DOKUMENT TA’ ĦIDMA TAL-PERSUNAL TAL-KUMMISSJONI SOMMARJU EŻEKUTTIV TAL-VALUTAZZJONI TAL-IMPATT Li jakkumpanja d-dokument Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-fatturar elettroniku fl-akkwist pubbliku /* SWD/2013/0223 final */
WERREJ Introduzzjoni................................................................................................................................. 3 1........... Kwistjonijiet proċedurali u konsultazzjoni
mal-partijiet interessati...................................... 3 2........... Kuntest tal-politika, definizzjoni tal-problema u
Sussidjarjetà............................................ 3 3........... Objettivi tal-inizjattiva..................................................................................................... 4 4........... Alternattivi ta’ politika..................................................................................................... 5 5........... Valutazzjoni tal-Impatti................................................................................................... 6 6........... Tqabbil tal-Alternattivi.................................................................................................... 8 7........... Monitoraġġ u evalwazzjoni.............................................................................................. 9 Introduzzjoni Din il-valutazzjoni tal-impatt tagħti ħarsa lejn
l-effetti ta’ inizjattiva li possibbilment tista’ tieħu l-UE biex ittejjeb
l-interoperabilità tal-fatturar elettroniku fl-akkwist pubbliku madwar l-Unjoni
Ewropea, bil-għan li telimina l-frammentazzjoni tas-Suq Intern. 1. Kwistjonijiet proċedurali u
konsultazzjoni mal-partijiet interessati Il-Kummissjoni tqis l-azzjoni sabiex tiġi promossa
l-adozzjoni tal-fatturar elettroniku fl-akkwist pubbliku bħala prijorità
għall-futur qarib. Dan huwa rifless fl-inklużjoni ta’ azzjoni
ewlenija dwar il-fatturar elettroniku fl-akkwist pubbliku fl-Att dwar is-Suq
Uniku II. Din il-Valutazzjoni tal-Impatt tibni fuq l-analiżi ta’
riċerka estern, fuq konsultazzjonijiet mal-partijiet interessati u fuq
stħarriġ onlajn, li ġabar aktar minn 700 tweġiba. 2. Kuntest tal-politika, definizzjoni
tal-problema u Sussidjarjetà Din l-inizjattiva tikkonċerna biss l-akkwist pubbliku
kopert mid-Direttivi 2004/17/KE, 2004/18/KE u 2009/81/KE. 2.1. Definizzjoni
tal-problema L-eżistenza ta’ diversi standards mhux interoperabbli
tal-fatturar elettroniku madwar l-UE hija l-kaġun prinċipali
tal-problema fir-rigward tal-iskambju tal-fatturi fl-akkwist pubbliku. Dan
il-kaġun prinċipali jitqiegħed f’kuntest usa’, fejn minkejja
l-isforzi biex jitħeġġeġ l-użu tal-fatturar
elettroniku u r-rikonoxximent wiesa’ tal-bosta benefiċċji li
jġib miegħu, is-settur pubbliku madwar l-UE ftit li xejn
irreaġixxa fil-konfront tiegħu. L-Istati Membri li ħadu
d-deċiżjoni li jiffaċilitaw jew li jimponu l-użu
