-persuni taxxabbli li ma jixtiqux japplikaw il-limitu ta’ tnaqqis ta’ 50 % u li jixtiequ japplikaw it-tnaqqis tal-VAT sal-proporzjon tal-użu kummerċjali reali jistgħu jagħmlu dan dment li jkollhom evidenza dettaljata dwar l-użu kummerċjali tal-karozzi tal-passiġġieri mogħtija b’lokazzjoni. Il-perjodu ta’ validità ta’ din il-miżura speċjali mistenni jiskadi fil-31 ta’ Diċembru 2024 wara l-estensjoni tiegħu, approvata bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2021/1774 3 .

L-Ungerija talbet biex testendi l-awtorizzazzjoni biex tillimita t-tnaqqis inizjali għal perċentwal fiss stabbilit u b’hekk in-negozju jinħeles mill-ħtieġa li jiddikjara t-taxxa fuq l-użu privat. L-Ungerija infurmat lill-Kummissjoni li r-raġunijiet għall-estensjoni tal-miżura huma fil-biċċa l-kbira l-istess kif deskritt fit-talba preċedenti. L-Ungerija tikkonferma li l-miżura speċjali ġabet riżultati pożittivi kemm għall-kumpaniji kif ukoll għall-awtoritajiet tat-taxxa, u r-raġunament għad-deroga għadu japplika. F’konformità mal-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2018/1493, l-Ungerija ppreżentat ukoll rapport dwar il-limitu ta’ perċentwal stabbilit għat-tnaqqis tal-VAT. L-Ungerija tqis li l-limitu tal-perċentwal ta’ 50 % applikat għadu xieraq. Skont id-data sottomessa għall-perjodu 2016–2022, il-proporzjon stmat tal-użu privat tal-karozzi mogħtija b’lokazzjoni mill-kumpaniji jvarja minn madwar 32 % sa 53 %. Peress li l-kalkolu huwa bbażat fuq evidenza indiretta u assunzjonijiet u seta’ għalhekk ikun eċċessiv, l-Ungerija tqis li l-limitu ta’ tnaqqis mill-VAT l-aktar adegwata huwa 50 %. Barra minn hekk, l-esperjenza mill-ispezzjonijiet li għamlet l-awtorità tat-taxxa wriet, bħal fl-2021, li l-maġġoranza l-kbira – madwar 90–95 % – tal-persuni taxxabbli li saritilhom spezzjoni, japplikaw il-proporzjon deduċibbli obbligatorju ta’ 50 %. Skont l-Ungerija, ir-raġuni tibqa’ li dan il-proporzjon deduċibbli obbligatorju jeħles b’mod ċar lill-persuni taxxabbli mill-obbligu li jżommu rekords dettaljati u li r-rata ta’ użu privat ta’ 50 % hija qrib biżżejjed tas-sitwazzjoni fil-prattika.

Minħabba l-impatt pożittiv tal-miżura speċjali fuq il-piż amministrattiv tal-kontribwenti kif ukoll tal-awtoritajiet tat-taxxa, qed jiġi propost li l-estensjoni tal-miżura speċjali attwali tiġi awtorizzata. L-awtorizzazzjoni għandha tkun valida għal perjodu limitat ieħor, jiġifieri sal-31 ta’ Diċembru 2027, sabiex tippermetti rieżami tal-ħtieġa u l-effettività tal-miżura speċjali u jekk ir-restrizzjoni ta’ 50 % għadhiex riflessjoni korretta tat-tqassim kumplessiv bejn l-użu kummerċjali u dak privat. Kull talba għal estensjoni għandha tkun akkumpanjata minn rapport li jkun jinkludi rieżami tal-perċentwal applikat u għandha tintbagħat lill-Kummissjoni sal-31 ta’ Marzu 2027.

•Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika kkonċernat

Derogi simili b’rabta mad-dritt għal tnaqqis ingħataw lil Stati Membri oħra (l-Estonja 4 , il-Latvja 5 , il-Kroazja 6 , il-Polonja 7 , l-Italja 8 u r-Rumanija 9 ).

L-Artikolu 176 tad-Direttiva tal-VAT jistipula li l-Kunsill għandu jiddetermina n-nefqa li minnha ma tistax titnaqqas il-VAT. Sakemm dan iseħħ, huwa jawtorizza li l-Istati Membri jkomplu japplikaw l-esklużjonijiet, li ddaħħlu fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 1979. Għaldaqstant, hemm għadd ta’ dispożizzjonijiet “stand still” li jirrestrinġu d-dritt għal tnaqqis tal-VAT b’rabta mal-karozzi tal-passiġġieri.

