30.3.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 83/13


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

tas-16 ta’ Frar 2010

li tavża lill-Greċja biex tieħu miżuri għat-tnaqqis tal-iżbilanċ li huwa meqjus neċessarju biex jagħmel tajjeb għas-sitwazzjoni ta’ żbilanċ eċċessiv

(2010/182/UE)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari Artikolu 126(9), flimkien mal-Artikolu 136 tiegħu;

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni,

Billi:

(1)

Skont l-Artikolu 126(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), l-Istati Membri għandhom jevitaw żbilanċi eċċessivi tal-gvern.

(2)

Il-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir huwa bbażat fuq l-objettiv ta’ finanzi sodi tal-gvern bħala mezz ta’ tisħiħ tal-kundizzjonijiet għall-istabbiltà tal-prezzijiet u għal tkabbir sostenibbli b’saħħtu li jwassal għall-ħolqien tal-impjiegi.

(3)

Ir-riforma tal-2005 tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir fittxet li ssaħħaħ l-effikaċja u s-sostenn ekonomiku tiegħu, kif ukoll li tħares is-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi għal tul ta’ żmien. Kellha l-għan li tiżgura li, b’mod partikolari, jitqies l-isfond ekonomiku u baġitarju kollu fl-istadji kollha fil-proċedura ta’ żbilanċ eċċessiv. B’dan il-mod, il-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir jipprovdi l-qafas li jsostni l-linji politiċi tal-gvern għal ritorn malajr għal pożizzjonijiet baġitarji sodi waqt li titqies is-sitwazzjoni ekonomika.

(4)

Fis-27 ta’ April 2009, il-Kunsill iddeċieda, skont l-Artikolu 104(6) tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea (TKE), li fil-Greċja kien jeżisti żbilanċ eċċessiv u ħareġ rakkomandazzjonijiet biex ikun ikkoreġut l-iżbilanċ eċċessiv sa mhux aktar tard mill-2010, skont l-Artikolu 104(7) tat-TKE u l-Artikolu 3(4) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1467/97 tas-7 ta’ Lulju 1997 dwar li titħaffef u li tiġi ċċarata l-implimentazzjoni tal-proċedura ta’ defiċit eċċessiv (1). Il-Kunsill stabbilixxa ukoll s-27 ta’ Ottubru 2009 bħala d-data sa meta għandha tittieħed azzjoni effikaċi.

(5)

L-iżbilanċ attwali u ppjanat tal-gvern u d-data dwar id-dejn innotifikati f’April 2009 mill-Greċja ġew riveduti sustanzjalment ‘il fuq fin-notifikazzjoni ta’ Ottubru 2009. Il-figura tal-iżbilanċ għall-2008 telgħet għal 7,75 % tal-PGD (minn 5 % tal-PGD notifikata f’April 2009), waqt li l-proporzjon tad-dejn kien irrapportat li kien laħaq 99 % tal-PGD fl-aħħar tal-2008 (meta mqabbel ma’ 97,6 % kif irrapportat f’April 2009). Skont l-Artikolu 15(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 479/2009 tal- 25 ta’ Mejju 2009 dwar l-applikazzjoni tal-Protokoll dwar il-proċedura tal-iżbilanċ eċċessiv anness mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea (2), il-Kummissjoni (Eurostat) esprimiet riżerva ġenerali dwar il-kwalità tad-data attwali rrapportata mill-Greċja, minħabba ‘inċertezzi sinifikanti’ dwar iċ-ċifri nnotifikati mill-Greċja. Ir-riżerva tal-Kummissjoni (Eurostat) dwar l-istatistika tal-finanzi tal-gvern Grieg għadha ma ġietx irtirata u, għalhekk, l-istatistika tal-finanzi tal-gvern Grieg bħalissa għadha mhijiex validata u hija soġġetta għal aktar reviżjonijiet. Skont it-tbassir tal-ħarifa 2009 tas-servizzi tal-Kummissjoni u l-aġġornament ta’ Jannar 2010 tal-Programm ta’ Stabbiltà Grieg (minn hawn ‘il quddiem “l-aġġornament ta’ Jannar 2010”), l-iżbilanċ ġenerali tal-gvern kien laħaq 12,75 % tal-PGD fl-2009, imqabbel mal-mira ta’ 3,7 % tal-PGD fl-aġġornament ta’ Jannar 2009. Abbażi tar-rata tat-tkabbir reali tal-PGD kif uffiċjalment ipprojettat ta’ – 0,25 % fl-2010, il-mira baġitarja tal-2010 hija ta’ 8,7 % tal-PGD u din hija ogħla sew mill-valur ta’ referenza ta’ 3 % tal-PGD.

(6)

Fit-2 ta’ Diċembru 2009, il-Kunsill stabbilixxa, skont l-Artikolu 126(8) tat-TFUE, li l-Greċja ma kienet ittieħdet ebda azzjoni effikaċi bi tweġiba għar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill skont l-Artikolu 104(7) TKE tas-27 ta’ April 2009 (minn hawn ‘il quddiem “ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2009”).

