KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
SZPUNAR
ippreżentati fit‑23 ta’ Jannar 2025 ( 1 )
Kawża C‑717/23
Bundesminister für Soziales, Gesundheit, Pflege und Konsumentenschutz
fil-preżenza ta’
Bezirkshauptmannschaft Grieskirchen,
M M
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mil-Verwaltungsgerichtshof (il-Qorti Amministrattiva, l-Awstrija))
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 2014/40/UE – Tqegħid fis-suq ta’ prodotti tat-tabakk li l-imballaġġ tagħhom kien jinkludi elementi illegali – Kunċett ta’ ‘tqegħid fis-suq’ – Provvista tal-prodotti tat-tabakk minn bejjiegħ bl-ingrossa f’punt ta’ bejgħ – Multa imposta fuq il-bejjiegħ bl-ingrossa”
I. Introduzzjoni
|
1. |
Din il-kawża toffri lill-Qorti tal-Ġustizzja l-opportunità li tiddeċiedi dwar l-interpretazzjoni li għandha tingħata lill-kunċett ta’ “tqegħid fis-suq”, fis-sens tal-punt 40 tal-Artikolu 2 u tal-Artikolu 23(2) tad-Direttiva 2014/40/UE ( 2 ). |
|
2. |
Il-ġurisprudenza preċedenti tal-Qorti tal-Ġustizzja tidher li tagħti ċerti indikazzjonijiet dwar il-portata tad-definizzjoni li għandha tingħata lil dan il-kunċett. Madankollu nipproponi li nirfina din il-ġurisprudenza billi nibbaża ruħi fuq interpretazzjoni iktar kompleta skont it-termini, il-kuntest u l-għan imfittex mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2014/40. |
II. Il-kuntest ġuridiku
A. Id-dritt tal-Unjoni
1. Id-Direttiva 2014/40
|
3. |
Il-premessa 8 tad-Direttiva 2014/40 tiddikjara li, “[s]kont l-Artikolu 114(3) [TFUE], għandu jittieħed bħala bażi għal proposti leġiżlattivi livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa, filwaqt li jittieħed kont, b’mod partikolari, kull żvilupp ġdid ibbażat fuq fatti xjentifiċi. Il-prodotti tat-tabakk mhumiex komoditajiet ordinarji u minħabba l-effetti partikolarment dannużi tat-tabakk fuq is-saħħa tal-bniedem, il-protezzjoni tas-saħħa għandha tingħata importanza kbira, b’mod partikolari, biex titnaqqas il-prevalenza tat-tipjip fost iż-żgħażagħ”. |
|
4. |
L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, intitolat “Suġġett”, jipprovdi: “L-objettiv ta’ din id-Direttiva hu li tapprossima l-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri rigward: […]
[…] sabiex jiġi ffaċilitat il-funzjonament bla xkiel tas-suq intern għat-tabakk u prodotti relatati, billi jittieħed bħala bażi l-livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem, speċjalment għaż-żgħażagħ, u biex jintlaħqu l-obbligi tal-Unjoni taħt il-Konvenzjoni Qafas tal-[Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO)] għall-Kontroll tat-Tabakk (‘FCTC’).” |
|
5. |
L-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Definizzjonijiet”, jistabbilixxi: “Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin: […]
|
|
6. |
L-Artikolu 8 tal-istess direttiva, intitolat “Dispożizzjonijiet ġenerali”, li jaqa’ taħt il-Kapitolu II tagħha, li min-naħa tiegħu huwa intitolat “Ittikkettar u ippakkjar”, jistabbilixxi, fil-paragrafu 3 tiegħu: “L-Istati Membri għandhom jiżguraw li t-twissijiet tas-saħħa fuq pakkett individwali u kull ippakkjar estern jiġu stampati b’mod li ma jkunux jistgħu jitneħħew, b’mod indelibbli u kompletament viżibbli, inkluż li ma jkunux parzjalment jew totalment moħbija jew interrotti permezz ta’ bolol tat-taxxi, marki tal-prezz, karatteristiċi ta’ sigurtà, tqartis, għatjiet, kaxex, jew oġġetti oħrajn meta l-prodotti tat-tabakk jitqiegħdu fis-suq. Fuq pakketti individwali tal-prodotti tat-tabakk għajr is-sigaretti u t-tabakk tal-brim fil-borża, it-twissijiet tas-saħħa jistgħu jitwaħħlu permezz ta’ stickers, dment li t-tali stickers ma jkunux jistgħu jitneħħew. It-twissijiet tas-saħħa għandhom jibqgħu sħaħ mal-ftuħ tal-pakkett individwali minbarra l-pakketti b’għatu flip-top fejn it-twissijiet tas-saħħa jistgħu jinkisru mal-ftuħ, iżda b’tali mod li jkunu żgurati l-integrità grafika u l-viżibilità tat-test, ir-ritratti u l-informazzjoni dwar il-waqfien mit-tipjip.” |
|
7. |
L-Artikolu 13 tad-Direttiva 2014/40, intitolat “Preżentazzjoni tal-prodott”, huwa fformulat kif ġej: “1. It-tikkettar ta’ pakketti individwali u kull ippakkjar estern u l-prodott tat-tabakk innifsu ma għandhom jinkludu ebda element jew karatteristika li: […]
[…]” |
|
8. |
L-Artikolu 19 ta’ din id-direttiva, intitolat “Notifika dwar prodotti tat-tabakk ġodda”, jistabbilixxi, fil-paragrafu 1 tiegħu: “L-Istati Membri għandhom jesiġu li l-manifatturi u l-importaturi tal-prodotti tat-tabakk ġodda jippreżentaw notifika lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri bi kwalunkwe tali [prodott] li beħsiebhom iqiegħdu fis-swieq nazzjonali kkonċernati. In-notifika għandha tkun sottomessa f’forma elettronika sitt xhur qabel it-tqegħid maħsub fis-suq. […] […]” |
|
9. |
L-Artikolu 20 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Sigaretti elettroniċi”, jipprovdi, fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 2 tiegħu: “Il-manifatturi u l-importaturi tas-sigaretti elettroniċi u l-kontenituri ta’ rikarika għandhom jippreżentaw notifika lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri dwar tali prodotti li biħsiebhom iqiegħdu fis-suq. In-notifika għandha tingħata f’għamla elettronika sitt xhur qabel it-tqegħid intenzjonat fis-suq. […]” |
