KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

CAMPOS SÁNCHEZ-BORDONA

ippreżentati fit‑23 ta’ Jannar 2025 ( 1 )

Kawża C‑782/23

“Tauritus” UAB

vs

Muitinės departamentas prie Lietuvos Respublikos finansų ministerijos,

bl-intervent ta’:

Kauno teritorinė muitinė

(talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mil-Lietuvos vyriausiasis administracinis teismas (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il‑Litwanja))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Unjoni doganali — Regolament (UE) Nru 952/2013 — Kodiċi doganali tal-Unjoni — Tariffa doganali komuni — Valur doganali — Valur tranżazzjonali — Determinazzjoni — Merkanzija importata fuq il-bażi ta’ kuntratt li jindika l-prezz tax-xiri provviżorju — Prezz finali li ma huwiex magħruf fid-data tal-aċċettazzjoni tad-dikjarazzjoni doganali”

1.

Fit-tilwima li tagħti lok għal dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari, jiġi diskuss l-ammont ta’ interessi moratorji dovuti minħabba l-ħlas tard tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) li jikkorrispondi għal importazzjoni.

2.

Sabiex jiġu ddeterminati dawn l-interessi, għandu jiġi stabbilit l-ammont eżatt tal-VAT fuq l-importazzjoni. Min-naħa tiegħu, l-ammont tal-VAT fuq l-importazzjoni jiddependi fuq kif jiġi kkalkolat il-valur doganali tal-merkanzija importata, skont ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 ( 2 ).

I. Il-kuntest ġuridiku

A.   Il-Kodiċi Doganali

3.

Il-paragrafu 2 tal-Artikolu 15 (“L-għoti ta’ informazzjon lill-awtoritajiet doganali”), jistabbilixxi:

“Il-preżentazzjoni ta’ dikjarazzjoni doganali […] minn persuna lill-awtoritajiet doganali […] tirrendi l-persuna kkonċernata responsabbli għal dan li ġej:

a)

il-preċiżjoni u l-kompletezza tal-informazzjoni mogħtija fid-dikjarazzjoni, fin-notifika jew fl-applikazzjoni;

[…]”.

4.

L-Artikolu 48 (“Il-kontroll wara r-rilaxx”) jippreskrivi:

“Għall-għanijiet tal-kontrolli doganali, l-awtoritajiet doganali jistgħu jivverifikaw il-preċiżjoni u l-kompletezza tal-informazzjoni mogħtija f’dikjarazzjoni doganali […] u l-eżistenza u l-awtentiċità, il-preċiżjoni u l-validità ta’ kull dokument ta’ sostenn u jistgħu jeżaminaw il-kontijiet tad-dikjarant u kotba oħra marbuta mal-operazzjonijiet fir-rigward tal-merkanzija inkwistjoni […] wara li jkunu rilaxxawha”.

5.

L-Artikolu 70 (“Il-metodu ta’ valutazzjoni doganali bbażat fuq il-valur tat-tranżazzjoni”) jipprovdi:

“1.   Il-bażi primarja għall-valur doganali tal-merkanzija għandu jkun il-valur tat-tranżazzjoni, jiġifieri l-prezz li effettivament tħallas jew għandu jitħallas meta l-merkanzija tinbiegħ għall-esportazzjoni lejn it-territorju doganali tal-Unjoni, aġġustat fejn meħtieġ.

2.   Il-prezz li effettivament tħallas jew li għandu jitħallas għandu jkun il-pagament totali magħmul jew li għandu jsir mix-xerrej lill-bejjiegħ jew mix-xerrej lil parti terza għall-benefiċċju tal-bejjiegħ għall-merkanzija importata u jinkludi l-pagamenti kollha magħmula jew li għandhom isiru bħala kondizzjoni tal-bejgħ tal- merkanzija importata.

3.   Il-valur tat-tranżazzjoni għandu japplika dment li jkunu sodisfatti l-kondizzjonijiet kollha li ġejjin:

[…]

b)

il-bejgħ jew il-prezz mhuwiex soġġett għal xi kondizzjoni jew konsiderazzjoni li għaliha ma jistax ikun determinat valur rigward il-merkanzija li qed tkun valutata;

[…]”.

6.

L-Artikolu 71 (“Elementi tal-valur tat-transazzjoni”) u l-Artikolu 72 (“Elementi li ma għandhomx ikunu inklużi fil-valur doganali”) jipprovdu għall-aġġustamenti li għandhom isiru sabiex jiġi ddeterminat il-valur doganali skont l-Artikolu 70 ( 3 ).

7.

L-Artikolu 73 (“Simplifikazzjoni”) jistipula:

“L-awtoritajiet doganali jistgħu, wara applikazzjoni, jawtorizzaw li dawn li ġejjin jkunu determinati abbażi ta’ kriterji speċifiċi, fejn ma jkunux kwantifikabbli fid-data meta tkun aċċettata d-dikjarazzjoni doganali:

a)

ammonti li għandhom jkunu inklużi fil-valur doganali skont l-Artikolu 70(2); u

b)

l-ammonti msemmija fl-Artikoli 71 u 72” ( 4 ).

8.

L-Artikolu 74 (“Metodi sekondarji ta’ valutazzjoni doganali”) jistqarr:

“1.   Fejn il-valur doganali tal-merkanzija ma jkunx jista’ jkun determinat skont l-Artikolu 70, dan għandu jkun determinat billi jipproċedi b’mod sekwenzjali mill-punt (a) sal-punt (d) tal-paragrafu 2, sakemm jintlaħaq l-ewwel punt fejn jista’ jkun determinat il-valur doganali tal-merkanzija.

[…]

2.   Il-valur doganali, skont il-paragrafu 1, għandu jkun:

a)

il-valur tat-tranżazzjoni ta’ merkanzija identika […];

b)

il-valur tat-tranżazzjoni ta’ merkanzija simili […];

c)

il-valur ibbażat fuq il-prezz ta’ unità […]; jew

d)

il-valur maħdum, magħmul mit-total ta’:

i)

l-ispejjeż jew il-valur tal-materjali u tal-fabrikazzjoni jew xi pproċessar ieħor involut fil-produzzjoni tal-merkanzija importata;

ii)

ammont għal profitt u spejjeż ġenerali […];

iii)

l-ispejjeż jew valur tal-elementi msemmija fil-punt (e) tal-Artikolu 71(1).

3.   Fejn il-valur doganali ma jistax jkun determinat taħt il-paragrafu 1, huwa għandu jkun determinat abbażi tad-data disponibbli fit-territorju doganali tal-Unjoni, billi jintużaw mezzi raġonevoli konsistenti mal-prinċipji u l-provvedimenti ġenerali ta’ dawn kollha li ġejjin:

a)

il-ftehim dwar l-implimentazzjoni tal-Artikolu VII tal-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ;

b)

l-Artikolu VII tal-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ;

c)

dan il-Kapitolu” ( 5 ).

9.

L-Artikolu 101 (“Id-determinazzjoni tal-ammont ta’ dazju tal-importazzjoni jew esportazzjoni”) jistabbilixxi:

“1.   L-ammont ta’ dazju tal-importazzjoni jew esportazzjoni li jrid jitħallas għandu jkun determinat mill-awtoritajiet doganali […] hekk kif ikollhom l-informazzjoni meħtieġa.

2.   Mingħajr ħsara għall-Artikolu 48, l-awtoritajiet doganali jistgħu jaċċettaw l-ammont ta’ dazju tal-importazzjoni jew esportazzjoni li jrid jitħallas kif iddeterminat mid-dikjarant.

[…]”.

10.