tal-fatturar elettroniku, ta’ spiss ħarġu b’soluzzjonijiet
tekniċi huma stess, ibbażati fuq standard nazzjonali separat - dan
il-fattur ma jagħmel xejn ħlief jiggrava l-problema tal-interoperabilità,
billi jkompli jżid l-għadd ta' standards ġodda fis-suq. 2.1.1. Il-problema (P1) – il-livell
eċċessiv ta' kumplessità u ta' inċertezza ġuridika
għall-kumpaniji L-eżistenza, madwar l-UE kollha, ta’ diversi
rekwiżiti u standards fil-qasam tal-fatturar elettroniku twassal għal
livell eċċessiv ta’ kumplessità u ta' inċertezza ġuridika
għall-kumpaniji meta dawn joħorġu fatturi destinati għal
Stat Membru ieħor. F'għajnejn il-fornituri, il-qagħda kumplessa
tas-suq tal-fatturar elettroniku tal-UE hija ta' piż u tippreżenta
r-riskju li xi fatturi elettroniċi ma jiġux aċċettati fi
Stati Membri oħra. 2.1.2. Il-problema (P2) – kostijiet ogħla
għall-kumpaniji Minħabba li d-diversi rekwiżiti, standards,
soluzzjonijiet, u netwerks/pjattaformi tal-fatturar elettroniku li jeżistu
madwar l-UE mhumiex interoperabbli, u peress li ma hemm l-ebda standard komuni
disponibbli fis-suq, il-kumpaniji li jkunu jixtiequ jwettqu attivitajiet ta'
akkwist transfruntier ta’ spiss jintalbu jikkonformaw ma' standard ġdid
kull darba li jaċċessaw suq ġdid. Dan iżid il-kostijiet,
irrispettivament minn jekk il-fatturi jiġux sottomessi direttament jew
permezz ta’ fornituri ta' servizzi. Dawn il-kostijiet operattivi ogħla
jkollhom ukoll effett negattiv fuq ix-xerrejja, billi jwasslu lill-kumpaniji li
jġarrbuhom jgħollu l-prezzijiet tal-prodotti jew tas-servizzi
tagħhom. 2.1.3. Il-konsegwenzi Il-livell eċċessiv ta' kumplessità/inċertezza
ġuridika u l-kostijiet operattivi ogħla għall-impriżi
jistgħu jikkostitwixxu ostakli għall-aċċess għas-suq
fil-qafas tal-akkwist pubbliku transfruntier. Fil-każijiet fejn verament
jintuża l-fatturar elettroniku fl-UE, fil-biċċa l-kbira
tiegħu jkun limitat għal netwerks separati, u ta’ sikwit nazzjonali,
li joħolqu "gżejjer ta' fatturar elettroniku" fis-Suq
Intern. Dawn il-problemi jistgħu wkoll jiskoraġġixxu l-kumpaniji
milli jagħmlu offerti f'akkwisti pubbliċi fi Stati Membri
oħrajn; fi kliem ieħor l-impriżi jitilfu opportunitajiet ta'
negozju potenzjali minħabba rekwiżiti speċifiċi
tal-fatturar elettroniku li ma jkunux jistgħu jappoġġjaw jew li
jqisu li jqumu wisq flus. Fl-aħħar nett, id-dominazzjoni tas-sistemi
nazzjonali ta’ fatturar elettroniku tfisser li jsiru inqas offerti
transfruntiera, li jkun hemm inqas parteċipazzjoni min-naħa
tal-kumpaniji, u għalhekk li jkun hemm inqas kompetizzjoni, li
mbagħad tissarraf f’funzjonament ineffiċjenti tas-Suq Intern. 2.2. Ix-xenarju
bażi Billi mhi qed tittieħed l-ebda azzjoni ġdida
fil-livell tal-UE, l-adozzjoni tal-fatturar elettroniku fl-akkwist pubbliku
fl-UE se tkompli b’ritmu kajman u kostanti, filwaqt li dejjem jiżdiedu