Minkejja l-inizjattivi preċedenti biex jiġu stabbiliti r-regoli dwar liema kategoriji ta’ nefqa jistgħu jkunu soġġetti għal restrizzjoni fuq id-dritt għal tnaqqis 10 , deroga bħal din hija xierqa sakemm jiġu armonizzati dawn ir-regoli fil-livell tal-UE.

2.BAŻI LEGALI, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

•Bażi legali

L-Artikolu 395 tad-Direttiva tal-VAT.

•Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)

Meta titqies id-dispożizzjoni tad-Direttiva tal-VAT li fuqha hija msejsa l-proposta, il-prinċipju tas-sussidjarjetà ma japplikax.

•Proporzjonalità

Id-Deċiżjoni tikkonċerna awtorizzazzjoni mogħtija lil Stat Membru wara talba tiegħu stess u ma tikkostitwixxi l-ebda obbligu.

Minħabba l-kamp ta’ applikazzjoni limitat tad-deroga, il-miżura speċjali hija proporzjonata mal-għan li jrid jintlaħaq, jiġifieri s-simplifikazzjoni tal-proċedura tal-ġbir tat-taxxa u l-prevenzjoni ta’ ċerti forom ta’ evażjoni jew ta’ evitar tat-taxxa. B’mod partikolari, minħabba l-potenzjal li n-negozji ma jiddikjarawx l-obbligazzjoni sħiħa tagħhom u minħabba li l-verifika tad-data dwar il-mili hija ta’ piż fuq l-awtoritajiet tat-taxxa, ir-restrizzjoni ta’ 50 % se tkun qed tissimplifika l-proċedura tal-ġbir tal-VAT u se tevita, fost l-oħrajn, l-evażjoni tat-taxxa meta r-rekords ma jinżammux kif suppost.

•Għażla tal-istrument

L-istrument propost: Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill.

Skont l-Artikolu 395 tad-Direttiva tal-VAT, tista’ tingħata deroga mid-dispożizzjonijiet komuni tal-VAT biss bl-awtorizzazzjoni tal-Kunsill li jaġixxi b’mod unanimu fuq proposta tal-Kummissjoni. L-iktar strument adattat huwa Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill peress li din tista’ tiġi indirizzata lil Stat Membru individwali.

3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

•Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati

Ma saret l-ebda konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati. Din il-proposta hija bbażata fuq talba li għamlet l-Ungerija u tirrigwarda biss lil dan l-Istat Membru.

•Ġbir u użu tal-għarfien espert

Ma kienx hemm ħtieġa ta’ għarfien espert estern.

•Valutazzjoni tal-impatt

Il-proposta għandha l-għan li tissimplifika l-proċedura għall-ġbir tat-taxxa billi tneħħi l-ħtieġa li persuni taxxabbli jżommu rekords dwar l-użu privat ta’ karozzi kummerċjali mogħtija b’lokazzjoni u, fl-istess ħin, tipprevjeni li jkun hemm evażjoni tal-VAT meta r-rekords ma jinżammux kif suppost. Il-miżura proposta għalhekk, għandha potenzjal ta’ impatt pożittiv kemm għan-negozji kif ukoll għall-amministrazzjoni tat-taxxa. Din il-miżura ġiet identifikata mill-Ungerija bħala waħda adegwata u tista’ titqabbel ma’ derogi oħrajn tal-imgħoddi u tal-lum.

4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

Il-proposta mhux se jkollha impatt negattiv fuq ir-riżorsi proprji tal-Unjoni mill-VAT.

5.ELEMENTI OĦRA

Il-proposta hija limitata fiż-żmien u tinkludi klawżola ta’ estinzjoni stabbilita sal-31 ta’ Diċembru 2027.

F’każ li l-Ungerija tikkunsidra estensjoni oħra tal-miżura speċjali lil hinn mill-2027, għandu jiġi sottomess rapport lill-Kummissjoni li jinkludi rieżami tal-limitu tal-perċentwal flimkien mat-talba għal estensjoni sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Marzu 2027.

2024/0273 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL

li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/1493 li tawtorizza lill-Ungerija biex iddaħħal miżura speċjali li tidderoga mill-punt (a) tal-Artikolu 26(1) u l-Artikoli 168 u 168a tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud 11 , u b’mod partikolari l-Artikolu 395(1), l-ewwel subparagrafu, tagħha,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)L-Artikoli 168 u 168a tad-Direttiva 2006/112/KE jistabbilixxu d-dritt ta’ persuna taxxabbli li tnaqqas it-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) imposta fuq provvisti ta’ merkanzija u ta’ servizzi riċevuti minnha għal finijiet ta’ tranżazzjonijiet intaxxati tagħha. L-Artikolu 26(1), il-punt (a) ta’ dik id-Direttiva fih rekwiżit biex tiġi ddikjarata l-VAT meta xi assi kummerċjali jintuża għal finijiet privati ta’ persuni taxxabbli jew tal-persunal tagħhom jew, b’mod aktar ġenerali, għal finijiet oħra għajr dawk marbuta man-negozju tagħhom.

