Brussell, 16.7.2021

COM(2021) 394 final

2021/0217(NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni Ewropea, fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE rigward emenda għall-Protokoll 31 tal-Ftehim ŻEE, dwar kooperazzjoni f’oqsma speċifiċi barra mill-erba’ libertajiet

(Linja baġitarja PA 13 17 01 - Azzjoni Preparatorja fuq ir-Riċerka dwar id-Difiża)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.Suġġett tal-proposta

Din il-proposta tikkonċerna d-deċiżjoni li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE b’rabta mal-adozzjoni prevista tad-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt rigward emenda tal-Protokoll 31 tal-Ftehim ŻEE, dwar kooperazzjoni f’oqsma speċifiċi barra mill-erba’ libertajiet

2.Kuntest tal-proposta

2.1.Il-Ftehim ŻEE

Il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (“il-Ftehim ŻEE”) jiggarantixxi drittijiet u obbligi ugwali fis-Suq Intern għaċ-ċittadini u l-operaturi ekonomiċi fiż-ŻEE. Jipprevedi l-inklużjoni ta’ leġiżlazzjoni tal-UE li tkopri l-erba’ libertajiet fit-30 Stat taż-ŻEE li jinkludu l-Istati Membri tal-UE, in-Norveġja, l-Iżlanda u l-Liechtenstein. Barra minn hekk, il-Ftehim ŻEE jkopri l-kooperazzjoni f’oqsma importanti oħra bħar-riċerka u l-iżvilupp, l-edukazzjoni, il-politika soċjali, l-ambjent, il-protezzjoni tal-konsumatur, it-turiżmu u l-kultura, li kollettivament huma magħrufa bħala politiki “ta’ appoġġ u orizzontali”. Il-Ftehim daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 1994. L-Unjoni Ewropea, flimkien mal-Istati Membri tagħha, hija parti għall-Ftehim.

2.2.Il-Kumitat Konġunt taż-ŻEE

Il-Kumitat Konġunt taż-ŻEE huwa responsabbli għall-ġestjoni tal-Ftehim ŻEE. Huwa forum għall-iskambju ta’ fehmiet marbuta mal-funzjonament tal-Ftehim ŻEE. Id-deċiżjonijiet tiegħu jittieħdu permezz ta’ kunsens. F’konformità mat-Trattat ta’ Lisbona, ir-responsabbiltà għall-koordinazzjoni tal-kwistjonijiet taż-ŻEE min-naħa tal-UE hija tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna.

2.3.L-att previst tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE

Il-Kumitat Konġunt taż-ŻEE huwa mistenni jadotta d-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE (“l-att previst”) rigward l-emenda tal-Protokoll 31 tal-Ftehim ŻEE, dwar kooperazzjoni f’oqsma speċifiċi barra mill-erba’ libertajiet.

L-għan tal-att previst huwa li jippermetti lill-Istati taż-ŻEE tal-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles Ewropew (EFTA) ikomplu jipparteċipaw fl-Azzjoni Preparatorja tal-Unjoni fuq ir-Riċerka dwar id-Difiża (minn hawn ’il quddiem l-“Azzjoni Preparatorja”) fis-sena finanzjarja 2021.

L-Azzjoni Preparatorja seħħet fil-perjodu 2017-2019; huwa biss matul dan il-perjodu li l-approprjazzjonijiet ta’ impenn setgħu jiddaħħlu fil-baġit tal-Unjoni. Madankollu, l-impenji legali mis-snin preċedenti fl-ambitu tal-Azzjoni Preparatorja għad iridu jiġu ssodisfati. Għal din ir-raġuni, jenħtieġ li l-Istati taż-ŻEE-EFTA ikomplu jipparteċipaw.

Billi l-Liechtenstein u l-Iżlanda ma esprimewx l-interess tagħhom li jipparteċipaw f’din l-Azzjoni Preparatorja, l-abbozz ta’ Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE jikkonċerna biss lin-Norveġja.

L-att previst se jsir vinkolanti għall-partijiet f’konformità mal-Artikoli 103 u 104 tal-Ftehim ŻEE.

3.Pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni

Is-SEAE flimkien mas-servizzi tal-Kummissjoni jippreżenta l-abbozz ta’ Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE għall-adozzjoni mill-Kunsill bħala l-pożizzjoni tal-Unjoni. Is-SEAE jittama li jkun fil-qagħda li jippreżentah fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE kemm jista’ ikun malajr.

Il-kontenut u n-natura tal-abbozz tad-Deċiżjoni anness tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE jmorru lil hinn minn dawk li jistgħu jitqiesu bħala sempliċi adattamenti tekniċi fis-sens tar-Regolament tal-Kunsill Nru 2894/94. Għaldaqstant, il-pożizzjoni tal-Unjoni għandha tiġi stabbilita mill-Kunsill.

Il-Ftehim taż-ŻEE jipprevedi fl-Artikolu 78 li l-Partijiet Kontraenti għandhom isaħħu u jwessgħu l-kooperazzjoni fil-qafas tal-attivitajiet tal-UE fl-oqsma tar-riċerka u l-iżvilupp teknoloġiku. 

