|
24.9.2021 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 340/396 |
RIŻOLUZZJONI (UE) 2021/1639 TAL-PARLAMENT EWROPEW
tad-29 ta’ April 2021
li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol għas-sena finanzjarja 2019
IL-PARLAMENT EWROPEW,
|
— |
wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol għas-sena finanzjarja 2019, |
|
— |
wara li kkunsidra l-Artikolu 100 u l-Anness V tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, |
|
— |
wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji, |
|
— |
wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A9-0079/2021), |
|
A. |
billi, skont id-dikjarazzjoni tad-dħul u l-infiq tagħha (1), il-baġit finali tal-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol ("l-Awtorità") għas-sena finanzjarja 2019 kien jammonta għal EUR 27 138 027,61, li jfisser żieda ta' 7,66 % meta mqabbel mal-2018; billi l-Awtorità hija ffinanzjata minn kontribuzzjoni mill-Unjoni (EUR 10 083 336, li tirrappreżenta 37,16 %) u minn kontribuzzjonijiet mill-awtoritajiet superviżorji nazzjonali tal-Istati Membri (EUR 17 054 691,61, jiġifieri 62,84 %); |
|
B. |
billi l-Qorti tal-Awdituri (il-"Qorti"), fir-rapport tagħha dwar il-kontijiet annwali tal-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol għas-sena finanzjarja 2019 ("ir-rapport tal-Qorti"), issostni li għandha fil-pussess tagħha aċċertamenti raġonevoli li l-kontijiet annwali tal-Awtorità huma affidabbli u li t-tranżazzjonijiet ta' bażi huma legali u regolari; |
Ġestjoni baġitarja u finanzjarja
|
1. |
Jinnota b'apprezzament li l-isforzi ta' monitoraġġ baġitarju matul is-sena finanzjarja 2019 irriżultaw f'rata ta' implimentazzjoni tal-baġit ta' 100 %, simili għall-2018; jinnota, barra minn hekk, li r-rata ta' eżekuzzjoni tal-approprjazzjonijiet ta' pagament kienet ta' 85,63 %, li tirrappreżenta żieda ta' 0,15 % meta mqabbla mal-2018; |
|
2. |
Jinnota li, skont ir-rapport tal-Qorti, id-dokumenti tal-baġit tal-2019 ma jiddeskrivux bis-sħiħ kif ġew ikkalkulati l-kontribuzzjonijiet tal-awtoritajiet kompetenti nazzjonali (NCAs) tal-Unjoni u tal-Membri tal-EFTA u li l-valur stmat tal-kontribuzzjonijiet tal-NCAs għall-kontribuzzjonijiet tal-pensjonijiet ta' min iħaddem imħallsa minn min iħaddem ma ġiex aġġustat għall-ammont reali fl-2019, li rriżulta f'kontribuzzjoni ogħla minn dik meħtieġa; jinnota, mir-risposta tal-Awtorità, li r-regolament fundatur tagħha (partikolarment l-Artikolu 62) jiddetermina l-iskema ta' finanzjament għall-kontribuzzjonijiet tal-Unjoni u tal-NCAs, maħduma skont fattur ta' ponderazzjoni definit, u li ċ-ċifri reali tal-pensjoni jkunu magħrufa biss f'Diċembru u b'hekk iż-żmien disponibbli sa tmiem is-sena mhuwiex biżżejjed biex titħejja emenda baġitarja biex jiġi rifless l-ammont reali; |
|
3. |
