|
24.4.2014 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 122/67 |
REGOLAMENT (UE) Nru 378/2014 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
tat-3 ta' April 2014
li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1166/2008 rigward il-qafas finanzjarju għall-perjodu 2014-2018
(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 338(1) tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,
Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (1),
Billi:
|
(1) |
Ir-Regolament (KE) Nru 1166/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) jistipula li l-Istati Membri għandhom iwettqu stħarriġ dwar l-istrutturi tal-azjendi agrikoli fl-2010, fl-2013 u fl-2016. L-Istati Membri għandhom jirċievu kontribuzzjoni finanzjarja massima ta' 75 % mill-Unjoni lejn l-ispejjeż ta' twettiq ta' dak l-istħarriġ, soġġetti għal ammonti massimi definiti. |
|
(2) |
Sabiex l-istħarriġ dwar l-istrutturi tal-azjendi agrikoli jitwettqu u sabiex ir-rekwiżiti ta' informazzjoni tal-Unjoni jiġu ssodisfati, huwa meħtieġ finanzjar konsiderevoli mill-Istati Membri u mill-Unjoni. |
|
(3) |
Ir-Regolament (KE) Nru 1166/2008 stabbilixxa l-pakkett finanzjarju għall-implimentazzjoni tal-programm ta' stħarriġiet, inklużi għall-ġestjoni, il-manutenzjoni u l-iżvilupp tas-sistemi tal-bażi tad-dejta użati fi ħdan il-Kummissjoni biex jipproċessaw id-dejta pprovduta mill-Istati Membri, u ffissal-ammont għall-perjodu mill-2008 sal-2013. |
|
(4) |
Skont ir-Regolament (KE) Nru 1166/2008, l-ammont għall-perjodu mill-2014 sal-2018 għandu jiġi ffissat mill-awtorità baġitarja u leġiżlattiva, fuq proposta mill-Kummissjoni, abbażi tal-qafas finanzjarju ġdid għall-perjodu li jibda fl-2014. |
|
(5) |
Il-pakkett finanzjarju propost għandu jiffinanzja biss it-twettiq tal-Istħarriġ dwar l-Istruttura tal-Azjendi Agrikoli fl-2016 u l-ġestjoni, il-manutenzjoni u l-iżvilupp relatati tas-sistemi tal-bażi ta' dejta użati fi ħdan il-Kummissjoni biex tipproċessa d-dejta mressqa mill-Istati Membri. |
|
(6) |
Fid-dawl tal-adeżjoni tal-Kroazja u l-ħtieġa li jitwettaq stħarriġ dwar l-istruttura tal-impriżi agrikoli f'dak l-Istat Membru fl-2016, għandha tiġi ffissata kontribuzzjoni massima tal-Unjoni għal kull stħarriġ għall-Kroazja peress li xejn ma ġie previst fl-Att ta' Adeżjoni. |
|
(7) |
Il-Kumitat Permanenti għall-Istatistika Agrikola ġie kkonsultat. |
|
(8) |
Għalhekk, ir-Regolament (KE) Nru 1166/2008 għandu jiġi emendat skont dan, |
ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Ir-Regolament (KE) Nru 1166/2008 huwa emendat kif ġej:
|
(1) |
Fl-Artikolu 13, jiżdied il-paragrafu li ġej: “4a. Għall-istħarriġ dwar l-istruttura tal-azjendi agrikoli fl-2016, l-ammont massimu għall-Kroazja għandu jkun ta' EUR 500 000.”; |
|
(2) |
L-Artikolu 14 huwa emendat kif ġej:
|
|
(3) |
jiddaħħal l-Artikolu li ġej: “Artikolu 14a Ħarsien tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni 1. Il-Kummissjoni għandha tieħu l-miżuri xierqa kollha biex tiżgura li fejn attivitajiet iffinanzjati skont dan ir-Regolament jiġu implimentati, l-interessi finanzjarji tal-Unjoni jitħarsu permezz tal-applikazzjoni ta' miżuri ta' prevenzjoni kontra l-frodi, il-korruzzjoni u kwalunkwe attività illegali oħra, permezz ta' verifiki effettivi u konsistenti u, jekk jinstabu xi irregolaritajiet, permezz tal-irkupru tal-ammonti mħallsa bi żball u, fejn ikun xieraq, permezz tal-impożizzjoni ta' penali effettivi, proporzjonati u dissważivi. 2. Il-Kummissjoni jew ir-rappreżentanti tagħha u l-Qorti tal-Awdituri għandu jkollhom is-setgħa ta' verifika, fuq il-bażi ta' dokumenti u verifiki fuq il-post, fuq il-benefiċjarji tal-għotja, il-kuntratturi u s-sottokuntratturi kollha li jkunu rċevew fondi tal-Unjoni skont il-programm. L-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) jista' jwettaq verifiki u spezzjonijiet fuq il-post fuq l-operaturi ekonomiċi kkonċernati direttament jew indirettament minn finanzjament bħal dan skont il-proċeduri stabbiliti fir-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96 (*2), bl-għan li jiġi stabbilit jekk ikunux twettqu frodi, korruzzjoni jew kwalunkwe attività illegali oħra li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni b'konnessjoni ma' ftehim ta' għotja, deċiżjoni ta' għotja jew kuntratt li jikkonċerna l-finanzjament tal-Unjoni. Mingħajr ħsara għall-ewwel u t-tieni subparagrafi, il-ftehimiet ta' kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet internazzjonali u l-ftehimiet ta' għotja, d-deċiżjonijiet ta' għotja u l-kuntratti li jirriżultaw mill-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament għandhom jagħtu espressament is-setgħa lill-Kummissjoni, il-Qorti tal-Awdituri u l-OLAF li jwettqu tali awditjar, verifiki u spezzjonijiet fuq il-post. (*2) Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96 tal-11 ta' Novembru 1996 dwar kontrolli u spezzjonijiet imwettqa fuq il-post mill-Kummissjoni sabiex tipproteġi l-interessi tal-Komunitajiet Ewropej minn frodi u irregolaritajiet oħra (ĠU L 292, 15.11.1996, p. 2).”;" |
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, it-3 ta' April 2014.
Għall-Parlament Ewropew
Il-President
M. SCHULZ
Għall-Kunsill
Il-President
D. KOURKOULAS
(1) Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Marzu 2014 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u Deċiżjoni tal-Kunsill tal-24 ta' Marzu 2014.
(2) Regolament (KE) Nru 1166/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Novembru 2008 dwar stħarriġ ta' strutturi tal-impriżi agrikoli u stħarriġ dwar metodi ta' produzzjoni agrikola u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 571/88 (ĠU L 321, 1.12.2008, p. 14).