Il-paragrafu 1 tal-Artikolu 166 (“Dikjarazzjoni simplifikata”), jindika:

“L-awtoritajiet doganali jistgħu jaċċettaw li persuna tqiegħed merkanzija taħt proċedura doganali abbażi ta’ dikjarazzjoni simplifikata ’ li tkun tħalli barra uħud mid-dettalji msemmija fl-Artikolu 162 jew id-dokumenti ta’ sostenn imsemmija fl-Artiklu 163”.

11.

L-Artikolu 167 (“Id-dikjrazzjoni supplimentari”) jipprevedi:

“1.   Fil-każ ta’ dikjarazzjoni simplifikata skont l-Artikolu 166 […], id-dikjarant għandu jippreżenta dikjarazzjoni supplimentari li jkun fiha d-dettalji meħtieġa għall-proċedura doganali kkonċernata fl-uffiċċju doganali kompetenti f’limitu ta’ żmien speċifiku [ ( 6 )].

Fil-każ ta’ dikjarazzjoni simplifikata skont l-Artikolu 166, id-dokumenti ta’ sostenn meħtieġa għandhom ikunu fil-pussess tad-dikjarant u għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet doganali f’limitu ta’ żmien speċifiku.

Id-dikjarazzjoni supplimentari tista’ tkun ta’ natura ġenerali, perjodika jew rikapitulattiva.

[…]

4.   Id-dikjarazzjoni simplifikata msemmija fl-Artikolu 166 jew l-entrata fil-kotba tad-dikjarant imsemmija fl-Artikolu 182, u d-dikjarazzjoni supplimentari għandhom jitqiesu bħala strument wieħed, indiviżibbli li jidħol fis-seħħ, rispettivament, fid-data meta tkun aċċettata d-dikjarazzjoni simplifikata skont l-Artikolu 172 u fid-data meta l-merkanzija tiddaħħal fil-kotba tad-dikjarant.

[…]”.

12.

Il-paragrafu 2 tal-Artikolu 172 (“L-aċċettazzjoni ta’ dikjarazzjoni doganali”), jipprovdi:

“Id-data ta’ aċċettazzjoni tad-dikjarazzjoni doganali mill-awtoritajiet doganali għandha, ħlief fejn ipprovdut mod ieħor, tkun id-data użata għall-applikazzjoni tal-provvedimenti li jirregolaw il-proċedura doganali li għaliha l-merkanzija hija ddikjarata u għall-formalitajiet l-oħra kollha ta’ l-importazzjoni jew l-esportazzjoni”.

13.

L-Artikolu 173 (“L-emendar ta’ dikjarazzjoni doganali”) jippreskrivi:

“1.   Wara li japplika, id-dikjarant għandu jkun permess jemenda dettall wieħed jew aktar tad-dikjarazzjoni doganali wara li dik id-dikjarazzjoni tkun ġiet aċċettata mid-dwana. L-emenda m’għandhiex tagħmel id-dikjarazzjoni doganali applikabbli għal merkanzija oħra barra dik li kienet tkopri oriġinarjament.

[…]

3.   Wara applikazzjoni mid-dikjarant, fi żmien tliet snin mid-data tal-aċċettazzjoni tad-dikjarazzjoni doganali, l-emendar tad-dikjarazzjoni doganali jista’ jkun permess wara r-rilaxx tal-merkanzija sabiex id-dikjarant ikun jista’ jikkonforma mal-obbligi tiegħu marbuta mat-tqegħid tal-merkanzija taħt il-proċedura doganali kkonċernata”.

B.   Id-Direttiva 2006/112/KE ( 7 )

14.

Skont l-Artikolu 85:

“Rigward l-importazzjoni ta’ merkanzija, l-ammont taxxabbli għandu jkun il-valur għal finijiet doganali, stabbilit skond id-disposizzjonijiet Komunitarji fis-seħħ”.

II. Il-fatti, it-tilwima u d-domandi preliminari

15.

Il-verżjoni tal-fatti li jinsabu fid-digriet tar-rinviju hija kif ġej:

–

Skont deċiżjoni tas‑26 ta’ Mejju 2017, il-Kauno teritorinė muitinė (is-Servizz Reġjonali Doganali ta’ Kaunas, il-Litwanja) ( 8 ) wettaq spezzjoni fiskali ta’ “Tauritus” UAB għall-perijodu ta’ bejn l‑1 ta’ Ottubru 2015 u t‑30 ta’ April 2017.

–

Is-Servizz Reġjonali kkonstata li, matul dan il-perijodu, Tauritus kienet xtrat kwantitajiet differenti ta’ diżil u fjuwil mingħand diversi fornituri u importathom fit-territorju tar-Repubblika tal-Litwanja.

–

Fil-kuntratti konklużi mal-fornituri u fil-fatturi pro forma maħruġa minnhom, kien hemm indikat il-prezz provviżorju li Tauritus kellha tħallas għax-xiri tal-merkanzija.

–

Meta ddikjarat, bil-ħsieb tar-rilaxx tiegħu f’ċirkolazzjoni libera u fis-suq, il-fjuwil hekk akkwistat u importat, Tauritus indikat fid-dikjarazzjonijiet ta’ importazzjoni l-prezz provviżorju bħala l-valur doganali tal-merkanzija. F’dawn id-dikjarazzjonijiet hija indikat ukoll li l-metodu applikat sabiex jiġi ddeterminat il-valur doganali tal-merkanzija kien dak previst fl-Artikolu 74(3) tal-Kodiċi Doganali.

–

Skont il-kuntratti li saru mal-fornituri, il-prezz provviżorju ġie sussegwentement aġġustat sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni ċerti elementi li saru magħrufa wara l-importazzjoni tal-merkanzija, bħall-prezzijiet medji tal-fjuwil fis-suq fil-perijodu rilevanti u l-medja tar-rata tal-kambju fil-perijodu imsemmi.

–

Tauritus u l-fornituri tagħha ftehmu dwar dan il-prezz aġġustat (iktar ’il quddiem il-“prezz finali”) permezz ta’ klawżoli addizzjonali annessi mal-kuntratti, li abbażi tagħhom il-fornituri ħarġu fatturi korrettivi. Skont il-varjazzjonijiet fil-prezzijiet tas-suq u r-rati tal-kambju, il-prezz finali f’xi każijiet kien ogħla mill-prezz provviżorju u, f’oħrajn, kien iktar baxx.

–

Wara li rċeviet il-fatturi korrettivi mingħand il-fornituri, Tauritus għamlet, fuq inizjattiva tagħha stess, talbiet sabiex jiġi aġġustat il-valur tal-merkanzija indikata fid-dikjarazzjonijiet tal-importazzjoni tagħha.

–

Fil-kuntest tal-istess spezzjoni, instab li, matul il-perijodu mid‑29 ta’ Settembru 2016 sal‑1 ta’ Frar 2017, Tauritus ippreżentat lis-Servizz Reġjonali tlettax-il dikjarazzjoni ta’ importazzjoni (id-“dikjarazzjonijiet kontenzjużi”) li fihom kienet indikat bħala l-valur doganali tal-fjuwil importat il-prezz provviżorju miftiehem mal-fornituri.

–

Fis‑6 ta’ Frar u l‑15 ta’ Marzu 2017, il-fornituri ħarġu fatturi korrettivi lill-kumpannija li juru prezzijiet finali tal-fjuwils importati ogħla mill-valur doganali rreġistrat fid-dikjarazzjonijiet ikkontestati.

–

B’differenza minn okkażjonijiet oħra, Tauritus ma talbitx lill-awtoritajiet doganali sabiex jaġġustaw il-valur doganali speċifikat fid-dikjarazzjonijiet kontenzjużi u lanqas ma ħallset lit-teżor pubbliku l-ammont addizzjonali ta’ VAT fuq l-importazzjoni qabel il-bidu tal-ispezzjoni (is‑26 ta’ Mejju 2017) ( 9 ).