aktar standards nazzjonali fis-suq. Ma hemm l-ebda garanzija li l-Istati Membri
se jagħżlu soluzzjonijiet interoperabbli – l-esperjenza riċenti
pjuttost tissuġġerixxi l-kuntrarju. Fil-verità,
il-fatturar elettroniku fl-akkwist pubbliku fl-UE qed jirriskja li jsir dejjem
aktar kumpless u għoli, billi x-xerrejja, il-fornituri, u l-fornituri
tas-servizzi jkollhom jipprovdu għal għadd dejjem akber ta’
rekwiżiti u ta' standards nazzjonali. L-ostakli
għall-aċċess għas-suq mhux biss se jibqgħu
jeżistu iżda jistgħu saħansitra jiżdiedu. 2.3. Il-bażi
ġuridika u s-sussidjarjetà Id-dritt tal-UE li tieħu azzjoni biex tiżgura li
l-funzjonament tas-Suq Intern joriġina mill-Artikolu 114 tat-Trattat
dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE). L-azzjoni tal-UE fil-qasam tal-fatturar elettroniku
fl-akkwist pubbliku hija ġġustifikata fuq il-bażi
tas-sussidjarjetà. L-azzjonijiet meħuda mill-Istati Membri ggravaw
il-problema tal-interoperabilità, minħabba li tfaċċaw aktar
standards tal-fatturar elettroniku fis-suq (li jiġġeneraw aktar
kostijiet tal-interoperabilità u kumplessità akbar). Minħabba
l-interess transfruntier ta' xi tranżazzjonijiet relatati mal-akkwist
pubbliku koperti mid-Direttivi u mill-inizjattivi nazzjonali li għaddejjin
bħalissa biex jintroduċu l-fatturar elettroniku f’dan is-settur,
azzjoni tal-UE dwar il-fatturar elettroniku fl-akkwist pubbliku tkun l-aktar
metodu xieraq biex tittejjeb l-interoperabilità u biex tiġi evitata
frammentazzjoni ulterjuri tas-Suq Intern. L-Istati Membri ma jistgħux
iwettqu dan waħedhom, billi l-azzjonijiet tagħhom la jiggarantixxu
l-interoperabilità għall-operaturi ekonomiċi u lanqas ma jeliminaw
l-ostakli għall-aċċess għas-suq. 3. Objettivi tal-inizjattiva 3.1. L-objettivi
ġenerali L-objettiv ewlieni ta’ din l-inizjattiva se jkun li
jittejjeb il-funzjonament tas-Suq Intern billi tintroduċi mekkaniżmi
li jnaqqsu l-ostakli għall-aċċess għas-suq fil-qafas
tal-akkwisti pubbliċi transfruntiera, iġġenerati minn
insuffiċjenza fl-interoperabilità tal-istandards tal-fatturar elettroniku. 3.2. L-objettivi
speċifiċi L-objettivi speċifiċi, li jikkontribwixxu
għall-kisba tal-objettiv ġenerali, se jkunu s-segwenti: (1)
Li titnaqqas il-kumplessità u jittejbu ċ-ċarezza u
ċ-ċertezza ġuridika għall-operaturi ekonomiċi, billi
tippermettilhom jibagħtu l-fatturi skont l-istandards li jkunu diġà
familjari magħhom, u li se jkunu aċċettati b’mod wiesa’; (2)
Li jitnaqqsu l-kostijiet operattivi għall-operaturi ekonomiċi
li jipparteċipaw fl-akkwist pubbliku transfruntier, bħall-kost
ikkawżat mill-appoġġ lil diversi standards u sistemi ta’
fatturar elettroniku. 3.3. L-objettivi
operattivi Ġie identifikat l-objettiv operattiv segwenti: ·
Li jinħolqu l-kundizzjonijiet neċessarji biex
tfiġġ/ifiġġu soluzzjoni(jiet) teknika/tekniċi
għall-fatturar elettroniku fl-akkwist pubbliku li jkunu jiżguraw
l-interoperabilità transfruntiera – fi kliem ieħor, li jinħolqu
