SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla Estiża)
“Dritt istituzzjonali – Parlament – Fastidju psikoloġiku – Deċiżjonijiet tal‑President tal-Parlament li jikkonstataw l-eżistenza ta’ sitwazzjoni ta’ fastidju mġarrba minn żewġ Assistenti Parlamentari Akkreditati u li jippronunzjaw kontra Deputat is-sanzjoni ta’ telf tad-dritt għall-allowance ta’ residenza għal tnax‑il jum – Artikoli 11 u 166 tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Parlament – Rikors intern – Deċiżjoni tal-Bureau tal-Parlament li tikkonferma s-sanzjoni – Artikolu 167 tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Parlament – Rikors għal annullament – Terminu għall‑preżentata ta’ rikors – Ammissibbiltà – Drittijiet tad-difiża – Responsabbiltà mhux kuntrattwali”
Fil-Kawża T‑17/19,
Giulia Moi, residenti f’[data personali] (l-Italja), irrappreżentata minn M. Pisano u P. Setzu, avukati,
rikorrenti,
vs
Il-Parlament Ewropew, irrappreżentat minn T. Lazian, S. Seyr u M. Windisch, bħala aġenti,
konvenut,
li għandha bħala suġġett, minn naħa, prinċipalment, talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament ta’ diversi atti adottati fil-kuntest ta’ proċedura ta’ konstatazzjoni u ta’ sanzjoni ta’ fastidju miftuħa kontra r-rikorrenti u, sussidjarjament, talba intiża għall-konstatazzjoni tan-natura eċċessiva u/jew sproporzjonata tas-sanzjoni li ġiet imposta fuqha u għas-sostituzzjoni tagħha b’dik prevista fl-Artikolu 166(a) tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Parlament u, min-naħa l-oħra, talba bbażata fuq l-Artikolu 268 TFUE u intiża sabiex il-Parlament jiġi kkundannat jagħtiha kumpens u jiġi ordnat irendi l-informazzjoni pubblika f’sessjoni plenarja tal-Parlament,
IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla Estiża),
komposta minn S. Gervasoni, President, L. Madise, P. Nihoul (Relatur), R. Frendo u J. Martín y Pérez de Nanclares, Imħallfin,
Reġistratur: J. Palacio González, Amministratur Prinċipali,
wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tal‑10 ta’ Lulju 2020,
tagħti l-preżenti
Sentenza
I. Il-fatti li wasslu għall-kawża
|
1 |
Ir-rikorrenti, Giulia Moi, kienet Membru tal-Parlament Ewropew mill‑2014 sal‑2019. |
|
2 |
Fit‑22 ta’ Novembru 2017, tnejn mill-Assistenti Parlamentari Akkreditati tagħha (iktar ’il quddiem iż-“żewġ APA”) ressqu talba għal assistenza abbażi tal-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal”), billi invokaw sitwazzjoni ta’ xogħol diffiċli. |
|
3 |
Fis‑27 u fit‑28 ta’ Novembru 2017, iż-żewġ APA ppreżentaw ilment dwar fastidju quddiem il-kumitat dwar il-fastidju u l-prevenzjoni tiegħu fil-post tax-xogħol li jittratta lmenti bejn Assistenti Parlamentari Akkreditati u l-Membri tal-Parlament (iktar ’il quddiem il-“Kumitat Konsultattiv”), stabbilit bl-Artikolu 1(1) tar-Regoli Interni dwar il-Fastidju u l-Prevenzjoni Tiegħu fil-Post tax-Xogħol li Jittratta Lmenti bejn Assistenti Parlamentari Akkreditati u l-Membri tal-Parlament tal‑14 ta’ April 2014, kif emendati fis‑6 ta’ Lulju 2015 (iktar ’il quddiem ir-“Regoli tal‑14 ta’ April 2014, kif emendati fis‑6 ta’ Lulju 2015”). |
|
4 |
Permezz ta’ ittra tat‑23 ta’ Frar 2018, il-Kumitat Konsultattiv informa lir-rikorrenti bil-kontenut tal-ilmenti taż-żewġ APA u stedinha tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha dwar l-allegazzjonijiet tagħhom. |
|
5 |
Fis‑27 ta’ Frar 2018, iż-żewġ APA nstemgħu mill-Kumitat Konsultattiv. |
|
6 |
Fid‑9 ta’ Marzu 2018, ir-rikorrenti ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha dwar l-ilmenti taż-żewġ APA. |
|
7 |
Fl‑20 ta’ Marzu 2018, ir-rikorrenti nstemgħet mill-Kumitat Konsultattiv. |
|
8 |
Fit‑28 ta’ Marzu 2018, ir-rikorrenti bagħtet dokumenti addizzjonali lill-Kumitat Konsultattiv. |
|
9 |
Permezz ta’ ittra tat‑22 ta’ Mejju 2018, il-Presidenta tal-Kumitat Konsultattiv bagħat opinjoni lill-President tal-Parlament li fiha l-Kumitat Konsultattiv ikkonkluda li kien hemm fastidju fis-sens tal-Artikolu 12a(3) tar-Regolamenti tal-Persunal. |
|
10 |
Permezz ta’ ittra tat‑3 ta’ Lulju 2018, innotifikata l-għada, il-President tal-Parlament informa lir-rikorrenti bil-konklużjonijiet tal-opinjoni tal-Kumitat Konsultattiv dwar l-eżistenza ta’ fastidju u stedinha tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha dwar dawn il-konklużjonijiet sal‑20 ta’ Lulju 2018. |
|
11 |
Permezz ta’ ittra tat‑18 ta’ Lulju 2018, li waslet għand il-Parlament fl‑20 ta’ Lulju ta’ wara, ir-rikorrenti wieġbet għall-istedina tal-President billi kkontestat l-eżistenza ta’ fastidju. |
|
12 |
F’ittra tat‑2 ta’ Ottubru 2018, il-President tal-Parlament, wara li eżamina l-opinjoni tal-Kumitat Konsultattiv u l-osservazzjonijiet tar-rikorrenti, informaha li “[huwa qabel] mal-opinjoni tal-Kumitat Konsultattiv, li [ġie] stabbilit li s-sitwazzjoni invokata miż-żewġ lanjanti [kienet] taqa’ taħt fastidju psikoloġiku fis-sens tar-Regolamenti tal-Persunal”. Matul il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali, il-Parlament indika din l-ittra bħala d-“deċiżjoni tal-President dwar is-sitwazzjoni ta’ fastidju”. Din l-indikazzjoni ser tintuża fil-kumplament ta’ din is-sentenza sabiex jiġi indikat id-dokument inkwistjoni. |
|
13 |
Fl-istess jum, il-President tal-Parlament bagħat dokument ieħor lir-rikorrenti, intitolat “Deċiżjoni tal-President tat‑2 ta’ Ottubru 2018”, li fih, minn naħa, huwa afferma li l-aġir tar-rikorrenti “[kien] jikser il-prinċipji u l-valuri li għalihom ir-Regoli [ta’ Proċedura tal-Parlament] [kienu] jirreferu, b’mod partikolari l-Artikolu 2 [TUE] u l-Artikoli 1 (rispett tad-dinjità tal-bniedem) u 31 (dritt għal kundizzjonijiet tax-xogħol li jirrispettaw is-saħħa, is-sigurtà u d-dinjità tal-ħaddiema) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea”, u, min-naħa l-oħra, huwa indika li kien “iddeċieda li jimponi fuq [ir-rikorrenti], bħala sanzjoni għall-aġir tagħha fil-konfront taż-[żewġ APA], ikklassifikat bħala fastidju psikoloġiku, it-telf tad-dritt tagħha għall-allowance ta’ residenza għal perijodu ta’ tnax‑il jum”. Matul il-proċedura, il-Parlament indika din l-ittra bħala d-“deċiżjoni tal-President dwar is-sanzjoni”. Din l-indikazzjoni ser tintuża fil-kumplament ta’ din is-sentenza sabiex jiġi indikat l-imsemmi dokument. |
|
14 |
Iż-żewġ dokumenti msemmija fil-punti 12 u 13 iktar ’il fuq ġew innotifikati flimkien lir-rikorrenti. |
|
15 |
Fis‑16 ta’ Ottubru 2018, ir-rikorrenti, kif kien jippermettilha tagħmel l-Artikolu 167 tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Parlament, kif applikabbli (iktar ’il quddiem ir-“Regoli ta’ Proċedura”), ippreżentat rikors intern quddiem il-Bureau tal-Parlament kontra d-deċiżjoni tal-President dwar is-sanzjoni. F’dan ir-rikors, hija kkontestat il-fatt li l-aġir tagħha fil-konfront taż-żewġ APA jista’ jiġi kklassifikat bħala fastidju u, sussidjarjament, talbet li tiġi imposta fuqha sanzjoni iktar ħafifa. |
|
16 |
Permezz ta’ deċiżjoni tat‑12 ta’ Novembru 2018, mogħtija fl‑14 ta’ Novembru ta’ wara f’seduta plenarja u nnotifikata fl-istess jum, il-Bureau tal-Parlament ikkonferma d-deċiżjoni tal-President dwar is-sanzjoni (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tal-Bureau tal-Parlament”). |
II. Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet
|
17 |
Permezz ta’ att tal‑11 ta’ Jannar 2019, ir-rikorrenti ppreżentat dan ir-rikors. |
|
18 |
Fuq proposta tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li tiftaħ il-fażi orali tal-proċedura u, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 89 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, stiednet lill-Parlament jippreżenta ċerti dokumenti u għamlet mistoqsijiet bil-miktub lill-partijiet, filwaqt li stednithom iweġbuhom bil-miktub. Il-partijiet wieġbu dawn il-mistoqsijiet fit-terminu mogħti għal dan l-għan. |
|
19 |
Fuq proposta tar-Raba’ Awla, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, skont l-Artikolu 28 tar-Regoli tal-Proċedura, li tibgħat il-kawża quddiem kulleġġ ġudikanti estiż. |
|
20 |
Is-sottomissjonijiet orali tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tal‑10 ta’ Lulju 2020. |
|
21 |
Permezz tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
|
|
22 |
Barra minn hekk, ir-rikorrenti tagħmel diversi talbiet għal miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura u għal miżuri istruttorji kif ukoll talbiet għall-produzzjoni ta’ provi u ta’ offerti ta’ provi. |