In-Norveġja diġà pparteċipat fl-Azzjoni Preparatorja fuq ir-Riċerka dwar id-Difiża fis-snin preċedenti (2017-2019) li matulha saru l-approprjazzjonijiet ta’ impenn u se tkompli tipparteċipa sakemm l-approprjazzjonijiet ta’ pagament kollha jiġu eżawriti. Barra minn hekk, diġà fl-2014, in-Norveġja (i) ikkonkludiet Ftehim ta’ Kooperazzjoni mal-Aġenzija Ewropea għad-Difiża u (ii) id-Direttiva dwar l-Akkwist tad-Difiża u s-Sigurtà (2009/81/KE) relatata ġiet inkorporata fil-Ftehim ŻEE.

Skont il-politika baġitarja tal-UE, kull parteċipazzjoni f’attività tal-UE tista’ sseħħ biss wara li titħallas il-kontribuzzjoni finanzjarja korrispondenti. Il-pagament jista’ madankollu jseħħ ladarba dan l-abbozz ta’ Deċiżjoni tal-Kunsill jiġi adottat u wara li s-sejħa għal fondi tal-UE stabbilita mill-Kummissjoni Ewropea tkun ġiet ippreżentata lill-Istati tal-EFTA taż-ŻEE.

Għalhekk, biex ikun kopert il-perjodu bejn l-1 ta’ Jannar 2021 u r-riċeviment tal-pagament rispettiv, l-abbozz tad-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt għandu jkun applikabbli b’mod retroattiv mill-1 ta’ Jannar 2021. Ir-retroattività ma taffettwax id-drittijiet u l-obbligi tal-persuni kkonċernati u tirrispetta l-prinċipju tal-aspettattivi leġittimi.

Id-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt annessa hija akkumpanjata minn dikjarazzjoni unilaterali tal-Istati taż-ŻEE-EFTA, li tiddikjara li d-Deċiżjoni testendi l-kooperazzjoni tal-Partijiet Kontraenti biex ikomplu l-parteċipazzjoni tal-Istati taż-ŻEE-EFTA fl-azzjoni preparatorja tal-Unjoni fuq ir-riċerka dwar id-difiża. L-Istati taż-ŻEE-EFTA jqisu li l-kwistjonijiet ta’ difiża jaqgħu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Ftehim taż-ŻEE, u li għalhekk, l-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni ma testendix il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Ftehim taż-ŻEE biex tinkludi kwistjonijiet ta’ difiża lil hinn mill-parteċipazzjoni tal-Istati taż-ŻEE-EFTA f’dik l-Azzjoni Preparatorja. L-Istati taż-ŻEE-EFTA jisħqu wkoll li l-Iżlanda u l-Liechtenstein ma għandhomx jipparteċipaw, jew jikkontribwixxu finanzjarjament, għal din l-Azzjoni Preparatorja.

4.Bażi ġuridika

4.1.Bażi ġuridika proċedurali

4.1.1.Prinċipji

L-Artikolu 218(9) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (it-TFUE) jipprevedi deċiżjonijiet li jistabbilixxu “l-pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati f’isem l-Unjoni f’sede stabbilita fi ftehim, meta dik is-sede tintalab tadotta atti li jkollhom effetti legali, sakemm dawn ma jkunux atti li jissupplimentaw jew jemendaw il-qafas istituzzjonali tal-ftehim.”

Il-kunċett ta’ “atti li jkollhom effetti legali” jinkludi l-atti li jkollhom effetti legali bis-saħħa ta’ regoli tad-dritt internazzjonali li jirregolaw is-sede kkonċernata. Jinkludi wkoll strumenti li ma għandhomx effett vinkolanti skont id-dritt internazzjonali, iżda li “jistgħu jinfluwenzaw b’mod determinanti l-kontenut tal-leġiżlazzjoni adottata mil-leġiżlatur tal-Unjoni” 1 .

4.1.2.Applikazzjoni għall-każ preżenti

Il-Kumitat Konġunt taż-ŻEE huwa korp imwaqqaf bi ftehim, jiġifieri l-Ftehim ŻEE. L-att li l-Kumitat Konġunt taż-ŻEE huwa mitlub jadotta jikkostitwixxi att b’effetti legali. L-att previst se jkun vinkolanti skont id-dritt internazzjonali f’konformità mal-Artikoli 103 u 104 tal-Ftehim ŻEE.

L-att previst la jissupplimenta u lanqas ma jemenda l-qafas istituzzjonali tal-Ftehim. Għalhekk, il-bażi ġuridika proċedurali għad-deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 218(9) TFUE b’rabta mal-Artikolu 1(3) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 2894/94 dwar l-arranġamenti għall-implimentazzjoni tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea.