kundizzjonijiet fejn il-komunikazzjoni u l-immappjar bejn is-sistemi ta’ fatturar
elettroniku jkunu inqas intensivi fir-riżorsi, b'tali mod li jippermettu
lix-xerrejja u lill-bejjiegħa jiskambjaw il-fatturi fl-akkwist pubbliku
bl-aktar prezz baxx u b'livell minimu ta' kumplessità. 4. Alternattivi ta’ politika || Standard Ewropew ġdid jiġi propost lis-suq || L-Istati Membri jridu jaċċettaw il-fatturi konformi mal-istandard Ewropew il-ġdid || L-istandard Ewropew il-ġdid biss huwa permess Alternattiva (1): L-ebda azzjoni ġdida min-naħa tal-UE || LE || LE || LE Alternattiva (2): Approċċ tal-għażla libera || IVA || LE || LE Alternattiva (3): Konverżjoni selettiva għall-fatturar elettroniku || IVA || LE/IVA (IVA - jekk Stat Membru jew awtorità kontraenti jimponi/timponi l-użu tal-fatturat elettroniku) || LE Alternattiva (4): Aċċettazzjoni obbligatorja || IVA || IVA || LE Alternattiva (5): Armonizzazzjoni sħiħa || IVA || IVA || IVA 5. Valutazzjoni tal-Impatti It-tneħħija tal-ostakli
għall-aċċess għas-suq fil-fatturar elettroniku tkun
tiġġenera prinċipalment impatti ekonomiċi, kemm f’termini
ta' kostijiet kif ukoll ta’ benefiċċji, fejn dawn tal-aħħar
ikunu aktar sinifikanti. L-impatti ewlenin ikunu ssupplimentati b’impatti
addizzjonali "sekondarji", billi t-titjib fl-interoperabilità wisq
probabbli jkun isarraf f’żieda fl-adozzjoni tal-fatturar elettroniku. Dawn
l-impatti jkunu ta' natura ekonomika, soċjali u ambjentali. 5.1. L-impatti ewlenin L-iskala ta’ dawn l-impatti tkun tiddependi fuq
l-Alternattiva magħżula - aktar ma jkun hemm utenti li jikkonformaw
ma’ soluzzjoni unika, inqas jifdal ostakli għall-aċċess
għas-suq. Jekk jiġi stabbilit standard komuni tissolva l-problema
ta’ interoperabilità għall-kumpaniji kollha li jkollhom x'jaqsmu ma'
awtoritajiet kontraenti li jaderixxu mar-regoli l-ġodda. Id-disponibbiltà
ta’ standard wieħed Ewropew interoperabbli u komunement
aċċettabbli tnaqqas il-kumplessità li wieħed jinnegozja barra
minn pajjiżu u tipprovdi aktar ċertezza ġuridika għall-impriżi.
Dan inaqqas ukoll il-kostijiet li jirriżultaw mill-ħtieġa li
wieħed jikkonforma ma' ħafna standards differenti tal-fatturar
elettroniku. Xi adattamenti tal-iskemi tal-ipprezzar u tal-istrutturi tas-suq
għat-trażmissjoni ta' fatturi elettroniċi jġibu
magħhom iffrankar ulterjuri potenzjali għall-kumpaniji. Kwalunkwe miżura li tkun tirrikjedi l-użu ta’
standard Ewropew ġdid għall-fatturar elettroniku tiġġenera
xi kostijiet relatati mal-implimentazzjoni għall-kumpaniji,
għall-awtoritajiet ta' kuntatt u għall-Istati Membri. Madankollu,
dawn il-kostijiet jiġu kkumpensati mill-benefiċċji mistennija,
jiġifieri, bl-iffrankar operattiv mill-fatturar elettroniku u bi
prezzijiet irħas fl-akkwist pubbliku minħabba kompetizzjoni
msaħħa. 5.2. L-impatti sekondarji L-adozzjoni tal-istandard Ewropew ġdid