|
10. |
L-Artikolu 23 tal-istess direttiva, intitolat “Kooperazzjoni u infurzar”, jipprovdi, fil-paragrafi 2 u 3 tiegħu: “2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw illi t-tabakk u l-prodotti relatati li ma jikkonformawx ma’ din id-Direttiva, inklużi l-[atti ta’] implimentazzjoni u l-atti ddelegati previsti hemmhekk, ma jitqegħdux fis-suq. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li prodotti tat-tabakk u prodotti relatati ma jitqegħdux fis-suq jekk ma jkunx hemm konformità mal-obbligi ta’ rappurtar li jinsabu f’din id-Direttiva. 3. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli dwar il-pieni applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skont din id-Direttiva u għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa kollha biex jiżguraw li dawn il-pieni jiġu infurzati. Il-pieni previsti għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi. Kwalunkwe piena amministrattiva finanzjarja li tista’ tiġi imposta bħala riżultat ta’ ksur intenzjonat tista’ tkun tali li tinnewtralizza l-vantaġġ ekonomiku mfittex permezz tal-ksur.” |
2. Ir-Regolament (UE) 2019/1020
|
11. |
Il-premessi 1, 14 u 43 tar-Regolament (UE) 2019/1020 ( 3 ) huma fformulati kif ġej:
[…]
[…]
|
|
12. |
L-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Suġġett”, jistabbilixxi, fil-paragrafu 1 tiegħu: “L-objettiv ta’ dan ir-Regolament huwa li jtejjeb il-funzjonament tas-suq intern billi jsaħħaħ is-sorveljanza tas-suq tal-prodotti koperti mil-leġislazzjoni tal-Unjoni dwar l-armonizzazzjoni msemmija fl-Artikolu 2, bl-għan li jiżgura li fis-suq tal-Unjoni jkunu disponibbli biss il-prodotti konformi li jissodisfaw rekwiżiti li jipprovdu għal livell għoli ta’ protezzjoni ta’ interessi pubbliċi, bħas-saħħa u s-sikurezza ġenerali, is-saħħa u s-sikurezza okkupazzjonali, il-protezzjoni tal-konsumaturi, il-protezzjoni tal-ambjent u tas-sigurtà pubblika u ta’ kwalunkwe interess ieħor kopert b’dik il-leġislazzjoni.” |
|
13. |
L-Artikolu 2 tal-imsemmi regolament, intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni”, jistabbilixxi, fil-paragrafu 1 tiegħu: “Dan ir-Regolament għandu japplika għal prodotti li huma soġġetti għal-leġislazzjoni tal-Unjoni dwar l-armonizzazzjoni elenkata fl-Anness I (‘leġislazzjoni tal-Unjoni dwar l-armonizzazzjoni’), dment li ma jkun hemm ebda dispożizzjoni speċifika bl-istess objettiv fil-leġislazzjoni tal-Unjoni dwar l-armonizzazzjoni, li tirregola b’mod aktar speċifiku aspetti partikolari tal-infurzar u tas-sorveljanza tas-suq.” |
|
14. |
L-Artikolu 3 tal-istess regolament, intitolat “Definizzjonijiet”, jistabbilixxi: “Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
[…]” |
|
15. |
L-Artikolu 16 tar-Regolament 2019/1020, intitolat “Miżuri ta’ sorveljanza tas-suq”, jistabbilixxi, fil-paragrafu 3 tiegħu: “Għall-finijiet tal-paragrafu 2, l-azzjoni korrettiva rikjesta li trid tittieħed mill-operatur ekonomiku tista’ tinkludi, fost l-oħrajn: […]
[…]” |
B. Id-dritt Awstrijak
|
16. |
Skont l-Artikolu 1 tat-Tabak- und Nichtraucherinnen- bzw. Nichtraucherschutzgesetz (il-Liġi dwar it-Tabakk u l-Protezzjoni tal-Persuni li Ma Jpejpux), tal‑1 ta’ Lulju 1995 ( 4 ) (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar it-Tabakk”), “tqegħid fis-suq”, għall-finijiet ta’ din il-liġi, tfisser “il-fatt li prodotti, irrispettivament mill-post tal-manifattura tagħhom, jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-konsumaturi, bi ħlas jew mingħajr ħlas”. |
|
17. |
Skont l-Artikolu 2(1) ta’ din il-liġi, it-tqegħid fis-suq ta’ “prodotti tat-tabakk u prodotti relatati li ma josservawx l-Artikolu 4 sa 10e jew ir-regolamenti stabbiliti” bis-saħħa ta’ din tal-aħħar huwa pprojbit. |
|
18. |
L-Artikolu 5d tal-imsemmija liġi huwa fformulat kif ġej: “(1) L-ittikkettjar tal-pakketti individwali, kull imballaġġ estern kif ukoll il-prodott tat-tabakk innifsu ma jistgħu jinkludu ebda element jew karatteristika li: […]
[…] (3) L-elementi u l-karatteristiċi li huma pprojbiti skont il-paragrafi 1 u 2 huma b’mod partikolari l-messaġġi, is-simboli, l-ismijiet, it-trade marks kummerċjali, is-sinjali figurattivi jew oħrajn.” |
|
19. |
L-Artikolu 14(1) tal-istess liġi jistabbilixxi: “Kwalunkwe persuna li
[…] twettaq reat amministrattiv, sakemm l-atti ma jkunux suġġetti għal sanzjoni iktar severa skont dispożizzjonijiet amministrattivi oħra, u għandha tiġi kkundannata għal multa amministrattiva sa EUR 7500, jew EUR 15000 fil-każ ta’ reċidiva. […]” |
III. Il-kawża prinċipali, id-domanda preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
|
20. |
