IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 1.7.2025
COM(2025) 352 final
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL
Rapport Annwali 2024: Id-dsatax-il rapport annwali dwar l-implimentazzjoni tal-assistenza tal-UE skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 389/2006 tas-27 ta’ Frar 2006 li jistabbilixxi strument ta’ sostenn finanzjarju għall-inkoraġġiment tal-iżvilupp ekonomiku tal-komunità Turko-Ċiprijotta
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL
Rapport Annwali 2024: Id-dsatax-il rapport annwali dwar l-implimentazzjoni tal-assistenza tal-UE skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 389/2006 tas-27 ta’ Frar 2006 li jistabbilixxi strument ta’ sostenn finanzjarju għall-inkoraġġiment tal-iżvilupp ekonomiku tal-komunità Turko-Ċiprijotta
1.Introduzzjoni
Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 389/2006 (ir-“Regolament dwar l-Għajnuna”) huwa l-bażi għall-forniment ta’ assistenza lill-komunità Turko-Ċiprijotta u jeżiġi rapportar annwali lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew. Il-programm ta’ għajnuna għall-komunità Turko-Ċiprijotta għandu l-għan li jiffaċilita r-riunifikazzjoni ta’ Ċipru billi jinkoraġġixxi l-iżvilupp ekonomiku ta’ din il-komunità, b’enfasi partikolari fuq l-integrazzjoni ekonomika tal-gżira, it-titjib tal-kuntatti u l-bini ta’ pontijiet bejn iż-żewġ komunitajiet u mal-UE, u t-tħejjija għall-implimentazzjoni tal-acquis tal-UE, wara soluzzjoni għall-problema ta’ Ċipru.
2.Programmar tal-assistenza
Bejn l-2006 u t-tmiem tal-2024, ġew programmati EUR 726 949 162,93 għal operazzjonijiet taħt ir-Regolament dwar l-Għajnuna. L-ammont impenjat f’Settembru 2024 għall-programm ta’ azzjoni annwali tal-2024 kien ta’ EUR 39 471 756,30. Il-qafas finanzjarju pluriennali tal-2021-2027, b’baġit totali ta’ EUR 240 miljun, ipprovda perspettiva pluriennali lill-programm b’dispożizzjoni għal finanzjament stabbli u annwali. Madankollu, il-programm ta’ għajnuna huwa ta’ natura eċċezzjonali u tranżizzjonali, li għandu l-għan li jħejji u jiffaċilita, kif xieraq, l-applikazzjoni sħiħa tal-acquis fl-oqsma tar-Repubblika ta’ Ċipru fejn il-Gvern tar-Repubblika ta’ Ċipru ma jeżerċitax kontroll effettiv wara soluzzjoni għall-problema ta’ Ċipru.
Kemm ir-Regolament dwar l-Għajnuna kif ukoll ir-Regolament tal-Kunsill(UE, Euratom) Nru 2020/2093 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali pprevedew reviżjoni fil-każ tar-riunifikazzjoni.
3.Mekkaniżmi ta’ implimentazzjoni
Il-programm huwa implimentat fiż-żoni tar-Repubblika ta’ Ċipru, li fihom il-Gvern tar-Repubblika ta’ Ċipru ma jeżerċitax kontroll effettiv (iż-“żoni li ma humiex ikkontrollati mill-gvern”) u fejn l-applikazzjoni tal-acquis hija temporanjament sospiża skont il-Protokoll 10 tal-Att tal-Adeżjoni. L-assistenza hija implimentata f’ġestjoni diretta u indiretta.