|
23 |
Il-Parlament jitlob lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:
|
III. Id-dritt
A. Fuq id-dritt applikabbli
|
24 |
Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li d-dispożizzjonijiet applikabbli għal dan il-każ huma l-Artikoli 11, 166 u 167 tar-Regoli ta’ Proċedura kif ukoll tar-Regoli tal‑14 ta’ April 2014, kif emendati fis‑6 ta’ Lulju 2015. |
|
25 |
Kif irrikonoxxa l-Parlament fit-tweġibiet tiegħu għall-mistoqsijiet li sarulu mill-Qorti Ġenerali, kien bi żball li, fid-deċiżjoni tiegħu dwar is-sanzjoni, il-President tal-Parlament irrefera għad-deċiżjoni tal-Bureau tal-Parlament tat‑2 ta’ Lulju 2018 dwar il-funzjonament tal-Kumitat Konsultattiv responsabbli għall-eżami tal-ilmenti dwar fastidju li jikkonċernaw Membri tal-Parlament u l-proċeduri f’dan il-qasam. |
|
26 |
Fil-fatt, konformement mal-Artikolu 15(1) tagħha, din l-aħħar deċiżjoni tapplika biss għat-talbiet għal assistenza mressqa wara l‑1 ta’ Settembru 2018. Issa, f’dan il-każ, kif jirriżulta mill-punt 2 iktar ’il fuq, it-talbiet għal assistenza tressqu miż-żewġ APA fit‑22 ta’ Novembru 2017. |
B. Fuq it-talba għal annullament
1. Fuq l-ammissibbiltà tat-talba għal annullament fid-dawl tal-Artikolu 76 tar-Regoli tal-Proċedura
|
27 |
Mingħajr ma jqajjem espressament eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, il-Parlament josserva li, kuntrarjament għal dak li jeżiġi l-Artikolu 76 tar-Regoli tal-Proċedura, ir-rikorrenti ma strutturatx it-talba tagħha għal annullament fuq motivi identifikati b’mod ċar. |
|
28 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 21 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, li japplika għall-proċeduri quddiem il-Qorti Ġenerali konformement mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 53 tal-istess Statut u l-Artikolu 76(d) tar-Regoli tal-Proċedura, ir-rikors promotur għandu, b’mod partikolari, jinkludi s-suġġett tat-tilwima u espożizzjoni sommarja tal-imsemmija motivi. Dawn l-elementi għandhom ikunu ċari u preċiżi biżżejjed sabiex jippermettu lill-konvenut jipprepara d-difiża tiegħu u lill-Qorti Ġenerali li tiddeċiedi fuq ir-rikors, skont il-każ, mingħajr informazzjoni oħra sabiex issostnihom. Bl-għan li tkun żgurata ċ-ċertezza legali u amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, huwa meħtieġ li, sabiex rikors ikun ammissibbli, il-punti essenzjali ta’ fatt u ta’ liġi li fuqhom ikun ibbażat ir-rikors għandhom jirriżultaw, għall-inqas fil-qosor, iżda b’mod koerenti u li jinftiehem, mit-test tar-rikors innifsu (ara s-sentenza tat‑12 ta’ Diċembru 2018, SH vs Il‑Kummissjoni, T‑283/17, EU:T:2018:917, punt 86 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
29 |
F’dan il-każ, huwa minnu li r-rikors ma huwiex ibbażat fuq l-invokazzjoni suċċessiva ta’ motivi ppreżentati taħt titoli distinti. |
|
30 |
Madankollu, kif tirrileva r-rikorrenti fir-replika, dan il-metodu ma jipprekludix lill-Qorti Ġenerali milli tidentifika, insostenn tat-talba għal annullament, tliet motivi, li l-Parlament barra minn hekk ikkontesta. Dawn il-motivi huma bbażati, l-ewwel, fuq ksur tal-Artikolu 41(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, tal-prinċipju tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża, tad-dmir ta’ imparzjalità kif ukoll tad-“dritt għal parteċipazzjoni u għal kontradittorju”, it-tieni, fuq nuqqas ta’ motivazzjoni u, it-tielet, fuq użu ħażin ta’ poter. |
|
31 |
Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat li r-rikors jissodisfa r-rekwiżiti previsti fl-Artikolu 76(d) tar-Regoli tal-Proċedura. |
2. Fuq is-suġġett tat-talba għal annullament
|
32 |
Kif jirriżulta mid-deskrizzjoni tas-suġġett tar-rikors u tat-talbiet tagħha, ir-rikorrenti titlob l-annullament tad-deċiżjoni tal-Bureau tal-Parlament. |
|
33 |
Fuq l-ewwel paġna tar-rikors, fid-definizzjoni tas-suġġett tar-rikors, ir-rikorrenti barra minn hekk titlob l-annullament tad-deċiżjoni tal-President dwar is-sanzjoni. |
|
34 |
Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li, anki jekk id-deċiżjoni tal-President dwar is-sitwazzjoni ta’ fastidju la hija msemmija espliċitament fid-deskrizzjoni tas-suġġett tar-rikors, u lanqas fit-talbiet tagħha fost l-atti li l-annullament tagħhom huwa mitlub, mill-espożizzjoni tal-motivi jirriżulta li r-rikorrenti kellha l-intenzjoni ċara li tikkontesta din id-deċiżjoni. |
|
35 |
Barra minn hekk, dan il-punt ma huwiex ikkontestat mill-Parlament. |
|
36 |
Peress li l-Parlament seta’ jidentifika din it-talba u seta’ jwieġeb għaliha b’mod iddettaljat, għandu jiġi kkunsidrat li t-talba għal annullament tirrigwarda wkoll id-deċiżjoni tal-President dwar is-sitwazzjoni ta’ fastidju, anki jekk din id-deċiżjoni ma tidhirx formalment fid-deskrizzjoni fir-rikors tas-suġġett tar-rikors (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑2 ta’ Marzu 1967, Simet u Feram vs L-Awtorità Għolja, 25/65 u 26/65, EU:C:1967:4, p. 53). |
|
37 |
Il-fatt li t-talba għal annullament tikkonċerna wkoll id-deċiżjoni tal-President dwar is-sitwazzjoni ta’ fastidju huwa kkonfermat mit-talba magħmula mir-rikorrenti fid-deskrizzjoni tas-suġġett tar-rikors kif ukoll fil-punt 17 tar-rikors u li tirrigwarda l-annullament ta’ kwalunkwe att ieħor preċedenti, relatat jew konsekuttiv għas-sanzjoni. |
|
38 |
Mill-proċess ma jirriżultax li, permezz ta’ din l-aħħar talba, ir-rikorrenti rreferiet għal deċiżjonijiet oħra minbarra d-deċiżjoni tal-President dwar is-sitwazzjoni ta’ fastidju. |
|
39 |
Konsegwentement, għandu jiġi kkunsidrat li t-talba għal annullament tirrigwarda d-deċiżjoni tal-President dwar is-sitwazzjoni ta’ fastidju, id-deċiżjoni tal-President dwar is-sanzjoni u d-deċiżjoni tal-Bureau tal-Parlament (iktar ’il quddiem id-“deċiżjonijiet ikkontestati”). |
3. Fuq l-ammissibbiltà tat-talba għal annullament, sa fejn din tirrigwarda d-deċiżjoni tal-President dwar is-sanzjoni
|
40 |
Il-Parlament iqis li t-talba għal annullament, sa fejn hija diretta kontra d-deċiżjoni tal-President dwar is-sanzjoni, għandha tiġi miċħuda bħala inammissibbli għal żewġ raġunijiet, invokati, waħda, prinċipalment, u l-oħra, sussidjarjament. |
|
41 |
Prinċipalment, il-Parlament isostni li d-deċiżjoni tal-President dwar is-sanzjoni ġiet issostitwita bid-deċiżjoni tal-Bureau tal-Parlament, li tikkostitwixxi t-teħid ta’ pożizzjoni finali tal-istituzzjoni u għalhekk dik li kontriha kellu jiġi ppreżentat ir-rikors. |
|
42 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li d-deċiżjoni tal-Bureau tal-Parlament ġiet adottata wara rikors intern ippreżentat mir-rikorrenti abbażi tal-Artikolu 167 tar-Regoli ta’ Proċedura kontra d-deċiżjoni tal-President dwar is-sanzjoni. |
|
43 |
Issa, skont il-ġurisprudenza, l-eżistenza ta’ rimedju amministrattiv kontra deċiżjoni, irrispettivament minn jekk dan ir-rimedju huwiex ta’ natura obbligatorja jew fakultattiva, ma għandhiex effett fuq id-dritt tal-persuna kkonċernata li tippreżenta, fi kwalunkwe mument, azzjoni ġudizzjarja kontra l-imsemmija deċiżjoni (sentenza tal‑21 ta’ Frar 2018, LL vs Il‑Parlament, C‑326/16 P, EU:C:2018:83, punt 34). |
|
44 |
Għaldaqstant, ma jistax jitqies, b’mod partikolari fid-dawl tad-dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv, stabbilit fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, li l-fatt li tinbeda proċedura ta’ lment fis-sens tal-Artikolu 167 tar-Regoli ta’ Proċedura jippreġudika d-dritt għal rimedju ġudizzjarju kontra d-deċiżjoni kontenzjuża (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑21 ta’ Frar 2018, LL vs Il‑Parlament, C‑326/16 P, EU:C:2018:83, punt 35). |
|
45 |
Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-ilment amministrattiv u ċ-ċaħda tiegħu, espliċita jew impliċita, jagħmlu parti integrali minn proċedura kumplessa. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-azzjoni ġudizzjarja, anki jekk tkun formalment ippreżentata kontra ċ-ċaħda tal-ilment, għandha l-effett li tressaq quddiem il-qorti tal-Unjoni l-att li jikkawża preġudizzju li kontrih ikun ġie ppreżentat l-ilment (sentenzi tal‑21 ta’ Frar 2018, LL vs Il‑Parlament, C‑326/16 P, EU:C:2018:83, punt 36, u tad‑19 ta’ Settembru 2018, Selimovic vs Il‑Parlament, T‑61/17, mhux ippubblikata, EU:T:2018:565, punt 45). |
|
46 |