–

Is-Servizz Reġjonali, fuq il-bażi tal-metodu ta’ valutazzjoni previst fl-Artikolu 70(1) tal-Kodiċi Doganali, aċċetta bħala l-valur doganali tal-merkanzija l-prezz finali ddikjarat fil-fatturi aġġustati u ordna lil Tauritus tħallas interessi moratorji fuq il-VAT tal-importazzjoni li kienet tikkorrispondi għall-perijodu bejn id-data tal-aċċettazzjoni, mill-awtoritajiet doganali, tad-dikjarazzjonijiet inkwistjoni u d-data tar-rapport tas-Servizz stess ( 10 ).

16.

Tauritus, li ma kinitx taqbel mad-deċiżjoni tas-Servizz Reġjonali, esprimiet in-nuqqas ta’ qbil tagħha suċċessivament quddiem il-Muitinės departamentas prie Lietuvos Respublikos finansų ministerijos (id-Dipartiment Doganali tal-Ministeru għall-Finanzi tar-Repubblika tal-Litwanja), il-Mokestinių ginčų komisija prie Lietuvos Respublikos Vyriausybės (il-Kummissjoni dwar Kwistjonijiet tat-Taxxa tal-Gvern tar-Repubblika tal-Litwanja) u l-Vilniaus apygardos administracinis teismas (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali ta’ Vilnius), li ddikjaraw li l-kalkolu tal-interessi moratorji kien iġġustifikat.

17.

Tauritus appellat id-deċiżjoni tal-qorti tal-ewwel istanza quddiem il-Lietuvos vyriausiasis administracinis teismas (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Litwanja), li, permezz ta’ deċiżjoni tas‑17 ta’ Ġunju 2020, bagħtet lura l-kawża lill-amministrazzjoni doganali għal eżami mill-ġdid tagħha.

18.

Fl-opinjoni tal-Lietuvos vyriausiasis administracinis teismas (il-Qorti Amministrattiva Suprema), l-awtorità doganali kienet ikkalkolat ħażin il-valur doganali tal-merkanzija billi użat l-hekk imsejjaħ “valur ta’ tranżazzjoni”. L-applikazzjoni tal-Artikolu 70(1) tal-Kodiċi Doganali ma setgħetx tkun ibbażata fuq prezz finali li ma kienx u ma setax ikun magħruf fid-dati tal-importazzjoni tal-merkanzija u tal-preżentazzjoni tad-dikjarazzjonijiet inizjali.

19.

Wara r-rinviju tal-kawża lill-awtorità tat-taxxa, din, permezz ta’ riżoluzzjoni tad-Dipartiment Doganali tal‑31 ta’ Diċembru 2020, li kkonfermat id-deċiżjoni tas-Servizz Reġjonali, tenniet l-obbligu ta’ Tauritus li tħallas l-interessi moratorji. Skont din l-awtorità:

–

Wara li rċeviet il-fatturi aġġustati mingħand il-fornituri bil-prezz finali, Tauritus kienet obbligata tikkalkula l-valur doganali tal-merkanzija skont l-Artikolu 70(1) tal-Kodiċi Doganali, filwaqt li tirrikonoxxi l-prezz finali speċifikat f’dawn il-fatturi aġġustati bħala l-valur ta’ tranżazzjoni.

–

Peress li Tauritus ma kinitx wettqet dan l-obbligu qabel il-bidu tal-ispezzjoni mill-awtorità doganali, din tal-aħħar kellha d-dritt tikkalkula l-interessi moratorji mid-data tal-preżentazzjoni tad-dikjarazzjonijiet inizjali.

20.

Wara li din id-deċiżjoni ġiet ikkonfermata mill-Vilniaus apygardos administracinis teismas (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali ta’ Vilnius) permezz ta’ sentenza tad‑19 ta’ Jannar 2022, Tauritus ippreżentat appell ġdid quddiem il-Lietuvos vyriausiasis administracinis teismas (il-Qorti Amministrattiva Suprema), li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)

L-Artikolu 70 tal-[Kodiċi Doganali] għandu jiġi interpretat fis-sens li l-paragrafu 1 tiegħu ma japplikax għal sitwazzjoni, bħal dik inkwistjoni f’dan il-każ, fejn fil-mument tal-aċċettazzjoni tad-dikjarazzjoni doganali u abbażi tal-bejgħ li seħħ immedjatament qabel l-introduzzjoni tal-merkanzija fit-territorju doganali, ikun magħruf biss il-prezz li għandu jitħallas provviżorjament, li sussegwentement (jiġifieri wara l-preżentata tad-dikjarazzjoni u r-rilaxx għal ċirkulazzjoni libera tal-merkanzija) jiġi aġġustat ’il fuq jew ’l isfel skont ċirkustanzi indipendenti mir-rieda tal-partijiet fit-tranżazzjoni u mhux magħrufa fil-mument tal-preżentata tad-dikjarazzjoni?

2)

L-Artikolu 173(3) [tal-Kodiċi Doganali] għandu jiġi interpretat fis-sens li d-dikjarant ma għandux l-obbligu li jitlob lill-awtoritajiet doganali aġġustament tal-valur għal skopijiet doganali stabbilit u ddikjarat skont l-Artikolu 74 ta’ dan [il-kodiċi] meta, bħal f’dan il-każ, il-prezz li effettivament għandu jitħallas għall-merkanzija, kif imsemmi [fil-kodiċi], li ma kienx u li ma setax ikun magħruf fil-mument tal-preżentata tad-dikjarazzjoni, isir magħruf wara r-rilaxx għal ċirkulazzjoni libera ta’ din il-merkanzija?”

III. Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

21.

It-talba għal deċiżjoni preliminari ġiet irreġistrata fil-Qorti tal-Ġustizzja fid‑19 ta’ Diċembru 2023.

22.

Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub mill-Gvern Spanjol u mill-Gvern Litwan, kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea.

23.

Fis-seduta li saret fis‑6 ta’ Novembru 2024, dehru l-Gvern Spanjol, il-Gvern Franċiż u l-Gvern Litwan, kif ukoll il-Kummissjoni.

IV. Evalwazzjoni

A.   Kunsiderazzjonijiet preliminari

24.

Kif diġà semmejt, l-għan tal-kawża huwa li jiġi ddeterminat l-ammont tal-interessi moratorji dovuti minn kumpannija wara l-ħlas tal-VAT fuq l-importazzjoni.

25.

It-tilwima hija ċċentrata fuq il-metodu użat sabiex jiġi ddeterminat il-valur doganali tal-merkanzija importata ( 11 ). L-ammont tad-dejn fiskali jiddependi fuq dan il-valur u, konsegwentement, il-kalkolu tal-interessi moratorji dovuti.

26.

B’mod partikolari, Tauritus stabbilixxiet il-valur doganali skont il-metodu sekondarju previst fl-Artikolu 74(3) tal-Kodiċi Doganali. Dan il-metodu huwa previst għal meta ma jkunx possibbli li jiġi applikat il-metodu prevalenti tal-Artikolu 70 tal-istess kodiċi ( 12 ). L-awtorità doganali tiffavorixxi, għall-kuntrarju, l-applikazzjoni tal-metodu prevalenti msemmi qabel għal din il-kawża.

27.

Il-qorti tar-rinviju tenfasizza li t-tilwima “tikkonċerna biss l-ammont tal-interessi moratorji mitlub mingħand ir-rikorrenti”, liema ammont hija tqis “direttament relatat mal-ammont tad-dejn fiskali li ma huwiex imħallas u mal-mument li fih joriġina d-dejn fiskali” ( 13 ).

28.