Il-Kummissjoni topera f’kuntest politiku, legali u diplomatiku uniku. L-għoti ta’ assistenza skont ir-Regolament dwar l-Għajnuna ma jimplikax rikonoxximent ta’ xi awtorità f’oqsma oħra għajr il-gvern tar-Repubblika ta’ Ċipru. Huma meħtieġa arranġamenti ad hoc biex jiġi implimentat il-programm filwaqt li jiġu rispettati l-prinċipji ta’ ġestjoni finanzjarja tajba. Il-miżuri adottati jinkludu monitoraġġ intensiv tal-kuntratti u l-għoti ta’ appoġġ lill-benefiċjarji, kundizzjonijiet ta’ ħlas riveduti, u approċċ bir-reqqa għall-użu ta’ garanziji bankarji. L-assistenza tinkludi ammont sinifikanti ta’ sostenn ta’ għotjiet, li jirrikjedi ġestjoni intensiva fir-riżorsi.
Bil-għan li tiġi riformulata, wara l-irtirar tas-sospensjoni tal-applikazzjoni tagħha f’konformità mal-Protokoll 10, mad-dħul fis-seħħ ta’ ftehim komprensiv, u biex tiġi ffaċilitata l-implimentazzjoni tal-proġetti ffinanzjati permezz tal-programm ta’ għajnuna, il-komunità Turko-Ċiprijotta trid tallinja ruħha progressivament mal-acquis.
Il-Kummissjoni timplimenta l-proġetti magħżula permezz tal-Uffiċċju ta’ Appoġġ għall-Programm tal-UE fiż-żoni mhux ikkontrollati mill-gvern f’Nikosija. Ir-Rappreżentanza tal-Kummissjoni f’Ċipru tospita wkoll laqgħat, seminars u konferenzi stampa u tikkomunika mal-pubbliku Ċiprijott fil-gżira kollha dwar suġġetti li jinkludu l-programm ta’ għajnuna. Barra minn hekk, l-Infopoint tal-UE, iffinanzjat taħt il-programm ta’ għajnuna, iwettaq firxa ta’ attivitajiet ta’ komunikazzjoni u viżibilità, billi jipprovdi informazzjoni dwar il-politiki, il-prijoritajiet u l-azzjoni tal-UE b’appoġġ għall-komunità Turko-Ċiprijotta u jippromwovi l-kultura Ewropea.
4.Implimentazzjoni matul il-perjodu ta’ rapportar
4.1.Ħarsa ġenerali
Il-Kummissjoni tkompli timplimenta r-Regolament dwar l-Għajnuna bl-għan ġenerali li tappoġġa r-riunifikazzjoni. Fil-każ ta’ soluzzjoni komprensiva tal-problema ta’ Ċipru, il-Kunsill, abbażi ta’ proposta mill-Kummissjoni, se jiddeċiedi b’mod unanimu dwar l-adattamenti meħtieġa għar-Regolament.
L-appoġġ fl-2024 iffoka fuq inizjattivi ewlenin kontinwi, bħall-programm ta’ boroż ta’ studju tal-UE u miżuri għat-tisħiħ tal-fiduċja b’appoġġ għall-Kumitat Tekniku għall-Wirt Kulturali, il-Kumitat għall-Persuni Neqsin, inizjattivi tal-Kumitati Tekniċi bikomunali, kif ukoll l-inkoraġġiment u l-iffaċilitar tal-kummerċ minn naħa għall-oħra tal-Linja l-Ħadra.
L-appoġġ għall-iżvilupp ekonomiku tal-komunità jibqa’ karatteristika essenzjali tal-programm. Ġiet ipprovduta assistenza biex jiġu aġġornati l-istandards f’setturi ekonomiċi ewlenin permezz ta’ proġetti mmirati lejn is-settur privat u l-operaturi tan-negozju tal-ikel. Saru sforzi sinifikanti biex jittejbu s-saħħa tal-annimali u s-sikurezza alimentari fil-komunità Turko-Ċiprijotta.