Fit‑30 ta’ Mejju 2022, il-Bezirkshauptmannschaft Grieskirchen (l-Awtorità Amministrattiva tad-Distrett ta’ Grieskirchen, l-Awstrija, iktar ’il quddiem l-“Awtorità Amministrattiva”) imponiet multa amministrattiva ta’ EUR 1000 fuq M M., bejjiegħ bl-ingrossa tat-tabakk, għar-raġuni li l-kumpannija li tagħha huwa l-amministratur kienet ikkunsinnat sigaretti lil bejjiegħ tat-tabakk (bejjiegħ bl-imnut) f’pakkett individwali li jinkludi tikketta pprojbita. Fil-fatt, l-elementi ta’ informazzjoni “perfettament arrotondati” u “bi slow curing” li jinsabu fuq dan il-pakkett individwali huma elementi li jirreferu għal togħma. L-Awtorità Amministrattiva qieset li, b’dan il-mod, il-bejjiegħ bl-ingrossa kien kiser il-punt 1 tal-Artikolu 14(1) tal-Liġi dwar it-Tabakk, moqri flimkien mal-punt 1 tal-Artikolu 2(1) u mal-punt 3 tal-Artikolu 5d(1) ta’ din tal-aħħar. |
|
21. |
M M ippreżenta rikors kontra din id-deċiżjoni quddiem il-Landesverwaltungsgericht Oberösterreich (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali tal-Land ta’ Oberösterreich, l-Awstrija), li, permezz ta’ deċiżjoni tal‑1 ta’ Settembru 2022, laqgħet dan ir-rikors, annullat id-deċiżjoni tal-Awtorità Amministrattiva tat‑30 ta’ Mejju 2022 u temmet il-proċedura ta’ sanzjoni amministrattiva. |
|
22. |
Skont din il-qorti amministrattiva reġjonali, l-Awtorità Amministrattiva kienet żbaljat meta qieset li l-kunsinna tal-prodotti inkwistjoni lill-bejjiegħ bl-imnut kienet wasslet għat-tqegħid tagħhom fis-suq. Fil-fatt, il-punt 2 tal-Artikolu 1 tal-Liġi dwar it-Tabakk jirriproduċi d-definizzjoni tat-termini “tqegħid fis-suq” li tinsab fil-punt 40 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2014/40, b’mod li dan il-kunċett kellu jinftiehem bħala l-fatt li prodotti, irrispettivament mill-post tal-manifattura tagħhom, jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-konsumaturi, bi ħlas jew mingħajr ħlas. Għaldaqstant, prodott għandu jitqies li “tqiegħed fis-suq” għall-konsumaturi meta jkun disponibbli mingħand il-bejjiegħa bl-imnut jew permezz ta’ bejgħ mill-bogħod u meta t-“tqegħid għad-dispożizzjoni” tal-konsumaturi jkun jikkorrispondi għaż-żamma ta’ stokk ta’ prodotti tat-tabakk bil-għan li dawn jiġu pprovduti direttament lill-konsumaturi, jiġifieri l-aħħar stadju qabel il-bejgħ lill-konsumaturi, li ġeneralment iseħħ għand bejjiegħ tat-tabakk. Għalhekk il-Qorti Amministrattiva Reġjonali tal-Land ta’ Oberösterreich ikkonkludiet li M M ma kienx “qiegħed fis-suq” il-prodotti inkwistjoni sa fejn huwa kien ikkunsinnahom lil bejjiegħ bl-imnut, li huwa wkoll huwa imprenditur u mhux konsumatur. |
|
23. |
L-Awtorità Amministrattiva ppreżentat rikors għal “Reviżjoni” kontra d-deċiżjoni tal‑1 ta’ Settembru 2022 quddiem il-Verwaltungsgerichtshof (il-Qorti Amministrattiva, l-Awstrija), il-qorti tar-rinviju. Il-Bundesminister für Soziales, Gesundheit, Pflege und Konsumentenschutz (il-Ministru Federali għas-Saħħa, għall-Affarijiet Soċjali, għall-Kura u għall-Protezzjoni tal-Konsumaturi, l-Awstrija) sussegwentement intervjena fil-proċedura minflok l-Awtorità Amministrattiva. |
|
24. |
Sabiex tiddeċiedi l-kawża prinċipali, il-qorti tar-rinviju tqis li għandu jiġi ddeterminat jekk il-projbizzjoni prevista mid-dritt tal-Unjoni – li l-kontenut tagħha jaqbel mad-dritt Awstrijak – li jitqiegħed fis-suq prodott tat-tabakk li l-pakkett individwali tiegħu jkun jikser ir-rekwiżiti dwar il-preżentazzjoni, tapplikax mill-istadju tal-provvista ta’ dan il-prodott minn bejjiegħ bl-ingrossa lil bejjiegħ bl-imnut, jew biss fl-istadju tal-provvista tiegħu minn bejjiegħ bl-imnut lil konsumatur. L-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “tqegħid fis-suq”, użat fl-Artikolu 23(2) tad-Direttiva 2014/40, hija determinanti f’dan ir-rigward. Issa, din id-direttiva ma tiddefinixxix il-kunċett ta’ “tqegħid għad-dispożizzjoni tal-prodotti”, li madankollu huwa element ċentrali tal-kunċett ta’ “tqegħid fis-suq”, kif iddefinit fil-punt 40 tal-Artikolu 2 ta’ din tal-aħħar. |
|
25. |
Fl-ewwel lok, il-qorti tar-rinviju tirrileva li l-verżjoni bil-Ġermaniż ( 5 ) tal-punt 40 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2014/40 ma teskludix interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “tqegħid fis-suq” li tinkludi t-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-prodott lil bejjiegħ bl-imnut. Madankollu, il-verżjonijiet bl-Ingliż ( 6 ) u bil-Franċiż ( 7 ) ma jippermettux li dan il-punt jiġi ċċarat. |
|
26. |
Fit-tieni lok, dik il-qorti tikkonstata li, f’dak li jirrigwarda l-punt 40 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2014/40, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fis-sentenza Pro Rauchfrei II ( 8 ), skont is-sens komuni tal-kliem “isiru disponibbli” użat f’din id-dispożizzjoni, li prodott tat-tabakk għandu jitqies li kien is-suġġett ta’ “tqegħid fis-suq” meta l-konsumaturi jkunu jistgħu jiksbuh. Dan ikun il-każ biss meta dan il-prodott ikun disponibbli għall-bejgħ, anki qabel ma jkun inxtara u tħallas. Minn dan jirriżulta li, f’dan il-każ, il-provvista tal-imsemmi prodott minn bejjiegħ bl-ingrossa lil bejjiegħ bl-imnut ma tikkostitwixxix “tqegħid fis-suq”. |
|
27. |