Madankollu, il-qorti tar-rinviju ma tagħmel l-ebda domanda lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-portata temporali tal-interessi moratorji, jiġifieri, dwar meta dawn isiru dovuti. Fuq din il-kwistjoni, nerġa’ nirrepeti, ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari huwa sieket, li jimplika li titħalla miftuħa d-domanda dwar id-dati inizjali u finali għall-kalkolu tal-interessi, li d-domandi preliminari ma jindirizzawhomx.

29.

Fir-rigward tal-“ammont ta’ dejn fiskali li ma huwiex imħallas”, li huwa l-fattur l-ieħor invokat mill-qorti tar-rinviju, kollox jidher li jindika li Tauritus ma kkontestatx, bħala tali, l-ammont tal-VAT finalment mitlub. Jekk dan huwa l-każ (li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju), għandu jiġi mifhum li hija taċċetta b’mod impliċitu l-valur doganali —u, għalhekk, il-bażi taxxabbli— tal-merkanzija għall-finijiet tal-ħlas tal-VAT fuq l-importazzjoni.

30.

F’dan il-kuntest, tispikka n-natura ipotetika tad-dikjarazzjoni tal-qorti tar-rinviju li huwa bbażat fuqha d-digriet tar-rinviju: “jekk jiġi kkonstatat li l-valur doganali —u, għalhekk, il-bażi taxxabbli— kien ġie ddeterminat b’mod żbaljat, parti mill-interessi moratorji dovuti ma tistax titqies bħala ġġustifikata” ( 14 ).

31.

Jekk il-persuna taxxabbli ma toġġezzjonax għall-ammont tad-“dejn fiskali li ma huwiex imħallas” (fil-forma ta’ VAT), stabbilit preċiżament fuq il-bażi tal-valur ta’ tranżazzjoni, ma narax il-bżonn li jitqajjem dibattitu dwar dak l-istess valur ta’ tranżazzjoni, issa dwar il-ħlas ta’ interessi moratorji ( 15 ).

32.

Għalhekk, waqt is-seduta, tqajmu ċerti dubji dwar l-utilità tar-risposta li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tagħti lill-qorti tar-rinviju. Jekk id-domandi tagħha jitqiesu bħala ipotetiċi (ma humiex strettament meħtieġa sabiex tiġi solvuta t-tilwima oriġinali) ( 16 ), ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jkun inammissibbli.

33.

Fi kwalunkwe każ, fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li twettaq l-analiżi sostantiva tad-domandi preliminari abbażi tal-preżunzjoni tar-rilevanza tagħhom, jien ser nesprimi ruħu dwarhom.

B.   L-ewwel domanda preliminari

34.

Il-qorti tar-rinviju titlob l-interpretazzjoni tal-Artikolu 70 tal-Kodiċi Doganali. Hija tixtieq tkun taf jekk il-paragrafu 1 tiegħu japplikax għal sitwazzjoni fejn “fil-mument tal-aċċettazzjoni tad-dikjarazzjoni doganali u abbażi tal-bejgħ li seħħ immedjatament qabel l-introduzzjoni tal-merkanzija fit-territorju doganali, ikun magħruf biss il-prezz li għandu jitħallas provviżorjament, li sussegwentement (jiġifieri wara l-preżentata tad-dikjarazzjoni u r-rilaxx għal ċirkulazzjoni libera tal-merkanzija) jiġi aġġustat ’il fuq jew ’l isfel skont ċirkustanzi indipendenti mir-rieda tal-partijiet fit-tranżazzjoni u mhux magħrufa fil-mument tal-preżentata tad-dikjarazzjoni”.

35.

Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet dwar id-determinazzjoni tal-valur doganali tal-merkanzija importata. Il-ġurisprudenza tagħha fiha d-dikjarazzjonijiet li ġejjin:

–

“Id-dritt tal-Unjoni dwar l-evalwazzjoni għal skopijiet doganali hija intiża sabiex tistabbilixxi sistema ekwa, uniformi u newtrali li teskludi l-użu ta’ valuri doganali arbitrarji jew fittizzji. Il-valur għal skopijiet doganali għandu għaldaqstant jirrifletti l-valur ekonomiku reali ta’ merkanzija importata u, għaldaqstant, għandu jieħu inkunsiderazzjoni l-elementi kollha ta’ din il-merkanzija li għandhom valur ekonomiku skont il-ġurisprudenza stabbilita” ( 17 ).

–

“B’mod partikolari, skont l-Artikolu 29 [l-Artikolu 70 attwali] tal-Kodiċi Doganali, il-valur għal skopijiet doganali tal-merkanzija importata huwa kkostitwit mill-valur ta’ tranżazzjoni tagħha, jiġifieri l-prezz effettivament imħallas jew li għandu jitħallas għall-merkanzija meta din tinbiegħ għall-esportazzjoni lejn it-territorju doganali tal-Unjoni, bla ħsara, madankollu, għal aġġustamenti li għandhom, skont il-każ, isiru konformement, b’mod partikolari, mal-Artikolu 32 [l-Artikolu 71 attwali] ta’ dan il-kodiċi” ( 18 ).

–

“Il-valur għal skopijiet doganali għandu jiġi ddeterminat, bi prijorità, skont il-metodu msejjaħ ‘tal-valur ta’ tranżazzjoni’ tal-merkanzija importata […]. B’hekk, dan il-metodu ta’ determinazzjoni tal-valur għal skopijiet doganali huwa meqjus bħala l-iktar wieħed adattat u l-iktar wieħed użat ta’ spiss” ( 19 ).

–

“Il-prezz effettivament imħallas jew li għandu jitħallas għall-merkanzija għaldaqstant jikkostitwixxi, bħala regola ġenerali, il-bażi għall-kalkolu tal-valur għal skopijiet doganali, anki jekk dan il-prezz huwa fattur li għandu eventwalment jiġi aġġustat meta din l-operazzjoni tkun neċessarja sabiex tiġi evitata d-determinazzjoni ta’ valur għal skopijiet doganali arbitrarju jew fittizju” ( 20 ).

36.

Fid-dawl ta’ dawn il-kriterji, il-metodu ta’ valutazzjoni prevalenti (l-Artikolu 70 tal-Kodiċi Doganali) għandu jiġi applikat, fil-prinċipju, għat-tilwima oriġinali. B’differenza minn dak li sostnew uħud mill-intervenjenti fis-seduta, l-importatur ma huwiex liberu li jagħżel, fid-diskrezzjoni tiegħu, il-metodu ta’ valutazzjoni tal-merkanzija, liema teorija jidhirli li hija żbaljata u kontradittorja bi preżunzjoni li teżisti ġerarkija bejn il-metodi ta’ valutazzjoni suċċessivi, imposta espressament mill-Kodiċi Doganali nnifsu.

37.

Għall-kuntrarju, jiena nifhem li l-importatur għandu juża l-metodu li jadatta għall-kundizzjonijiet ta’ kull tranżazzjoni. Jista’ ma jiġix applikat il-metodu prevalenti (dak tal-Artikolu 70 tal-Kodiċi Doganali) biss meta r-rekwiżiti stabbiliti hemmhekk ma jkunux issodisfatti. F’dan il-każ biss jista’ jintuża l-metodu sekondarju (tal-Artikolu 74(1) tal-Kodiċi Doganali) li huwa aġġustat aħjar għaċ-ċirkustanzi tal-importazzjoni, u, finalment, il-metodu residwu tal-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu 74.

38.

Skont il-qorti tar-rinviju, diversi raġunijiet jopponu l-applikazzjoni (obbligatorja), f’dan il-każ, tal-metodu tal-Artikolu 70 tal-Kodiċi Komunitarju:

–

Fil-mument tal-preżentazzjoni tad-dikjarazzjoni doganali, il-prezz effettivament imħallas jew li għandu jitħallas ma setax ikun magħruf.

