European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
tal-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2026/1131

21.5.2026

DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2026/1131

tat-18 ta’ Mejju 2026

dwar it-tħassir tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2024/1341 dwar is-sospensjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 810/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-Etjopja

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra)t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 810/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar il-Viżi (il-Kodiċi dwar il-Viżi) (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 25a(6) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Fl-2022, il-kooperazzjoni mal-Etjopja fil-qasam tar-riammissjoni ġiet ivvalutata bħala insuffiċjenti f’konformità mal-Artikolu 25a(2) tal-Kodiċi dwar il-Viżi.. Kien meħtieġ titjib sinifikanti fil-kooperazzjoni dwar il-passi kollha tal-proċess ta’ riammissjoni, b’mod partikolari biex jiġi żgurat li l-Etjopja kkooperat b’mod effettiv mal-Istati Membri kollha dwar l-identifikazzjoni u l-ħruġ ta’ dokumenti tal-ivvjaġġar kif ukoll dwar operazzjonijiet ta’ ritorn fil-ħin u b’mod prevedibbli.

(2)

Filwaqt li tqiesu l-passi meħuda mill-Kummissjoni biex ittejjeb il-livell ta’ kooperazzjoni u r-relazzjonijiet ġenerali tal-Unjoni mal-Etjopja, tqies li kienet meħtieġa azzjoni mill-Unjoni.

(3)

Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2024/1341 (2) issospendiet temporanjament l-applikazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tal-Kodiċi dwar il-Viżi fir-rigward taċ-ċittadini tal-Etjopja. L-għan tas-sospensjoni kien li l-Etjopja tiġi mħeġġa tieħu l-azzjonijiet neċessarji biex ittejjeb il-kooperazzjoni dwar kwistjonijiet ta’ riammissjoni.

(4)

Id-dispożizzjonijiet sospiżi temporanjament kienu dawk stabbiliti fl-Artikolu 25a(5), il-punt(a), tal-Kodiċi dwar il-Viżi, jiġifieri l-possibbiltà ta’ rinunzja tar-rekwiżiti fir-rigward tal-evidenza dokumentarja li għandha tiġi ppreżentata mill-applikanti għall-viża msemmija fl-Artikolu 14(6) tal-Kodiċi dwar il-Viżi; il-possibbiltà li tiġi eżentata t-tariffa tal-viża għad-detenturi ta’ passaporti diplomatiċi u tas-servizz f’konformità mal-Artikolu 16(5), il-punt (b) tal-Kodiċi dwar il-Viżi; il-perjodu ġenerali ta’ pproċessar ta’ 15-il jum kalendarju msemmi fl-Artikolu 23(1) tal-Kodiċi dwar il-Viżi, li s-sospensjoni tiegħu, bħala konsegwenza, eskludiet ukoll l-applikazzjoni tar-regola li tippermetti l-estensjoni ta’ dak il-perjodu sa massimu ta’ 45 jum kalendarju biss f’każijiet individwali, li jfisser li 45 jum kalendarju saru l-perjodu standard ta’ pproċessar; u l-ħruġ ta’ viżi għal dħul multiplu f’konformità mal-Artikoli 24(2) u (2c) tal-Kodiċi dwar il-Viżi.

(5)

Il-valutazzjoni kontinwa tal-Kummissjoni tal-kooperazzjoni tal-Etjopja dwar kwistjonijiet tar-riammissjoni wara d-dħul fis-seħħ tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2024/1341 tindika li kien hemm titjib sostanzjali u sostnut fil-kooperazzjoni dwar ir-riammissjoni b’mod partikolari fl-identifikazzjoni ta’ ċittadini Etjopjani li jirrisjedu illegalment fit-territorju tal-Istati Membri, fil-ħruġ ta’ dokumenti provviżorji tal-ivvjaġġar u fl-organizzazzjoni regolari tal-operazzjonijiet ta’ ritorn. Għalhekk, ma għadux meħtieġ li tiġi sospiża l-applikazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tal-Kodiċi dwar il-Viżi fir-rigward tal-Etjopja u jenħtieġ li d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2024/1341 titħassar.

(6)

F’konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka mhijiex qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u mhijiex marbuta biha jew suġġetta għall-applikazzjoni tagħha. Ladarba din id-Deċiżjoni tibni fuq l-acquis ta’ Schengen, id-Danimarka għandha, f’konformità mal-Artikolu 4 ta’ dak il-Protokoll, tiddeċiedi, fi żmien sitt (6) xhur wara li l-Kunsill ikun iddeċieda dwar din id-Deċiżjoni jekk hijiex se timplimentaha fil-liġi nazzjonali tagħha.