Barra minn hekk, skont ġurisprudenza daqstant ieħor stabbilita, ir-rikors huwa ammissibbli, kemm jekk ikun ippreżentat kontra d-deċiżjoni li kontra tagħha jkun sar l-ilment biss, kemm kontra d-deċiżjoni li tiċħad dan l-ilment u kemm jekk kontra dawn iż-żewġ deċiżjonijiet flimkien, bil-kundizzjoni li l-imsemmi lment u r-rikors kienu ppreżentati fit-termini previsti fl-imsemmija artikoli (ara s-sentenza tal‑21 ta’ Frar 2018, LL vs Il‑Parlament, C‑326/16 P, EU:C:2018:83, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
47 |
Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-Bureau tal-Parlament ma tipprekludix lir-rikorrenti milli tippreżenta r-rikors tagħha kontra d-deċiżjoni tal-President dwar is-sanzjoni, anki jekk din l-aħħar deċiżjoni kienet is-suġġett ta’ rikors ibbażat fuq l-Artikolu 167 tar-Regoli ta’ Proċedura. |
|
48 |
Sussidjarjament, il-Parlament isostni li r-rikors, sa fejn huwa dirett kontra d-deċiżjoni tal-President dwar is-sanzjoni, huwa inammissibbli minħabba li ġie ppreżentat wara l-iskadenza tat-terminu ta’ xahrejn previst mis-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE. |
|
49 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li rimedju amministrattiv, kemm jekk ikun fakultattiv jew le, għandu l-għan li jippermetti u li jippromwovi soluzzjoni bonarja għat-tilwima li tkun qamet bejn il-persuna kkonċernata u l-amministrazzjoni, u dan sabiex tiġi evitata kawża (sentenzi tal‑21 ta’ Frar 2018, LL vs Il‑Parlament, C‑326/16 P, EU:C:2018:83, punt 25, u tad‑19 ta’ Settembru 2018, Selimovic vs Il‑Parlament, T‑61/17, mhux ippubblikata, EU:T:2018:565, punt 43). |
|
50 |
F’dan il-każ, il-proċedura msemmija fl-Artikolu 167 tar-Regoli ta’ Proċedura tikkostitwixxi rimedju prekontenzjuż fakultattiv. Issa, dan tal-aħħar ikun imċaħħad mill-effett utli tiegħu jekk il-Membru kkonċernat kellu, wara li jkun uża din il-possibbiltà għall-finijiet ta’ ftehim bonarju, jippreżenta azzjoni ġudizzjarja qabel it-tmiem ta’ din il-proċedura amministrattiva, sabiex josserva t-terminu għall-preżentata ta’ rikors kontra d-deċiżjoni li hija s-suġġett tal-imsemmija proċedura (sentenza tad‑19 ta’ Settembru 2018, Selimovic vs Il‑Parlament, T‑61/17, mhux ippubblikata, EU:T:2018:565, punt 43). |
|
51 |
Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 167 tar-Regoli ta’ Proċedura jipprevedi li, jekk il-Bureau tal-Parlament ma jiħux deċiżjoni fuq ir-rikors intern fit-terminu ta’ erba’ ġimgħat previst għal dan l-għan, is-sanzjoni titqies li hija nulla u bla effett, b’tali mod li l-ebda azzjoni ġudizzjarja ma tkun neċessarja f’tali ipoteżi (sentenza tad‑19 ta’ Settembru 2018, Selimovic vs Il‑Parlament, T‑61/17, mhux ippubblikata, EU:T:2018:565, punt 44). |
|
52 |
Konsegwentement, għandu jiġi kkunsidrat li, fil-kuntest ta’ dan ir-rikors, ir-rikorrenti setgħet titlob l-annullament tad-deċiżjoni tal-President dwar is-sanzjoni, l-iktar tard, fil-jum tal-iskadenza tat-terminu għall-preżentata ta’ rikors ikkalkolat min-notifika tad-deċiżjoni tal-Bureau tal-Parlament (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Settembru 2018, Selimovic vs Il‑Parlament, T‑61/17, mhux ippubblikata, EU:T:2018:565, punt 48; ara, wkoll, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal‑21 ta’ Frar 2018, LL vs Il‑Parlament, C‑326/16 P, EU:C:2018:83, punt 41). |
|
53 |
F’dan il-każ, id-deċiżjoni tal-Bureau tal-Parlament ġiet adottata fit‑12 ta’ Novembru 2018 u ġiet innotifikata lir-rikorrenti fl‑14 ta’ Novembru ta’ wara. Issa, ir-rikors għal annullament ġie ppreżentat fil‑11 ta’ Jannar 2019. |
|
54 |
Minn dan jirriżulta li r-rikors, f’dak li jikkonċerna d-deċiżjoni tal-President dwar is-sanzjoni, ma jistax jiġi kkunsidrat li huwa tardiv. |
4. Fuq l-ammissibbiltà tat-talba għal annullament, sa fejn din tirrigwarda d-deċiżjoni tal-President dwar is-sitwazzjoni ta’ fastidju
|
55 |
Barra minn hekk, il-Parlament iqis li t-talba għal annullament, sa fejn tirrigwarda d-deċiżjoni tal-President dwar is-sitwazzjoni ta’ fastidju, tressqet wara l-iskadenza tat-termini previsti mis-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE. |
|
56 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, kif jindika l-Parlament, id-deċiżjoni tal-President dwar is-sitwazzjoni ta’ fastidju ġiet adottata fit‑2 ta’ Ottubru 2018 filwaqt li dan ir-rikors ġie ppreżentat fil‑11 ta’ Jannar 2019, jiġifieri iktar minn xahrejn wara n-notifika ta’ din id-deċiżjoni. |
|
57 |
Waqt is-seduta, il-Parlament espona li l-proċedura li tikkonċerna l-atti ta’ fastidju li bihom huma kkritikati Membri tal-Parlament ġiet organizzata b’mod li jittieħdu inkunsiderazzjoni, minn naħa, is-sitwazzjoni partikolari ta’ dawn tal-aħħar u, min-naħa l-oħra, ix-xewqa, murija mill-Bureau tal-Parlament, li jiġi involut biss fl-ilment dwar is-sanzjoni mingħajr ma jkun assoċjat mal-parti tal-proċedura dwar il-konstatazzjoni ta’ fastidju. |
|
58 |
Huwa għal dawn ir-raġunijiet li ġiet implimentata proċedura f’żewġ partijiet, peress li kull waħda minn dawn il-partijiet kienet suġġetta għal sistema distinta fuq il-livell tar-rimedji ġudizzjarji, minħabba li, għall-kuntrarju tad-deċiżjoni tal-President dwar is-sitwazzjoni ta’ fastidju, l-organizzazzjoni implimentata mill-Parlament tippermetti lill-persuna akkużata li tippreżenta rikors intern quddiem il-Bureau tal-Parlament kontra d-deċiżjoni tal-President dwar is-sanzjoni. |
|
59 |
Għall-Parlament, din l-organizzazzjoni hija bbażata, minn naħa, fuq l-Artikoli 166 u 167 tar-Regoli ta’ Proċedura u, min-naħa l-oħra, fuq l-Artikolu 12 tar-Regoli tal‑14 ta’ April 2014, kif emendati fis‑6 ta’ Lulju 2015. |
|
60 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 166 tar-Regoli ta’ Proċedura, intitolat “Sanzjonijiet”, jiddisponi, fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 tiegħu, dan li ġej: “F’każijiet serji ta’ diżordni jew sfrattar tal-Parlament bi ksur tal-prinċipji mniżżla fl-Artikolu 11, il-President għandu jadotta deċiżjoni motivata li tistipula s-sanzjoni xierqa.” |
|
61 |
L-Artikolu 167 tar-Regoli ta’ Proċedura, intitolat “Proċeduri interni ta’ appell”, jiddisponi dan li ġej: “Il-Membru kkonċernat jista’ jressaq appell intern lill-Bureau fi żmien ġimagħtejn min-notifika tas-sanzjoni imposta mill-President bis-saħħa tal-Artikolu 166(1) sa (4). Dan l-appell għandu jkollu l-effett li jissospendi l-applikazzjoni ta’ dik is-sanzjoni. Il-Bureau jista’, sa mhux aktar tard minn erba’ ġimgħat wara li jkun tressaq l-appell jew, jekk dan ma jiltaqax f’dan il-perjodu, fil-laqgħa li jmiss tiegħu, jannulla, jikkonferma jew jimmodifika s-sanzjoni imposta, mingħajr preġudizzju għad-drittijiet ta’ appell esterni disponibbli għall-Membru kkonċernat. Jekk il-Bureau jonqos milli jieħu deċiżjoni fil-limitu ta’ żmien stipulat, is-sanzjoni għandha titqies nulla u bla effett.” |
|
62 |
Fir-rigward tal-Artikolu 12 tar-Regoli tal‑14 ta’ April 2014, kif emendati fis‑6 ta’ Lulju 2015, dan jipprovdi dan li ġej: “1. Fid-dawl tal-opinjoni tal-[Kumitat Konsultattiv], il-President għandu jadotta deċiżjoni mmotivata dwar jekk l-eżistenza ta’ sitwazzjoni ta’ fastidju tkunx seħħet jew le. Għandu jindika bil-miktub lill-kumitat il-miżuri li għandu l-intenzjoni jieħu. Huwa għandu jinforma lill-partijiet ikkonċernati b’dan. Qabel ma tittieħed kwalunkwe deċiżjoni dwar l-eżistenza ta’ sitwazzjoni ta’ fastidju, il-President għandu jisma’ lill-Membru kkonċernat. […] 3. Jekk ikun il-każ, il-President tal-Parlament għandu jieħu sanzjoni kontra l-Membru kkonċernat konformement mal-Artikoli 11 u 166 tar-[Regoli ta’ Proċedura]. Is-smigħ tal-Membru skont il-paragrafu 1 għandu jitqies bħala smigħ fis-sens tal-Artikolu 166(1) tar-[Regoli ta’ Proċedura].” |
|
63 |
Kuntrarjament għal dak li jindika l-Parlament, minn dawn id-dispożizzjonijiet ma jirriżultax li, meta dawn jikkonċernaw membri ta’ din l-istituzzjoni, minn naħa, il-proċeduri dwar fastidju għandhom jagħtu lok, b’mod neċessarju, għal deċiżjonijiet separati għas-sitwazzjoni ta’ fastidju u għas-sanzjoni u, min-naħa l-oħra, dawn id-deċiżjonijiet għandhom ikunu suġġetti għal sistemi ta’ rimedji differenti. |
|
64 |
Fil-fatt, l-Artikolu 166 tar-Regoli ta’ Proċedura u l-Artikolu 12 tar-Regoli tal‑14 ta’ April 2014, kif emendati fis‑6 ta’ Lulju 2015, jipprevedu biss li deċiżjoni motivata għandha tiġi adottata f’każ ta’ aġir oġġezzjonabbli u li tista’ tiġi imposta sanzjoni, mingħajr ma jiġi eskluż li dawn l-elementi, a priori indissoċjabbli, jiġu ttrattati fl-istess deċiżjoni. |