(7)

Fil-11 ta’ Frar 2010, il-Kunsill Ewropew ikkunsidra s-sitwazzjoni fiskali fil-Greċja, appoġġja l-isforzi tal-Gvern Grieg u l-impenn tiegħu li jagħmel dak kollu neċessarju, inkluż l-adozzjoni ta’ miżuri addizzjonali, sabiex jiġi żgurat li l-miri ambizzjużi stabbiliti fil-programm ta’ stabbilità jiġu sodisfatti, u talab lill-Greċja sabiex timplimenta il-miżuri kollha b’mod rigoruż u determinat sabiex effettivament tnaqqas il-proporzjon tal-iżbilanċ fiskali b’4 punti perċentwali tal-PGD fl-2010.

(8)

Skont l-Artikolu 126(9) tat-TFUE, jekk Stat Membru jkompli jonqos milli jpoġġi fil-prattika r-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill, il-Kunsill jista’ jiddeċiedi li javża lill-Istat Membru biex, f’perjodu speċifikat ta’ żmien, jieħu miżuri għat-tnaqqis tal-iżbilanċ. Din m’hijiex l-ewwel darba li l-Kunsill iddeċieda li jinnotifika lill-Greċja skont l-Artikolu 126(9) tat-TFUE. Fis-17 ta’ Frar 2005, il-Kunsill iddeċieda li jinnotifika lill-Greċja, skont l-Artikolu 104(9) TKE, sabiex tieħu miżuri għat-tnaqqis tal-iżbilanċ meqjus neċessarju sabiex tiġi rimedjata s-sitwazzjoni tal-iżbilanċ eċċessiv.

(9)

Għandhom jitqiesu l-fatturi li ġejjin biex ikun stabbilit il-kontenut tal-avviż skont l-Artikolu 126(9) tat-TFUE, inkluża l-iskadenza għall-korrezzjoni tal-iżbilanċ eċċessiv. L-ewwel, ir-riżultat tal-istima tal-iżbilanċ għall-2009 huwa sostanzjalment ogħla milli kien mistenni meta r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2009 kienet ġiet adottata u n-nuqqasijiet fl-infiq u t-tnaqqis fid-dħul aktar milli annullaw l-impatt tal-miżuri ta’ konsolidazzjoni baġitarja implimentati matul l-2009. L-aġġustament totali meħtieġ biex ikun ikkoreġut l-iżbilanċ eċċessiv huwa ogħla minn 9,75 punti perċentwali tal-PGD. It-tieni, l-aġġustament baġitarju nominali mbassar fl-aġġornament ta’ Jannar 2010 jammonta għal 4 punti perċentwali tal-PGD, li minnhom, skont l-awtoritajiet Griegi, żewġ terzi jirriżultaw minn miżuri permanenti.

(10)

Fid-dawl ta’ dawn il-fatturi jidher li l-iskadenza li kienet iffissata fir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2009 għall-korrezzjoni tal-iżbilanċ eċċessiv fil-Greċja teħtieġ li, minħabba d-daqs tal-konsolidazzjoni meħtieġa, tiġi estiża b’sentejn sal-2012, f’konformità mal-aġġornament ta’ Jannar 2010.

(11)

Fis-16 ta’ Frar 2010, il-Kunsill adotta Rakkomandazzjoni lill-Greċja (3) bil-għan li jtemm l-inkonsistenza mal-linji gwida wesgħin tal-politiki ekonomiċi fil-Greċja u t-tneħħija tar-riskju tat-tfixkil tal-funzjonament korrett tal-unjoni ekonomika u monetarja (minn hawn ‘il quddiem “ir-Rakkomandazzjoni tas-16 ta’ Frar 2010”).

(12)

Abbażi tar-rati tat-tkabbir reali tal-PGD ta’ – 0,25 % u 0,75 %, skont it-tbassir tal-ħarifa 2009 tas-servizzi tal-Kummissjoni għall-2010 u għall-2011, u minħabba r-riskji għall-prospett baġitarju, l-implimentazzjoni rigoruża tal-baġit għall-2010 se tkun ta’ importanza kbira biex il-kontijiet tal-gvern jitqiegħdu f’direzzjoni li twassal għall-korrezzjoni tal-iżbilanċ eċċessiv sal-2012. L-adozzjoni ta’ miżuri permanenti konkreti fl-2011 u fl-2012 hija neċessarja biex jintlaħqu l-iżbilanċi tal-gvern li ma jkunux jaqbżu 5,6 % fl-2011 u 2,8 % tal-PGD fl-2012. L-isforz fiskali mkejjel f’termini strutturali biex tintlaħaq tali direzzjoni ta’ tnaqqis tal-iżbilanċ għandu jkun mill-inqas ta’ 3,5 % tal-PGD fl-2010 u fl-2011 u 2,5 % tal-PGD fl-2012.