(7)

Din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen li fihom l-Irlanda mhijiex qed tieħu sehem, f’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE (3); Għalhekk, l-Irlanda mhijiex qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u mhijiex marbuta biha jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha.

(8)

Fir-rigward tal-Iżlanda u n-Norveġja, din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp ta’ dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen fis-sens tal-Ftehim konkluż mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Iżlanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta’ dawn iż-żewġ Stati għall-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (4) li jaqgħu fil-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, il-punt B, tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE (5).

(9)

Fir-rigward tal-Iżvizzera, din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen, fis-sens tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (6) li jaqgħu fil-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, il-punt B, tad-Deċiżjoni 1999/437/KE moqri flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/146/KE (7).

(10)

Fir-rigward tal-Liechtenstein, din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen skont it-tifsira tal-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea, il-Konfederazzjoni Żvizzera u l-Prinċipat tal-Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipat tal-Liechtenstein mal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera fl-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (8) li jaqgħu fiż-żona msemmija fl-Artikolu 1, il-punt B, tad-Deċiżjoni 1999/437/KE moqri flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/350/UE (9).

(11)

Din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi att li jibni fuq l-acquis ta’ Schengen, jew li b’xi mod ieħor huwa relatat miegħu skont it-tifsira tal-Artikolu 3(2) tal-Att tal-Adeżjoni tal-2003,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2024/1341 hija mħassra.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha ssir effettiva fid-data tan-notifika tagħha.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju tal-Belġju, lir-Repubblika tal-Bulgarija, lir-Repubblika Ċeka, lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, lir-Repubblika tal-Estonja, lir-Repubblika Ellenika, lir-Renju ta’ Spanja, lir-Repubblika Franċiża, lir-Repubblika tal-Kroazja, lir-Repubblika Taljana, lir-Repubblika ta’ Ċipru, lir-Repubblika tal-Latvja, lir-Repubblika tal-Litwanja, lill-Gran Dukat tal-Lussemburgu, lill-Ungerija, lil Malta, lir-Renju tan-Netherlands, lir-Repubblika tal-Awstrija, lir-Repubblika tal-Polonja, lir-Repubblika Portugiża, lir-Rumanija, lir-Repubblika tas-Slovenja, lir-Repubblika Slovakka, lir-Repubblika tal-Finlandja u lir-Renju tal-Iżvezja.

Magħmul fi Brussell, it-18 ta’ Mejju 2026.

Għall-Kunsill

Il-President

K. KALLAS


(1)   ĠU L 243, 15.9.2009, p. 1., ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2009/810/oj.

(2)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2024/1341 tad-29 ta’ April 2024 dwar is-sospensjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 810/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-Etjopja (ĠU L, 2024/1341,.14.5.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2024/1341/oj).

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE tat-28 ta’ Frar 2002 rigward it-talba tal-Irlanda biex tieħu sehem f’xi dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen (ĠU L 64, 7.3.2002, p. 20, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2002/192/oj).

(4)   ĠU L 176, 10.7.1999, p. 36, ELI: http://data.europa.eu/eli/agree_internation/1999/439(1)/oj.

(5)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE tas-17 ta’ Mejju 1999 dwar ċerti arranġamenti għall-applikazzjoni tal-Ftehim konkluż mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Iżlanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta’ dawn iż-żewġ Stati mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (ĠU L 176, 10.7.1999, p. 31 ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/1999/437/oj).

(6)   ĠU L 53, 27.2.2008, p. 52, ELI: http://data.europa.eu/eli/agree_internation/2008/178(1)/oj.

(7)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/146/KE tat-28 ta’ Jannar 2008 dwar il-konklużjoni f’isem il-Komunità Ewropea, tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (ĠU L 53, 27.2.2008, p. 1 ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2008/146/oj).

(8)   ĠU L 160, 18.6.2011, p. 21, ELI: http://data.europa.eu/eli/prot/2011/350/oj.

(9)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/350/UE tas-7 ta’ Marzu 2011 dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea, il-Konfederazzjoni Żvizzera u l-Prinċipat tal-Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipat tal-Liechtenstein mal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen, relatat mal-abolizzjoni tal-verifiki mal-fruntieri interni u l-moviment tal-persuni (ĠU L 160, 18.6.2011, p. 19, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2011/350/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2026/1131/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)