–

Il-paragrafu 3 tal-Artikolu 70 tal-Kodiċi Doganali jeskludi l-applikazzjoni tal-valur ta’ tranżazzjoni jekk il-prezz ikun suġġett għal kundizzjonijiet li jipprevjenu d-determinazzjoni tal-valur tal-merkanzija.

–

Peress li l-prezz finali ma jkunx magħruf fil-mument tas-sottomissjoni tad-dikjarazzjoni, id-dikjarant ma jistax ikun obbligat li japplika l-metodu tal-valur ta’ tranżazzjoni, peress li l-Artikolu 15(2)(a) tal-Kodiċi Doganali jagħmlu responsabbli għall-preċiżjoni u l-kompletezza tal-informazzjoni li tinsab fid-dikjarazzjoni.

–

Skont is-sentenza Hamamatsu Photonics Deutschland, ma jistax jiġi aċċettat “bħala valur għal skopijiet doganali, valur ta’ tranżazzjoni miftiehem li jikkonsisti, parzjalment, minn ammont inizjalment iffatturat u ddikjarat u, parzjalment, minn aġġustament b’rata fissa li jsir wara t-tmiem tal-perijodu ta’ fatturazzjoni, mingħajr ma jkun possibbli li jkun magħruf jekk, fi tmiem il-perijodu ta’ fatturazzjoni, dan l-aġġustament ikunx sar ’il fuq jew ’l isfel” ( 21 ).

39.

Għall-qorti tar-rinviju, iċ-ċirkustanzi elenkati jwasslu għall-applikazzjoni ta’ wieħed mill-metodi ta’ valutazzjoni sekondarji (residwi) ikkontemplati fl-Artikolu 74 tal-Kodiċi Doganali; speċifikament, f’dan il-każ, fil-paragrafu 3 tiegħu.

40.

Fil-fehma tiegħi, fid-dawl tal-informazzjoni kollha mogħtija lill-Qorti tal-Ġustizzja, ma kien hemm xejn li jipprevjeni l-applikazzjoni tal-Artikolu 70(1) tal-Kodiċi Doganali għal dan il-każ, peress li:

–

Il-bażi prinċipali għad-determinazzjoni tal-valur doganali hija l-valur ta’ tranżazzjoni, jiġifieri, il-prezz effettivament imħallas jew li għandu jitħallas għall-merkanzija, iddeterminat fil-ħin tad-dħul tad-dikjarazzjoni doganali, u inklużi l-ħlasijiet kollha li jsiru jew li għandhom isiru bħala kundizzjoni tal-bejgħ tal-merkanzija.

–

Il-valur ta’ tranżazzjoni jista’ (u għandu) jiġi aġġustat sussegwentement, sakemm jiġu rispettati d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 70(1), tal-Kodiċi Doganali, u skont il-paragrafu 3(b) ta’ dan l-Artikolu. Ikun meħtieġ, għal dawn il-finijiet, li “[…] il-bejgħ jew il-prezz mhuwiex soġġett għal xi kondizzjoni […] li għaliha ma jistax ikun determinat valur rigward il-merkanzija”.

41.

Barra minn hekk, il-prezz iddikjarat minn Tauritus kien provviżorju, kif kien miftiehem fil-kuntratti għall-bejgħ tal-merkanzija ( 22 ). Dawn l-istess kuntratti u l-annessi tagħhom kienu jindikaw li l-prezz finali jkun ikkundizzjonat minn żewġ fatturi li setgħu jkunu magħrufa biss wara l-importazzjoni, jiġifieri: il-prezzijiet medji tal-fjuwil fis-suq u r-rata tal-kambju medja ( 23 ).

42.

Iż-żewġ fatturi jikkostitwixxu “kundizzjonijiet tal-bejgħ” fis-sens tal-Artikolu 70(1) u 3(b) tal-Kodiċi Doganali. Bħala tali, dawn għandhom l-għan li jikkwantifikaw ħlasijiet li, minħabba r-relazzjoni kuntrattwali bejn ix-xerrej u l-bejjiegħ, huma tant importanti għal dan tal-aħħar li, jekk ma jsirux effettivi, il-bejgħ finalment ma jsirx ( 24 ).

43.

Ċertament, dawn kienu ħlasijiet li l-ammont tagħhom ma kienx iddeterminat b’mod sħiħ fil-mument tad-dikjarazzjoni doganali. Madankollu, il-kundizzjonijiet għall-kalkolu definittiv tiegħu fissru li dan kien diġà, mill-iffirmar stess tal-kuntratti, perfettament determinabbli. Huwa biss jekk dan ma jkunx determinabbli li għandu jiġi eskluż il-metodu tal-valur ta’ tranżazzjoni, b’applikazzjoni tal-Artikolu 70(3)(b).

44.

Kif irrileva l-Gvern Spanjol u bi qbil tal-Gvern Franċiż matul is-seduta, iż-żewġ kundizzjonijiet tal-bejgħ (il-prezzijiet medji tal-fjuwil u r-rata tal-kambju medja) ma kinux jiddependu mir-rieda esklużiva ta’ ebda waħda mill-partijiet kontraenti, iżda minn ċirkustanzi oġġettivi, ta’ natura esterna. Il-verifika ta’ dawn iċ-ċirkustanzi setgħet issir faċilment mill-awtoritajiet doganali, li quddiemhom id-dikjarant seta’ jagħti prova tal-prezz finalment imħallas wara li żied jew naqqas mill-prezz provviżorju l-aġġustamenti miftiehma, li jirriżultaw minn fatturi żvelati pubblikament.

45.

Kuntrarjament għal dak li jidher li ssostni l-qorti tar-rinviju ( 25 ), jiena nemmen li l-kunsiderazzjonijiet li saru lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tagħti s-sentenza Hamamatsu Photonics Deutschland ma jistgħux jiġu trasposti għal dan il-każ. F’din l-evalwazzjoni, naqbel mal-pożizzjoni unanima espressa fis-seduta mill-gvernijiet li pparteċipaw fiha u mill-Kummissjoni.

46.

Il-kuntratti ffirmati minn Tauritus kienu jistipulaw li l-prezz finali tal-bejgħ kien suġġett għal kundizzjonijiet oġġettivi, faċilment verifikabbli, b’differenza minn dak li ġara fil-kawża Hamamatsu Photonics Deutschland. F’din tal-aħħar, kumpannija xtrat merkanzija fatturata bi prezzijiet fi ħdan il-grupp mingħand il-kumpannija omm tagħha u s-somma tal-prodotti fatturati kienet regolarment suġġetta għal verifika u, skont il-każ, għal korrezzjoni, bl-użu tal-hekk imsejjaħ metodu “tat-tqassim tal-profitt residwali”. Dan il-metodu kien jinvolvi l-kombinament tal-allokazzjoni ta’ profitt minimu mat-tqassim ta’ profitt residwu proporzjonalment u l-istabbiliment ta’ firxa ta’ għanijiet li kienu jiddeterminaw il-ħlas ta’ krediti jew debiti ( 26 ).

47.

Il-kundizzjonijiet għad-determinazzjoni tal-valur tal-merkanzija fil-kawża Hamamatsu Photonics Deutschland kienu, għalhekk, b’mod sinjifikattiv iktar kumplessi u, b’mod partikolari, iktar diffiċli sabiex jiġu vverifikati mill-awtorità doganali minn dawk fil-każ li għandna quddiemna f’din il-kawża. Nifhem, għalhekk, li l-ġurisprudenza ta’ dik is-sentenza ma tistax tiġi estiża għall-proċedura preżenti.

48.