(13)

Il-korrezzjoni tal-iżbilanċ eċċessiv teħtieġ għadd ta’ tnaqqis speċifiku fl-infiq tal-gvern (inkluż, b’mod partikolari, tnaqqis fil-kont tal-pagi, it-trasferimenti soċjali u l-impjiegi pubbliċi) u żidiet fid-dħul (inkluż, b’mod partikolari, riforma fit-taxxa, żidiet fit-taxxi tas-sisa u tal-proprjetà immobiljari), kif ukoll titjib fil-qafas fiskali Grieg (bħal ibbaġitjar fuq perjodu ta’ żmien medju, l-adozzjoni ta’ regoli fiskali u numru ta’ tibdiliet istituzzjonali). Ħafna minn dawn il-miżuri ġew deskritti mill-awtoritajiet Griegi nfushom fl-aġġornament ta’ Jannar 2010. L-implimentazzjoni sħiħa tal-miżuri neċessarji kollha b’rispett għall-iskadenzi fissi għandha tintalab espliċitament minħabba li tidher li hija strettament neċessarja li s-sitwazzjoni tal-finanzi pubbliċi fil-Greċja terġa’ tinġieb lura kif kienet b’mod kredibbli u sostenibbli. Minħabba r-riskji relatati mad-direzzjoni ppjanata għall-konsolidazzjoni fiskali, il-Greċja għandha, kif imħabbar fil-programm ta’ stabbiltà, tkun lesta li tadotta miżuri addizzjonali u timplimentahom sabiex tiżgura li d-direzzjoni ta’ aġġustament tiġi segwita.

(14)

Minħabba n-nuqqasijiet gravi u rikorrenti li ġew osservati fil-kumpilazzjoni tal-istatistika fiskali fil-Greċja, u sabiex ikun hemm monitoraġġ adegwat tal-qagħda tal-finanzi pubbliċi fil-Greċja, jeħtieġu jsiru aktar sforzi biex jitjiebu l-ġbir u l-ipproċessar tad-data tal-gvern ġenerali meħtieġa taħt il-qafas legali eżistenti, partikolarment bit-titjib tal-mekkaniżmi li jiżguraw il-forniment malajr u korrett ta’ din id-data. Dan jinkludi l-ġbir kull tliet xhur u kull sena tal-istatistika tal-finanzi tal-gvern skont ir-Regolamenti (KE) Nru 2223/96 (4), (KE) Nru 264/2000 (5), (KE) Nru 1221/2002 (6), (KE) Nru 501/2004 (7), (KE) Nru 1222/2004 (8), (KE) Nru 1161/2005 (9) u (KE) Nru 479/2009, kif ukoll tal-pubblikazzjoni ta’ dejta dwar l-eżekuzzjoni tal-baġit tal-Istat u d-disponibbiltà fil-pront ta’ data finanzjarja dwar is-sigurtà soċjali, il-gvern lokali u fondi barra mill-baġit. Iżda, meta jitqies li l-bidliet amministrattivi li jkunu meħtieġa biex tkun miġbura statistika affidabbli jistgħu jieħdu ż-żmien, huwa importanti li l-bdil fil-livell tad-dejn tal-gvern jiġi regolarment monitorjat u li l-miri politiċi jkunu definiti kemm b’rabta mal-iżbilanċ, kif ukoll mal-bdil fil-livell tad-dejn.

(15)

Id-dejn gross fl-aħħar tal-2009 huwa stmat li qabeż 113 % tal-PGD. Dan huwa fost l-ogħla proporzjon ta’ dejn meta mqabbel mal-PGD fl-Unjoni, u huwa ogħla sew mill-valur ta’ referenza ta’ 60 % tal-PGD stabbilit taħt it-TFUE. Meta akkoppjat mal-iżviluppi tas-suq u l-evalwazzjoni mill-ġdid implikata tar-riskju, dan mhux biss jagħmel il-finanzjament ta’ kwalunkwe ħruġ addizzjonali aktar għali, iżda jżid ukoll l-ispiża tar-rifinanzjament tal-istokk eżistenti ta’ dejn pubbliku. Barra minn dan, il-kontribuzzjoni għall-bidliet fil-livelli tad-dejn, ta’ fatturi barra minn self nett, kienet kbira. Huwa meħtieġ li l-Greċja tieħu azzjoni ulterjuri biex tikkontrolla fatturi bħal dawn biex tnaqqas il-proporzjon tad-dejn b’pass sodisfaċenti, b’mod konsistenti mal-projezzjonijiet għal bilanċ tal-gvern ġenerali u għal tkabbir nominali tal-PGD. Il-bidla annwali fil-livelli nominali tad-dejn tal-gvern ġenerali fl-2010-2012 għandha tkun skont il-miri tal-iżbilanċ u b’aġġustament totali tal-fluss ta’ ishma ta’ 0,25 % tal-PGD kull sena, fl-2010, 2011 u 2012.

(16)