Madankollu, minħabba d-differenzi fattwali bejn il-kawża li wasslet għas-sentenza Pro Rauchfrei II ( 9 ) u l-kawża prinċipali, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-interpretazzjoni adottata mill-Qorti tal-Ġustizzja f’din is-sentenza għandhiex tinftiehem fis-sens li “tqegħid fis-suq” ta’ prodotti tat-tabakk jippreżupponi dejjem, indipendentement mid-dispożizzjoni inkwistjoni tad-Direttiva 2014/40, li l-prodott tat-tabakk jitqiegħed għad-dispożizzjoni ta’ konsumatur direttament (pereżempju permezz tal-bejgħ) u li dan it-tqegħid għad-dispożizzjoni ma jistax iseħħ fi stadju preċedenti tal-katina ta’ provvista. |
|
28. |
F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tirrileva li l-Qorti tal-Ġustizzja ma rriproduċietx, fis-sentenza tagħha, il-kunsiderazzjonijiet żviluppati mill-Avukat Ġenerali Tanchev fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża Pro Rauchfrei ( 10 ) li skonthom il-bejgħ bl-ingrossa kien espliċitament eskluż mill-kunċett ta’ “tqegħid fis-suq”. Madankollu, skont dik il-qorti, qari sistematiku tad-Direttiva 2014/40 jissuġġerixxi għall-kuntrarju li l-kunċett ta’ “tqegħid fis-suq”, iddefinit b’mod ġenerali fil-punt 40 tal-Artikolu 2 ta’ din tal-aħħar, jista’ japplika għal diversi operaturi ekonomiċi kkonċernati mill-kummerċ tal-prodotti tat-tabakk, skont id-dispożizzjoni applikabbli ta’ din id-direttiva u s-sitwazzjoni inkwistjoni. Għaldaqstant, l-obbligu tal-Istati Membri, fl-Artikolu 23(2) tal-imsemmija direttiva, li jiżguraw li l-prodotti tat-tabakk mhux konformi magħha ma “jitqegħdux fis-suq” jista’ jiġi impost, f’ċerti każijiet, fuq il-manifatturi, fuq l-importaturi jew fuq il-bejjiegħa bl-ingrossa u, f’każijiet oħra, fuq il-bejjiegħa bl-imnut biss. |
|
29. |
Fit-tielet lok, il-qorti tar-rinviju tirreferi għal-leġiżlazzjoni Ġermaniża. Fil-fatt, il-leġiżlatur Ġermaniż ibbaża ruħu fuq interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “tqegħid fis-suq” li, skont id-dispożizzjoni inkwistjoni tad-Direttiva 2014/40, tkopri l-operaturi ekonomiċi kollha kkonċernati mill-kummerċ tal-prodotti tat-tabakk jew uħud minnhom biss. Skontha, għalkemm il-liġi Ġermaniża tirriproduċi, essenzjalment, id-definizzjonijiet tal-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, hija madankollu speċifikat, għall-finijiet tad-definizzjoni tat-termini “tqegħid fis-suq”, li t-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-prodott tat-tabakk jinkludi kwalunkwe provvista ta’ prodott intiż għad-distribuzzjoni, għall-konsum jew għall-użu fis-suq tal-Unjoni fil-kuntest ta’ attività kummerċjali. Għaldaqstant, il-leġiżlatur Ġermaniż irriproduċa d-definizzjoni tat-termini “tqegħid fis-suq”, li jinsabu fil-punt 2 tal-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 765/2008 ( 11 ), sabiex jiżgura koerenza bejn id-definizzjonijiet sostantivi u l-miżuri ta’ sorveljanza tas-suq. |
|
30. |
Konsegwentement, il-qorti tar-rinviju ssostni li l-punt 1 tal-Artikolu 1(1) tal-Liġi Ġermaniża dwar it-Tabakk jiggarantixxi li l-kunċett ta’ “tqegħid fis-suq” ikopri mhux biss il-provvista diretta tal-prodott tat-tabakk lil konsumatur, iżda kull provvista, fi kwalunkwe livell li jkun tal-katina ta’ provvista, ta’ dawn il-prodotti. B’estensjoni ta’ din id-dispożizzjoni, l-Artikolu 3(1) ta’ din il-liġi jipprovdi li l-operaturi ekonomiċi u l-proprjetarji tal-ewwel punti ta’ bejgħ huma obbligati bl-istess mod, fil-kuntest tal-attività kummerċjali tagħhom, li jiżguraw li jitqiegħdu biss fis-suq prodotti li jkunu jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-imsemmija liġi. |
|
31. |
Issa, ma jeżistux regoli paragunabbli fid-dritt Awstrijak, peress li dan tal-aħħar jillimita ruħu għal traspożizzjoni li tirriproduċi kważi kelma b’kelma d-definizzjoni mogħtija fil-punt 40 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2014/40 fil-punt 2 tal-Artikolu 1 tal-Liġi dwar it-Tabakk, u l-projbizzjoni ta’ tqegħid fis-suq stabbilita fl-Artikolu 23(2) tad-Direttiva 2014/40 fil-punt 1 tal-Artikolu 2(1) ta’ din il-liġi. |
|
32. |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Verwaltungsgerichtshof (il-Qorti Amministrattiva) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domanda preliminari li ġejja lill-Qorti tal-Ġustizzja: “Id-dispożizzjonijiet ikkunsidrati flimkien tal-Artikolu 23(2) u tal-punt 40 tal-Artikolu 2, kif ukoll tal-Artikolu 13(1)(c) tad-[Direttiva 2014/40] għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-projbizzjoni li jitqiegħed fis-suq prodott tat-tabakk li l-pakkett individwali tiegħu jinkludi elementi jew karatteristiċi li jirreferu għal togħma, tapplika sa mill-istadju tal-provvista tal-imsemmi prodott tat-tabakk minn bejjiegħ bil-grossa lil bejjiegħ bl-imnut, jew fis-sens li tapplika biss għall-bejgħ lill-konsumaturi minn bejjiegħ bl-imnut?” |
|
33. |
M M, il-Gvern Awstrijak, dak Belġjan u dak Olandiż, kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub. Dawn l-istess partijiet, b’eċċezzjoni tal-Gvern Belġjan, ippreżentaw l-osservazzjonijiet orali tagħhom waqt is-seduta li nżammet fit‑23 ta’ Ottubru 2024. |