(2)Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2018/1493 12 , kif emendata bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2021/1774 13 tawtorizza lill-Ungerija biex, sal-31 ta’ Diċembru 2024, tapplika miżura speċjali li tikkonsisti minn naħa waħda li tillimita sa 50 % id-dritt għal tnaqqis tal-VAT fuq infiq relatat ma-karozzi tal-passiġġieri li ma jintużawx biss għal finijiet kummerċjali, b’deroga mill-Artikoli 168 u 168a tad-Direttiva 2006/112/KE, u min-naħa l-oħra, li ma tittrattax bħala provvista ta’ servizzi bi ħlas l-użu mhux kummerċjali ta’ vettura tal-passiġġieri inkluż fl-assi ta’ negozju ta’ persuna taxxabbli, meta dik il-vettura kienet soġġetta għal limitazzjoni awtorizzata skont l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/1493, b’deroga mill-Artikolu 26(1), il-punt (a), ta’ dik id-Direttiva (“il-miżura speċjali”).

(3)Bl-ittra rreġistrata mal-Kummissjoni fis-26 ta’ Marzu 2024, l-Ungerija talbet awtorizzazzjoni, f’konformità mal-Artikolu 395(2), l-ewwel subparagrafu, tad-Direttiva 2006/112/KE, biex tkompli tapplika l-miżura speċjali.

(4)F’konformità mal-Artikolu 395(2), it-tieni subparagrafu, tad-Direttiva 2006/112/KE, il-Kummissjoni bagħtet it-talba għal estensjoni lill-Istati Membri l-oħra permezz tal-ittri tad-29 ta’ Mejju 2024. Permezz tal-ittra tat-30 ta’ Mejju 2024, il-Kummissjoni nnotifikat lill-Ungerija li kellha l-informazzjoni kollha meħtieġa sabiex tikkunsidra t-talba għal estensjoni.

(5)F’konformità mal-Artikolu 5, it-tieni paragrafu, tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/1493, l-Ungerija ssottomettiet, flimkien mat-talba għal estensjoni, rapport li jinkludi rieżami tal-perċentwal stabbilit għal dritt għal tnaqqis tal-VAT imsemmi fl-Artikolu 1 ta’ dik id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni. Abbażi ta’ informazzjoni attwalment disponibbli, jiġifieri l-esperjenza miksuba mill-awditi tat-taxxa u d-data statistika b’rabta mal-użu privat tal-karozzi tal-passiġġieri, l-Ungerija tikkonferma li l-limitu ta’ 50 % għadu ġustifikabbli u xieraq.

(6)Minħabba l-impatt pożittiv tal-miżura speċjali fuq il-piż amministrattiv kemm tal-kontribwenti kif ukoll tal-awtoritajiet tat-taxxa billi tissimplifika l-ġbir tal-VAT u tipprevjeni l-evażjoni tat-taxxa meta r-rekords ma jinżammux kif suppost, l-Ungerija għandha għalhekk tkun awtorizzata tkompli tapplika l-miżura speċjali.

(7)Jixraq li l-estensjoni tal-miżura speċjali jkollha limitu taż-żmien biex tkun tista’ ssir evalwazzjoni tal-effettività tagħha u tal-perċentwal xieraq. Għalhekk l-Ungerija jenħtieġ li tiġi awtorizzata tkompli tapplika l-miżura speċjali sal-31 ta’ Diċembru 2027.

(8)Il-miżura speċjali hija proporzjonata għall-objettivi segwiti, jiġifieri s-simplifikazzjoni tal-proċedura għall-ġbir tal-VAT u l-prevenzjoni ta’ ċerti forom ta’ evażjoni jew evitar tat-taxxa, peress li hija limitata fiż-żmien u fil-kamp ta’ applikazzjoni. Barra minn hekk, il-miżura speċjali ma tagħtix lok għal riskju li l-frodi titmexxa lejn setturi oħra jew lejn Stati Membri oħra.

(9)Fil-każ li l-Ungerija tikkunsidra li estensjoni tal-miżura speċjali lil hinn mill-2027 tkun neċessarja, jenħtieġ li tibgħat rapport lill-Kummissjoni li jinkludi rieżami tal-limitu tal-perċentwal applikat, flimkien mat-talba għal estensjoni, sal-31 ta’ Marzu 2027.