|
65 |
Fl-istess sens, l-Artikolu 167 tar-Regoli ta’ Proċedura sempliċement jippreċiża l-bidu tad-dekorrenza tat-terminu għall-preżentata ta’ lment billi jindika li dan it-terminu jibda jiddekorri mill-impożizzjoni tas-sanzjoni, mingħajr ma jeskludi li d-deċiżjoni li tinkludi din tal-aħħar tista’ wkoll tistabbilixxi s-sitwazzjoni ta’ fastidju. |
|
66 |
Barra minn hekk, id-distinzjoni magħmula mill-Parlament bejn id-deċiżjoni dwar is-sanzjoni u dik li tikkonstata l-fastidju, jekk wieħed jassumi li hija tista’ tibbaża ruħha fuq id-dispożizzjonijiet riprodotti fil-punti 60 sa 62 iktar ’il fuq, twassal għal trattament asimetriku ta’ dawn id-deċiżjonijiet fir-rigward tal-possibbiltajiet għal rimedju, meta dawn huma indissoċjabbilment marbuta. |
|
67 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, kif enfasizza l-Bureau tal-Parlament fil-punt 4 tad-deċiżjoni tiegħu, ir-rimedji għandhom ikunu ta’ natura “effettiva”. |
|
68 |
Dan ir-rekwiżit huwa stabbilit fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, li jipprovdi li kull persuna li d-drittijiet u l-libertajiet tagħha żgurati mid-dritt tal-Unjoni jkunu nkisru għandha dritt għal rimedju li għandu tali natura. |
|
69 |
Kif jindika l-Parlament, fl-assenza ta’ rikors intern ippreżentat mill-Membru tal-Parlament kontra d-deċiżjoni tal-President dwar is-sanzjoni, il-qorti tal-Unjoni, adita direttament b’rikors kontra din id-deċiżjoni, għandha l-possibbiltà li tanalizza, fil-kuntest tal-istess proċedura ġudizzjarja, ir-relazzjonijiet li jeżistu bejn is-sanzjoni, il-fatti u l-proċedura. |
|
70 |
Fid-dawl tal-obbligu li tiġi żgurata n-natura effettiva tar-rimedju, l-ebda raġuni ma tiġġustifika li l-istħarriġ ġudizzjarju tad-deċiżjoni tal-President dwar is-sanzjoni jvarja, meta l-Membru tal-Parlament jippreżenta, qabel ma tiġi adita l-qorti, rikors intern kontra din id-deċiżjoni. |
|
71 |
Fil-fatt, l-effettività tar-rimedju teħtieġ li, bħalma huwa l-każ meta ma jiġi ppreżentat l-ebda rikors intern kontra d-deċiżjoni tal-President dwar is-sanzjoni, l-eżami tal-qorti tal-Unjoni jista’ jirrigwarda kemm id-deċiżjoni li tikkonċerna l-aġir kif ukoll dik relatata mas-sanzjoni, peress li sanzjoni tkun legali biss jekk, l-ewwel, l-aġir ikun ġie stabbilit u l-konstatazzjoni li tikkonċernah tkun ibbażata fuq provi suffiċjenti, it-tieni, dan kien is-suġġett ta’ klassifikazzjoni legali xierqa u, it-tielet, is-sanzjoni tkun proporzjonata għall-gravità tal-imsemmi aġir, li kollha flimkien iwasslu għal deċiżjonijiet adottati fl-aħħar ta’ proċedura li ma tkunx ivvizzjata. |
|
72 |
L-eżistenza ta’ rabtiet indissoċjabbli bejn il-konstatazzjoni tal-fastidju, is-sanzjoni u l-iżvolġiment tal-proċedura ġiet irrikonoxxuta, barra minn hekk, mill-President tal-Parlament innifsu. Minn naħa, dan tal-aħħar irrileva, fil-punt 7 tad-deċiżjoni tiegħu dwar is-sanzjoni, li “[i]l-konklużjonijiet u l-motivi tad-deċiżjoni dwar il-konstatazzjoni ta’ fastidju psikoloġiku [kienu] jikkostitwixxu l-bażi ta’ din id-deċiżjoni dwar l-applikazzjoni ta’ sanzjoni”. Min-naħa l-oħra, huwa indika, fil-punt 11 tal-istess deċiżjoni, u b’hekk jiddeskrivi huwa stess ir-relazzjoni li teżisti bejn id-diversi elementi tas-sitwazzjoni, li kien “[f]id-dawl tal-gravità tal-aġir tar-[rikorrenti], li hija [kienet] wettqet tul perijodu u b’mod ripetittiv u sistematiku, u li [kienet] tixhed assenza flagranti ta’ osservanza tal-valuri u tal-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 11(3) tar-Regoli ta’ [Proċedura]”, li “[i]s-sanzjoni imposta […] [kienet] xierqa u proporzjonata għall-ksur imwettaq”. |
|
73 |
F’dan il-każ, wieħed jista’ jifhem li, peress li xtaqet tiddefendi ruħha, ir-rikorrenti għamlet użu mill-possibbiltà, offruta mir-Regoli ta’ Proċedura, li tippreżenta rikors intern kontra d-deċiżjoni tal-President dwar is-sanzjoni. |
|
74 |
Madankollu, dan il-fatt ma jistax ikollu l-effett, fid-dawl tan-neċessità li tiġi żgurata n-natura effettiva ta’ kawża mressqa quddiem il-qorti tal-Unjoni, li jċaħħad lir-rikorrenti minn stħarriġ ġudizzjarju li matulu ser jiġu eżaminati, fid-dawl tar-rabtiet indissoċjabbli li jgħaqqduhom, l-aspetti kollha tas-sitwazzjoni kontenzjuża. |
|
75 |
Barra minn hekk, li kieku r-rikorrenti kienet ikkontestat id-deċiżjoni tal-President dwar is-sitwazzjoni ta’ fastidju direttament quddiem il-qorti tal-Unjoni, il-Bureau tal-Parlament kien ikollu jagħmel għażla bejn żewġ possibbiltajiet, li l-ebda waħda minnhom ma kienet tkun sodisfaċenti fil-konsegwenzi amministrattivi u ġudizzjarji tagħha. Fl-ewwel għażla, il-Bureau seta’ jiddeċiedi dwar is-sanzjoni mingħajr ma jistenna d-deċiżjoni tal-qorti, f’liema każ ir-rikorrenti setgħet tippreżenta rikors ukoll kontra din id-deċiżjoni, li probabbilment kien iwassal lill-qorti sabiex tgħaqqad iż-żewġ rikorsi kontenzjużi u għalhekk tipposponi l-eżami tagħha tal-legalità fir-rigward tas-sitwazzjoni ta’ fastidju. Fit-tieni waħda, il-Bureau seta’ xtaq jistenna d-deċiżjoni tal-qorti, f’liema każ kien ikun espost għar-riskju li ma jkunx jista’ jeżerċita s-setgħa tiegħu ta’ eżami mill-ġdid tas-sanzjoni, peress li, minn naħa, bis-saħħa tal-Artikolu 167 tar-Regoli ta’ Proċedura, fl-assenza ta’ deċiżjoni tal-Bureau f’terminu ta’ erba’ ġimgħat wara l-preżentata tar-rikors, is-sanzjoni kkontestata adottata mill-President tal-Parlament titqies nulla u bla effett u, min-naħa l-oħra, mid-dispożizzjonijiet tar-Regoli ta’ Proċedura ma jirriżultax li l-Bureau għandu l-possibbiltà li jissospendi l-proċedura quddiemu fl-istennija tal-eżitu ta’ proċedura ġudizzjarja. |
|
76 |
F’tali ċirkustanzi, id-dritt għal rimedju effettiv u l-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja jeħtieġu, it-tnejn flimkien, li l-qorti tiġi adita, fl-istess ħin, f’dan il-każ, bil-legalità tad-deċiżjonijiet li jikkostitwixxu l-istess tilwima waħda, jiġifieri, f’dan il-każ, id-deċiżjoni li tikkonstata l-eżistenza ta’ fatti ta’ fastidju u dik, li tiddependi fuqha, li tiddeċiedi dwar is-sanzjoni mitluba minn tali fatti. |
|
77 |
Għalhekk, għandu jitqies li, peress li d-deċiżjoni tal-President dwar is-sitwazzjoni ta’ fastidju hija marbuta indissoċjabbilment ma’ dik dwar is-sanzjoni, it-terminu tar-rikors għal annullament kontra l-ewwel waħda beda jiddekorri biss, bħal fil-każ tat-tieni waħda, min-notifika tad-deċiżjoni tal-Bureau tal-Parlament adottata wara r-rikors intern ibbażat fuq l-Artikolu 167 tar-Regoli ta’ Proċedura (ara l-punt 52 iktar ’il fuq). |
|
78 |
Konsegwentement, għandu jiġi kkunsidrat li t-talba għall-annullament tad-deċiżjoni tal-President dwar is-sitwazzjoni ta’ fastidju ma tistax titqies li hija tardiva u għalhekk hija ammissibbli. |
5. Fuq il-mertu
|
79 |
Permezz tal-ewwel motiv, ir-rikorrenti ssostni li, matul il-proċedura li wasslet, minn naħa, għall-klassifikazzjoni tal-aġir tagħha bħala fastidju u, min-naħa l-oħra, għall-impożizzjoni ta’ sanzjoni, hija la kellha aċċess, minkejja li għamlet talba għal dan, għad-dokumenti tal-fajl tal-investigazzjoni, la għall-ilmenti mressqa miż-żewġ APA, u lanqas għad-dikjarazzjonijiet magħmula minnhom quddiem il-Kumitat Konsultattiv. |
|
80 |
Dan l-argument huwa kkontestat mill-Parlament. |
a) Fuq l-ammissibbiltà tal-motiv
|
81 |
Permezz ta’ mistoqsija bil-miktub, il-Qorti Ġenerali staqsiet lill-partijiet jekk ir-regola msejħa “ta’ konkordanza” bejn l-ilment u r-rikors kinitx applikabbli f’din it-tilwima u x’inhu l-effett ta’ din l-applikazzjoni eventwali, peress li l-imsemmija regola teżiġi, taħt piena ta’ inammissibbiltà, li motiv jew kap ta’ kontestazzjoni ppreżentat quddiem il-qorti tal-Unjoni jkun diġà ġie applikat fil-kuntest tal-proċedura prekontenzjuża jew li jkun marbut mill-qrib ma’ kritika mqajma fl-istess kuntest. |
|
82 |
Il-Parlament wieġeb li, li kieku din ir-regola kellha tapplika għal dan il-każ, il-motiv dwar il-ksur tad-drittijiet tad-difiża kellu jiġi ddikjarat inammissibbli, għaliex ma tqajjimx mir-rikorrenti fil-kuntest tar-rikors intern tagħha quddiem il-Bureau tal-Parlament. |
|
83 |
Il-pożizzjoni tal-Parlament hija kkontestata mir-rikorrenti. |
|
84 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li r-rikors huwa bbażat fuq l-Artikolu 263 TFUE u mhux fuq l-Artikolu 270 TFUE. |
|
85 |