Il-Greċja għandha tissottometti, sas-16 ta’ Marzu 2010, rapport li jiddeskrivi fid-dettall il-miżuri u l-kalendarju għall-implimentazzjoni, sabiex jinkisbu l-miri baġitarji tal-2010. Il-Greċja għandha tissottometti wkoll rapporti regolari lill-Kunsill u lill-Kummissjoni li fihom tiddeskrivi fil-qosor kif il-miżuri speċifikati f’din id-Deċiżjoni jkunu qegħdin jiġu implimentati. Minħabba l-gravità tas-sitwazzjoni fiskali fil-Greċja, dawn ir-rapporti għandhom jiġu sottomessi regolarment sa mill-15 ta’ Mejju 2010 ‘l quddiem u għandhom ikunu disponibbli għall-pubbliku. B’mod partikolari, ir-rapporti għandhom jinkludu deskrizzjoni tal-miżuri implimentati, u ta’ dawk li għandhom jiġu implimentati fl-2010, biex ikunu kkonsolidati l-finanzi pubbliċi u titjieb is-sostenibbiltà tagħhom għal tul ta’ żmien. Minħabba l-interazzjoni bejn il-konsolidazzjoni fiskali u l-ħtieġa li tkun implimentata riforma strutturali u li titjieb il-kompetittività, il-Greċja għandha tinkludi wkoll f’dawn ir-rapporti, il-miżuri li jkunu qed jittieħdu bi tweġiba għar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2010. Barra minn dan, ir-rapporti għandhom jinkludu wkoll informazzjoni dwar l-eżekuzzjoni kull xahar tal-baġit tal-Istat; l-implimentazzjoni baġitarja mis-sigurtà soċjali u l-gvern lokali; il-ħruġ tad-dejn; żviluppi fl-impjiegi fis-settur pubbliku; l-infiq sakemm isir il-ħlas u, mill-anqas annwalment, is-sitwazzjoni finanzjarja ta’ intrapriżi pubbliċi. Minħabba l-interazzjoni bejn il-konsolidament fiskali u l-ħtieġa li jiġu implimentati riformi strutturali u li titjieb il-kompetittività, il-Kunsill stieden lill-Greċja biex tirrapporta fuq miżuri bi tweġiba għar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2010 fil-kuntest tar-rapporti ta’ kull tliet xhur ipprovduti f’din id-Deċiżjoni. Il-Kummissjoni u l-Kunsill għandhom jeżaminaw ir-rapporti bil-għan li jevalwaw il-progress li jkun sar għall-korrezzjoni tal-iżbilanċ eċċessiv.

(17)

Id-Dikjarazzjoni mill-Kapijiet tal-Istat jew Gvern tal-Unjoni Ewropea tal-11 ta’ Frar 2010 stiednet lill-Kummissjoni sabiex tissorvelja mill-qrib l-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni flimkien nal-BĊE u biex tipproponi miżuri addizzjonali meħtieġa

(18)

Wara li jkun ġie kkoreġut l-iżbilanċ eċċessiv, il-Greċja għandha tieħu l-miżuri neċessarji biex tiżgura li l-objettiv għal perjodu ta’ żmien medju (OŻM) ta’ baġit bilanċjat f’termini strutturali jinkiseb malajr kemm jista’ jkun. Għal dan il-għan, l-awtoritajiet Griegi għandhom ikomplu jiżguraw l-implimentazzjoni ta’ miżuri permanenti biex jikkontrollaw l-infiq primarju kurrenti, inkluż b’mod partikolari il-kont tal-pagi, it-trasferimenti soċjali, is-sussidji u trasferimenti oħrajn. Barra minn hekk, il-Greċja għandha tiżgura li l-konsolidazzjoni fiskali tkun ukoll indirizzata għat-tisħiħ tal-kwalità tal-finanzi pubbliċi u għandha tikkontribwixxi biex tkun irkuprata l-kompetittività tal-ekonomija, fil-qafas ta’ programm ta’ riforma komprensiv, waqt li timplimenta malajr linji politiċi biex tirriforma ulterjorment l-amministrazzjoni fiskali. Minħabba l-livell dejjem jikber tad-dejn u ż-żieda projettata f’infiq relatat mal-età, l-awtoritajiet Griegi għandhom ikomplu jtejbu s-sostenibbiltà fit-tul tal-finanzi pubbliċi.

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.   Il-Greċja għandha ttemm is-sitwazzjoni tal-iżbilanċ eċċessiv li għandha bħalissa malajr kemm jista’ jkun u mhux aktar tard mill-iskadenza tal-2012.

2.   Id-direzzjoni tal-aġġustament lejn il-korrezzjoni tal-iżbilanċ eċċessiv għandha tinkludi aġġustament strutturali annwali ta’ mill-anqas 3,5 punti perċentwali tal-PGD fl-2010 u fl-2011, u ta’ mill-inqas 2,5 punti perċentwali tal-PGD fl-2012.

3.   Id-direzzjoni tal-aġġustament imsemmija fil-paragrafu 2 tirrikjedi li l-iżbilanċ tal-gvern ġenerali ma teċċedix EUR 21 270 miljun fl-2010, EUR 14 170 miljun fl-2011 u EUR 7 360 miljun fl-2012.

4.   Id-direzzjoni tal-aġġustament imsemmija fil-paragrafu 2 tirrikjedi li l-bidla annwali fid-dejn gross ikkonsolidat tal-gvern ġenerali ma teċċedix EUR 21 760 miljun fl-2010, EUR 14 680 miljun fl-2011 u EUR 7 880 miljun fl-2012.

5.   It-tnaqqis tal-iżbilanċ għandu jiġi aċċellerat jekk il-kundizzjonijiet ekonomiċi jew baġitarji jirriżultaw aħjar minn kif mistenni attwalment.