Jinnota li, skont ir-rapport tal-Qorti, il-perċentwal ta' kontribuzzjonijiet għall-NCAs u l-Unjoni mhuwiex konsistenti mal-kontribuzzjonijiet magħmula fl-2017 (l-Unjoni 37,16 % u l-NCAs 62,84 %) u s-surplus mill-2017 tqassam fl-2019 (l-Unjoni 40 % u l-NCAs 60 %); jinnota, mir-risposta tal-Awtorità, li r-regolament fundatur tagħha jiddetermina l-iskema ta' finanzjament għall-Unjoni (40 %) u għall-NCAs (60 %) iżda, madankollu, minħabba kalkolu żbaljat, fl-2017 u l-2019 il-perċentwal totali għall-irkupru mingħand l-NCAs kien akbar minn dak tal-Unjoni; jinnota li l-Awtorità rrimborżat is-surplus baġitarju kollu tal-2017 lill-Unjoni u din ħallsitu lura lill-Awtorità fl-2019, bl-applikazzjoni tal-iskema oriġinali ta' finanzjament ta' 40/60; jistieden lill-Awtorità ttejjeb il-politiki tar-rappurtar tagħha biex jiġu evitati inkonsistenzi sostanzjali fil-futur; |
Prestazzjoni
|
4. |
Jinnota b'sodisfazzjon li l-Awtorità tuża ċerti miżuri, bħal indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni, biex tivvaluta l-valur miżjud ipprovdut mill-attivitajiet tagħha, u miżuri oħra biex ittejjeb il-ġestjoni tal-baġit tagħha, bħal għadd medju ta' rispondenti għall-konsultazzjonijiet pubbliċi rilevanti dwar suġġetti relatati mal-ħarsien tal-konsumatur u rata ta' implimentazzjoni tal-baġit ta' 99 %; jinnota b'sodisfazzjon li l-Awtorità laħqet il-mira tagħha għall-indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni kollha; |
|
5. |
Jinnota li 91 % tal-programm ta' ħidma tal-Awtorità – inklużi 303 prodotti u servizzi differenti – twasslu b'suċċess u li fid-9 % li jifdal kien hemm dewmien minuri minħabba l-prijoritizzazzjoni ta' talbiet oħra aktar urġenti, dipendenzi fuq partijiet esterni u tibdil fir-rekwiżiti; |
|
6. |
Jinnota li l-Awtorità qed tissostitwixxi s-sistema elettronika tal-ġestjoni tar-riżorsi umani attwali tagħha b'Sysper, ipprovduta mill-Kummissjoni; jirrikonoxxi li l-Awtorità se tibbenefika minn inqas spejjeż, effiċjenza u sinerġiji; jinnota li d-dewmien marbut mad-daqs tal-proġett ġie solvut u li dan kien mistenni jiġi implimentat fl-2020; jistieden lill-Awtorità tirrapporta lura għand l-awtorità tal-kwittanza dwar ir-riżultati konkreti miksuba f'dan ir-rigward; |
|
7. |
Jinnota b'sodisfazzjon li l-Awtorità hija proattiva fl-identifikazzjoni ta' opportunitajiet għal effiċjenza u sinerġiji ma' aġenziji oħra, b'mod partikolari mal-Awtorità Bankarja Ewropea u l-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq, permezz tal-Kumitat Konġunt tal-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej u permezz ta' proċeduri ta' akkwist konġunt; jilqa' l-aħbar li l-Awtorità ħadmet ma' aġenziji oħra dwar oqsma relatati mal-FinTech, l-innovazzjoni u r-reżiljenza ċibernetika; iħeġġeġ bil-qawwa lill-Awtorità biex, b'mod attiv, tipprova tikseb kooperazzjoni akbar u usa' mal-aġenziji kollha tal-Unjoni; |
|
8. |
Jinkoraġġixxi lill-Awtorità taħdem favur id-diġitalizzazzjoni tas-servizzi tagħha, bħala mezz biex tnaqqas il-burokrazija; |
|
9. |
Jilqa' l-isforzi tal-Awtorità favur reġim superviżorju aktar ikkoordinat fis-sistema finanzjarja Ewropea kollha; jissottolinja r-rwol tagħha li tiżgura suq finanzjarju stabbli, integrat tajjeb, effiċjenti u sikur; jenfasizza l-importanza tal-ħarsien tal-konsumatur fl-Unjoni billi jiġu promossi l-ekwità u t-trasparenza fis-suq tal-prodotti u tas-servizzi finanzjarji, u jistenna bil-ħerqa li jirċievi aġġornament dwar il-miżuri li se jittieħdu f'din id-direzzjoni, inklużi r-reazzjonijiet għall-isfidi tad-diġitalizzazzjoni tal-ekonomija u l-miżuri ta' sostenibbiltà; |
|
10. |