Il-Kummissjoni kompliet tipprovdi appoġġ lill-komunità Turko-Ċiprijotta biex tilħaq l-istandards tal-UE stabbiliti mill-pakkett ta’ żewġ miżuri adottati mill-Kummissjoni fl-2021, billi rreġistrat “Χαλλούμι” “Halloumi”/”Hellim” bħala denominazzjoni ta’ oriġini protetta (DOP) u stabbiliet il-kundizzjonijiet biex dan il-prodott jaqsam minn naħa għall-oħra tal-Linja l-Ħadra. Il-Kummissjoni kompliet ukoll tlaqqa’ l-grupp ta’ ħidma informali dwar il-“Halloumi”/”Hellim”, li jlaqqa’ flimkien partijiet ikkonċernati miż-żewġ komunitajiet Ċiprijotti.
Fl-2024 tlestew infrastrutturi sinifikanti ffinanzjati mill-UE, inkluż is-sostituzzjoni tal-pipeline tad-drenaġġ ta’ Nikosija, l-installazzjonijiet tas-sistemi tal-ilma, il-faċilitajiet sportivi għaż-żgħażagħ, u s-sistemi tal-enerġija rinnovabbli. In-network tad-drenaġġ ta’ Famagusta tlesta mingħajr difetti, u ġie kondiviż studju għall-ewwel impjant solari bikomunali. Il-Kummissjoni kompliet tappoġġa s-setturi ambjentali billi indirizzat suġġetti ta’ importanza għall-gżejjer kollha bħall-ekonomija ċirkolari u l-kwalità tal-arja.
Għad hemm ħafna lakuni fil-kapaċità tal-benefiċjarji li jimplimentaw b’mod effettiv l-acquis, wara d-dħul fis-seħħ ta’ soluzzjoni komprensiva. Madankollu, il-komunità Turko-Ċiprijotta kompliet tagħmel progress tajjeb f’għadd ta’ oqsma, bħas-sikurezza tal-prodotti, il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus, l-edukazzjoni, l-istatistika u l-ambjent, u wriet interess kontinwu biex taħdem f’setturi u oqsma addizzjonali.
Fi tmiem is-sena, kienu qed joperaw 98 kuntratt taħt il-programm ta’ għajnuna.
4.2.Progress skont l-objettivi
L-objettiv ġenerali tal-programm ta’ għajnuna huwa li jiffaċilita r-riunifikazzjoni ta’ Ċipru billi jħeġġeġ l-iżvilupp ekonomiku tal-komunità Turko-Ċiprijotta, b’enfasi partikolari fuq l-integrazzjoni ekonomika tal-gżira, fuq it-titjib tal-kuntatti bejn iż-żewġ komunitajiet u mal-UE, u fuq it-tħejjija għall-acquis.
L-attivitajiet imwettqa fl-2024 huma deskritti hawn taħt, għal kull objettiv tar-Regolament dwar l-Għajnuna.
4.2.1.Objettiv 1: Il-promozzjoni tal-iżvilupp soċjali u ekonomiku
Permezz tal-programm ta’ għajnuna, il-Kummissjoni kompliet tmexxi u tippromwovi l-integrazzjoni u l-iżvilupp ekonomiku billi pprovdiet pakketti ta’ assistenza lill-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs, small and medium-sized enterprises) fil-komunità Turko-Ċiprijotta, bl-għan li żżid il-kompetittività u l-innovazzjoni. Minħabba li l-SMEs jikkostitwixxu s-sinsla tal-attività ekonomika fil-komunità Turko-Ċiprijotta, tnieda programm ta’ assistenza pluriennali ġdid “eunite: SME” fl-2024 biex jgħin lill-SMEs Ċiprijotti Torok jissodisfaw l-istandards tal-UE, jappoġġaw l-innovazzjoni u jħeġġu l-intraprenditorija. Fl-2024, 45 kumpanija li jagħmlu kummerċ jew li huma interessati li jagħmlu kummerċ minn naħa għall-oħra tal-Linja l-Ħadra ngħataw għotjiet li jiswew kważi EUR 2 miljun. Dan minbarra aktar minn 2 554 għotja pprovduti lil intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju fis-snin preċedenti, u b’hekk il-valur totali tal-għotjiet lill-SMEs mill-bidu tal-programm ta’ għajnuna tela’ għal aktar minn EUR 27 miljun.