Fil-qosor, insostni li l-metodu prevalenti tal-Artikolu 70(1) tal-Kodiċi Doganali kien xieraq f’ċirkustanzi bħal dawk tat-tilwima fil-kawża prinċipali. Il-prezz effettivament imħallas jew li għandu jitħallas għall-merkanzija importata (li, kif diġà spjegajt, jikkostitwixxi, bħala regola ġenerali, il-bażi għall-kalkolu tal-valur doganali) seta’ jiġi aġġustat a posteriori, skont fatturi diġà previsti fil-kuntratt tal-bejgħ u faċilment oġġettivabbli, sabiex jirrifletti l-valur ekonomiku veru ta’ dik il-merkanzija.

C.   It-tieni domanda preliminari

49.

Il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 173(3) tal-Kodiċi Doganali. Hija tixtieq tkun taf, b’mod partikolari, jekk id-dikjarant huwiex obbligat li jitlob lill-awtoritajiet doganali aġġustament tal-valur għal skopijiet doganali, stabbilit u ddikjarat skont l-Artikolu 74 ta’ dan il-kodiċi, meta “il-prezz li effettivament għandu jitħallas għall-merkanzija, kif imsemmi fl-Artikolu 70(1) [ta’ dan il-kodiċi], li ma kienx u li ma setax ikun magħruf fil-mument tal-preżentata tad-dikjarazzjoni, isir magħruf wara r-rilaxx għal ċirkulazzjoni libera ta’ din il-merkanzija”.

50.

Ir-risposta għat-tieni domanda preliminari tista’ ma tkunx neċessarja jekk jiġi kkonfermat li l-valur ta’ tranżazzjoni kellu jiġi kkalkolat f’dan il-każ permezz tal-metodu prevalenti tal-Artikolu 70 tal-Kodiċi Doganali.

51.

Fi kwalunkwe każ, fid-dawl tat-termini li fihom issir it-tieni domanda tal-qorti tar-rinviju, ser niffoka l-analiżi tiegħi fuqha, li jeħtieġ li jiġi ċċarat il-mekkaniżmu għall-aġġustament tal-prezz finali, meta l-kalkolu tiegħu jiddependi minn ċerti fatturi futuri (iżda faċilment oġġettivabbli).

52.

F’din l-ipoteżi, l-aġġustament tal-prezz finali jsir permezz ta’ proċess żviluppat f’żewġ fażijiet: a) dik li tikkonċerna l-mument tad-dikjarazzjoni, meta jkun magħruf biss il-prezz provviżorju; b) dik li tappartjeni għall-mument li fih, ladarba l-kundizzjonijiet pendenti tal-bejgħ ikunu ntlaħqu, jiġi stabbilit il-prezz finali tal-merkanzija mibgħuta.

53.

Għal dawn il-finijiet, il-Kodiċi Doganali joffri żewġ mekkaniżmi:

–

L-ewwel, dak tal-Artikolu 166 tiegħu: huwa aċċettat li “persuna tqiegħed merkanzija taħt proċedura doganali abbażi ta’ dikjarazzjoni simplifikata ’ li tkun tħalli barra uħud mid-dettalji msemmija fl-Artikolu 162 jew id-dokumenti ta’ sostenn imsemmija fl-Artiklu 163” ( 27 ). Dikjarazzjoni supplimentari għandha tiżdied iktar tard mad-dikjarazzjoni simplifikata, li hija rregolata skont l-Artikolu 167 tal-istess kodiċi.

–

It-tieni, dak tal-Artikolu 73 tiegħu: l-awtoritajiet doganali jistgħu jawtorizzaw li ċerti kwantitajiet “jkunu determinati abbażi ta’ kriterji speċifiċi, fejn ma jkunux kwantifikabbli fid-data meta tkun aċċettata d-dikjarazzjoni doganali”.

54.

Skont il-mekkaniżmu tal-Artikolu 166 tal-Kodiċi Doganali, l-importatur inizjalment jiddikjara l-prezz provviżorju tal-merkanzija u, fi żmien debitu, permezz tad-dikjarazzjoni supplimentari (l-Artikolu 167 tal-istess Kodiċi), il-prezz finali.

55.

Għall-kuntrarju, il-mekkaniżmu tal-Artikolu 73 tal-Kodiċi Doganali huwa rriżervat għal ammonti li, fid-data li fiha tiġi aċċettata d-dikjarazzjoni doganali, huma biss kwantifikabbli fuq il-bażi ta’ kriterji speċifiċi stabbiliti mill-awtoritajiet doganali.

56.

Minħabba ċ-ċirkustanzi fattwali tat-tilwima, nifhem li kellu jintuża l-mekkaniżmu tal-Artikolu 166, u mhux dak tal-Artikolu 73, it-tnejn tal-Kodiċi Doganali, peress li ż-żewġ fatturi ta’ kalkolu stabbiliti fil-kuntratti tal-bejgħ (il-prezz medju tal-fjuwil u r-rata tal-kambju medja) ippermettew li l-ammont tal-prezz finali jkun jista’ jiġi ddeterminat fid-data tad-dikjarazzjoni doganali. Kien biżżejjed, għalhekk, li tintuża d-dikjarazzjoni simplifikata tal-Artikolu 166, sakemm issir id-dikjarazzjoni supplimentari msemmija fl-Artikolu 167.

57.

Fil-preżenza ta’ elementi li fihom infushom jippermettu li jiġu kkwantifikati l-ammonti li jiddeterminaw il-valur doganali, ma huwiex neċessarju l-użu tal-mekkaniżmu tal-Artikolu 73 tal-Kodiċi Doganali, jiġifieri billi jiġu stabbiliti kriterji speċifiċi oħra.

58.

Il-mekkaniżmu tal-Artikoli 166 u 167 tal-Kodiċi Doganali, minbarra li jakkomoda r-rekwiżiti ta’ preċiżjoni (l-Artikolu 15 ta’ dan l-istess Kodiċi), finalment jiggarantixxi d-determinazzjoni tal-valur ekonomiku reali tal-merkanzija. Għall-kuntrarju, il-mekkaniżmu tal-Artikolu 73 tal-Kodiċi Doganali ma jippermettix tali preċiżjoni, iżda jopera skont kriterji li, anki jekk speċifiċi, qatt ma jistgħu jagħtu riżultat preċiż daqs dak tal-elementi tal-prezz li jiddeterminaw b’mod preċiż il-valur ekonomiku reali tal-oġġett importat.

59.

Diġà spjegajt għalfejn il-metodu sekondarju ta’ valutazzjoni li applikat Tauritus (dak tal-Artikolu 74(3) tal-Kodiċi Doganali) ma kienx xieraq. Dan huwa metodu purament residwu, limitat għall-każijiet li fihom lanqas ikun possibbli li jiġi ddeterminat il-valur doganali skont il-metodi stabbiliti fil-paragrafu 1 tal-istess Artikolu 74. Dawn tal-aħħar, min-naħa tagħhom, huma applikabbli biss jekk ma jkunx jista’ jintuża l-metodu prevalenti tal-Artikolu 70 tal-Kodiċi Doganali, minħabba li l-prezz tal-merkanzija (il-valur ta’ tranżazzjoni) ikun suġġett għal kundizzjonijiet li jipprevjenu li jiġi ddeterminat il-valur tagħha.

60.

Jekk, kif insostni, il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-kuntratti ffirmati bejn Tauritus u l-fornituri tagħha kienu jwasslu sabiex il-prezz finali jiġi ddeterminat faċilment b’mod oġġettiv, kellu jintuża l-metodu prevalenti (l-Artikolu 70 tal-Kodiċi Doganali) sabiex jinstab il-valur reali tat-tranżazzjoni.

61.