Jilqa' l-miżuri l-ġodda tal-Awtorità bil-għan li jiżdied il-ħarsien tal-konsumatur, inklużi żjarat bilaterali fil-pajjiżi b'enfasi fuq kwistjonijiet ta' kondotta, l-appoġġ lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u l-iżvilupp ta' pjattaformi ta' kooperazzjoni li jiffukaw fuq kwistjonijiet transfruntiera sabiex tiġi indirizzata l-ħtieġa ta' superviżjoni aktar mill-qrib f'ċerti Stati Membri biex b'hekk jiġu indirizzati l-vulnerabbiltajiet fis-swieq tal-assigurazzjoni u biex il-konsumaturi jiġu mħarsa mill-prattiki inġusti tal-kumpaniji tal-assigurazzjoni multinazzjonali; |
|
11. |
Jissottolinja d-dmir tas-sistema finanzjarja li tirrispondi b'mod xieraq għall-isfidi tas-sostenibbiltà finanzjarja, il-Patt Ekoloġiku Ewropew u l-Ftehim ta' Pariġi; |
|
12. |
Iqis li, minn meta nħolqu, ir-responsabbiltajiet tal-Awtorità żdiedu progressivament; josserva li ż-żidiet fil-baġit għandhom ikunu gradwali u kontinwi fuq tul ta' żmien, b'mod parallel maż-żieda fil-kompetenzi; iqis li r-responsabbiltajiet futuri li se jirriżultaw, fost l-oħrajn, mill-Istrateġija għall-Finanzi Diġitali kif ukoll ir-responsabbiltajiet inerenti għall-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus jirrikjedu adattament fil-finanzjament tal-Awtorità; |
|
13. |
Jissottolinja li f'ċerti każijiet il-mandati adottati fil-livell 1 tal-leġiżlazzjoni ma jqisux il-perjodi minimi meħtieġa biex l-Awtorità twettaq ix-xogħol neċessarju biex tiżviluppa u tadotta miżuri tal-livell 2, li jirriżulta fil-ħtieġa ta' riallokazzjoni tar-riżorsi u jikkawża dewmien fl-implimentazzjoni ta' ċerti miżuri; |
|
14. |
Jinnota li, peress li l-volum tax-xogħol tal-Awtorità qiegħed jinbidel dejjem aktar minn kompiti regolatorji għall-infurzar u l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, ir-riżorsi baġitarji u tal-persunal iridu jiġu riallokati internament; jirrimarka li ffukar strett fuq il-mandat assenjat mill-leġiżlatur tal-Unjoni jiżgura użu aktar effettiv u effiċjenti tar-riżorsi; iqis li hemm bżonn aktar sforzi f'termini ta' baġit, reklutaġġ u governanza tal-ġestjoni u l-proċeduri sabiex titrawwem konverġenza superviżorja u b'hekk jingħata kontribut għall-funzjonament tas-suq intern; jenfasizza l-urġenza li l-Awtorità tingħata biżżejjed riżorsi biex tkun tista' twettaq il-kompiti assenjati lilha b'mod adegwat u effiċjenti; |
|
15. |
Jemmen li l-Awtorità għandha tqis l-isfidi diġitali l-ġodda u dawk relatati mas-sostenibbiltà; iqis li t-twettiq ta' dawn l-objettivi stabbiliti u l-integrazzjoni tagħhom fil-qafas regolatorju u superviżorju jrid dejjem ikun allinjat mat-tisħiħ tas-suq, mingħajr ma tiddgħajjef il-kompetittività tiegħu u mingħajr ma jitqiegħed piż eċċessiv fuq l-atturi tas-suq, speċjalment dawk ta' daqs żgħir u medju; jemmen li l-monitoraġġ tal-implimentazzjoni ta' dawn l-objettivi għandu jkun akkumpanjat minn riżorsi adegwati; |
|
16. |
Jirrimarka li l-Awtorità, fit-twettiq tal-attivitajiet tagħha, trid toqgħod attenta għall-iżgurar tal-konformità mad-dritt tal-Unjoni, ir-rispett tal-prinċipju tal-proporzjonalità bħala prinċipju gwida u l-konformità mal-prinċipji fundamentali li jirregolaw is-suq intern; |
|
17. |