Fil-qasam tal-konverġenza ekonomika, il-kooperazzjoni mal-Bank Dinji dwar il-monitoraġġ makroekonomiku, l-istatistika, il-faċilitazzjoni tal-kummerċ u t-titjib tal-ambjent tan-negozju tal-komunità Turko-Ċiprijotta kompliet fl-2024. Tliet valutazzjonijiet ewlenin, jiġifieri “Distributional Impact of Fiscal Policy in the Turkish Cypriot community”, “Estimation of an absolute poverty line for the Turkish Cypriot economy” u “Living Standards Assessment for the Turkish Cypriot community”, tlestew u s-sejbiet kienu diskussi fost il-partijiet ikkonċernati rilevanti. Huma enfasizzaw sfidi u opportunitajiet sinifikanti għall-ekonomija Turko-Ċiprijotta u għenu biex jittejjeb it-tfassil tal-politika bbażat fuq l-evidenza. Il-proġett ta’ assistenza teknika dwar is-sorveljanza tas-suq li tnieda f’Marzu 2022 kompla fl-2024. Dan għandu l-għan li jintroduċi prattiki ġodda u mtejba fil-metroloġija, l-istandardizzazzjoni, l-akkreditazzjoni u l-valutazzjoni tal-konformità. B’ħidma mill-qrib mas-settur privat, il-proġett ikkontribwixxa għat-titjib tal-ambjent tan-negozju fil-komunità Turko-Ċiprijotta u għall-iżgurar li l-oġġetti li jkunu prodotti lokalment jikkonformaw mal-istandards tal-UE. Ġiet stabbilita aktar kooperazzjoni f’dan is-settur ma’ esperti mill-Istrument tal-UE tal-Assistenza Teknika u Skambju ta’ Informazzjoni (TAIEX, Technical Assistance and Information Exchange) li jappoġġa l-adozzjoni ta’ standards allinjati tal-UE.
Fil-kuntest tal-implimentazzjoni tal-iskema tad-DOP tal-UE għal “Χαλλούμι” “Halloumi”/“Hellim” fil-komunità Turko-Ċiprijotta, l-assistenza teknika ffinanzjata mill-UE kompliet tipprovdi appoġġ lill-bdiewa, lill-fabbriki tal-ikel u lill-korpi lokali biex jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-iskema tad-DOP tal-UE. B’riżultat ta’ dan, sal-aħħar tal-2024, erba’ produtturi tal-ġobon “Halloumi”/“Hellim” u 24 farm fil-komunità Turko-Ċiprijotta ġew iċċertifikati skont l-iskema tad-DOP. Barra minn hekk, tnedew tħejjijiet għal programm pilota ta’ tnissil tan-nagħaġ u tal-mogħoż biex tiżdied id-disponibbiltà u l-kwalità tal-ħalib. L-appoġġ inkluda wkoll assistenza fil-prevenzjoni, l-identifikazzjoni u l-eliminazzjoni ulterjuri tal-mard tal-annimali u l-ġestjoni tas-saħħa tal-annimali skont l-istandards tal-UE. Fl-2024, ingħataw għotjiet li jammontaw għal EUR 2,6 miljun lil 21 farm u lil 3 imħaleb biex jgħinuhom jissodisfaw l-istandards tal-UE fil-proċessi tal-produzzjoni u jżidu l-kapaċità tal-produzzjoni. L-appoġġ tekniku pprovdut mill-UE kien akkumpanjat minn laqgħat tal-Grupp ta’ Ħidma informali bikomunali tal-UE dwar il-“Halloumi”/“Hellim”.