IV. Analiżi
|
34. |
Permezz tad-domanda unika tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 23(2) tad-Direttiva 2014/40, moqri flimkien mal-punt 40 tal-Artikolu 2 tagħha, għandux jiġi interpretat fis-sens li l-obbligu impost fuq l-Istati Membri li jiżguraw li prodotti tat-tabakk li l-pakkett individwali tagħhom ikun jikser ir-rekwiżiti ta’ din id-direttiva dwar il-preżentazzjoni ta’ dawn il-prodotti ma jitqegħdux fis-suq japplika wkoll fl-istadju tal-provvista ta’ dawn il-prodotti minn bejjiegħ bl-ingrossa lil bejjiegħ bl-imnut jew biss fl-istadju tal-provvista tagħhom minn bejjiegħ bl-imnut lill-konsumaturi. |
|
35. |
Inqis li huwa neċessarju, qabel ma nibda l-analiżi ta’ din id-domanda preliminari, li nagħmel xi rimarki preliminari dwar is-suġġett tagħha. |
|
36. |
Fil-fatt, nirrileva li l-partijiet fil-kawża kkonċentraw, essenzjalment, fuq l-interpretazzjoni tal-punt 40 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2014/40, li jiddefinixxi b’mod astratt il-kunċett ta’ “tqegħid fis-suq”, fis-sens ta’ din id-direttiva. Madankollu, jidhirli li din il-kawża ma tirrigwardax l-interpretazzjoni tad-definizzjoni tal-kunċett ta’ “tqegħid fis-suq”in abstracto, iżda dik ta’ dispożizzjoni materjali tal-imsemmija direttiva li timplimenta dan il-kunċett. |
|
37. |
Fil-fehma tiegħi, is-suġġett ta’ din il-kawża jirrigwarda iktar il-portata tal-obbligu tal-Istati Membri li ma jippermettux it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti tat-tabakk mhux konformi mad-Direttiva 2014/40, u, għal dan il-għan, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi l-punt jekk tali obbligu jimplikax li jiġi kkontrollat biss l-istadju tal-bejgħ ta’ dawn il-prodotti mill-bejjiegħ bl-imnut lill-konsumatur jew jippreżupponix li jiġu ssorveljati wkoll l-istadji preċedenti tal-katina ta’ provvista bħal, kif inhu l-każ inkwistjoni, il-bejgħ bl-ingrossa. |
|
38. |
Għalhekk ser nikkonċentra l-analiżi tiegħi fuq l-interpretazzjoni tal-Artikolu 23(2) tad-Direttiva 2014/40, sa fejn jobbliga lill-Istati Membri jiżguraw li l-prodotti tat-tabakk mhux konformi ma’ din id-direttiva ma jitqegħdux fis-suq. |
|
39. |
Skont ġurisprudenza stabbilita, għall-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss it-termini ta’ din tal-aħħar, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet li l-leġiżlazzjoni li tifforma parti minnha tfittex li tilħaq ( 12 ). |
|
40. |
Għalhekk ser nipproċedi bl-interpretazzjoni letterali (A), sistematika (B) u teleoloġika (C) tal-Artikolu 23(2) tad-Direttiva 2014/40, sabiex jiġi ddeterminat jekk il-provvista ta’ prodotti tat-tabakk minn bejjiegħ bl-ingrossa lil bejjiegħ bl-imnut taqax taħt l-obbligu impost fuq l-Istati Membri li jiżguraw li ebda prodott mhux konformi ma’ din id-direttiva ma jitqiegħed fis-suq. |
A. Interpretazzjoni letterali
|
41. |
L-Artikolu 23(2) tad-Direttiva 2014/40 jipprevedi, għall-Istati Membri, obbligu ġenerali ta’ sorveljanza intiż li jiġi żgurat li ebda prodott mhux konformi ma’ din tal-aħħar ma jitqiegħed fis-suq. |
|
42. |
Il-partijiet jaqblu li jsir riferiment għall-punt 40 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2014/40 sabiex tiġi ddeterminata t-tifsira tal-kunċett ta’ “tqegħid fis-suq” fil-kuntest ta’ tali obbligu ta’ sorveljanza. |
|
43. |
Għaldaqstant, il-Kummissjoni ssostni li l-formulazzjoni tal-punt 40 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2014/40 hija ċara u tipprovdi li t-tqegħid fis-suq iseħħ biss meta l-konsumaturi jkollhom aċċess dirett għall-prodotti inkwistjoni. Kwalunkwe interpretazzjoni ta’ dan il-kunċett li tinkludi l-provvista ta’ prodotti minn bejjiegħ bl-ingrossa lil bejjiegħ bl-imnut tmur kontra l-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni. |
|
44. |
Naqbel ma’ din l-interpretazzjoni. Il-punt 40 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2014/40 jipprovdi definizzjoni ġenerali tal-kunċett ta’ “tqegħid fis-suq” li tippreżupponi li l-konsumaturi jkollhom aċċess għall-prodotti inkwistjoni. |
|
45. |
Madankollu, jidhirli, bħall-Gvern Belġjan u bħall-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi, li s-sempliċi riferiment għad-definizzjoni tal-kunċett ta’ “tqegħid fis-suq”, fis-sens tal-punt 40 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2014/40, ma jippermettix li jiġi ddeterminat bi preċiżjoni jekk l-obbligu ta’ sorveljanza impost fuq l-Istati Membri, previst fl-Artikolu 23(2) ta’ din id-direttiva, jippreżupponix kontroll ukoll fl-istadju tal-provvista tal-prodotti inkwistjoni minn bejjiegħ bl-ingrossa lil bejjiegħ bl-imnut. |
|
46. |
Fil-fatt, kif barra minn hekk tenfasizza l-Kummissjoni stess, l-Artikolu 23(2) tad-Direttiva 2014/40 jimponi fuq l-Istati Membri obbligu ta’ riżultat, jiġifieri li prodotti mhux konformi ma’ din id-direttiva ma jitqegħdux għad-dispożizzjoni tal-konsumaturi. Għaldaqstant, il-kunċett ta’ “tqegħid fis-suq”, kif iddefinit fil-punt 40 tal-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva, jippermetti biss li jiġi identifikat ir-riżultat li għandu jintlaħaq skont l-Artikolu 23(2) ta’ din tal-aħħar. Min-naħa l-oħra, huwa ma jippermettix li jiġi ddeterminat jekk tali riżultat jimplikax li l-Istat Membru jeżerċita l-obbligu ta’ sorveljanza tiegħu wkoll fl-istadju tal-bejgħ bl-ingrossa jew li dan tal-aħħar jeżerċitah biss fl-istadju tal-provvista tal-prodotti inkwistjoni mill-bejjiegħ bl-imnut lill-konsumatur. |