għall-fatturar elettroniku tista’ tiġġenera impatti sekondarji
permezz ta’ żieda fl-adozzjoni tal-fatturar elettroniku fl-akkwist
pubbliku. Din iż-żieda fl-użu tal-fatturar elettroniku tkun
is-sors ta’ ċerti impatti ekonomiċi, soċjali, u ambjentali. 5.2.1. L-impatti ekonomiċi, ambjentali u
soċjali L-impatti ekonomiċi li jirriżultaw minn żieda
fl-adozzjoni tal-fatturar elettroniku jkunu marbuta mal-iffrankar
għall-ekonomija, iġġenerat mill-iffrankar mistenni fl-akkwist
pubbliku (jiġifieri tnaqqis tal-kostijiet operattivi għax-xerrejja u
għall-bejjiegħa, trasparenza akbar, proċessar tal-pagamenti
aktar mgħaġġel u li jieħu inqas żmien). L-impatti
soċjali huma mistennija li jkunu newtrali. L-impatti ambjentali huma mistennija
li jkunu pożittivi – fuq kollox dawn ikunu jsarrfu f'użu ta’ inqas
karti u fi tnaqqis fl-emissjonijiet ta' CO2. 5.2.2. Tnaqqis tal-piż
amministrattiv Id-disponibbiltà tad-dejta tal-fatturar b'mod elettroniku
tkun tissimplifika l-awditjar u l-ġbir tat-taxxa mill-awtoritajiet
tat-taxxa tal-Istati Membri, kif ukoll it-tħejjija ta’ kwalunkwe rapporti
li jkunu jridu jiġu pprovduti mill-kumpanija. Konsegwentement, dan inaqqas
il-piż amministrattiv minn fuq l-impriżi. Minħabba li dawn
ir-rekwiżiti amministrattivi għandhom piż akbar fuq
l-impriżi iżgħar, dan it-tnaqqis se jkun partikolarment ta’
benefiċċju għall-SMEs. 5.3. L-impatti
tal-Alternattivi differenti 5.3.1. L-Alternattiva (1)
– L-ebda azzjoni ġdida min-naħa tal-UE Din l-alternattiva ġiet deskritta fix-xenarju
bażi. 5.3.2. L-Alternattiva (2)
– L-approċċ tal-għażla libera Standard Ewropew ġdid għall-fatturar elettroniku
jkun żviluppat u jiġi rrakkomandat l-użu tiegħu fl-akkwist
pubbliku, iżda l-aċċettazzjoni ta’ fatturi elettroniċi li
jkunu konformi mal-istandard Ewropew tibqa’ għad-diskrezzjoni ta’ kull
Stat Membru u/jew ta' kull awtorità kontraenti. L-ostakli
għall-aċċess għas-suq jibqgħu preżenti.
Il-piż fuq l-impriżi ġġenerat mill-kost ma jonqosx,
għax huma jkunu mġiegħla jżommu diversi standards tal-fatturar
elettroniku fl-istess ħin. Jekk huma jagħżlu li ma jagħmlux
dan, jitilfu opportunitajiet ta' negozju potenzjali. L-objettiv ta’ din l-inizjattiva ma jintlaħaqx, billi
l-problema tal-interoperabilità ma tkunx issolviet. L-impatti sekondarji jkunu
osservati biss sal-punt fejn isseħħ bidla għal fatturar
elettroniku, iżda minħabba n-natura volontarja ta' din
l-Alternattiva, diffiċli li wieħed jipprevedi l-iskala ta’ dan
il-proċess. 5.3.3. L-Alternattiva (3)
- Konverżjoni selettiva għall-fatturar elettroniku L-Istati Membri li jimponu l-fatturar elettroniku fl-akkwist
pubbliku fuq inizjattiva tagħhom stess jkunu meħtieġa li
jaċċettaw fatturi elettroniċi li jikkonformaw mal-istandard
Ewropew il-ġdid. Dan ikun inaqqas il-kostijiet u l-kumplessità tal-fatturar
elettroniku għall-impriżi, li issa jkunu jistgħu jibagħtu