L-appoġġ lill-bdiewa u lill-operaturi tan-negozju tal-ikel jifforma parti minn appoġġ usa’ tal-UE biex jittejbu l-għajxien rurali u l-iżvilupp fil-komunità Turko-Ċiprijotta, minħabba l-importanza ekonomika u soċjali tagħha. Inizjattiva pluriennali ġdida “eunte: AgroIndustrija” tnediet fl-2024, bl-għan li (i) jissaħħaħ l-għarfien agrikolu fil-komunità Turko-Ċiprijotta wara l-approċċ tas-Sistemi tal-UE għall-Għarfien u l-Innovazzjoni Agrikoli (AKIS, Agricultural Knowledge and Innovation Systems), (ii) jittejbu s-servizzi konsultattivi għall-farms, u (iii) tingħata spinta lill-innovazzjoni u lit-tkabbir sostenibbli tal-ambjenti agrikoli u rurali.
Il-Kummissjoni żammet l-appoġġ tagħha fil-qasam tal-edukazzjoni, b’enfasi speċifika fuq l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali, l-apprendiment tul il-ħajja u l-iżvilupp professjonali tal-għalliema fil-komunità Turko-Ċiprijotta. Ġew żviluppati u ppilotati pakketti ta’ kurrikulu għal 29 impjieg f’disgħat iskejjel, u twettqu gruppi fokali u intervisti ma’ 114 għalliem u 88 student. Ġew żviluppati u mqassma lill-iskejjel kotba ta’ gwida f’oqsma trasversali bħas-saħħa u s-sigurtà, l-intraprenditorija, il-ħarsien tal-ambjent u l-lingwa barranija fl-impjiegi. Saret valutazzjoni tal-ħtiġijiet ta’ taħriġ għall-iżvilupp professjonali tal-għalliema fl-iskejjel kollha fil-komunità Turko-Ċiprijotta. Dan identifika erba’ temi ewlenin (tagħlim u apprendiment effettiv, tmexxija fl-iskejjel, edukazzjoni inklużiva u skejjel sikuri u ġestjoni tal-kriżijiet). Għal kull wieħed minn dawn, ġie stabbilit kumitat, li mbagħad żviluppa moduli ta’ taħriġ rilevanti.
Fl-2024, il-Kummissjoni kompliet tipprovdi appoġġ għat-tisħiħ tal-kummerċ minn naħa għall-oħra tal-Linja l-Ħadra. Sar kummerċ b’suċċess minn naħa għall-oħra tal-Linja l-Ħadra ta’ tipi ġodda ta’ ikel u materjali pproċessati li jiġu f’kuntatt mal-ikel u dawn tqiegħdu fis-suq tal-UE. Iċ-ċrieki kummerċjali wrew livell għoli ta’ interess fiż-żieda tal-konformità mal-istandards tal-UE. Dan intwera minn diversi inkjesti indirizzati lill-Punt Uniku ta’ Servizz tal-UE ta’ Ċipru, li jipprovdi għarfien, appoġġ u opportunitajiet ta’ networking lin-negozji u lill-kummerċjanti interessati jew involuti fil-kummerċ minn naħa għall-oħra tal-Linja l-Ħadra. Mill-bidu tal-inizjattiva fl-2023, il-Punt Uniku ta’ Servizz tal-UE pprovda appoġġ imfassal apposta lil 85 kummerċjant.
4.2.2.Objettiv 2: L-iżvilupp u r-ristrutturar tal-infrastruttura
Il-Programm ta’ Żvilupp tan-Nazzjonijiet Uniti (UNPD, United Nations Development Programme) kompla jimplimenta l-Faċilità għall-Infrastruttura Lokali tal-UE permezz ta’ ftehimiet ta’ kontribuzzjoni li għadhom għaddejjin mal-Kummissjoni għal total ta’ EUR 36,7 miljun. Il-faċilità tipprovdi appoġġ għat-tħejjija u għall-implimentazzjoni tal-investimenti fl-infrastruttura lokali rilevanti. Dan kien jinkludi s-sostituzzjoni tal-pipeline tad-drenaġġ “Trunk E” fiż-żona urbana ta’ Nikosija, l-installazzjoni ta’ tankijiet tal-ilma u ta’ sistemi ta’ ppumpjar awtomatiku f’Lefka/Lefke, il-forniment ta’ faċilitajiet u tagħmir sportivi f’erba’ skejjel, u l-iskjerament ta’ sistemi fotovoltajċi tal-enerġija solari f’Lefka/Lefke u fiċ-Ċentru għall-Kooperazzjoni ta’ Kormakitis.
