IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 6.3.2015
JOIN(2015) 7 final
2015/0064(NLE)
Proposta Konġunta għal
REGOLAMENT TAL-KUNSILL
li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 224/2014 dwar miżuri restrittivi minħabba s-sitwazzjoni fir-Repubblika Ċentru-Afrikana
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
(1)Fit-23 ta’ Diċembru 2013, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2013/798/PESK dwar miżuri restrittivi kontra r-Repubblika Ċentru-Afrikana li tipprevedi embargo fuq l-armi, skont ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (UNSCR) 2127 (2013) tal-5 ta’ Diċembru 2013.
(2)Fit-22 ta’ Jannar 2015, il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti adotta r-Riżoluzzjoni 2196 (2015) li tikkjarifika l-kamp ta' applikazzjoni tal-embargo fuq l-armi u li temenda l-kriterji għall-iffriżar tal-assi. Il-Kunsill qiegħed iħejji deċiżjoni li temenda d-Deċiżjoni 2013/798/PESK biex tiġi implimentata l-UNSCR 2196 (2015).
(3)Għalhekk, ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà u l-Kummissjoni għandhom jagħmlu proposta ġdida għal Regolament dwar miżuri restrittivi minħabba s-sitwazzjoni fir-Repubblika Ċentru-Afrikana.
2015/0064 (NLE)
Proposta Konġunta għal
REGOLAMENT TAL-KUNSILL
li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 224/2014 dwar miżuri restrittivi minħabba s-sitwazzjoni fir-Repubblika Ċentru-Afrikana
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 215 tiegħu,
Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/798/PESK tat-23 ta' Diċembru 2013 dwar miżuri restrittivi kontra r-Repubblika Ċentru-Afrikana,
Wara li kkunsidra l-proposta konġunta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u tal-Kummissjoni,
Billi:
(1)Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 224/2014 jagħti effett lil ċerti miżuri stipulati fid-Deċiżjoni 2013/798/PESK.
(2)Ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (UNSCR) 2127 (2013) tal-5 ta’ Diċembru 2013, l-UNSCR 2134 (2014) tat-28 ta’ Jannar 2014, u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/798/PESK, jipprevedu embargo fuq l-armi kontra r-Repubblika Ċentru-Afrikana u l-iffriżar tal-fondi u tar-riżorsi ekonomiċi ta' ċerti persuni li jappoġġjaw jew li huma involuti f'atti li jdgħajfu l-paċi, l-istabbiltà jew is-sigurtà tar-Repubblika Ċentru-Afrikana.
(3)Fit-22 ta’ Jannar 2015, il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (UNSC) adotta r-Riżoluzzjoni 2196 (2015) li testendi l-kamp ta' applikazzjoni tal-embargo fuq l-armi u tal-iffriżar tal-assi. Fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2015/.../PESK, il-Kunsill iddeċieda li jestendi l-kamp ta’ applikazzjoni tal-kriterji kif xieraq.
(4)Dawn il-miżuri jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u, għalhekk, b’mod partikolari bil-ħsieb li tkun żgurata l-applikazzjoni uniformi tagħhom mill-operaturi ekonomiċi fl-Istati Membri kollha, jeħtieġ li tittieħed azzjoni regolatorja fil-livell tal-Unjoni sabiex dawn ikunu implimentati.
(5)Għalhekk, ir-Regolament (UE) Nru 224/2014 għandu jiġi emendat,
ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
L-Artikolu 5(3) tar-Regolament (UE) Nru 224/2014 jiġi emendat kif ġej:
(1) il-punt (e) jiġi sostitwit b'dan li ġej:
“(e)
li jipprovdu appoġġ lil gruppi armati jew lil netwerks kriminali permezz tal-isfruttar jew il-kummerċ illeċitu ta' riżorsi naturali, inklużi djamanti, deheb kif ukoll annimali slavaġ u l-prodotti tagħhom, fir-Repubblika Ċentru-Afrikana jew minnha;”
(2) il-punt (h) jiġi sostitwit b'dan li ġej:
“(h)
li jmexxu entità maħtura mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet, jew dawk li jkunu pprovdew l-appoġġ tagħhom lil persuna jew entità maħtura mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet, jew li jkunu wettqu ħidma għaliha jew f'isimha jew taħt id-direzzjoni tagħha;”
Artikolu 2
Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Kunsill
Il-President