Artikolu 2

Biex ittemm is-sitwazzjoni ta’ żbilanċ eċċessiv u biex tikkonforma mad-direzzjoni ta’ aġġustament, il-Greċja għandha timplimenta għadd ta’ miżuri ta’ konsolidazzjoni fiskali, inklużi dawk deskritti fil-programm ta’ stabbiltà, u b’mod partikolari:

A.   MIŻURI FISKALI URĠENTI LI GĦANDHOM JITTIEĦDU SAL-15 TA’ MEJJU 2010

Kif deskritt fil-programm ta’ stabbiltà, inklużi l-miżuri fiskali mħabbra fit-2 ta’ Frar 2010, il-Greċja għandha:

Infiq

(a)

tmexxi 10 % tal-approprjazzjonijiet baġitarji (barra mill-pagi u l-pensjonijiet) tad-dipartimenti tal-gvern fil-baġit għall-2010 lejn riżerva ta’ kontinġenza, sakemm ma jkunx hemm riallokazzjoni tal-approprjazzjonijiet fost id-dipartimenti u l-identifikazzjoni ta’ programmi ta’ nfiq li għandhom jiġu razzjonalizzati u li jwasslu għal tnaqqis permanenti mdaqqas fl-infiq;

(b)

tnaqqas il-kont tal-pagi, anke billi tiffriża pagi nominali tal-gvern ċentrali, il-gvernijiet lokali, l-aġenziji statali u istituzzjonijiet pubbliċi oħrajn u billi timplimenta tnaqqis fl-impjiegi; twaqqaf ir-reklutaġġ ġdid fl-2010 u tneħħi l-karigi battala fis-settur tal-gvern ġenerali, inklużi kuntratti temporanji, b’mod partikolari billi ma tissostitwix uffiċjali permanenti li jirtiraw;

(c)

taqtal-benefiċċji speċjali mħallsin lil uffiċjali taċ-ċivil (inklużi dawk f’kontijiet mhux tal-baġit) li twassal għal tnaqqis fir-rimunerazzjoni totali fis-settur tal-gvern ġenerali, bħala l-ewwel pass biex ittejjeb is-sistema tal-pagi pubbliċi u tissimplifika x-xibka tal-pagi pubbliċi;

(d)

tadotta tnaqqis nominali fi trasferimenti mħallsin mis-sigurtà soċjali, inkluż permezz ta’ miżuri li jirrestrinġu l-indiċjar ta’ benefiċċji u jeddijiet;

Dħul

(e)

timplimenta skala progressiva ta’ taxxa għas-sorsi kollha ta’ dħul u trattament unifikat orizzontali ta’ dħul iġġenerat minn xogħol u minn assi kapitali;

(f)

tneħħi l-eżenzjonijiet kollha u d-dispożizzjonijiet ta’ tassazzjoni awtonoma fis-sistema tat-taxxa, inkluż id-dħul minn benefiċċji speċjali mħallsin lil uffiċjali ċivili;

(g)

tintroduċi tassazzjoni preżuntiva għal persuni li jaħdmu għal rashom;

(h)

tintroduċi imposti permanenti fuq bini u żżid ir-rati tat-taxxa fuq il-proprjetà immobiljari meta mqabbel mar-rati tal-31 ta’ Diċembru 2009;

(i)

iżżid id-dazji tas-sisa fuq it-tabakk, l-alkoħol u l-fjuwil, meta mqabblin mar-rati kif kienu fil-31 ta’ Diċembru 2009;

(j)

tispjega fid-dettall u timplimenta, sal-aħħar ta’ Marzu 2010, ir-riformi tas-sistema tat-taxxa kif ippjanati attwalment, waqt li tuża l-kisbiet tal-effikaċja potenzjali biex tkompli tnaqqas l-iżbilanċ.

B.   MIŻURI TA’ SOSTENN GĦAS-SALVAGWARDJA TAL-MIRI TAL-BAĠIT TAL-2010

(a)

Fid-dawl tal-materjalizzazzjoni ta’ numru ta’ riskji marbuta mal-limiti tal-iżbilanċ u d-dejn imsemmija fl-Artikolu 1(3) u (4), il-Greċja għandha tħabbar, fir-rapport li għandu jiġi ppreżentat sas-16 ta’ Marzu 2010, miżuri addizzjonali għal dawk previsti fl-Artikolu 2, Taqsima A, sabiex tiżgura li l-mira baġitarja tal-2010 tiġi sodisfatta. Il-miżuri addizzjonali għandhom jiffukaw fuq tnaqqis tal-infiq (pereżempju, tnaqqis ulterjuri tan-nefqa kurrenti u kapitali, inkluż billi jiġu kkanċellati approprjazzjonijiet baġitarji fir-riżerva ta’ kontinġenza), iżda jinkludu ukoll miżuri biex iżidu d-dħul (bħal pereżempju, żieda fid-dħul mill-VAT, l-istabbiliment ta’ dazji tas-sisa fuq prodotti lussużi, fost oħrajn il-karozzi privati, żieda ulterjuri tad-dazji tas-sisa fuq prodotti tal-enerġija). L-ewwel vaultazzjoni f’dan ir-rigward għandha ssir fl-okkażjoni tal-ewwel rappurtar fis-16 ta’ Marzu 2010.

