5.11.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 289/19


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tas-26 ta’ Ottubru 2009

li tagħti deroga lil Franza b’applikazzjoni tad-Deċiżjoni 2006/771/KE dwar l-armonizzazzjoni tal-ispettru tar-radju għal użu ma’ tagħmir għal meded qosra

(notifikata bid-dokument numru C(2009) 8041)

(It-test bil-Franċiż biss huwa awtentiku)

(2009/812/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Deċiżjoni Nru 676/2002/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Marzu 2002 dwar qafas regolatorju għall-politika dwar l-ispettru tar-radju fil-Komunità Ewropea (Deċiżjoni dwar l-ispettri tar-radju) (1), u b’mod partikulari l-Artikolu 4(5) tiegħu,

Wara li kkunsidrat id-Deċiżjoni 2006/771/KE tal-Kummissjoni tad-9 ta’ Novembru 2006 dwar l-armonizzazzjoni tal-ispettru tar-radju għal użu ma’ tagħmir għal meded qosra (2), u partikolarment l-Artikolu 3(2) tiegħu,

Wara li kkunsidrat l-applikazzjoni ta’ Franza tad-29 ta’ Ġunju 2009,

Billi:

(1)

Skont id-Deċiżjoni 2006/771/KE, kif emendata bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/381/KE (3), l-Istati Membri għandhom jagħżlu partikolarment il-medda tal-frekwenzi 2 400-2 483,5 MHz għas-sistemi ta’ trażmissjoni tad-dejta b’medda wiesgħa u l-applikazzjonijiet għad-determinazzjoni tar-radju, u jagħmluha disponibbli b’mod mhux esklussiv, mingħajr interferenza u mingħajr protezzjoni, skont parametri preċiżi, sa mhux iktar tard mill-1 ta’ Novembru 2009.

(2)

L-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni 2006/771/KE jistipula li, b’deroga, l-Istati Membri jistgħu japplikaw għal perjodi tranżitorji jew arranġamenti li għandhom x’jaqsmu mal-użu maqsum tal-ispettru tar-radju, skont l-Artikolu 4(5) tad-Deċiżjoni Nru 676/2002/KE.

(3)

Franza infurmat lill-Kummissjoni li s-sottomedda 2 454-2 483,5 MHz kienet qiegħda tintuża mis-sistemi militari u għalhekk ma setgħetx tilħaq fiż-żmien stipulat ir-rekwiżiti tad-Deċiżjoni 2006/771/KE.

(4)

Franza indikat li l-Ministeru tad-Difiża beda pjan ta’ sostituzzjoni ta’ materjali li qed jintużaw bħalissa. Mill-1 ta’ Lulju 2012, il-medda tal-frekwenzi 2 400-2 483,5 MHz se tkun disponibbli għalkollox għal sistemi ta’ trażmissjoni ta’ dejta b’medda wiesgħa u għal applikazzjonijiet ta’ determinazzjoni tar-radju, skont id-Deċiżjoni 2006/771/KE.

(5)

Bl-ittra tad-29 ta’ Ġunju 2009, Franza talbet uffiċjalment lill-Kummissjoni perjodu tranżitorju li matulu s-sistemi ta’ trażmissjoni tad-dejta b’medda wiesgħa u l-applikazzjonijiet ta’ determinazzjoni tar-radju jistgħu jintużaw fis-sottomedda 2 454-2 483,5 MHz fit-territorju tagħha biss bil-kundizzjonijiet li ġejjin. Barra l-bini, dan it-tagħmir ma jistax jiffunzjona ħlief b’qawwa limitata għal 10 Mw. Min-naħa l-oħra, ġewwa l-bini, dan it-tagħmir jista’ jiffunzjona b’qawwa massima awtorizzata mid-Deċiżjoni 2006/771/KE kif emendata bid-Deċiżjoni 2009/381/KE, jiġifieri 100 mW PIRE għas-sistemi ta’ trażmissjoni tad-dejta b’medda wiesgħa u 25 mW PIRE għall-applikazzjonijiet ta’ determinazzjoni tar-radju. Is-sistemi ta’ trażmissjoni tad-dejta b’medda wiesgħa u l-applikazzjonijiet ta’ determinazzjoni tar-radju jistgħu jintużaw fis-sottomedda 2 400-2 454 MHz bil-kundizzjonijiet stipulati bid-Deċiżjoni 2006/771/KE.

(6)

Bħala appoġġ għat-talba tagħha, Franza pprovdiet tagħrif u ġustifikazzjonijiet tekniċi suffiċjenti li skonthom hemm riskju ta’ interferenzi fuq it-tagħmir militari.

(7)

Rapport fuq il-progress tas-sitwazzjoni fi Franza għandu jikkontribwixxi biex il-perjodu tranżitorju jiżvolġi bla intoppi.

(8)

Il-membri tal-Kumitat tal-Ispettru tar-Radju indikaw fil-laqgħa tal-Kumitat tat-8 ta’ Lulju 2009 li huma ma joġġezzjonawx għal deroga tranżitorja.

(9)

Id-deroga mitluba mhux se tipposponi bla ħtieġa l-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni 2006/771/KE kif emendata bid-Deċiżjoni 2009/381/KE, u lanqas mhi se toħloq differenzi bla ħtieġa fis-sitwazzjonijiet kompetittivi jew regolatorji bejn l-Istati Membri. Dan huwa ġġustifikat b’mod sodisfaċenti fid-dawl tas-sitwazzjoni partikulari ta’ Franza, u jeħtieġ li titħeġġeġ l-implimentazzjoni integrali tad-Deċiżjoni 2006/771/KE fi Franza,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Franza hija awtorizzata tidderoga mill-obbligi imposti fuqha skont id-Deċiżjoni 2006/771/KE, bil-kundizzjonijiet stipulati b’din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Sat-30 ta’ Ġunju 2012, Franza hija awtorizzata li tillimita l-qawwa tas-sistemi ta’ trażmissjoni tad-dejta b’medda wiesgħa u tal-applikazzjonijiet ta’ determinazzjoni tar-radju fis-sottomedda 2 454-2 483,5 MHz fit-territorju metropolitan għal 10 mW PIRE fejn dan it-tagħmir jiffunzjona barra l-bini, inklużi strutturi simili bħalma huma l-ajruplani, bil-protezzjoni tagħhom tipprovdi l-attenwazzjoni meħtieġa biex tiffaċilita l-qsim ma’ servizzi oħra.

Artikolu 3

Sal-31 ta’ Diċembru 2010, Franza għandha tressaq rapport lill-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Franċiża.

Magħmul fi Brussell, is-26 ta’ Ottubru 2009.

Għall-Kummissjoni

Viviane REDING

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 108, 24.4.2002, p. 1.

(2)   ĠU L 312, 11.11.2006, p. 66.

(3)   ĠU L 119, 14.5.2009, p. 32.