(10)Il-miżura speċjali se jkollha biss effett negliġibbli fuq l-ammont kumplessiv tad-dħul mit-taxxa miġbur fl-istadju tal-konsum finali u mhux se jkollha effett negattiv fuq ir-riżorsi proprji tal-Unjoni akkumulati mill-VAT.

(11)Għaldaqstant, id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/1493 jenħtieġ li tiġi emendata kif xieraq,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/1493 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 5

Din id-Deċiżjoni għandha tiskadi fil-31 ta’ Diċembru 2027.

Kull talba għall-estensjoni tal-awtorizzazzjoni prevista f’din id-Deċiżjoni għandha tiġi sottomessa lill-Kummissjoni sal-31 ta’ Marzu 2027 u għandha tkun akkumpanjata minn rapport li jinkludi rieżami tal-perċentwal stabbilit fl-Artikolu 1.”.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Ungerija.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    ĠU L 347, 11.12.2006, p.1.
(2)    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2018/1493 tat-2 ta’ Ottubru 2018 li tawtorizza lill-Ungerija biex iddaħħal miżura speċjali ta’ deroga mill-punt (a) tal-Artikolu 26(1) u l-Artikoli 168 u 168a tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, ĠU L 252/46, 8.10.2018, p. 44.
(3)    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2021/1774 tal-5 ta’ Ottubru 2021 li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/1493 li tawtorizza lill-Ungerija biex iddaħħal miżura speċjali ta’ deroga mill-punt (a) tal-Artikolu 26(1) u l-Artikoli 168 u 168a tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, ĠU L 360, 11.10.2021, p. 108.
(4)    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2021/1998 tal-15 ta’ Novembru 2021 li tawtorizza lill-Estonja tapplika miżura li tidderoga mill-Artikolu 26(1), il-punt (a), u l-Artikoli 168 u 168a tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, ĠU L 408, 17.11.2021, p. 3-5.
(5)    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2021/1968 tad-9 ta’ Novembru 2021 li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/2429 li tawtorizza lil-Latvja biex iddaħħal miżura speċjali ta’ deroga mill-punt (a) tal-Artikolu 26(1) u l-Artikoli 168 u 168a tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, ĠU L 401, 12.11.2021, p. 1–2.
(6)    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2021/1997 tal-15 ta’ Novembru 2021 li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/1994 li tawtorizza lill-Kroazja biex iddaħħal miżura speċjali ta’ deroga mill-punt (a) tal-Artikolu 26(1) u l-Artikolu 168 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, ĠU L 408, 17.11.2021, p. 1–2.
(7)    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2022/2385 tas-6 ta’ Diċembru 2022 li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2013/805/UE li tawtorizza lir-Repubblika tal-Polonja tintroduċi miżuri ta’ deroga mill-punt (a) tal-Artikolu 26(1) u mill-Artikolu 168 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, ĠU L 315, 7.12.2022, p. 87–88.
(8)    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2022/2411/UE tas-6 ta’ Diċembru 2022 li temenda d-Deċiżjoni 2007/441/KE li tawtorizza lir-Repubblika Taljana sabiex tapplika miżuri ta’ deroga mill-Artikoli 26(1)(a) u 168 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, ĠU L 317, 9.12.2022, p. 120–121.
(9)    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2024/1641 tal-24 ta’ Mejju 2024 li tawtorizza lir-Rumanija tapplika miżuri speċjali ta’ deroga mill-Artikolu 26(1), il-punt (a), u l-Artikolu 168 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, ĠU L, 2024/1641, 6.6.2024.
(10)    COM (2004) 728 final - Proposta għal Direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 77/388/KEE bl-għan li jiġu ssimplifikati l-obbligazzjonijiet tat-taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU C 24, 29.1.2005, p.10) irtirata fil-21 ta’ Mejju 2014 (ĠU C 153 21. 05. 2014, p. 3)
(11)    ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1, ELI:  http://data.europa.eu/eli/dir/2006/112/oj .
(12)

   Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2018/1493 tat-2 ta’ Ottubru 2018 li tawtorizza lill-Ungerija biex iddaħħal miżura speċjali ta’ deroga mill-punt (a) tal-Artikolu 26(1) u l-Artikoli 168 u 168a tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, ĠU L 252, 8.10.2018, p. 44, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2018/1493/oj ).

(13)    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2021/1774 tal-5 ta’ Ottubru 2021 li temenda d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2018/1493 li tawtorizza lill-Ungerija biex iddaħħal miżura speċjali ta’ deroga mill-punt (a) tal-Artikolu 26(1) u l-Artikoli 168 u 168a tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 360, 11.10.2021, p. 108, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2021/1774/oj ).