C.   MIŻURI OĦRAJN LI GĦANDHOM JITTIEĦDU SA TMIEM L-2010

Infiq

(a)

tadotta r-riformi meħtieġa, biex tnaqqas b’mod sinifikanti l-impatt baġitarju tax-xjuħija permezz ta’ riforma tas-sistemi tal-kura tas-saħħa u tal-pensjonijiet, li għandhom jiġu vvalidati bil-proċess ta’ reviżjoni bejn il-pari tal-Kumitat għall-Politika Ekonomika, b’mod partikolari, billi tadotta riforma parametrika tas-sistema tal-pensjonijiet li għandha tiżgura li s-sistema tal-pensjonijiet tkun finanzjarjament sostenibbli fid-dawl ta’ popolazzjoni li qed tikber fl-età, u għal dan il-għan, ir-riforma għandha tinkludi tnaqqis tal-limiti massimi tal-pensjonijiet, żieda progressiva fl-età statutorja għall-irtirar kemm tan-nisa kif ukoll tal-irġiel, u bidla fil-formula tal-għoti ta’ pensjoni biex ikunu riflessi aħjar il-kontribuzzjonijiet imħallsin matul il-ħajja professjonali kollha tal-persuna u titjieb il-ġustizzja bejn il-ġenerazzjonijiet u tkun irrazzjonalizzata s-sistema ta’ benefiċċji speċjali għal pensjonijiet baxxi;

(b)

tnaqqas l-impjiegi fis-settur pubbliku tal-gvern ġenerali, billi tnaqqas aktar il-kuntratti temporanji u timplimenta r-regola ta’ persuna reklutata waħda għal kull ħamsa li jirtiraw;

(c)

tagħmel riforma fis-sistema tal-ħlas tal-pagi għall-impjegati diretti tal-amministrazzjoni pubblika, li tipprovdi prinċipji unifikati fl-iffissar u fl-ippjanar tal-pagi; tissimplifika x-xibka tal-pagi, waqt li timmira li tnaqqas il-kont tal-pagi; jeħtieġ li jinkiseb ukoll tfaddil mill-kont tal-pagi fil-livell lokali; x-xibka tal-pagi unifikata ġdida tas-settur pubbliku għandha tkun estiża, iżda wkoll irfinuta, biex tkun tapplika għall-gvernijiet lokali u għal diversi aġenziji oħrajn u tiżgura li l-aħjar impjegati jinżammu fis-settur pubbliku;

Dħul

(d)

issaħħaħ bi premura l-ġlieda kontra l-evażjoni tat-taxxa u kontra l-frodi (b’mod partikolari fir-rigward tal-VAT, taxxa korporattiva u s-sistema ta’ tassazzjoni tad-dħul ta’ pesuni li jaħdmu għal rashom), anke billi ssaħħaħ l-infurzar tal-liġi fuq ħlasijiet tat-taxxa, u tuża denunzji potenzjali biex tnaqqas l-iżbilanċ aktar;

(e)

issegwi l-modernizzazzjoni tal-amministrazzjoni tat-taxxa, inkluż billi tistabbilixxi dipartiment għall-ġbir tat-taxxa li jkun kompletament responsabbli, li għandu jiffissa miri ta’ nfiq annwali u li jopera f’sistemi ta’ monitoraġġ li jevalwaw il-prestazzjoni tal-uffiċċji tat-taxxa; jalloka r-riżorsi meħtieġa f’termini ta’ persunal, infrastruttura u għajnuna f’tagħmir, organizzazzjoni maniġerjali u sistemi ta’ skambju ta’ informazzjoni, ilkoll ta’ livell għoli; li għandu jkollu salvagwardji suffiċjenti kontra l-interferenza politika;

Qafas fiskali

(f)

tispjega fid-dettall il-miżuri li għandhom jiġu implimentati fl-2011 u fl-2012, biex tikkonforma mal-miri tal-aġġornament ta’ Jannar 2010;

(g)

issaħħaħ il-pożizzjoni tal-Ministeru tal-Finanzi rigward tal-Ministri fil-linja matul il-preparazzjoni tal-baġit annwali u l-leġiżlazzjoni u ssaħħaħ ukoll il-mekkaniżmi ta’ kontroll tiegħu matul l-eżekuzzjoni baġitarja; tiżgura, b’żieda ma’ dan, l-implimentazzjoni effikaċi ta’ bbaġitjar imsejjes fuq programmi;

(h)

issegwi r-riforma tal-Uffiċċju Ġenerali tal-Kontabilità, inkluż bl-istabbiliment ta’ dipartiment tal-baġit li jkun kompletament responsabbli, li għandu jiffissa miri ta’ nfiq matul is-sena u jopera skont sistema ta’ evalwazzjoni ta’ monitoraġġ ta’ prestazzjoni; jalloka r-riżorsi meħtieġa f’termini ta’ persunal, infrastruttura u għajnuna f’tagħmir, organizzazzjoni maniġerjali u sistemi ta’ skambju ta’ informazzjoni, lkoll ta’ livell għoli; li għandu jkollu salvagwardji suffiċjenti kontra l-interferenza politika;