4.2.Bażi ġuridika sostantiva

4.2.1.Prinċipji

Il-bażi ġuridika sostantiva għal deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) TFUE tiddependi primarjament fuq l-objettiv u l-kontenut tal-att previst li dwarhom trid tittieħed pożizzjoni f’isem l-Unjoni. Jekk l-att previst ikollu żewġ għanijiet jew żewġ komponenti, u jekk wieħed minn dawk l-għanijiet jew minn dawk il-komponenti jkun jista’ jiġi identifikat bħala dak ewlieni, filwaqt li l-ieħor ikun biss wieħed inċidentali, id-Deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE trid tissejjes fuq bażi ġuridika sostantiva waħda, jiġifieri dik mitluba mill-għan jew mill-komponent ewlieni jew predominanti.

Fir-rigward ta’ att previst li jkollu għadd ta’ objettivi f’daqqa, jew li jkollu diversi komponenti, li jkunu marbuta b’mod inseparabbli mingħajr ma wieħed ikun inċidentali għall-ieħor, il-bażi ġuridika sostantiva ta’ deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE jkollha tinkludi, b’mod eċċezzjonali, id-diversi bażijiet ġuridiċi korrispondenti.

4.2.2.Applikazzjoni għall-każ preżenti

L-att previst isegwi l-objettivi u għandu komponenti fil-qasam tal-Azzjonijiet Preparatorji fil-qasam tar-Riċerka dwar id-Difiża. Il-bażi ġuridika sostantiva għandha tikkorrispondi mal-bażi ġuridika ta’ din l-Azzjoni Preparatorja, li hija l-Artikolu 58(2)(b) tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 (“ir-Regolament Finanzjarju”) 2 .

4.3.Konklużjoni

Jenħtieġ li l-bażi ġuridika tad-deċiżjoni proposta tkun l-Artikolu 58(2)(b) tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 3 , b’rabta mal-Artikolu 218(9) TFUE u l-Artikolu 1(3) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 2894/94 dwar l-arranġamenti għall-implimentazzjoni tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea.

5.Implikazzjonijiet baġitarji

In-Norveġja għandha tikkontribwixxi finanzjarjament għal-Linja Baġitarja PA 13 17 01: “Azzjoni preparatorja fuq ir-Riċerka dwar id-difiża”. L-ammont eżatt għandu jiġi ddeterminat ladarba din id-Deċiżjoni tal-Kunsill tiġi adottata.

6.Pubblikazzjoni tal-att previst

Billi l-att tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE se jemenda l-Protokoll 31 tal-Ftehim ŻEE, dwar kooperazzjoni f’oqsma speċifiċi barra mill-erba’ libertajiet, huwa xieraq li dan jiġi ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea wara l-adozzjoni tiegħu.

2021/0217 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni Ewropea, fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE rigward emenda għall-Protokoll 31 tal-Ftehim ŻEE, dwar kooperazzjoni f’oqsma speċifiċi barra mill-erba’ libertajiet

(Linja baġitarja PA 13 17 01 - Azzjoni Preparatorja fuq ir-Riċerka dwar id-Difiża)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) 2894/94 tat-28 ta’ Novembru 1994 dwar l-arranġamenti għall-implimentazzjoni tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea 4 , u b’mod partikolari l-Artikolu 1(3) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 5 , u b’mod partikolari l-Artikoli 58(2)(b), tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)Il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea 6 (“il-Ftehim ŻEE”) daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 1994.

(2)Skont l-Artikolu 98 tal-Ftehim ŻEE, il-Kumitat Konġunt taż-ŻEE jista’ jiddeċiedi li jemenda, fost l-oħrajn, il-Protokoll 31 tal-Ftehim ŻEE.

(3)Il-Protokoll 31 tal-Ftehim ŻEE fih dispożizzjonijiet dwar kooperazzjoni f’oqsma speċifiċi barra mill-erba’ libertajiet.

(4)L-Istati taż-ŻEE-EFTA għandhom ikomplu jipparteċipaw fl-attivitajiet tal-Unjoni relatati mal-linja baġitarja PA 13 17 01 (Azzjoni Preparatorja fuq ir-Riċerka dwar id-Difiża), imdaħħla fil-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2021.

(5)Il-Protokoll 31 tal-Ftehim ŻEE jenħtieġ għalhekk li jiġi emendat sabiex jippermetti li din il-kooperazzjoni estiża tkompli mill-1 ta’ Jannar 2021.

(6)Il-pożizzjoni tal-Unjoni fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE jenħtieġ li tkun ibbażata fuq l-abbozz ta’ Deċiżjoni mehmuż,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f’isem l-Unjoni, fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE rigward l-emenda proposta fil-Protokoll 31 tal-Ftehim ŻEE, dwar kooperazzjoni f’oqsma speċifiċi barra mill-erba’ libertajiet, għandha tkun ibbażata fuq l-abbozz tad-deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    Is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Ottubru 2014, il-Ġermanja v il-Kunsill, C-399/12, ECLI:EU:C:2014:2258, il-paragrafi 61 sa 64.
(2)    ĠU L 193, 30.07.2018, p.1
(3)    ĠU L 193, 30.07.2018, p.1
(4)    ĠU L 305, 30.11.1994, p. 6–8.
(5)    ĠU L 193, 30.07.2018, p.1
(6)    ĠU L 1, 3.1.1994, p. 3.