|
16.6.2023 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 214/106 |
P9_TA(2023)0013
L-assalt fuq l-istituzzjonijiet demokratiċi Brażiljani
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-19 ta' Jannar 2023 dwar l-assalt fuq l-istituzzjonijiet demokratiċi Brażiljani (2023/2505(RSP))
(2023/C 214/08)
Il-Parlament Ewropew,
|
— |
wara li kkunsidra l-Artikoli 144(5) u 132(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, |
|
A. |
billi fit-8 ta' Jannar 2023, eluf ta' estremisti tal-lemin estrem u sostenituri tal-ex President Brażiljan Jair Bolsonaro attakkaw u vvandalizzaw il-Kungress Nazzjonali, il-Qorti Suprema u l-Palazz Alvorada fi Brasilia, u talbu intervent militari biex il-President Lula da Silva jitneħħa; billi l-ex Ministru għall-Ġustizzja tal-ex-President Bolsonaro, Anderson Torres, ġie arrestat u l-Gvernatur tad-Distrett Federali (li jinkludi Brasilia), Ibaneis Rocha, ġie sospiż; |
|
B. |
billi l-attakki vjolenti fuq l-istituzzjonijiet demokratiċi mil-lemin estrem huma fenomenu globali; billi l-avvenimenti fi Brasilia jirrappreżentaw attakk sfaċċat fuq l-istituzzjonijiet demokratiċi Brażiljani u għandhom similaritajiet ċari mal-attakk fuq il-Capitol tal-Istati Uniti fl-2021; billi l-ex President tal-Istati Uniti Donald Trump u l-ex-President Bolsonaro kellhom rwol strumentali f'dawn l-avvenimenti rispettivi; |
|
C. |
billi l-pjattaformi tal-media soċjali għadhom mhux qed jimmoderaw jew jirristrinġu t-tixrid ta' kampanji antidemokratiċi, tal-faxxiżmu u tal-estremiżmu transnazzjonali, li qed jiffjorixxi permezz ta' algoritmi li jippromwovu kontenut ta' mibegħda u diżinformazzjoni u nuqqas ta' rieda li jitneħħa kontenut illegali, u kellhom rwol fundamentali f'dawn l-avvenimenti billi intensifikaw ir-retorika aggressiva u l-vjolenza u ffaċilitaw il-mobilizzazzjoni u t-tixrid tad-diżinformazzjoni; |
|
1. |
Jikkundanna bl-aktar mod qawwi l-azzjonijiet kriminali mwettqa mis-sostenituri tal-ex-President Bolsonaro u jappoġġja l-isforzi li għaddejjin biex tiġi żgurata investigazzjoni imparzjali, xierqa, effikaċi u fil-pront sabiex jiġu identifikati, imħarrka u miżmuma responsabbli dawk kollha involuti, inklużi l-istigaturi, l-organizzaturi u s-sostenituri finanzjarji, kif ukoll l-istituzzjonijiet Statali li naqsu milli jaġixxu biex jipprevjenu dawn l-attakki; |
|
2. |
Jesprimi solidarjetà mal-President Lula da Silva, elett demokratikament, kif ukoll mal-gvern tiegħu u l-istituzzjonijiet Brażiljani; |
|
3. |
Jiddeplora t-tentattivi tal-ex-President Bolsonaro u xi wħud mis-sostenituri politiċi tiegħu biex jiskreditaw is-sistema ta' votazzjoni u l-awtoritajiet elettorali, minkejja li ma hemm l-ebda evidenza ta' frodi elettorali, u jħeġġiġhom jaċċettaw ir-riżultat demokratiku tal-elezzjonijiet; |
|
4. |
Jirrikonoxxi r-rabta bejn iż-żieda fil-faxxiżmu, ir-razziżmu, l-estremiżmu transnazzjonali u, fost l-oħrajn, l-avvenimenti fi Brasilia, l-assalt tal-Capitol tal-Istati Uniti f'Jannar 2021 u l-arresti li seħħu f'Diċembru 2022, relatati ma' attakk ippjanat fuq il-Bundestag tal-Ġermanja; |
|
5. |
Jissottolinja li fit-13 ta' Jannar 2023, il-Qorti Suprema approvat talba mill-prosekuturi federali biex jiġi investigat l-ex-President Bolsonaro peress li “seta' kkontribwixxa, b'mod sinifikattiv ħafna, għat-twettiq ta' atti kriminali u terroristiċi”; jesprimi tħassib dwar l-atti u l-ommissjonijiet ta' uffiċjali pubbliċi, b'mod partikolari l-Gvernatur u l-Pulizija Militari tad-Distrett Federali; |
|
6. |
Jisħaq fuq l-importanza ta' oqfsa leġiżlattivi, bħall-Att dwar is-Servizzi Diġitali, li jirregolaw il-pjattaformi tal-media soċjali u l-kumpaniji tat-teknoloġija, biex jiġġieldu u jipprevjenu b'mod effettiv it-tixrid online tad-diskors ta' mibegħda u tal-miżinformazzjoni u b'hekk tiġi evitata aktar radikalizzazzjoni; |
|
7. |
Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Kunsill tal-Ewropa u lill-President, il-Gvern u l-Parlament tal-Brażil. |