(i)

tadotta qafas baġitarju għal żmien medju, inklużi limiti obbligatorji ta’ nfiq ibbażati fuq regola ta’ nfiq multi-annwali, u twaqqaf aġenzija indipendenti tal-politika fiskali, li tirrapporta f’waqtu b’mod pubbliku dwar il-pjanijiet u l-eżekuzzjoni tal-entitajiet kollha tal-gvern ġenerali li jagħmlu nfiq minn fondi pubbliċi;

(j)

fil-qafas baġitarju għal żmien medju imsemmi fil-punt (i), tħabbar, mingħajr dewmien, miżuri permanenti addizzjonali li jnaqqsu l-infiq għal perjodu ta’ żmien medju;

(k)

issaħħaħ bi premura l-ġlieda kontra l-korruzzjoni fl-amministrazzjoni pubblika, b’mod partikolari fir-rigward tal-pagi pubbliċi u benefiċċji, l-akkwisti pubbliċi, u l-istima u l-ġbir tat-taxxa;

(l)

tieħu l-passi meħtieġa biex tevita tnaqqis fil-maturità medja tad-dejn pubbliku;

(m)

issegwi l-isforzi għall-kontroll ta’ fatturi barra minn self nett, li jikkontribwixxu għall-bidla fil-livelli tad-dejn.

D.   MIŻURI FISKALI OĦRA LI GĦANDHOM JIĠU ADOTTATI SAL-2012

Infiq

(a)

fl-2011 u tal-2012, timplimenta miżuri ta’ natura permanenti, li jkunu ffokati b’mod ewlieni fuq l-infiq attwali; b’mod aktar speċifiku, tadotta tnaqqis fl-infiq bil-għan li jkun hemm tfaddil permanenti fl-infiq fuq il-konsum tal-gvern, inklużi l-kont tal-pagi u trasferimenti soċjali, u tnaqqas l-impjiegi pubbliċi;

Dħul

(b)

f’qafas baġitarju għal perjodu ta’ żmien medju, tkompli timplimenta b’rigorożità r-riforma tal-amministrazzjoni tat-taxxa, waqt li talloka dħul potenzjali għat-tnaqqis tal-iżbilanċ;

Qafas fiskali

(c)

issaħħaħ il-mekkaniżmi istituzzjonali għall-għoti ta’ tbassir uffiċjali affidabbli u fattibbli li jqis żviluppi u tendenzi fl-eżekuzzjoni riċenti disponibbli; għal dan il-għan, it-tbassir makroekonomiku uffiċjali għandu jiġi rivedut minn esperti barranin; it-tbassir tas-servizzi tal-Kummissjoni għandu jittieħed bħala punt ta’ referenza;

(d)

tibqa’ lura milli tinkludi fil-miri baġitarji, miżuri li jnaqqsu l-iżbilanċ ta’ natura ta’ darba waħda biss;

(e)

fil-qafas baġitarju għal perjodu ta’ żmien medju, tadotta miżuri permanenti addizzjonali li jnaqqsu l-infiq bil-għan li jinkiseb l-OŻM li jkun qrib il-bilanċ jew b’bilanċ pożittiv.

Artikolu 3

Sabiex tippermetti li jsir kontroll f’waqtu u effettiv tad-dħul u l-infiq u monitoraġġ xieraq tal-iżviluppi fiskali, il-Greċja għandha:

(a)

sal-15 ta’ Mejju 2010, tadotta leġiżlazzjoni li tagħmilha obbigatorju li jkunu pprovduti rapporti pubbliċi dwar l-eżekuzzjoni baġitarja kull xahar b’dewmien ta’ mhux aktar minn għaxart ijiem, wara l-għeluq tax-xahar;

(b)

tinforza l-obbligu legali attwali biex fondi tas-sigurtà soċjali u sptarijiet jippubblikaw kull sena l-kontijiet u l-karti tal-bilanċ uffiċjali;

(c)

tkompli tagħmel sforzi biex ittejjeb il-ġbir u l-ipproċessar tad-dejta tal-gvern ġenerali, partikolarment bit-titjib tal-mekkaniżmi tal-kontroll tal-awtoritajiet tal-Istatistika u l-Uffiċċju Ġenerali tal-Kontabilità u bl-iżgurar ta’ responsabbiltà personali effettiva għal każijiet ta’ rappurtar ħażin, sabiex tingħata malajr dejta tal-gvern ġenerali bi kwalità għolja kif rikjest mir-Regolamenti (KE) Nru 2223/96, (KE) Nru 264/2000, (KE) Nru 1221/2002, (KE) Nru 501/2004, (KE) Nru 1222/2004, (KE) Nru 1161/2005, (KE) Nru 223/2009 (10) u (KE) Nru 479/2009;

(d)

tikkoopera mal-Kummissjoni (Eurostat) biex taqbel fil-pront fuq pjan ta’ azzjoni biex tindirizza n-nuqqasijiet statistiċi, istituzzjonali u ta’ tmexxija;

(e)

tikkoopera mal-Kummissjoni (Eurostat) u tirċievi l-għajnuna teknika residenti xierqa fuq il-kompilazzjoni ta’ statistika fiskali u makroekonomika oħra.