Issa, huwa fil-kuntest tat-tilwimiet imressqa abbażi ta’ din l-aħħar dispożizzjoni u fir-rigward tal-ilment obbligatorju li għandu jitressaq qabel stabbilit mir-Regolamenti tal-Persunal li ġiet stabbilita r-regola ta’ konkordanza, mingħajr ma ġiet estiża, f’dan l-istadju, mill-Qorti tal-Ġustizzja jew mill-Qorti Ġenerali, għar-rikorsi li, peress li ġew ippreżentati abbażi tal-Artikolu 263 TFUE, huma ppreċeduti minn fażi amministrattiva. |
|
86 |
Sa fejn huwa meħtieġ, għandu jitfakkar li, fil-kuntest tal-Artikolu 270 TFUE, ir-regola tal-konkordanza tieħu inkunsiderazzjoni l-kuntest speċifiku rregolat minn din id-dispożizzjoni. Fil-fehma tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar kull tilwima bejn l-Unjoni u l-membri tal-persunal tagħha fil-limiti u skont il-kundizzjonijiet stabbiliti mir-Regolamenti tal-Persunal u l-Kondizzjonijiet tal-impjieg applikabbli għall-aġenti l-oħra, li jissuġġettaw, b’mod espliċitu, l-ammissibbiltà tar-rikorsi quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, minn naħa, għall-preżentata ta’ lment minn qabel u, min-naħa l-oħra, għal deċiżjoni espliċita jew impliċita ta’ ċaħda mill-Awtorità tal-Ħatra. |
|
87 |
Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat f’dan ir-rigward li la r-Regoli ta’ Proċedura u lanqas ebda test ieħor applikabbli f’dan il-każ ma jissuġġettaw l-ammissibbiltà tar-rikors ippreżentat quddiem il-qorti tal-Unjoni minn Membru tal-Parlament għall-preżentata ta’ lment minn qabel fi ħdan il-Parlament. Fl-assenza ta’ tali test, fid-dawl tad-dritt għal rimedju effettiv previst fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, ir-rikorrenti għandha tingħata l-possibbiltà li tqajjem kwalunkwe motiv quddiem il-qorti tal-Unjoni, anki jekk hija ma għamlitx dan quddiem il-Bureau tal-Parlament. |
|
88 |
F’dan il-każ, l-applikazzjoni tar-regola ta’ konkordanza hija inqas u inqas iġġustifikata peress li, kif deskritt mill-Parlament, il-proċedura ta’ rikors intern prevista fl-Artikolu 167 tar-Regoli ta’ Proċedura tista’ tirrigwarda biss is-sanzjoni. F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-tfittxija ta’ ftehim bonarju ma tistax twassal sabiex tiġi kkontestata l-konstatazzjoni ta’ fastidju, li tista’ tiġi kkontestata biss quddiem il-qorti, u għalhekk ma testendix għat-tilwima sħiħa bejn il-Membru kkonċernat u l-Parlament. |
|
89 |
Fi kwalunkwe każ, il-fatt li r-rikorrenti ma fformulatx preċedentement l-argument ibbażat fuq id-drittijiet tad-difiża baqa’ mingħajr effett fuq l-eżami tar-rikors intern, għaliex, kif jindika fil-punti 4 u 5 tad-deċiżjoni tiegħu, il-Bureau tal-Parlament, fil-mument tal-adozzjoni tal-pożizzjoni tiegħu, ivverifika li l-proċedura segwita ma kienet ivvizzjata b’ebda difett manifest li seta’ jikkomprometti l-legalità tad-deċiżjoni li tiġi imposta sanzjoni (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal‑21 ta’ Novembru 2000, Carrasco Benítez vs Il‑Kummissjoni, T‑214/99, EU:T:2000:272, punti 37 u 38). |
|
90 |
Għalhekk, għandu jiġi kkunsidrat li, għar-raġunijiet esposti iktar ’il fuq, ir-regola tal-konkordanza ma hijiex applikabbli għal tilwima bħal dik imressqa mir-rikorrenti quddiem il-Qorti Ġenerali u, konsegwentement, li l-ewwel motiv ma jistax jiġi ddikjarat bħala inammissibbli minħabba li l-ksur tal-prinċipju tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża ma ġiex invokat quddiem il-Bureau tal-Parlament fil-kuntest tar-rikors intern ibbażat fuq l-Artikolu 167 tar-Regoli ta’ Proċedura. |
b) Fuq il-fondatezza tal-motiv
|
91 |
Fir-rigward tal-fondatezza tal-motiv, għandu jitfakkar li l-Artikolu 41(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali jiddisponi li d-dritt għal amministrazzjoni tajba jinkludi, b’mod partikolari, id-dritt ta’ kull persuna għal smigħ, qabel ma tittieħed kwalunkwe miżura individwali li tolqotha negattivament, id-dritt ta’ kull persuna li jkollha aċċess għall-fajl li jikkonċernaha, filwaqt li jiġu osservati l-interessi leġittimi tal-kunfidenzjalità u tas-sigriet professjonali u tan-negozju, kif ukoll l-obbligu għall-amministrazzjoni li timmotiva d-deċiżjonijiet tagħha. |
|
92 |
Fis-sentenza tal‑4 ta’ April 2019, OZ vs BEI (C‑558/17 P, EU:C:2019:289, punt 53), il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li d-dritt għal smigħ previst minn din id-dispożizzjoni jiggarantixxi lil kull persuna l-possibbiltà li tesprimi, b’mod utli u effettiv, il-perspettiva tagħha matul il-proċedura amministrattiva u qabel l-adozzjoni ta’ kull deċiżjoni li tista’ taffettwa negattivament l-interessi tagħha. |
|
93 |
B’applikazzjoni tal-Artikolu 41(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat, f’każ fejn ir-rikors għal annullament kien ġie ppreżentat minn persuna li ġarrbet fastidju kontra d-deċiżjoni li tiċħad l-ilment tagħha, li l-kumitat ta’ investigazzjoni, qabel ma jibgħat ir-rakkomandazzjonijiet tiegħu lill-President tal-istituzzjoni u, fi kwalunkwe każ, dan tal-aħħar, qabel ma jieħu deċiżjoni li taffettwa negattivament lir-rikorrenti, kienu obbligati li jirrispettaw id-dritt għal smigħ tagħha fil-kwalità tagħha bħala lanjanti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ April 2019, OZ vs BEI, C‑558/17 P, EU:C:2019:289, punt 56). |
|
94 |
Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li, bħala lanjanti, ir-rikorrenti kellha d-dritt, sabiex tkun tista’ tippreżenta b’mod utli l-osservazzjonijiet tagħha, li jiġi kkomunikat lilha, tal-inqas, sunt tad-dikjarazzjonijiet tal-persuna akkużata b’fastidju u tad-diversi xhieda mismugħa, sa fejn dawn id-dikjarazzjonijiet kienu ntużaw mill-kumitat ta’ investigazzjoni, fir-rapport tiegħu, sabiex jifformula rakkomandazzjonijiet lill-President tal-istituzzjoni inkwistjoni, li fid-dawl tagħhom dan tal-aħħar kien ibbaża d-deċiżjoni kontenzjuża, u l-komunikazzjoni ta’ dan is-sunt għandha titwettaq fl-osservanza, skont il-każ, tal-interessi leġittimi ta’ kunfidenzjalità (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ April 2019, OZ vs BEI, C‑558/17 P, EU:C:2019:289, punt 57). |
|
95 |
Din il-pożizzjoni ġiet ikkonfermata fis-sentenza tal‑25 ta’ Ġunju 2020, HF vs Il‑Parlament (C‑570/18 P, EU:C:2020:490, punti 57 sa 62), li fiha, bl-applikazzjoni tal-istess dispożizzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fi proċedura oħra li wasslet għaċ-ċaħda ta’ lment dwar fastidju, li, bħala lanjanti, il-persuna li ġarrbet fastidju kellha d-dritt li jiġi kkomunikat lilha, tal-inqas, sunt kemm tal-opinjoni tal-Kumitat Konsultattiv kif ukoll tal-minuti tas-smigħ tax-xhieda, sa fejn l-awtorità li kienet responsabbli sabiex tiddeċiedi dwar l-eżistenza ta’ fastidju bbażat id-deċiżjoni kontenzjuża fuq dawn id-dokumenti. |
|
96 |
Fil-punt 66 tas-sentenza tal‑25 ta’ Ġunju 2020, HF vs Il‑Parlament (C‑570/18 P, EU:C:2020:490), il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li, sabiex tiġi żgurata l-kunfidenzjalità tax-xhieda u l-għanijiet li din tipproteġi, filwaqt li jiġi żgurat li kien b’mod utli li r-rikorrenti nstemgħet qabel ma ġiet adottata deċiżjoni li tikkawżalha preġudizzju, setgħu jintużaw ċerti tekniki bħall-anonimizzazzjoni, jew saħansitra l-iżvelar tas-sustanza tax-xhieda fil-forma ta’ sunt, jew ukoll li jinħbew ċerti partijiet tal-kontenut tax-xhieda. |
|
97 |
Fil-kawżi li taw lok għas-sentenzi tal‑4 ta’ April 2019, OZ vs BEI (C‑558/17 P, EU:C:2019:289, punt 53), u tal‑25 ta’ Ġunju 2020, HF vs Il‑Parlament (C‑570/18 P, EU:C:2020:490), il-persuna li talbet id-dritt għal smigħ xieraq, kif indikat fil-punti 93 u 95 iktar ’il fuq, kienet lanjanti li qieset li kienet suġġetta għal fastidju. |
|
98 |
Tali sitwazzjoni hija differenti minn dik f’din il-kawża, fejn l-argument dwar aċċess insuffiċjenti għall-fajl ma huwiex ifformulat mil-lanjant, iżda mill-persuna akkużata b’fastidju li ġiet issanzjonata għal din ir-raġuni. |
|
99 |
F’dan il-każ, huwa l-prinċipju ġenerali tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża, invokat ukoll mir-rikorrenti fil-kuntest tal-ewwel motiv tagħha, li japplika fil-portata kollha tiegħu. |
|
100 |