|
47. |
Ir-riferiment għad-definizzjoni ta’ “tqegħid fis-suq” mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Pro Rauchfrei II ( 13 ) lanqas ma jista’ jiċċara l-portata tal-obbligu li jinsab fl-Artikolu 23(2) tad-Direttiva 2014/40. Għaldaqstant, fil-kawża li wasslet għal din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja kellha tiddetermina jekk il-bejgħ ta’ prodotti tat-tabakk permezz ta’ distributur awtomatiku fejn il-prodotti ma jkunux viżibbli kienx jikkostitwixxi “tqegħid fis-suq” fis-sens tal-Artikolu 8(3) ta’ din id-direttiva, li jipprovdi li, meta dawn jitqiegħdu fis-suq, it-twissijiet tas-saħħa li jinsabu fuq il-prodotti inkwistjoni ma jistgħux jinħbew. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, skont is-sens komuni tal-kliem “isiru disponibbli”, prodott tat-tabakk għandu jitqies li kien is-suġġett ta’ “tqegħid fis-suq” meta l-konsumaturi jkunu jistgħu jiksbuh. Malli tali prodott ikun disponibbli għall-bejgħ, għandu jitqies li jkun tqiegħed fis-suq, anki qabel ma jkun inxtara u tħallas. |
|
48. |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-sentenza Pro Rauchfrei II ( 14 ) tiċċara t-tifsira tal-kunċett ta’ “tqegħid fis-suq”, skont il-punt 40 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2014/40, f’sens konformi mal-interpretazzjoni letterali li skontha t-tqegħid fis-suq jippreżupponi li l-konsumaturi jkollhom aċċess dirett għall-prodotti inkwistjoni. |
|
49. |
Madankollu għal darba oħra, tali soluzzjoni tenfasizza biss ir-riżultat li l-Istati huma obbligati jaslu għalih skont l-Artikolu 23(2) tad-Direttiva 2014/40, jiġifieri li l-konsumaturi ma jkunux jistgħu jiksbu prodotti mhux konformi ma’ din id-direttiva. Min-naħa l-oħra, hija ma tippermettix li jiġi ddeterminat jekk, sabiex jintlaħaq dan ir-riżultat, l-Istati Membri humiex obbligati jeżerċitaw kontroll biss fl-istadju tal-bejgħ mill-bejjiegħ bl-imnut lill-konsumatur jew ukoll fi stadju iktar bikri fil-katina ta’ provvista. |
|
50. |
It-termini nnifishom tal-Artikolu 23(2) tad-Direttiva 2014/40 ma humiex univoċi f’dan ir-rigward. Għaldaqstant, kif tirrileva kull waħda mill-partijiet, din id-dispożizzjoni tipprevedi r-riżultat li għandu jintlaħaq. Min-naħa l-oħra, il-kwistjoni tal-mezzi li l-Istati Membri huma obbligati jimplimentaw sabiex jaslu għal dan ir-riżultat, jiġifieri kontroll wieħed biss fl-istadju aħħari tal-katina ta’ provvista jew ukoll fi stadju iktar bikri, ma hijiex irregolata mill-imsemmija dispożizzjoni. |
|
51. |
Għaldaqstant, sa fejn mill-formulazzjoni tal-Artikolu 23(2) tad-Direttiva 2014/40 ma jirriżultax mingħajr ambigwità jekk l-obbligu impost fuq l-Istati Membri li jiżguraw li prodott tat-tabakk mhux konformi ma’ din id-direttiva ma “[jitqegħedx] fis-suq” jimplikax kontroll fl-istadju tal-provvista ta’ dawn il-prodotti minn bejjiegħ bl-ingrossa lil bejjiegħ bl-imnut, jidhirli li huwa neċessarju li t-termini tad-definizzjoni ta’ dan il-kunċett jiġu analizzati fid-dawl tal-kuntest ta’ din id-dispożizzjoni u tal-għanijiet li l-imsemmija direttiva tfittex li tilħaq. |
B. Interpretazzjoni sistematika
|
52. |
Minn naħa, l-Artikolu 23 tad-Direttiva 2014/40, intitolat “Kooperazzjoni u infurzar”, jinsab fost id-dispożizzjonijiet finali ta’ din tal-aħħar u l-paragrafu 2 tiegħu jipprovdi li l-“Istati Membri għandhom jiżguraw illi t-tabakk u l-prodotti relatati li ma jikkonformawx ma’ din id-Direttiva […] ma jitqegħdux fis-suq”. |
|
53. |
Min-naħa tiegħu, l-Artikolu 23(3) tad-Direttiva 2014/40 jipprevedi obbligu għall-Istati Membri li jiddeterminaw is-sistema tas-sanzjonijiet applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali ta’ traspożizzjoni. |
|
54. |
Għalhekk nifhem l-Artikolu 23(2) tad-Direttiva 2014/40 fis-sens li jimponi fuq l-Istati Membri obbligu ta’ sorveljanza ġenerali, intiż li jiġi żgurat li ebda prodott mhux konformi ma’ din tal-aħħar ma jitqiegħed għad-dispożizzjoni tal-konsumaturi, u l-paragrafu 3 ta’ dan l-artikolu fis-sens li jikkonkretizza dan l-obbligu ta’ sorveljanza ġenerali permezz tal-introduzzjoni ta’ sistema ta’ sanzjonijiet fil-każ ta’ ksur tar-rekwiżiti ta’ din id-direttiva. |
|
55. |
Issa, xejn ma jillimita l-introduzzjoni ta’ din is-sistema ta’ sanzjonijiet għall-ksur tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2014/40 fl-istadju tal-provvista ta’ prodotti tat-tabakk mhux konformi minn bejjiegħ bl-imnut lill-konsumaturi. Għall-kuntrarju, kif tirrileva l-Kummissjoni, dawn is-sanzjonijiet jikkonċernaw id-dispożizzjonijiet kollha ta’ din id-direttiva, irrispettivament mill-istadju tal-katina ta’ provvista li għalih japplikaw. |
|