Inżid li l-metodu residwu tal-Artikolu 74(3) tal-Kodiċi Doganali ma setax jiġi ssupplimentat b’mod naturali, sabiex ngħidu hekk, bil-proċedura ta’ aġġustament tal-Artikolu 173 tal-istess kodiċi. Jiġifieri, ma huwiex possibbli li ż-żewġ dispożizzjonijiet jingħaqdu flimkien b’tali mod li jikkonfiguraw proċedura kumplessa, bil-mod li jingħaqdu l-Artikoli 166 u 167 tal-Kodiċi Doganali.

62.

Fil-fatt, id-dikjarazzjoni simplifikata tal-Artikolu 166 tal-Kodiċi Doganali għandha ż-żieda neċessarja tagħha fid-dikjarazzjoni supplimentari tal-Artikolu 167 tal-istess Kodiċi, sabiex tintegra d-dikjarazzjoni doganali fl-intier tagħha (li t-tnejn “jitqiesu bħala strument wieħed, indiviżibbli”, skont l-Artikolu 167(4) tal-Kodiċi Doganali).

63.

F’dawn il-kundizzjonijiet, sabiex nillimita ruħi għat-test tat-tieni domanda preliminari, l-Artikolu 173 tal-Kodiċi Doganali, li jikkontempla “l-emendar ta’ dikjarazzjoni doganali”, ma kienx ikun applikabbli.

64.

L-emendi ammissibbli taħt l-Artikolu 173 tal-Kodiċi Doganali ma humiex intiżi sabiex jissupplimentaw dikjarazzjoni preċedenti ta’ natura provviżorja, iżda pjuttost sabiex jikkoreġu l-kontenut ta’ dikjarazzjoni ppreżentata f’dak iż-żmien bħala dikjarazzjoni lesta u kompleta. Għandu jittieħed inkunsiderazzjoni wkoll li l-użu tal-aġġustamenti, peress li huma eċċezzjoni għall-prinċipju ta’ irrevokabbiltà tad-dikjarazzjoni doganali, huwa suġġett għal reġim restrittiv ( 28 ).

65.

Fi kliem ieħor, id-dikjarazzjonijiet doganali li jirriflettu prezz finali li ma huwiex suġġett għal aġġustamenti sussegwenti jistgħu, fejn xieraq, jiġu emendati (iżda mhux issupplimentati) skont l-Artikolu 173 tal-Kodiċi Doganali. Għall-kuntrarju, id-dikjarazzjonijiet li jkun fihom prezz proviżorju suġġett għal aġġustamenti sussegwenti verifikabbli faċilment għandhom ikunu rregolati mill-Artikoli 166 u 167 ta’ dak l-istess kodiċi.

66.

Jekk ikun magħruf mill-bidu (diġà fil-mument tad-dikjarazzjoni) li l-prezz tal-merkanzija huwa biss provviżorju, din l-informazzjoni ma tistax tinħeba mill-awtorità doganali u jkun mistenni sakemm ikun magħruf il-prezz finali sabiex tintbagħat din l-informazzjoni lilha permezz ta’ emendar abbażi tal-Artikolu 173 tad-dikjarazzjoni inizjali.

67.

Fl-interess tal-preċiżjoni u l-integrità tal-informazzjoni li tinsab fid-dikjarazzjoni inizjali, kif meħtieġ mill-Artikolu 15(2)(a) tal-Kodiċi Doganali, huwa xieraq li din iċ-ċirkustanza tiġi kkomunikata fil-ħin tad-dikjarazzjoni inizjali.

68.

Għalhekk, nifhem li, f’ċirkustanzi bħal dawn inkwistjoni, id-dikjarazzjoni inizjali kellu jkollha n-natura ta’ dikjarazzjoni simplifikata (l-Artikolu 166 tal-Kodiċi Doganali), li sussegwentement tiġi ssupplimentata skont l-Artikolu 167 tal-istess Kodiċi. Ma kienx xieraq li jintuża l-Artikolu 173 tal-Kodiċi Doganali sabiex isir emendar tad-dikjarazzjoni ppreżentata skont l-Artikolu 74(3) tal-Kodiċi Doganali, bil-għan li tiġi kkoreġuta informazzjoni li kien magħruf li ma kinitx kompluta sa mill-bidu.

69.

Dak li ġie argumentat sa issa ma jimpedixxix, loġikament, lill-awtoritajiet doganali milli jivverifikaw il-preċiżjoni u l-integrità tal-informazzjoni pprovduta fid-dikjarazzjonijiet doganali waqt spezzjoni fiskali. B’mod partikolari, dawn l-awtoritajiet għandhom is-setgħa li jivverifikaw liema kien il-valur ekonomiku tal-merkanzija importata (il-prezz attwalment imħallas wara l-aġġustamenti pertinenti għall-prezz provviżorju) u li jiddeduċu l-konsegwenzi xierqa sabiex tiġi kkalkolata l-VAT tal-importazzjoni u l-interessi moratorji.

70.

It-tieni domanda preliminari, madankollu, ma tikkonċernax is-setgħat ta’ kontroll tal-awtoritajiet doganali.

V. Konklużjoni

71.

Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti risposta għad-domandi tal‑Lietuvos vyriausiasis administracinis teismas (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il Litwanja) fit-termini li ġejjin:

“1)

L-Artikolu 70(1) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni,

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

japplika għal sitwazzjoni fejn fil-mument tal-aċċettazzjoni tad-dikjarazzjoni doganali u abbażi tal-bejgħ li seħħ immedjatament qabel l-introduzzjoni tal-merkanzija fit-territorju doganali, ikunu magħrufin, apparti mill-prezz provviżorju tagħha, il-kundizzjonijiet li jiddeterminaw il-prezz finali tagħha, sakemm tali kundizzjonijiet jirrispondu għal kriterji oġġettivi u jkunu verifikabbli faċilment mill-awtorità doganali, li għandu jiġi evalwat mill-qorti tar-rinviju.

2)

L-Artikolu 173(3) tar-Regolament Nru 952/2013

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

jippermetti lid-dikjarant, wara applikazzjoni, jemenda dettall wieħed jew iktar tad-dikjarazzjoni doganali, mingħajr ma tali emenda tkun il-mekkaniżmu adegwat meta jkun xieraq li tiġi ppreżentata dikjarazzjoni supplimentari skont l-Artikolu 167 tar-Regolament Nru 952/2013”.


( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ispanjol.

( 2 ) Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU 2013, L 269, p. 1, rettifika fil-ĠU 2013, L 287, p. 90 u fil-ĠU 2016, L 267, p. 2). Iktar ’il quddiem “il-Kodiċi Doganali”.

( 3 ) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447 tal‑24 ta’ Novembru 2015 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU 2015, L 343, p. 558, rettifika fil-ĠU 2016, L 87, p. 35 u fil-ĠU 2017, L 101, p. 195), fil-paragrafu 1 tal-Artikolu 128 (“Valur tat-tranżazzjoni”), jistabbilixxi dan li ġej:

“Il-valur tat-tranżazzjoni tal-prodotti mibjugħa għall-esportazzjoni lejn it-territorju doganali tal-Unjoni għandu jiġi stabbilit fil-mument tal-aċċettazzjoni tad-dikjarazzjoni doganali abbażi tal-bejgħ li jsir immedjatament qabel ma l-prodotti jiddaħħlu f’dak it-territorju doganali”.

Min-naħa tiegħu, l-Artikolu 133 (“Valutazzjoni tal-kundizzjonijiet u tal-kunsiderazzjonijiet”) tal-istess Regolament ta’ Implimentazzjoni jipprovdi:

“Meta l-bejgħ jew il-prezz tal-prodotti importati jkun soġġett għal kundizzjoni jew kunsiderazzjoni li l-valur tagħhom jista’ jiġi stabbilit fir-rigward tal-prodotti li qegħdin jiġu stmati, dan il-valur għandu jitqies bħala parti mill-prezz imħallas effettivament jew li jrid jitħallas […]”.