Ix-xogħlijiet ta’ rimedju tan-network tad-drenaġġ ta’ Famagusta tlestew b’suċċess u ma ġie nnotifikat l-ebda difett rilevanti sa tmiem il-perjodu ta’ notifika għax-xogħlijiet f’Diċembru 2024. Barra minn hekk, fi Frar 2024 ġie prodott u ppreżentat lill-komunitajiet Ċiprijotti studju preliminari dwar il-fattibbiltà għal impjant tal-enerġija solari bikomunali fiż-żona ta’ lqugħ.
L-isfidi strutturali marbuta mat-tħaddim tal-landfill fil-komunità Turko-Ċiprijotta komplew fl-2024. In-nuqqasijiet li nġibdet l-attenzjoni għalihom qabel marbuta ma’ operazzjoni u ġestjoni ħżiena tal-faċilità tal-landfill sfortunatament ma ġewx indirizzati fl-2024. Il-Kummissjoni tibqa’ impenjata li tappoġġa lill-benefiċjarju biex jirrettifika s-sitwazzjoni, dment li jittieħdu deċiżjonijiet strateġiċi xierqa dwar il-ġestjoni tiegħu.
Sabiex ittejjeb u tipproteġi l-ambjent, il-Kummissjoni kompliet twettaq attivitajiet ta’ bini tal-kapaċitajiet lill-komunitajiet Ċiprijotti. Fl-2024 ġew ipprovduti diversi korsijiet ta’ taħriġ u workshops lil mijiet ta’ professjonisti ambjentali fl-oqsma tas-sistemi ta’ ġestjoni ambjentali, l-analitika tad-data għall-ġestjoni ambjentali, il-kwalità tal-arja, l-ekonomija ċirkolari jew il-ġestjoni tal-foresti, fost l-oħrajn. Barra minn hekk, is-Simpożju Ambjentali ta’ Ċipru f’Diċembru 2024 laqqa’ flimkien mexxejja ambjentali miż-żewġ komunitajiet għal 3 ijiem biex jiddiskutu problemi u soluzzjonijiet komuni għall-isfidi ambjentali.
4.2.3.Objettiv 3: Trawwim tar-rikonċiljazzjoni, miżuri għat-tisħiħ tal-fiduċja, u appoġġ għas-soċjetà ċivili
Il-Kumitat għall-Persuni Neqsin, li jirċievi appoġġ permezz ta’ ftehim ta’ kontribuzzjoni mal-UNDP, kompla l-ħidma tiegħu fuq il-post u fil-laboratorju. Sa tmiem l-2024, mit-total ta’ 2 002 persuna nieqsa, kien eżuma 1 186 sett ta’ fdalijiet. Minn dawn, 1 051 ġew identifikati ġenetikament u ġew irritornati lill-familji tagħhom.
Fl-2024, ġie ffirmat ftehim ġdid ta’ kontribuzzjoni ta’ EUR 2,6 miljun biex jipprovdi finanzjament għall-operazzjonijiet tal-Kumitat fl-2025. Mill-2006 sal-2024, l-UE kkontribwiet total ta’ EUR 41,1 miljun biex tappoġġa l-attivitajiet tal-Kumitat għall-Persuni Neqsin, li jirrappreżentaw 80 % tal-finanzjament totali tagħha għal dan il-perjodu.
Il-protezzjoni tal-wirt kulturali baqgħet komponent ewlieni tal-miżuri ta’ rikonċiljazzjoni u għat-tisħiħ tal-fiduċja appoġġati taħt il-programm ta’ għajnuna, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Kumitat Tekniku għall-Wirt Kulturali bikomunali. Bejn l-2006 u l-2024, il-programm tal-wirt kulturali rċieva finanzjament totali mill-UE ta’ madwar EUR 30 miljun. Dan ippermetta li 178 sit ta’ wirt kulturali madwar il-gżira jiġu kkonservati, appoġġati strutturalment, protetti fiżikament jew irrestawrati.