Jistieden lill-Awtorità tiżgura segwitu u implimentazzjoni xierqa tar-rakkomandazzjonijiet tal-Qorti; |
|
18. |
Jistieden lill-Awtorità tindirizza l-isfidi sistemiċi fit-tul li jirriżultaw mill-ambjent b'rata tal-imgħax reali baxxa, li huma partikolarment rilevanti għal skemi tal-pensjoni ffinanzjati u għal ċerti prodotti tal-assigurazzjoni tal-ħajja u prodotti ta' investiment ibbażati fuq l-assigurazzjoni, u tinvestiga wkoll soluzzjonijiet potenzjali fil-livell tal-Unjoni li jkunu ta' benefiċċju għall-konsumaturi/investituri u jiżguraw l-istabbiltà finanzjarja tal-fornituri tas-servizzi; |
|
19. |
Jitlob lill-Awtorità tindirizza b'mod proattiv kwistjonijiet ta' sostenibbiltà u eteroġeneità tal-iskemi tal-pensjonijiet iffinanzjati privatament fl-Unjoni b'mod li jipproteġi lill-konsumaturi/investituri kif ukoll l-integrità tas-suq; |
Politika dwar il-persunal
|
20. |
Jinnota li, fil-31 ta' Diċembru 2019, 98,26 % tat-tabella tal-persunal kienet implimentata, u li kienu nħatru 113-il aġent temporanju minn total ta' 115-il aġent temporanju awtorizzati mill-baġit tal-Unjoni (apparagun tal-112-il post tax-xogħol awtorizzati fl-2018); jinnota li, barra minn hekk, 36 aġent kuntrattwali u 17-il espert nazzjonali sekondat kienu qed jaħdmu mal-Awtorità fl-2019; |
|
21. |
Jinnota n-nuqqas ta' bilanċ bejn il-ġeneri rrappurtat għall-2019 fir-rigward tal-karigi maniġerjali superjuri (sitt irġiel u tliet nisa) u l-bord maniġerjali (ħames irġiel u tliet nisa); jitlob lill-Awtorità tiżgura li fil-futur ikun hemm bilanċ bejn il-ġeneri fil-livell tal-maniġment superjuri; jilqa' l-intenzjoni tal-Awtorità li tippubblika lista qasira li tkun tikkonsisti f'tal-anqas mara waħda u raġel wieħed għan-nomina ta' President tagħha; jistieden lill-Awtorità tieħu spunt mill-inizjattivi tal-Bank Ċentrali Ewropew biex tipproponi programmi interni għall-promozzjoni tan-nisa u għal aktar diversità fost il-persunal tagħha; jilqa' r-rappreżentanza ġeografika tal-persunal fi ħdan l-Awtorità; |
|
22. |
Jinnota, fir-rigward tas-segwitu għar-rapport tal-Qorti tas-sena preċedenti, li l-Awtorità għadha ma lestietx il-bidla minn kompiti regolatorji għal superviżorji u li l-Awtorità għandha ssaħħaħ ir-riżorsi umani assenjati għall-kompiti superviżorji tagħha; jinnota li, fl-2021, l-Awtorità qed tippjana li talloka 59,75 ta' ekwivalenti full-time (FTEs) disponibbli għall-kompiti superviżorji ewlenin; jistieden lill-Awtorità tinforma lill-awtorità ta' kwittanza bil-progress magħmul; |
|
23. |
Jemmen li l-Awtorità għandu jkollha ċerta flessibbiltà fir-reklutaġġ tal-persunal u l-ġestjoni tar-riżorsi tagħha, peress li trid tirrispondi għall-ħtiġijiet urġenti, preċiżi u tekniċi tas-setturi li tissorvelja; |
|
24. |
Jirrikonoxxi li l-kompożizzjoni tal-bord tas-superviżuri tal-Awtorità tidher adatta għar-responsabbiltajiet tal-Awtorità f'dak li għandu x'jaqsam mat-tfassil tar-regoli, iżda mhux daqstant għar-rwoli superviżorji tagħha; itenni t-tħassib tiegħu li s-superviżuri nazzjonali għandhom vuċi deċiżiva fil-korp ta' tmexxija ewlieni tal-Awtorità, li jfisser li huma f'pożizzjoni li jiddeċiedu dwar l-ambitu tal-azzjoni tal-Awtorità fl-evalwazzjoni tal-effikaċja tagħhom stess (evalwazzjonijiet bejn il-pari); jenfasizza li n-nuqqas ta' riżorsi jimpedixxi lill-Awtorità milli twettaq dmirijietha b'indipendenza mill-Istati Membri (2); |