Skont il-ġurisprudenza, dan il-prinċipju ġenerali huwa impost f’kull proċedura miftuħa kontra persuna u li tista’ twassal għal att li jikkawżalha preġudizzju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Mejju 2012, Skareby vs Il‑Kummissjoni, F‑42/10, EU:F:2012:64, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata). Dan japplika b’mod partikolari meta l-proċedura tista’ twassal għal sanzjoni (sentenza tal‑14 ta’ Settembru 2010, Akzo Nobel Chemicals u Akcros Chemicals vs Il‑Kummissjoni et, C‑550/07 P, EU:C:2010:512, punt 92). Dan il-prinċipju fundamentali tad-dritt tal-Unjoni għandu jiġi żgurat anki fl-assenza ta’ kwalunkwe leġiżlazzjoni li tikkonċerna l-proċedura inkwistjoni (sentenzi tal‑10 ta’ Lulju 1986, Il‑Belġju vs Il‑Kummissjoni, 234/84, EU:C:1986:302, punt 27; tad‑9 ta’ Novembru 2006, Il‑Kummissjoni vs De Bry, C‑344/05 P, EU:C:2006:710, punt 37; u tas‑27 ta’ Ottubru 2016, BĊE vs Cerafogli, T‑787/14 P, EU:T:2016:633, punt 72). |
|
101 |
Skont ġurisprudenza stabbilita, id-drittijiet tad-difiża jinkludu d-dritt għal smigħ u d-dritt ta’ aċċess għall-fajl u huma fost id-drittijiet fundamentali li jagħmlu parti integrali mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni u li huma stabbiliti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali (ara s-sentenza tal‑10 ta’ Settembru 2013, G. u R., C‑383/13 PPU, EU:C:2013:533, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
102 |
Dan il-prinċipju japplika f’dan il-każ, peress li l-proċedura miftuħa kontra r-rikorrenti setgħet twassal, u wasslet, għal sanzjoni kontra Membru tal-Parlament għal fastidju. |
|
103 |
Fi proċedura intiża sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ fastidju, il-prinċipju ġenerali tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża jimplika li, fl-osservanza ta’ kwalunkwe rekwiżit ta’ kunfidenzjalità, il-persuna akkużata tkun tista’, qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni li tikkawżalha preġudizzju, tara d-dokumenti kollha tal-fajl, kemm favuriha u kontriha, dwar l-imsemmi fastidju u li tinstema’ dwarhom. |
|
104 |
Il-komunikazzjoni tad-dokumenti kollha tal-fajl hija barra minn hekk espressament prevista fl-Artikolu 3(1) tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal għall-persuni li għalihom japplikaw dawn ir-regolamenti u li huma s-suġġett ta’ investigazzjoni dixxiplinari wara investigazzjoni tal-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF). |
|
105 |
F’dan il-każ, mill-proċess u mis-seduta jirriżulta li, matul il-proċedura li wasslet għall-konstatazzjoni tas-sitwazzjoni ta’ fastidju u għall-impożizzjoni tas-sanzjoni, għalkemm, permezz ta’ ittra tat‑23 ta’ Frar 2018, ir-rikorrenti ġiet informata bil-kontenut tal-ilmenti taż-żewġ APA, hija la kellha aċċess għad-dikjarazzjonijiet magħmula minnhom fis‑27 ta’ Frar 2018 quddiem il-Kumitat Konsultattiv u lanqas għad-dokumenti tal-fajl, b’mod partikolari l-posta elettronika u l-messaġġi, minkejja li din l-informazzjoni differenti ttieħdet inkunsiderazzjoni sabiex jiġi konkluż li jeżisti fastidju u sabiex ir-rikorrenti tkun issanzjonata. |
|
106 |
Waqt is-seduta, il-Parlament sostna li osserva l-prinċipju tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża, iżda ma kienx obbligat jagħti lir-rikorrenti aċċess għall-fajl fl-intier tiegħu. Fi kwalunkwe każ, huwa jsostni qabel kollox li r-rikorrenti fl-ebda mument ma talbet l-aċċess għall-fajl. Sussegwentement, il-komunikazzjoni tal-posta elettronika u tal-messaġġi li fuqhom ibbaża ruħu l-Kumitat Konsultattiv u sussegwentement il-President tal-Parlament sabiex jadottaw l-opinjoni u d-deċiżjoni tagħhom iltaqgħet ma’ diffikultajiet marbuta man-natura kunfidenzjali ta’ dawn id-dokumenti. Fl-aħħar mill-aħħar, il-komunikazzjoni ta’ dawn l-elementi ma kinitx neċessarja peress li, minħabba li dawn kienu indirizzati lir-rikorrenti jew ġew mibgħuta minnha, hija kienet taf bil-kontenut tagħhom. |
|
107 |
Fir-rigward tal-ewwel argument, għandu jitfakkar li, kuntrarjament għal dak li jsostni l-Parlament, fil-kuntest ta’ proċedura dwar fastidju, l-aċċess għall-fajl ma jistax ikun suġġett għal talba tal-persuna kkonċernata. Fil-fatt, hija l-awtorità kompetenti, li tmexxi l-proċedura miftuħa kontra din il-persuna, li għandha tosserva l-garanziji kollha meħtieġa, b’mod partikolari dawk relatati mad-drittijiet tad-difiża, mingħajr ma tistenna li tiġi mistiedna tagħmel dan. |
|
108 |
F’dak li jirrigwarda t-tieni argument, għandu jiġi kkonstatat li, fl-argumenti tiegħu, il-Parlament irrefera, b’mod ġenerali, għan-neċessità li jiġu protetti l-lanjanti sabiex jispjega li l-aċċess għad-dokumenti kkonċernati kien ġie limitat fil-proċedura kkunsidrata, mingħajr ma identifika l-informazzjoni li, minħabba l-karatteristiċi partikolari tagħha, kienet teħtieġ forma ta’ kunfidenzjalità, u lanqas ir-raġunijiet li kienu jiġġustifikaw dan. |
|
109 |
Fi kwalunkwe każ, għandu jitfakkar li l-kunfidenzjalità tista’ tiġi żgurata bl-użu ta’ diversi tekniki bħall-anonimizzazzjoni, l-iżvelar tas-sustanza tad-dokumenti tal-fajl fil-forma ta’ sunt jew il-ħabi ta’ ċerti partijiet tal-kontenut tagħhom (sentenza tal‑25 ta’ Ġunju 2020, HF vs Il‑Parlament, C‑570/18 P, EU:C:2020:490, punt 66). |
|
110 |
Fir-rigward tat-tielet argument, li, barra minn hekk, jikkontradixxi t-tieni wieħed, għandu jiġi rrilevat li, sabiex tkun tista’ tiżgura d-difiża tagħha, il-persuna akkużata għandu jkollha l-possibbiltà li tkun taf bi preċiżjoni d-dokumenti tal-fajl li fuqhom ġew ibbażati l-akkużi mressqa kontriha fid-deċiżjonijiet li jikkonċernawha. |
|
111 |
Waqt is-seduta, il-Parlament sostna li huwa kellu jidentifika l-elementi li kellhom jiġu kkomunikati lill-persuna akkużata b’fastidju, bil-kundizzjoni li din il-persuna kellha titlob id-dokumenti li fuqhom kienu bbażati dawn l-elementi jekk hija qieset li dan kien neċessarju. |
|
112 |
Dan l-argument ma jistax jintlaqa’. Fil-kuntest ta’ proċedura dwar fastidju, huma l-korpi kompetenti li għandhom jikkomunikaw lill-persuna kkonċernata, fl-osservanza ta’ kwalunkwe rekwiżiti ta’ kunfidenzjalità, mhux biss l-elementi li fuqhom huma bbażati l-allegazzjonijiet ta’ fastidju, iżda wkoll id-dokumenti insostenn ta’ dawn l-allegazzjonijiet, bħal dawk, jekk ikun il-każ, li jippermettu li dawn jiġu kkonfutati, peress li l-persuna kkonċernata għandu jkollha l-possibbiltà li tiddetermina hija stess kif tipprepara u timmotiva d-difiża tagħha. |
|
113 |
Għalhekk, l-argumenti invokati mill-Parlament kontra l-applikazzjoni f’dan il-każ tal-prinċipju tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża għandhom jiġu miċħuda. |
|
114 |
Konsegwentement, għandu jiġi kkonstatat li, f’dan il-każ, ġie miksur il-prinċipju ġenerali tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża. |
c) Fuq il-konsegwenzi tal-ksur tal-prinċipju tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża
|
115 |
Skont il-ġurisprudenza, il-ksur tad-drittijiet tad-difiża jwassal għall-annullament ta’ deċiżjoni adottata fi tmiem proċedura biss jekk, fl-assenza ta’ din l-irregolarità, din il-proċedura setgħet twassal għal riżultat differenti (sentenza tal‑4 ta’ April 2019, OZ vs BEI, C‑558/17 P, EU:C:2019:289, punt 76). |
|
116 |
Għall-qorti tal-Ġustizzja, dan ir-rekwiżit huwa ssodisfatt meta, peress li ma kellhiex aċċess għad-dokumenti li kellhom jiġu kkomunikati lilha b’applikazzjoni tar-rispett dovut għad-drittijiet tad-difiża, ir-rikorrenti ma setgħetx utilment issostni l-osservazzjonijiet tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑4 ta’ April 2019, OZ vs BEI, C‑558/17 P, EU:C:2019:289, punti 77 u 78, u tal‑25 ta’ Ġunju 2020, HF vs Il‑Parlament, C‑570/18 P, EU:C:2020:490, punt 73) u għalhekk ġiet imċaħħda mill-opportunità, anki ridotta, li tiżgura d-difiża tagħha aħjar (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Jannar 2019, Il‑Kummissjoni vs United Parcel Service, C‑265/17 P, EU:C:2019:23, punt 56). |
|
117 |
F’każ bħal dan, nuqqas ta’ komunikazzjoni tad-dokumenti tal-fajl li fuqhom ibbażat ruħha l-amministrazzjoni jaffettwa, fil-fatt, b’mod inevitabbli, fir-rigward tal-protezzjoni dovuta tad-drittijiet tad-difiża, ir-regolarità tal-atti adottati fi tmiem proċedura li tista’ taffettwa lir-rikorrenti b’mod sfavorevoli (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑4 ta’ April 2019, OZ vs BEI, C‑558/17 P, EU:C:2019:289, punt 78, u tal‑25 ta’ Ġunju 2020, HF vs Il‑Parlament, C‑570/18 P, EU:C:2020:490, punt 73). |
|
118 |
F’dan il-każ, mill-proċess u mis-seduta jirriżulta li, matul il-proċedura li tikkonċernaha, ir-rikorrenti la kellha aċċess għad-dikjarazzjonijiet magħmula miż-żewġ APA fis‑27 ta’ Frar 2018 quddiem il-Kumitat Konsultattiv u lanqas għall-fajl kollu, b’mod partikolari għall-kontenut integrali tal-posta elettronika jew tal-messaġġi li fuqhom kienu bbażati l-akkużi, filwaqt li din l-informazzjoni ttieħdet inkunsiderazzjoni fil-konstatazzjoni ta’ fastidju u fl-impożizzjoni tas-sanzjoni. |