Artikolu 4

1.   Il-Greċja għandha tippreżenta lill-Kunsill u lill-Kummissjoni u tagħmel pubbliku, mhux aktar tard mis-16 ta’ Marzu 2010, rapport bil-kalendarju tal-implimentazzjoni tal-miżuri skont fl-Artikolu 2 ta’ din id-Deċiżjoni biex jinkisbu l-miri baġitarji tal-2010, inklużi, l-miżuri neċessarji previsti fl-Artikolu 2, Taqsima B.

2.   Il-Greċja għandha tippreżenta lill-Kunsill u lill-Kummissjoni u tagħmel pubbliku, mhux aktar tard mill-15 ta’ Mejju 2010, rapport li jiddeskrivi l-miżuri politiċi biex tikkonforma ma’ din id-Deċiżjoni. Wara dan, il-Greċja għandha tippreżenta u tagħmel dawn ir-rapporti pubbliċi fuq bażi trimestrali.

3.   Ir-rapporti msemmija fil-paragrafu 2 għandu jkun fihom informazzjoni dettaljata fuq:

(a)

miżuri konkreti implimentati sad-data tar-rapport b’konformità ma’ din id-Deċiżjoni, inkluż l-impatt baġitarju kwantifikat tagħhom;

(b)

miżuri konkreti ppjanati sabiex jiġu implimentati wara d-data tar-rapport sabiex tinkiseb konformità ma’ din id-Deċiżjoni, il-kalendarju tal-implimentazzjoni tagħhom, u l-istima tal-impatt baġitarju tagħhom;

(c)

eżekuzzjoni ta’ kull xahar tal-baġit tal-Istat;

(d)

data matul is-sena dwar l-implimentazzjoni baġitarja mis-sigurtà soċjali, il-gvernijiet lokali u fondi barra mill-baġit;

(e)

ħruġ u rimborż ta’ dejn tal-gvern;

(f)

żviluppi fl-impjiegi permanenti u temporanji tas-settur pubbliku;

(g)

infiq tal-gvern sakemm isir il-ħlas (arretrati akkumulati);

(h)

is-sitwazzjoni finanzjarja f’intrapriżi pubbliċi u f’entitajiet pubbliċi oħrajn (tali informazzjoni għandha tiġi provduta fuq bażi annwali).

4.   Il-Kummissjoni u l-Kunsill għandhom janalizzaw ir-rapporti bil-għan li jevalwaw il-konformità tal-Greċja ma’ din id-Deċiżjoni.

Fil-kuntest ta’ dawn l-evalwazzjonijiet, il-Kummissjoni tista’ tindika il-miżuri neċessarji sabiex tiġi rispettata d-direzzjoni stabbilita minn din id-Deċiżjoni għall-korrezzjoni tal-iżbilanċ eċċessiv.

Artikolu 5

Il-Greċja għandha tieħu azzjoni effikaċi biex tikkonforma ma’ din id-Deċiżjoni sal-15 ta’ Mejju 2010.

Artikolu 6

Din id-Deċiżjoni għandu jkollha effett mid-data tan-notifika tagħha.

Artikolu 7

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Ellenika.

Magħmul fi Brussell, is-16 ta’ Frar 2010.

Għall-Kunsill

Il-President

E. SALGADO


(1)   ĠU L 209, 2.8.1997, p. 6.

(2)   ĠU L 145, 10.6.2009, p. 1.

(3)  Ara pagna 65 ta’ il-GU.

(4)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2223/96 tal-25 ta’ Ġunju 1996 dwar is-sistema Ewropea tal-kontijiet nazzjonali u reġjonali fil-Komunità (ĠU L 310, 30.11.1996, p. 1).

(5)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 264/2000 tat-3 Frar 2000 dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2223/96 rigward statistiċi ta’ finanzi pubbliċi fuq żmien qasir (ĠU L 29, 4.2.2000, p. 4).

(6)  Ir-Regolament (KE) Nru 1221/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta’ Ġunju 2002 dwar kontijiet mhux finanzjarji ta’ kull tliet xhur tal-amministrazzjoni pubblika (ĠU L 179, 9.7.2002, p. 1).

(7)  Ir-Regolament (KE) Nru 501/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta’ Marzu 2004 dwar kontijiet finanzjarji ta’ kull kwart tas-sena għal gvern ġenerali (ĠU L 81, 19.3.2004, p. 1).

(8)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1222/2004 tat- 28 ta’ Ġunju 2004 dwar il-kompilazzjoni u t-trasmissjoni ta’ data dwar id-dejn trimestrali tal-gvern (ĠU L 233, 2.7.2004, p. 1).

(9)  Ir-Regolament (KE) Nru 1161/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Lulju 2005 dwar il-kumpilazzjoni ta’ kontijiet trimestrali mhux finanzjarji skont is-settur istituzzjonali (ĠU L 191, 22.7.2005, p. 22).

(10)  Ir-Regolament (KE) Nru 223/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 11 ta’ Marzu 2009 dwar l-Istatistika Ewropea u li jħassar ir-Regolament (Euratom, KE) Nru 1101/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-trażmissjoni ta’ data suġġetta għall-kunfidenzjalità statistika lill-Uffiċċju tal-Istatistika tal-Komunitajiet Ewropej, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 322/97 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 89/382/KEE, Euratom li tistabbilixxi Kumitat dwar il-Programmi tal-Istatistika tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU L 87, 31.3.2009, p. 164)