|
25. |
Huwa tal-fehma li t-taħlita ta' esperjenza pubblika-privata li jġib miegħu l-persunal tagħha hija ta' benefiċċju għall-Awtorità; iqis li għandhom jiġu esplorati sistemi li jattiraw talent mis-settur privat lejn is-settur pubbliku u viċeversa, bl-implimentazzjoni ta' salvagwardji minimi għall-promozzjoni tal-indipendenza taż-żewġ setturi; jemmen li l-implimentazzjoni tar-regoli f'dan il-qasam għandha tkun sorveljata minn korpi komuni tal-Unjoni u għandha tqis iċ-ċirkustanzi speċifiċi ta' kull każ; |
Prevenzjoni u ġestjoni tal-kunflitti ta' interess u trasparenza
|
26. |
Jieħu nota tal-miżuri diġà meħuda mill-Awtorità u tal-isforzi kontinwi tagħha biex tiżgura t-trasparenza, tipprevjeni u tindirizza l-kunflitti ta' interess u tipproteġi lill-informaturi; jinnota li l-Awtorità tippubblika reġistru tal-laqgħat ma' partijiet ikkonċernati esterni fuq is-sit web tagħha; jinnota li fl-2019 ġie investigat każ wieħed ta' kunflitt ta' interess; jinnota li s-CVs u d-dikjarazzjonijiet ta' interess ta' xi wħud mill-membri tal-bord tas-superviżuri tal-Awtorità mhumiex ippubblikati fuq is-sit web tal-Awtorità, u l-istess jgħodd għall-membri tal-bord maniġerjali; jistieden lill-Awtorità tippubblika s-CVs u d-dikjarazzjonijiet ta' interess tal-membri kollha tal-bord maniġerjali u tinforma lill-awtorità ta' kwittanza bil-miżuri meħuda f'dan ir-rigward; |
|
27. |
Jinnota l-kummenti tas-snin preċedenti dwar il-problema tal-kunflitti ta' interess li jirriżultaw minn sitwazzjonijiet ta' "revolving doors" u jisħaq fuq il-bżonn ta' approċċ unifikat fost l-aġenziji; jinnota li r-regoli tal-etika tal-Awtorità ġew riveduti u qegħdin quddiem il-Kummissjoni għall-approvazzjoni; jistieden lill-Awtorità tirdoppja l-isforzi tagħha biex tipprevjeni sitwazzjonijiet ta' "revolving doors"; jitlob lill-Awtorità tinforma diliġentement lill-awtorità ta' kwittanza dwar l-istatus tat-talba għall-approvazzjoni tar-regoli tal-etika riveduti; |
|
28. |
Jistieden lill-Awtorità timplimenta r-rakkomandazzjonijiet tal-Ombudsman Ewropew fil-każ 2168/2019/KR, b'mod partikolari, fejn meħtieġ, billi tinvoka l-possibbiltà li tipprojbixxi l-persunal f'kariga għolja milli jieħu ċerti karigi wara tmiem il-mandat tiegħu, tistabbilixxi kriterji għall-possibbiltà li l-persunal imur jaħdem mas-settur privat, tinforma lill-applikanti għal karigi għolja fl-Awtorità dwar il-kriterji meta dawn japplikaw, u tistabbilixxi proċeduri interni biex tiżgura li meta membru tal-persunal tagħha imur jaħdem f'impjieg ieħor, l-aċċess tiegħu jew tagħha għall-informazzjoni kunfidenzjali jiġi rtirat b'effett immedjat; jistieden ukoll lill-Awtorità tikkunsidra li testendi l-perjodu obbligatorju ta' preklużjoni ta' 12-il xahar għall-membri tal-persunal f'kariga għolja li jikkontemplaw mossa li tista' twassal għal kunflitti ta' interess wara impjieg pubbliku; |
|
29. |
Jistieden lill-Awtorità tieħu spunt mill-pubblikazzjoni tal-opinjonijiet tal-kumitat tal-etika tal-Bank Ċentrali Ewropew dwar każijiet ta' kunflitti ta' interess u impjieg bi ħlas wara mandat, sabiex tiżdied it-trasparenza dwar il-possibbiltà ta' kunflitti ta' interess u l-impjieg bi ħlas wara mandat; |