fatturi elettroniċi li jikkonformaw ma' standard uniku lil kull awtorità
kontraenti li timponi l-fatturar elettroniku. L-interoperabilità tkun
iffaċilitata, iżda tista’ ma tkunx iggarantita fl-Istati Membri fejn
l-introduzzjoni tal-fatturar elettroniku b'mod obbligatorju tkun
meħtieġa de facto, iżda ma tkunx imposta legalment (de
jure). Il-kumpaniji jista' jibqa' jkollhom inċertezza ġuridika. L-Istati Membri ma jkunux ittrattati b’mod ugwali: dawk li
diġà jużaw il-fatturar elettroniku fl-akkwist pubbliku jkunu jridu
jadattaw għall-istandard il-ġdid, filwaqt li dawk li ma jkunux
jużawh ma jkunux obbligati li jagħmlu l-bidla u saħansitra
jistgħu jiġu skoraġġuti milli jagħmlu dan malajr. L-impatti sekondarji huma diffiċli li wieħed
jipprevedihom. Sabiex l-Istati Membri kollha jagħmlu bidla
għall-fatturar elettroniku fl-akkwist pubbliku, jista’ jgħaddi
ħafna żmien. Il-benefiċċji potenzjali ta’ kosteffiċjenza
akbar u ta' aktar iffrankar miż-żieda fil-kompetizzjoni fl-akkwist
pubbliku ma jimmaterjalizzawx ruħhom jew inkella jagħmlu dan bil-mod
ħafna. 5.3.4. L-Alternattiva (4)
– L-aċċettazzjoni obbligatorja Jiġi żviluppat standard Ewropew komuni ġdid u
jitqiegħed għad-dispożizzjoni biex jintuża mill-operaturi
kollha tas-suq. L-aċċettazzjoni mill-awtoritajiet kontraenti kollha
tal-fatturi elettroniċi konformi ma’ dan l-istandard tkun
meħtieġa fl-akkwist pubbliku, mingħajr ma tissostitwixxi
soluzzjonijiet tekniċi eżistenti. L-objettiv operattiv jintlaħaq malajr: ir-rekwiżit
li jiġu aċċettati l-fatturi elettroniċi konformi
mal-istandard Ewropew ikun jiżgura effettivament l-interoperabilità u
b’hekk jelimina l-ostakli għall-aċċess għas-suq mill-jum
meta jidħlu fis-seħħ id-dispożizzjonijiet. Hu jista’
jipprovdi wkoll soluzzjoni lesta u gwida għal dawk l-Istati Membri li
għadhom ma implimentawx il-fatturar elettroniku. Għall-impriżi, din l-Alternattiva tkun toħloq
iċ-ċertezza li kwalunkwe sforzi u nefqiet se jiġu amortizzati
f'perjodu ta’ żmien relattivament qasir. L-għarfien li investiment
f’soluzzjoni unika se jippermetti li jiġu mibgħuta fatturi
elettroniċi lil kwalunkwe awtorità kontraenti fi kwalunkwe Stat Membru
għandu jitqies bħala argument konvinċenti favur il-bidla għall-fatturar
elettroniku. L-impatti sekondarji jkunu osservati biss sal-punt fejn
isseħħ bidla għal fatturar elettroniku. Peress li
d-disponibbiltà ta’ standard komuni għandha tħeġġeġ
aktar parteċipanti fis-suq biex jieħdu din id-deċiżjoni,
l-iskala ta’ dan il-proċess għandha tkun aktar sinifikanti minn dik
fl-Alternattivi preċedenti. 5.3.5. L-Alternattiva (5)
– L-armonizzazzjoni sħiħa Il-fatturi li jikkonformaw mal-istandards li hemm
bħalissa ma jibqgħux ikunu permessi. Għalkemm dan
l-approċċ ikun jarmonizza b'mod sħiħ il-fatturar elettroniku
fl-UE, l-investimenti kollha magħmula fl-Istati Membri li diġà kienu
żviluppaw sistemi nazzjonali ta’ fatturar elettroniku jkunu moħlija.