56. |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, jidhirli li l-obbligu ta’ sorveljanza impost fuq l-Istati Membri fl-Artikolu 23(2) tad-Direttiva 2014/40 lanqas ma għandu jkun suġġett għal tali limitazzjoni. |
|
57. |
Min-naħa l-oħra, f’kuntest iktar wiesa’ enfasizzat mill-Kummissjoni, għandu jiġi rrilevat li d-Direttiva 2014/40 hija kkompletata, sa ċertu punt, bir-Regolament 2019/1020, li jipprevedi miżuri ta’ sorveljanza tas-suq intiżi li jiggarantixxu li l-prodotti kkonċernati jkunu konformi mad-dispożizzjonijiet materjali tal-leġiżlazzjoni ta’ armonizzazzjoni. |
|
58. |
Fil-fatt, ir-Regolament 2019/1020 japplika għall-prodotti suġġetti għal-leġiżlazzjoni ta’ armonizzazzjoni tal-Unjoni li l-lista tagħha tinsab fl-Anness I ta’ dan tal-aħħar u li d-Direttiva 2014/40 tagħmel parti minnha. Għal din ir-raġuni, dan ir-regolament ifittex li jsaħħaħ is-sorveljanza fuq is-suq tal-prodotti koperti minn din id-direttiva sabiex jitqiegħdu fis-suq biss il-prodotti li jkunu konformi magħha. |
|
59. |
Fi kliem ieħor, ir-Regolament 2019/1020 ifittex li jżid l-effettività tal-mekkaniżmi previsti mid-Direttiva 2014/40 f’dak li jirrigwarda l-konformità tal-prodotti tat-tabakk mad-dispożizzjonijiet ta’ din tal-aħħar. |
|
60. |
Għal dan il-għan, ir-Regolament 2019/1020 jimponi b’mod partikolari fuq l-Istati Membri obbligu ta’ sorveljanza tas-suq u, fil-każ ta’ nuqqas ta’ konformità ta’ prodott, li jadottaw ċertu numru ta’ miżuri fosthom dik li l-operatur ekonomiku kkonċernat jiġi ordnat jieħu l-miżuri neċessarji sabiex itemm in-nuqqas ta’ konformità. Għalhekk dan ir-regolament ma jillimitax l-obbligu ta’ sorveljanza, li jsaħħaħ l-obbligu ta’ sorveljanza diġà previst mid-Direttiva 2014/40, biss għall-istadju tal-provvista tal-prodott mill-bejjiegħ bl-imnut lill-konsumatur, iżda jikkompleta dan il-mekkaniżmu billi jipprevedi l-obbligu għall-Istati Membri li jadottaw miżuri konkreti. |
|
61. |
Kif tenfasizza l-Kummissjoni stess, b’dan il-mod, hija kwistjoni li tiġi żgurata applikazzjoni kompleta tad-Direttiva 2014/40 fil-katina ta’ provvista kollha tal-prodotti tat-tabakk, billi l-premessa 12 tar-Regolament 2019/1020 tindika li “jenħtieġ li tul il-katina ta’ provvista sħiħa l-operaturi ekonomiċi jkunu mistennija jaġixxu […] b’rispett sħiħ tar-rekwiżiti legali applikabbli meta jiġu introdotti prodotti fis-suq”. |
|
62. |
Jidhirli li tali mekkaniżmu jikkonferma li l-obbligu ta’ sorveljanza previst fl-Artikolu 23(2) tad-Direttiva 2014/40 għandu jiġi interpretat b’mod li jkollu l-istess portata bħal dak li jinsab fir-Regolament 2019/1020. |
|
63. |
Għal dawn ir-raġunijiet, jidhirli li minn interpretazzjoni sistematika jirriżulta li l-obbligu ta’ sorveljanza tal-Istati Membri, previst fl-Artikolu 23(2) tad-Direttiva 2014/40, jimplika li l-Istati Membri għandhom jeżerċitaw l-obbligu tagħhom ta’ sorveljanza mhux biss fl-istadju tal-provvista tal-prodotti inkwistjoni mill-bejjiegħ bl-imnut lill-konsumatur iżda wkoll fl-istadju tal-bejgħ bl-ingrossa. |
|
64. |
Jidhirli li tali interpretazzjoni hija kkonfermata wkoll mill-interpretazzjoni teleoloġika ta’ din id-dispożizzjoni. |
C. Interpretazzjoni teleoloġika
|
65. |
Kif diġà ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, id-Direttiva 2014/40, skont l-Artikolu 1 tagħha, għandha għan doppju, li jikkonsisti fl-iffaċilitar tal-funzjonament tajjeb tas-suq intern tal-prodotti tat-tabakk u tal-prodotti relatati, billi tieħu bħala bażi livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem, b’mod partikolari għaż-żgħażagħ ( 15 ). |
|
66. |
L-għan li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa huwa affermat fil-premessi 8, 13, 18, 21, 36, 54 u 59 tad-Direttiva 2014/40. |
|
67. |
Fid-dawl ta’ dan il-għan, jidhirli li huwa neċessarju li l-obbligu ġenerali ta’ sorveljanza impost fuq l-Istati Membri fl-Artikolu 23(2) tad-Direttiva 2014/40 jiġi interpretat fis-sens li dan il-kontroll għandu jiġi eżerċitat mhux biss fl-istadju tal-bejgħ tal-prodott inkwistjoni mill-bejjiegħ bl-imnut lill-konsumatur, iżda wkoll waqt kull tranżazzjoni li twassal neċessarjament sabiex il-prodott fl-aħħar mill-aħħar jitqiegħed għad-dispożizzjoni tal-konsumaturi. |
|
68. |
Fil-fatt, fil-fehma tiegħi, il-limitazzjoni tal-kontroll, imwettaq mill-Istati Membri, tal-osservanza tar-rekwiżiti tad-Direttiva 2014/40 għall-aħħar stadju tal-katina ta’ provvista tal-prodotti tat-tabakk tippreġudika l-effettività tal-obbligu ta’ sorveljanza li din id-direttiva timponi fuq l-Istati Membri. |
|
69. |
Tali interpretazzjoni fil-fatt tippreżupponi li, skont id-Direttiva 2014/40, ikun biss il-bejjiegħ bl-imnut li jinżamm responsabbli għat-tqegħid fis-suq ta’ prodotti mhux konformi ma’ din tal-aħħar minkejja li, għal numru kbir ta’ rekwiżiti, previsti minn din id-direttiva, dwar il-kompożizzjoni jew l-ippakkjar ta’ dawn il-prodotti, huwa ma jkollux il-kontroll tagħhom. Fil-fehma tiegħi, minn dan jirriżulta riskju mhux negliġibbli li prodotti mhux konformi u, għalhekk, li jikkawżaw ħsara lis-saħħa tal-konsumaturi jkunu jistgħu jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tagħhom. |