Kontrolli interni
|
30. |
Jinnota li s-Servizz tal-Awditjar Intern (IAS) tal-Kummissjoni ħareġ rapport tal-awditjar dwar il-ġestjoni tal-HR u l-etika li wassal għal sitt rakkomandazzjonijiet għal titjib u l-implimentazzjoni ta' pjan ta' azzjoni; jinnota li fi tmiem l-2019 erba' rakkomandazzjonijiet importanti kienu għadhom miftuħin; iħeġġeġ lill-Awtorità tinforma lill-awtorità ta' kwittanza dwar l-istatus tal-implimentazzjoni ta' dawk ir-rakkomandazzjonijiet; |
|
31. |
Jinnota li l-IAS beda awditu komprensiv dwar l-għodod ta' sorveljanza fil-qasam tal-ħarsien tal-konsumatur; jinnota li l-eżitu ta' dak l-awditu u l-pjan ta' azzjoni konsegwenti kellhom ikunu disponibbli sa tmiem l-2020; jistieden lill-Awtorità tinforma lill-awtorità ta' kwittanza bl-eżitu tal-awditu; |
|
32. |
Jinnota li l-qafas ta' kontroll intern il-ġdid tal-Awtorità ġie adottat mill-bord maniġerjali f'Novembru 2018 u beda japplika f'Jannar 2019; jinnota li l-funzjoni ta' kontroll intern tal-Awtorità wettqet l-ewwel valutazzjoni annwali tas-sistema kollha skont il-qafas ta' kontroll intern il-ġdid u kkonkludiet li l-komponenti u l-prinċipji kollha ġew implimentati u jiffunzjonaw kif suppost; jistieden lill-Awtorità tirrapporta kif tqiesu l-iżbalji fil-kalkolu għad-determinazzjoni tal-kontribuzzjonijiet tal-Unjoni u tal-NCAs tal-Membri tal-EFTA fil-valutazzjoni u għaliex dan ma wassalx għall-identifikazzjoni ta' nuqqas fil-prinċipji 12 jew 13 tal-kontroll intern; |
Kummenti oħra
|
33. |
Jinnota, fir-rigward tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni, li fi Frar 2019 l-Awtorità ħarġet rakkomandazzjonijiet dwar it-trattament ta' negozju transfruntier minn kuntratti residwi wara d-data tal-ħruġ u li l-Awtorità kompliet tissorvelja mill-qrib l-iżviluppi u l-konformità mal-opinjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet għas-settur tal-assigurazzjoni; |
|
34. |
Jilqa' l-isforzi magħmula biex jiżdiedu ċ-ċibersigurtà u l-protezzjoni tad-data tal-Awtorità; |
|
35. |
Jinnota l-isforzi tal-Awtorità biex tipprovdi post tax-xogħol kosteffettiv u ekoloġiku u biex tnaqqas u tikkumpensa l-emissjonijiet ta' CO2 f'dak li għandu x'jaqsam mal-bini u l-ivvjaġġar tagħha; |
|
36. |
Jirreferi, rigward kummenti oħrajn ta' natura orizzontali li jakkumpanjaw id-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza, għar-riżoluzzjoni tiegħu tad-29 ta’ April 2021 (3) dwar il-prestazzjoni, il-ġestjoni finanzjarja u l-kontroll tal-aġenziji. |
(1) ĠU C 391, 18.11.2019, p. 29.
(2) Ara r-rapport speċjali tal-Qorti tal-Awdituri: "Fl-attivitajiet kollha tagħha, l-EIOPA toqgħod ħafna fuq il-kooperazzjoni mal-Awtoritajiet Nazzjonali Kompetenti, iżda mhux dejjem tirċievi l-appoġġ sħiħ tagħhom. B'20 membru tal-persunal biss li jaħdmu fuq kwistjonijiet ta' sorveljanza u 7 oħra fuq suġġetti relatati, l-EIOPA qed tiffaċċja sfida reali f'termini tat-twettiq tal-firxa wiesgħa ta' kompiti kumplessi li hija responsabbli għalihom" https://www.eca.europa.eu/Lists/ECADocuments/SR18_29/SR_EIOPA_MT.pdf
(3) Testi adottati, P9_TA(2021)0215.