Dan l-approċċ ikun ukoll ta' tfixkil kbir u jqum ħafna flus
għall-fornituri tas-servizzi, minħabba li dawn ikollhom jerġgħu
jfasslu s-sistemi fl-intier tagħhom. Fl-aħħar nett, dan ikun
jissodisfa l-oppożizzjoni politika qawwija mill-Istati Membri li diġà
għandhom sistemi ta’ fatturar elettroniku fis-seħħ. 6. Tqabbil tal-Alternattivi L-analiżi tal-Alternattivi differenti pprovdiet
r-riżultati segwenti: || Objettiv - titjib/iffaċilitar tal-interoperabilità tal-fatturar elettroniku fl-akkwist pubbliku Alternattivi ta’ politika || EFFIKAĊJA || EFFIĊJENZA || KOERENZA[1] Alternattiva (1): L-ebda azzjoni ġdida min-naħa tal-UE || 0 || 0 || 0 Alternattiva (2): Approċċ tal-għażla libera || (+ / ?) || (≈) || (?) Alternattiva (3): Konverżjoni selettiva għall-fatturar elettroniku || (+) || (+) || (- / ?) Alternattiva (4): Aċċettazzjoni obbligatorja || (+ +) || (+) || (+ / ?) Alternattiva (5): Armonizzazzjoni sħiħa || (+ +) || (- -) || (≈) Id-daqs tal-impatt meta
mqabbel max-xenarju bażi (il-linja bażi hija indikata bħala 0):
++ pożittiv ħafna; + pożittiv; – – negattiv ħafna; –
negattiv; ≈ marġinali/newtrali; ? mhux ċert; m.a mhux applikabbli L-Alternattiva (4) tidher li hija l-għażla
l-aktar xierqa: ·
Hi tkun tippermetti li tingħeleb il-frammentazzjoni attwali
u tiżgura l-funzjonament xieraq tas-Suq Intern. ·
Billi t-tranżizzjoni għall-fatturar elettroniku
sseħħ fuq l-inizjattiva tal-kumpanija, din ma tkunx
tiġġenera kostijiet bla bżonn. B'dan il-mod, jiġu
rrispettati wkoll il-prinċipji ta’ sussidjarjetà u ta’ proporzjonalità. ·
Billi din l-Alternattiva tħeġġeġ
tranżizzjoni usa’ għall-fatturar elettroniku, hi tkun tippermetti li
jitgawdew bi sħiħ it-titjib fl-effiċjenza u l-iffrankar ekonomiku
li jġib miegħu l-fatturar elettroniku. ·
Billi tippermetti lill-kumpaniji u lill-awtoritajiet kontraenti
jkomplu jużaw is-sistemi nazzjonali eżistenti ta’ fatturar, jitnaqqsu
l-kostijiet u t-tfixkil marbuta mat-tranżizzjoni
għaż-żewġ gruppi. Qed jiġi propost li l-iskadenza għall-bidla lejn
l-aċċettazzjoni obbligatorja tal-fatturi elettroniċi konformi
mal-istandard Ewropew il-ġdid, tkun l-2017 jew l-2018. Dan il-perjodu ta’
żmien jirrifletti x-xewqa tal-partijiet interessati biex javvanzaw malajr
u huwa konsistenti mad-data mistennija għat-tnedija tal-akkwist
elettroniku obbligatorju msemmija fl-abbozzi tad-direttivi riveduti dwar
l-akkwist pubbliku. 7. Monitoraġġ u evalwazzjoni Sabiex jiġi evitat kwalunkwe piż (amministrattiv)
addizzjonali fuq l-awtoritajiet kontraenti, fuq il-kumpaniji jew fuq l-Istati
Membri minħabba l-ġbir ta’ informazzjoni użata
għall-monitoraġġ, l-indikaturi proposti prinċipalment
iserrħu fuq sorsi ta' dejta eżistenti (pereżempju, il-ĠU/TED,
Eurostat) jew fuq dejta diġà miġbura mill-partijiet interessati
(pereżempju, il-fornituri ta' servizzi ta' fatturar elettroniku) matul
l-attivitajiet kummerċjali tagħhom. Madankollu, hemm xi lakuni
fid-dejta li se jkunu jirrikjedu riċerka ulterjuri (studji u stħarriġ
immirati), li għandha titwettaq mid-DĠ MARKT. [1]
Il-koerenza hija evalwata billi jittieħdu inkunsiderazzjoni
wkoll l-impatti sekondarji (jiġifieri, l-impatti ġġenerati
miż-żieda fl-adozzjoni tal-iffatturar elettroniku) u sa fejn
l-Alternattivi huma koerenti ma’ politiki oħra tal-UE (speċjalment
l-inizjattiva tal-akkwist elettroniku u l-objettivi tad-Direttiva dwar
il-pagamenti tard).