|
119 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li d-definizzjoni tal-fastidju psikoloġiku fis-sens tal-Artikolu 12a(3) tar-Regolamenti tal-Persunal, li tikkoinċidi ma’ dik li tinsab fl-Artikolu 3(1) tar-Regoli tal‑14 ta’ April 2014, kif emendati fis‑6 ta’ Lulju 2015, timplika klassifikazzjoni kuntestwali tal-atti u tal-aġir tal-uffiċjali u tal-membri tal-persunal, li ma hijiex dejjem faċli li titwettaq (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑13 ta’ Lulju 2018, SQ vs BEI, T‑377/17, EU:T:2018:478, punt 99, u tat‑13 ta’ Lulju 2018, Curto vs Il‑Parlament, T‑275/17, EU:T:2018:479, punt 75). |
|
120 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkunsidrat, abbażi tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 115 sa 117 iktar ’il fuq, li, peress li ma kellhiex aċċess għall-kontenut sħiħ tal-fajl, ir-rikorrenti ġiet imċaħħda, f’dan il-każ, minn opportunità li tiddefendi ruħha aħjar u li din l-irregolarità affettwat, b’mod inevitabbli, il-kontenut tad-deċiżjonijiet meħuda dwar l-eżistenza tal-fastidju u dwar is-sanzjoni. |
|
121 |
Għaldaqstant, għandu jiġi ddeterminat sa fejn il-ksur tal-prinċipju tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża affettwa l-legalità tad-diversi deċiżjonijiet ikkontestati. |
1) Fuq id-deċiżjoni tal-President dwar is-sitwazzjoni ta’ fastidju
|
122 |
Id-deċiżjoni tal-President dwar il-fastidju hija l-ewwel waħda li ġiet adottata fi tmiem il-proċedura li kienet ivvizzjata mill-ksur tal-prinċipju tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża kkonstatat iktar ’il fuq. |
|
123 |
Peress li din id-deċiżjoni ġiet adottata mingħajr ma l-President seta’ kellu l-informazzjoni u l-argumenti li r-rikorrenti setgħet tiżviluppa li kieku, konformement ma’ dan il-prinċipju, hija kienet f’pożizzjoni li jkollha għarfien dwar id-dokumenti tal-fajl li fuqhom huwa kellu l-intenzjoni li jibbaża ruħu, hija għandha tiġi annullata. |
2) Fuq id-deċiżjoni tal-President dwar is-sanzjoni
|
124 |
Huwa ċar li l-legalità tad-deċiżjoni tal-President dwar is-sanzjoni hija wkoll affettwata mill-ksur tal-prinċipju tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża kkonstatat iktar ’il fuq. Fil-fatt, din hija bbażata fuq il-fatti ta’ fastidju allegati li l-konstatazzjoni tagħhom hija stess hija affettwata minn ksur tal-prinċipju tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża. |
|
125 |
Konsegwentement, id-deċiżjoni tal-President dwar is-sanzjoni għandha tiġi annullata minħabba ksur tal-prinċipju tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża. |
3) Fuq id-deċiżjoni tal-Bureau tal-Parlament
|
126 |
Il-Parlament iqis li d-deċiżjoni tal-Bureau tiegħu tikkonċerna biss is-sanzjoni, b’tali mod li din ma tistax tiġi affettwata mill-ksur tal-prinċipju tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża li jikkonċerna biss id-deċiżjoni tal-President dwar is-sitwazzjoni ta’ fastidju. |
|
127 |
Għandu jiġi enfasizzat li d-deċiżjoni tal-Bureau tal-Parlament tikkonferma d-deċiżjoni tal-President dwar is-sanzjoni u li din hija wkoll ibbażata fuq il-fatti ta’ fastidju allegati li l-konstatazzjoni tagħhom hija affettwata minn ksur tal-prinċipju tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża. L-illegalità li tivvizzja din il-konstatazzjoni għalhekk neċessarjament twassal għall-illegalità tad-deċiżjoni tal-Bureau tal-Parlament. |
|
128 |
Ċertament, fid-deċiżjoni tiegħu, il-Bureau tal-Parlament illimita l-kompitu li huwa kellu jeżerċita fil-kuntest tal-ilment ibbażat fuq l-Artikolu 167 tar-Regoli ta’ Proċedura billi indika fil-punt 4, minn naħa, li huwa “biss [kien] kompetenti sabiex jikkunsidra mill-ġdid is-sanzjoni nnifisha” u, min-naħa l-oħra, li eżami mill-ġdid dwar il-“fondatezza” tad-deċiżjoni dwar il-fastidju jew il-“fatti” li fuqhom hija bbażata d-deċiżjoni li tiġi imposta sanzjoni ma jaqax taħt il-kompetenzi tiegħu. |
|
129 |
Xorta jibqa’ l-fatt li, fl-istess punt 4 tad-deċiżjoni tiegħu, il-Bureau tal-Parlament ammetta li wettaq verifika tar-regolarità tal-proċedura li wasslet għall-adozzjoni tad-deċiżjoni dwar is-sitwazzjoni ta’ fastidju. |
|
130 |
Għalhekk, il-Bureau tal-Parlament indika li, “sabiex jirrendi r-rikors effettiv, [huwa qies li kien] xieraq li jipproċedi b’eżami li sempliċement jivverifika li l-konstatazzjoni ta’ fastidju psikoloġiku [kienet] ġiet stabbilita f’kundizzjonijiet tajbin u li, b’mod iktar speċifiku, il-proċedura segwita ma kinitx ivvizzjata b’difett manifest li jista’ jikkomprometti l-legalità tad-deċiżjoni li tiġi imposta sanzjoni”. |
|
131 |
Fl-istess sens, il-Bureau tal-Parlament afferma, fil-punt 5 tad-deċiżjoni tiegħu, li l-proċedura ma kienet affettwata bl-ebda difett li jikkontesta l-validità tad-deċiżjoni dwar is-sitwazzjoni ta’ fastidju u dik dwar is-sanzjoni. Fil-fatt, huwa ddikjara li, “[a]bbażi ta’ dan, il-Bureau [kien] tal-opinjoni li l-konstatazzjoni ta’ fastidju psikoloġiku stabbilit mill-President […] [kienet] twettqet f’kundizzjonijiet tajbin u li l-proċedura segwita ma [kinitx] ivvizzjata b’difett manifest li jista’ jikkomprometti l-legalità tad-deċiżjoni li tiġi imposta sanzjoni”. |
|
132 |
Għalhekk, il-Bureau tal-Parlament ibbaża d-deċiżjoni tiegħu fuq evalwazzjoni li, għar-raġunijiet esposti fil-punti 91 sa 114 iktar ’il fuq, saret bi ksur tal-prinċipju tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża. |
|
133 |
Din id-deċiżjoni għandha għalhekk tiġi annullata minħabba ksur ta’ dan il-prinċipju. |
4) Konklużjoni fuq it-talba għal annullament
|
134 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi kkunsidrat, mingħajr ma huwa neċessarju li jiġu eżaminati la l-ilmenti l-oħra li jinsabu fl-ewwel motiv, la l-motivi l-oħra mqajma mir-rikorrenti, la t-talbiet tagħha għal produzzjoni ta’ provi u ta’ produzzjoni ta’ provi, u lanqas it-talbiet tagħha għal miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura u għal miżuri istruttorji, li d-deċiżjoni tal-President dwar is-sitwazzjoni ta’ fastidju, id-deċiżjoni tal-President dwar is-sanzjoni u d-deċiżjoni tal-Bureau tal-Parlament għandhom jiġu annullati. |
C. Fuq it-talba għas-sostituzzjoni tas-sanzjoni dixxiplinari imposta b’dik prevista fl-Artikolu 166(4)(a) tar-Regoli ta’ Proċedura
|
135 |
Fit-talbiet tar-rikors, ir-rikorrenti titlob lill-Qorti Ġenerali, sussidjarjament, “tikkonstata li s-sanzjoni dixxiplinari imposta hija eċċessiva/sproporzjonata” u li “tissostitwixxiha b’dik prevista fl-Artikolu 166(a) tar-Regoli ta’ Proċedura”. Is-sanzjoni prevista minn din l-aħħar dispożizzjoni hija ċanfira. |
|
136 |
Peress li t-talba msemmija fil-punt 135 iktar ’il fuq għandha natura sussidjarja meta mqabbla mat-talba għal annullament u din intlaqgħet, ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni fuq din it-talba. |
D. Fuq it-talba għal kumpens
1. Fuq it-talba għad-danni
|
137 |
Fir-rikors, ir-rikorrenti titlob il-kundanna tal-Parlament għall-ħlas ta’ EUR 50000 jew ta’ ammont ogħla jew inqas li l-Qorti Ġenerali tistabbilixxi b’mod ekwu għall-aġir tal-President tiegħu u tal-membri tal-Bureau tiegħu. Is-sanzjoni imposta fuq ir-rikorrenti kienet partikolarment dannuża għaliha minħabba n-natura inġusta tagħha u peress li din ġiet trażmessa permezz tal-mezzi ta’ komunikazzjoni mhux biss fi ħdan il-Parlament, iżda wkoll fl-Istati Membri. |
|
138 |
Fir-replika, ir-rikorrenti tindika li hija ġarrbet tliet tipi ta’ dannu, jiġifieri, l-ewwel, dannu patrimonjali li jirriżulta mit-telf tal-allowance ta’ residenza għal tnax‑il jum u mill-fatt li hija kellha tikkuntenta ruħha bis-servizzi ta’ Assistent Parlamentari Akkreditat wieħed biss, it-tieni, dannu morali li jirriżulta mid-degradazzjoni tal-immaġni tagħha minħabba l-ammont ta’ rappurtaġġ tas-sanzjoni imposta fil-midja u, it-tielet, dannu li jirriżulta mill-esklużjoni tagħha mill-Movimento 5 Stelle. |
|
139 |
Il-Parlament iqis li din it-talba għandha tiġi miċħuda bħala, prinċipalment, inammissibbli u, sussidjarjament, infondata. |
|
140 |
