European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2024/1813

26.6.2024

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2024/1813

tal-25 ta’ Ġunju 2024

li temenda d-Deċiżjoni 2013/354/PESK dwar il-Missjoni tal-Pulizija tal-Unjoni Ewropea għat-Territorji Palestinjani (EUPOL COPPS)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 42(4) u l-Artikolu 43(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,

Billi:

(1)

Fit-3 ta’ Lulju 2013, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2013/354/PESK (1), li kompliet l-EUPOL COPPS mill-1 ta’ Lulju 2013 ’il quddiem.

(2)

Fit-28 ta’ Frar 2023, fil-kuntest tar-Rieżami Strateġiku koordinat tal-EUPOL COPPS u tal-EU BAM Rafah, il-Kumitat Politiku u ta’ Sigurtà qabel li jenħtieġ li ż-żewġ Missjonijiet jiġu estiżi sat-30 ta’ Ġunju 2025, fil-forma ta’ żewġ estensjonijiet, kull waħda għal sena.

(3)

Fis-26 ta’ Ġunju 2023, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2023/1302 (2), li estendiet l-EUPOL COPPS sat-30 ta’ Ġunju 2024.

(4)

Fil-konklużjonijiet tiegħu tal-21-22 ta’ Marzu 2024, il-Kunsill Ewropew iddikjara li l-Unjoni Ewropea tibqa’ impenjata b’mod sod għal paċi dejjiema u sostenibbli bbażata fuq is-soluzzjoni ta’ żewġ stati u li l-Palestinjani u l-Iżraeljani għandhom dritt ugwali li jgħixu fis-sikurezza, id-dinjità u l-paċi. Barra minn hekk, il-Kunsill Ewropew fakkar li l-Missjoni tal-Pulizija tal-Unjoni Ewropea għat-Territorji Palestinjani (EUPOL COPPS) u l-Missjoni tal-Unjoni Ewropea ta’ Assistenza fil-Fruntieri għall-Punt ta’ Qsim ta’ Rafah (EUBAM Rafah) jistgħu jaqdu rwol importanti abbażi ta’ dak il-prinċipju b’appoġġ għal stat Palestinjan futur. Il-Kunsill Ewropew fakkar f’dawk il-konklużjonijiet fil-konklużjonijiet tiegħu tas-17 u t-18 ta’ April 2024.

(5)

B’kont meħud tal-informazzjoni provduta minn Iżrael u l-Awtorità Palestinjana, f’dan l-istadju jenħtieġ li l-EUPOL COPPS tiġi estiża b’sena, sat-30 ta’ Ġunju 2025.

(6)

Għalhekk jenħtieġ li d-Deċiżjoni 2013/354/PESK tiġi emendata skont dan.

(7)

L-EUPOL COPPS ser titwettaq fil-kuntest ta’ sitwazzjoni li tista’ tiddeterjora u li tista’ tfixkel il-kisba tal-objettivi tal-azzjoni esterna tal-Unjoni kif stabbiliti fl-Artikolu 21 tat-Trattat,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni 2013/354/PESK hija emendata kif ġej:

(1)

fl-Artikolu 12(1), jiżdied is-subparagrafu li ġej:

“L-ammont ta’ referenza finanzjarja maħsub biex ikopri n-nefqa marbuta mal-EUPOL COPPS għall-perjodu mill-1 ta’ Lulju 2024 sat-30 ta’ Ġunju 2025 għandu jkun ta’ EUR 13 246 928,92.”

;

(2)

fl-Artikolu 15, it-tielet paragrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Għandha tiskadi fit-30 ta’ Ġunju 2025.”.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Għandha tapplika mill-1 ta’ Lulju 2024.

Magħmul fil-Lussemburgu, il-25 ta’ Ġunju 2024.

Għall-Kunsill

Il-President

H. LAHBIB


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/354/PESK tat-3 ta’ Lulju 2013 dwar il-Missjoni tal-Pulizija tal-Unjoni Ewropea għat-Territorji Palestinjani (EUPOL COPPS) (ĠU L 185, 4.7.2013, p. 12).

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2023/1302 tas-26 ta’ Ġunju 2023 li temenda d-Deċiżjoni 2013/354/PESK dwar il-Missjoni tal-Pulizija tal-Unjoni Ewropea għat-Territorji Palestinjani (EUPOL COPPS) (ĠU L 161, 27.6.2023, p. 62).


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/1813/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)