|
70. |
Għall-kuntrarju, l-interpretazzjoni proposta minni, li l-obbligu impost fuq l-Istati Membri li jiżguraw li ebda prodott mhux konformi mad-Direttiva 2014/40 ma jitqiegħed fis-suq jippreżupponi l-eżerċizzju ta’ kontroll fid-diversi stadji tal-katina ta’ provvista, tippermetti li jintlaħaq l-għan li jiġi ggarantit livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa, billi jiġi żgurat li, għal kull tranżazzjoni li twassal neċessarjament sabiex il-prodott fl-aħħar mill-aħħar jitqiegħed għad-dispożizzjoni tal-konsumaturi, l-Istati Membri jivverifikaw l-osservanza tar-rekwiżiti tad-Direttiva 2014/40. |
|
71. |
Bl-istess mod, fil-fehma tiegħi, l-għan ta’ funzjonament tajjeb tas-suq intern jikkostitwixxi raġuni sabiex ma tiġix aċċettata l-pożizzjoni tal-Kummissjoni, li l-obbligu ta’ sorveljanza previst fl-Artikolu 23(2) tad-Direttiva 2014/40 jobbliga biss lill-Istati Membri jikkontrollaw il-bejgħ mill-bejjiegħ bl-imnut lill-konsumatur, fejn dawn tal-aħħar ikollhom ir-responsabbiltà li jadottaw, jekk ikunu jixtiequ, miżuri nazzjonali fi stadju iktar bikri tal-katina ta’ provvista sabiex jiżguraw li l-prodotti mhux konformi ma jitqegħdux għad-dispożizzjoni tal-konsumatur. |
|
72. |
Fil-fatt, minn tali interpretazzjoni jirriżulta riskju ta’ disparità fil-leġiżlazzjonijiet bejn id-diversi Stati Membri u obbligi differenti imposti fuq l-operaturi tal-katina ta’ provvista li ma jkunux il-bejjiegħa bl-imnut skont il-miżuri nazzjonali adottati mill-Istati Membri. |
|
73. |
Għaldaqstant, jidhirli li l-interpretazzjoni teleoloġika tal-Artikolu 23(2) tad-Direttiva 2014/40 twassal sabiex jitqies li l-obbligu impost fuq l-Istati Membri li jiżguraw li prodotti tat-tabakk li l-pakkett individwali tagħhom ikun jikser ir-rekwiżiti ta’ din id-direttiva dwar il-preżentazzjoni ta’ dawn il-prodotti ma jitqegħdux fis-suq għandu jiġi eżerċitat mhux biss fl-istadju tal-bejgħ ta’ dawn il-prodotti mill-bejjiegħ bl-imnut lill-konsumatur, iżda wkoll fl-istadju tal-provvista tagħhom minn bejjiegħ bl-ingrossa lil bejjiegħ bl-imnut. |
V. Konklużjoni
|
74. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej għad-domanda preliminari magħmula mil-Verwaltungsgerichtshof (il-Qorti Amministrattiva, l-Awstrija): L-Artikolu 23(2) tad-Direttiva 2014/40/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑3 ta’ April 2014 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri rigward il-manifattura, il-preżentazzjoni u l-bejgħ tat-tabakk u prodotti relatati u li tħassar id-Direttiva 2001/37/KE, moqri flimkien mal-punt 40 tal-Artikolu 2 ta’ din tal-aħħar, għandu jiġi interpretat fis-sens li: l-obbligu impost fuq l-Istati Membri li jiżguraw li prodotti tat-tabakk li l-pakkett individwali tagħhom ikun jikser ir-rekwiżiti ta’ din id-direttiva dwar il-preżentazzjoni ta’ dawn il-prodotti ma jitqegħdux fis-suq japplika mhux biss fl-istadju tal-provvista tagħhom minn bejjiegħ bl-imnut lill-konsumaturi iżda wkoll fl-istadju tal-provvista tal-imsemmija prodotti minn bejjiegħ bl-ingrossa lil bejjiegħ bl-imnut. |
( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.
( 2 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑3 ta’ April 2014 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri rigward il-manifattura, il-preżentazzjoni u l-bejgħ tat-tabakk u prodotti relatati u li tħassar id-Direttiva 2001/37/KE (ĠU 2014, L 127, p. 1, rettifika fil-ĠU 2015, L 150, p. 24).
( 3 ) Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑20 ta’ Ġunju 2019 dwar is-sorveljanza tas-suq u l-konformità tal-prodotti u li jemenda d-Direttiva 2004/42/KE u r-Regolamenti (KE) Nru 765/2008 u (UE) Nru 305/2011 (ĠU 2019, L 169, p. 1).
( 4 ) BGBl., 431/1995, fil-verżjoni tal-BGBl. I, 66/2019.
( 5 ) “die entgeltliche oder unentgeltliche Bereitstellung von Produkten […] für Verbraucher”. Korsiv miżjud minni.
( 6 ) “to make products […] available to consumers”.
( 7 ) “le fait de mettre des produits […] à la disposition des consommateurs”.
( 8 ) Sentenza tad‑9 ta’ Marzu 2023 (C‑356/22, EU:C:2023:174, punt 20).
( 9 ) Sentenza tad‑9 ta’ Marzu 2023 (C‑356/22, EU:C:2023:174).
( 10 ) C‑370/20, EU:C:2021:627.
( 11 ) Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑9 ta’ Lulju 2008 li jistabbilixxi r-rekwiżiti għall-akkreditament u għas-sorveljanza tas-suq relatati mal-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti (ĠU 2008, L 218, p. 30). Il-punt 2 tal-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament ġie rriprodott fil-punt 2 tal-Artikolu 3 tar-Regolament 2019/1020.
( 12 ) Sentenzi tat‑30 ta’ Jannar 2019, Planta Tabak (C‑220/17, EU:C:2019:76, punt 60), u tas‑26 ta’ Settembru 2018, Baumgartner (C‑513/17, EU:C:2018:772, punt 23).
( 13 ) Sentenza tad‑9 ta’ Marzu 2023 (C‑356/22, EU:C:2023:174).
( 14 ) Sentenza tad‑9 ta’ Marzu 2023 (C‑356/22, EU:C:2023:174).
( 15 ) Sentenza tal‑4 ta’ Mejju 2016, Il-Polonja vs Il-Parlament u Il-Kunsill (C‑358/14, EU:C:2016:323, punt 80).