F’dan ir-rigward, qabel kollox għandu jiġi rrilevat li l-kumpens għad-dannu patrimonjali li jirriżulta mit-telf tal-allowance ta’ residenza għal tnax‑il jum huwa konsegwenza possibbli li tista’ tingħata wara l-annullament tad-deċiżjoni tal-President dwar is-sanzjoni u tad-deċiżjoni tal-Bureau tal-Parlament. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 266 TFUE, hija l-istituzzjoni li l-att tagħha jkun ġie annullat li għandha l-obbligu li tieħu l-miżuri neċessarji għall-eżekuzzjoni tas-sentenza ta’ annullament. Fit-tqassim tal-kompetenzi bejn l-awtorità ġudizzjarja u l-awtorità amministrattiva, hija l-istituzzjoni li l-att tagħha jkun ġie annullat li għandha tiddetermina l-miżuri meħtieġa sabiex tiġi eżegwita sentenza ta’ annullament (ara s-sentenza tal‑5 ta’ Settembru 2014, Éditions Odile Jacob vs Il‑Kummissjoni, T‑471/11, EU:T:2014:739, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
141 |
Sussegwentement, fir-rigward tal-fatt li r-rikorrenti kellha tikkuntenta ruħha bis-servizzi ta’ Assistent Parlamentari Akkreditat wieħed biss, għandu jiġi kkonstatat li ma huwiex illeġittimu għal istituzzjoni li tieħu miżuri sabiex tbiegħed lill-persuni li jilmentaw b’fastidju minn dik akkużata. |
|
142 |
Għall-kumplament, it-talbiet tar-rikorrenti huma intiżi għall-kumpens ta’ dannu morali. |
|
143 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, skont il-ġurisprudenza, l-annullament ta’ att ivvizzjat b’illegalità jista’ jikkostitwixxi fih innifsu kumpens adegwat u, bħala prinċipju, suffiċjenti ta’ kull dannu morali li dan l-att seta’ kkawża (sentenzi tad‑9 ta’ Lulju 1987, Hochbaum u Rawes vs Il‑Kummissjoni, 44/85, 77/85, 294/85 u 295/85, EU:C:1987:348, punt 22, u tad‑9 ta’ Novembru 2004, Montalto vs Il‑Kunsill, T‑116/03, EU:T:2004:325, punt 127), sakemm ir-rikorrent ma jurix li ġarrab dannu morali separat mill-illegalità li fuqha huwa bbażat l-annullament u li ma jistax jiġi kollu kemm hu kkumpensat b’dan l-annullament (sentenza tal‑31 ta’ Mejju 2018, Korwin-Mikke vs Il‑Parlament, T‑352/17, EU:T:2018:319, punt 78). |
|
144 |
F’dan il-każ, l-annullament tad-deċiżjonijiet ikkontestati għandu jitqies li huwa suffiċjenti, iktar u iktar peress li d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali dwar il-motiv ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża ma tippreġudikax l-eżistenza jew in-nuqqas ta’ eżistenza ta’ fastidju. |
|
145 |
Għal finijiet ta’ kompletezza, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti, skont ir-regoli applikabbli għall-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali, ma esponietx l-elementi intiżi sabiex jistabbilixxu r-responsabbiltà tal-Parlament f’dak li jirrigwarda d-dannu morali allegat. |
|
146 |
Issa, skont ġurisprudenza stabbilita, sabiex jiġu ssodisfatti r-rekwiżiti tal-Artikolu 76(d) tar-Regoli tal-Proċedura, rikors intiż għall-kumpens għad-danni allegatament ikkawżati minn istituzzjoni tal-Unjoni għandu jinkludi l-elementi li jippermettu li jiġi identifikat l-aġir li r-rikorrent jakkuża lill-istituzzjoni bih, ir-raġunijiet għaliex jikkunsidra li teżisti rabta kawżali bejn l-aġir u d-dannu li huwa jallega li ġarrab, kif ukoll in-natura u l-portata ta’ dan id-dannu (ara s-sentenza tal‑20 ta’ Lulju 2017, ADR Center vs Il‑Kummissjoni, T‑644/14, EU:T:2017:533, punt 66 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
147 |
F’dan il-każ, ir-rikorrenti ma indikatx, fir-rikors, fiex kien jikkonsisti “l-aġir [tal‑]President [tal-Parlament] u tal-membri tal-Bureau [tiegħu]” li ta lok għal dan id-dannu morali u r-rabta kawżali bejn dan l-aġir u dan id-dannu. Hija lanqas ma spjegat dak li hija kienet ġarrbet personalment. |
|
148 |
Barra minn hekk, skont l-Artikolu 85(1) tar-Regoli tal-Proċedura, “il-provi u l-offerti ta’ provi għandhom jiġu prodotti fil-kuntest tal-ewwel skambju ta’ noti”. |
|
149 |
F’dan il-każ, ir-rikorrenti ma pproduċietx il-provi tad-dannu morali tagħha fl-anness tar-rikors, minkejja li dawn seħħew qablu. Fil-fatt, id-diversi pubblikazzjonijiet huma ddatati f’Ottubru 2018 u d-deċiżjoni li permezz tagħha hija ġiet eskluża mill-partit tagħha hija ddatata l‑31 ta’ Diċembru 2018. |
|
150 |
Ċertament, skont l-Artikolu 85(2) tar-Regoli tal-Proċedura, “[i]l-partijiet prinċipali jistgħu jipproduċu jew jipproponu provi ġodda insostenn tal-argumenti tagħhom anki fir-replika u fil-kontroreplika, bil-kundizzjoni li jiġġustifikaw għaliex dawn il-provi ġew prodotti jew proposti tard”. |
|
151 |
Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma indikatx ir-raġunijiet li għalihom il-provi li hija pproduċiet kienu ġew prodotti tardivament. |
|
152 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-talba għad-danni għandha tiġi miċħuda. |
2. Fuq it-talbiet l-oħra għal kumpens
|
153 |
Fil-punt 63 tar-rikors, ir-rikorrenti titlob lill-Qorti Ġenerali “tordna lill-Parlament jadotta miżuri ta’ kumpens għad-danni li jikkonsistu […] fil-komunikazzjoni tad-deċiżjoni mogħtija waqt sessjoni plenarja tal-Parlament […] u fil-komunikazzjoni tal-informazzjoni lill-korpi ta’ informazzjoni l-iktar importanti, permezz u għall-ispejjeż tal-Parlament […], kif ukoll fil-komunikazzjonijiet pubbliċitarji kollha xierqa sabiex tiġi rrestitwita l-kunsiderazzjoni ġusta tal-opinjoni pubblika fir-rigward tar-rikorrenti”. Bl-istess mod, fit-talbiet tar-rikors, ir-rikorrenti titlob lill-Qorti Ġenerali tordna lill-President jippubblika l-informazzjoni dwar l-eżistenza tal-kumpens f’seduta plenarja. |
|
154 |
Kif jenfasizza l-Parlament, il-qorti tal-Unjoni ma tistax, mingħajr ma tidħol fuq il-prerogattivi tal-awtorità amministrattiva, tagħti ordnijiet lil istituzzjoni jew lil korp tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Jannar 2019, HJ vs EMA, T‑881/16, mhux ippubblikata, EU:T:2019:5, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
155 |
Skont il-ġurisprudenza, dan il-prinċipju ma jwassalx biss għaċ-ċaħda tat-talbiet ifformulati fil-kuntest ta’ rikors għal annullament u intiżi sabiex l-istituzzjoni jew il-korp konvenut jiġi ordnat jieħu l-miżuri neċessarji għall-eżekuzzjoni ta’ sentenza ta’ annullament, minħabba n-nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tal-Qorti Ġenerali, iżda japplika, bħala prinċipju, ukoll, għal rikors għad-danni li fil-kuntest tiegħu rikorrent jitlob li istituzzjoni tiġi ordnata tieħu miżuri speċifiċi bl-għan li jiġi kkumpensat id-dannu allegat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Jannar 2019, HJ vs EMA, T‑881/16, mhux ippubblikata, EU:T:2019:5, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
156 |
Għaldaqstant, hemm lok li jiġu miċħuda t-talbiet għal kumpens li jikkonsistu fil-“komunikazzjoni tad-deċiżjoni mogħtija waqt sessjoni plenarja tal-Parlament […] u fil-komunikazzjoni tal-informazzjoni lill-korpi ta’ informazzjoni l-iktar importanti, permezz u għall-ispejjeż tal-Parlament […], kif ukoll fil-komunikazzjonijiet pubbliċitarji kollha xierqa sabiex tiġi rrestitwita l-kunsiderazzjoni ġusta tal-opinjoni pubblika fir-rigward tar-rikorrenti”. |
IV. Fuq l-ispejjeż
|
157 |
Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. |
|
158 |
Skont l-Artikolu 134(2) tar-Regoli tal-Proċedura, jekk ikun hemm iktar minn parti waħda li titlef il-kawża, il-Qorti Ġenerali għandha tiddeċiedi dwar kif għandhom jinqasmu l-ispejjeż. |
|
159 |
Skont l-Artikolu 135 tar-Regoli tal-Proċedura, meta jkun meħtieġ għal raġunijiet ta’ ekwità, il-Qorti Ġenerali tista’ tiddeċiedi li parti li titlef għandha tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha, parti biss mill-ispejjeż sostnuti mill-parti l-oħra, jew saħansitra li ma għandhiex tiġi kkundannata f’dan ir-rigward. |
|
160 |
F’dan il-każ, l-ekwità teħtieġ li, minkejja li t-talba għal kumpens tar-rikorrenti ġiet miċħuda, il-Parlament għandu jiġi kkundannat ibati l-ispejjeż rispettivi kollha tiegħu u dawk sostnuti mir-rikorrenti peress li huwa tilef fil-parti l-kbira tal-argumenti tiegħu. |
|
Għal dawn il-motivi, IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla Estiża) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
|
Gervasoni Madise Nihoul Frendo Martín y Pérez de Nanclares Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit‑3 ta’ Frar 2021. Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: it-Taljan.
( i ) Konformement mal-leġiżlazzjoni fil-qasam tal-protezzjoni tad-data personali fil-kuntest tal-funzjonijiet ġudizzjarji tal-Qorti Ġenerali, ċerta data tħassret fil-verżjoni pubblika tas-sentenza permezz ta’ deċiżjoni tar-Reġistratur u ssostitwita b’[data personali].