( 4 ) L-Artikolu 71 (“Simplifikazzjoni”) tar- Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/2446 tat‑28 ta’ Lulju 2015 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ regoli dettaljati li jikkonċernaw uħud mid-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU 2015, L 343, p. 557, rettifika fil-ĠU 2016, L 87, p. 36, fil-ĠU 2017, L 101, p. 164, fil-ĠU 2018, L 75, p. 41 u fil-ĠU 2021, L 382, p. 60), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-fatti, jispeċifika fil-paragrafu 1 tiegħu:

“1. L-awtorizzazzjoni msemmija fl-Artikolu 73 tal-Kodiċi tista’ tingħata meta jkunu sodisfatti l-kundizzjonijiet li ġejjin:

a) l-applikazzjoni tal-proċedura msemmija fl-Artikolu 166 tal-Kodiċi, fiċ-ċirkostanzi tkun tirrapreżenta spejjeż amministrattivi sproporzjonati;

b) il-valur doganali stabbilit, mhux se jvarja b’mod sinifikanti minn dak stabbiliti fin-nuqqas ta’ awtorizzazzjoni”.

( 5 ) Skont il-paragrafu 1 tal-Artikolu 144 (“Metodu ‘fall-back’”), tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/2447: “Meta jiġi stabbilit il-valur doganali skont l-Artikolu 74(3) tal-Kodiċi, tista’ tintuża flessibbiltà raġonevoli fl-applikazzjoni tal-metodi previsti fl-Artikoli 70 u 74(2) tal-Kodiċi. Il-valur b’hekk stabbilit għandu, kemm jista’ jkun possibbli, ikun ibbażat fuq il-valuri doganali stabbiliti qabel”.

( 6 ) Skont l-Artikolu 146 (“Dikjarazzjoni supplimentari”), tar-Regolament Delegat 2015/2446, fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-fatti:

“1. Meta l-awtoritajiet doganali jkollhom idaħħlu l-ammont tad-dazju fuq l-importazzjoni jew l-esportazzjoni li jitħallas fil-kontijiet skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 105(1) tal-Kodiċi, id-dikjarazzjoni supplimentari msemmija fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 167(1) tal-Kodiċi għandha tiġi ppreżentata fi żmien 10 ijiem mir-rilaxx tal-merkanzija.

2. Meta ssir entrata fil-kontijiet skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 105(1) tal-Kodiċi u d-dikjarazzjoni supplimentari jkollha natura ġenerali, perjodika jew rikapitulattiva, il-perjodu ta’ żmien kopert bid-dikjarazzjoni supplimentari ma għandux jaqbeż xahar kalendarju wieħed.

3. It-terminu preskritt għall-preżentazzjoni tad-dikjarazzjoni supplimentari msemmija fil-paragrafu 2 għandu jiġi stabbiliti mill-awtoritajiet doganali. Dan m’għandux jaqbeż 10 ijiem mit-tmiem tal-perjodu ta’ żmien kopert mid-dikjarazzjoni supplementari.

[…]”.

( 7 ) Direttiva tal-Kunsill tat‑28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU 2006, L 347, p. 1 u rettifika fil-ĠU 2007, L 335, p. 60).

( 8 ) Iktar ’il quddiem, is-“Servizz reġjonali”.

( 9 ) Kif iċċara l-Gvern Litwan waqt is-seduta, Tauritus ressqet biss talbiet ta’ aġġustament (favuriha) meta l-valur finali tal-merkanzija kien inqas mill-valur provviżorju ddikjarat oriġinarjament.

( 10 ) Rapport Nru 7KM320048M, tal‑14 ta’ Settembru 2017. L-ammont tal-interessi jitla’ sa EUR 4853.

( 11 ) Id-dibattitu ma jikkonċernax il-portata tas-setgħat ta’ kontroll awtorizzati mill-Artikolu 48 tal-Kodiċi Doganali, li tirreferi għalih il-Kummissjoni.

( 12 ) Skont l-Artikolu 70 tal-Kodiċi Doganali, il-“valur tat-tranżazzjoni” jitqies bħala l-bażi primarja għall-kalkolu, definit bħala “l-prezz li effettivament tħallas jew għandu jitħallas meta l-merkanzija tinbiegħ għall-esportazzjoni lejn it-territorju doganali tal-Unjoni, aġġustat fejn meħtieġ”.

( 13 ) Id-digriet tar-rinviju, punt 22.

( 14 ) Id-digriet tar-rinviju, il-punt 22, in fine.

( 15 ) Il-qorti tar-rinviju teskludi li t-tranżazzjonijiet inkwistjoni fil-kawża kienu jinvolvu frodi, abbuż ta’ drittijiet jew kwalunkwe forma oħra ta’ evażjoni fiskali.

( 16 ) Il-Gvern Litwan qajjem din il-possibbiltà fis-seduta.

( 17 ) Sentenza tal‑20 ta’ Diċembru 2017, Hamamatsu Photonics Deutschland (C‑529/16, EU:C:2017:984; iktar ’il quddiem, “sentenza Hamamatsu Photonics Deutschland”, punt 24, u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 18 ) Sentenza tad‑19 ta’ Novembru 2020, 5th AVENUE Products Trading (C‑775/19, EU:C:2020:948; iktar ’il quddiem, “sentenza 5th AVENUE Products Trading”, punt 23).

( 19 ) Sentenza 5th AVENUE Products Trading, punt 24.

( 20 ) Sentenza 5th AVENUE Products Trading, punt 25.

( 21 ) Sentenza Hamamatsu Photonics Deutschland, il-punt 35.

( 22 ) Huwa irrilevanti, għal dawn il-finijiet, li fatturi pro forma kienu inizjalment ipprovduti għad-dikjarazzjoni doganali. L-Artikolu 145 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/2447 ma jeskludix din it-tip ta’ fattura mid-dokumenti li jiġġustifikaw il-valur iddikjarat tat-tranżazzjoni, meta jkun prezz provviżorju li iktar tard għandu jiġi kkompletat.

( 23 ) Din il-proċedura hija komuni fil-kuntratti tal-bejgħ li l-operaturi ewlenin tas-suq tal-fjuwil jiffirmaw mal-klijenti tagħhom. Kif irrilevat il-Kummissjoni fil-punti 29 u 30 tal-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, fil-qafas tal-Ftehim dwar l-Implimentazzjoni tal-Artikolu VII tal-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ tas-sena 1994 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 21, p. 205), id-determinazzjoni tal-valur doganali tal-merkanzija hija parti minn proċess li fih ir-reviżjoni eventwali tal-prezz ma timponix awtomatikament l-esklużjoni tal-metodu tal-valur ta’ tranżazzjoni.

( 24 ) F’dan is-sens, is-sentenza 5th AVENUE Products Trading, punt 41.

( 25 ) Il-punt 29 tad-deċiżjoni tar-rinviju, b’ċitazzjoni tal-punt 35 tas-sentenza Hamamatsu Photonics Deutschland.

( 26 ) Sentenza Hamamatsu Photonics Deutschland, punti 14 u 15.

( 27 ) B’mod partikolari, l-Artikolu 162 tal-Kodiċi Doganali jirreferi għad-“dettalji kollha meħtieġa għall-applikazzjoni tal-provvedimenti li jirregolaw il-proċedura doganali li għaliha hi ddikjarata l-merkanzija”.

( 28 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Ġunju 2023, Zes Zollner Electronic (C‑640/21, EU:C:2023:457, il-punti 41 sa 48).