L-iskema ta’ boroż ta’ studju tal-UE għaż-żgħażagħ Ċiprijotti mal-United World Colleges tat lil disa’ akkademiċi Ċiprijotti Griegi u lil disa’ akkademiċi Ċiprijotti Torok l-opportunità li jistudjaw fil-United World Colleges. Sa mill-istabbiliment tal-iskema, 64 żagħżugħ u żagħżugħa Ċiprijotti Torok u Ċiprijotti Griegi eċċellenti lestew kors ta’ sentejn tal-Baċellerat Internazzjonali f’wieħed mill-United World Colleges, li għandu l-għan li jgħaqqad lin-nies għall-paċi u futur sostenibbli. L-iskema ppromwoviet ukoll attivitajiet ta’ involviment taż-żgħażagħ interkomunitarji u korsijiet qosra mmirati biex jagħtu s-setgħa liż-żgħażagħ biex iġibu bidla pożittiva fis-soċjetajiet tagħhom.
L-appoġġ għas-soċjetà ċivili kompla fl-2024. Il-proġett Civic Space, li jipprovdi assistenza teknika għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, kompla jgħinhom jibnu l-kapaċitajiet tagħhom, jippromwovi ambjent favorevoli għall-iżvilupp tas-soċjetà ċivili, u jistimula n-networking u azzjonijiet konġunti ma’ organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili Ċiprijotti Griegi u organizzazzjonijiet oħra tal-UE.
L-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili temmew b’suċċess proġetti dwar id-drittijiet tal-pazjenti, tal-impjegati, tal-minoranzi sesswali u tal-istudenti internazzjonali, tal-protezzjoni ambjentali, tal-iżvilupp taż-żgħażagħ u tar-rwol tal-media tal-massa fil-proċess tal-bini tal-paċi. Ġie ffirmat kuntratt ta’ għotja ġdid li jiswa EUR 1,7 miljun għall-appoġġ tal-attività tal-Forum ta’ Djalogu ta’ Ċipru, li jlaqqa’ flimkien il-partijiet, it-trade unions, l-assoċjazzjonijiet tan-negozju/professjonali/tal-impjegaturi u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili miż-żewġ komunitajiet biex jinħolqu viżjonijiet u strumenti konġunti li jappoġġaw il-proċess ta’ soluzzjoni. Tnediet sejħa ġdida għal proposti bl-ammont ta’ EUR 2,25 miljun bil-għan li tiffinanzja azzjonijiet ta’ organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili speċjalment fl-oqsma tad-drittijiet tal-bniedem, l-ambjent u t-tisħiħ tal-fiduċja bikomunali.
L-assoċjazzjoni tal-Pjattaforma tad-Drittijiet tal-Bniedem kompliet timplimenta b’suċċess l-għotja diretta tagħha ffinanzjata mill-UE li rċeviet finanzjament addizzjonali fl-2024. L-attivitajiet ewlenin iffukaw fuq oqsma tematiċi b’dimensjoni tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri, bħall-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin, id-drittijiet tar-refuġjati u d-drittijiet tal-LGBTI+.
4.2.4.Objettiv 4: Inressqu l-komunità Turko-Ċiprijotta eqreb lejn l-UE
Mill-2022, il-Kummissjoni ilha tissieħeb mal-Goethe-Institut biex timplimenta l-Programm ta’ Boroż ta’ Studju tal-UE.
Sabiex il-komunità Turko-Ċiprijotta tinġieb eqreb lejn l-UE, ingħataw 126 għotja ta’ boroż ta’ studju lil studenti Ċiprijotti Torok matul is-sena akkademika 2023/2024 biex jattendu universitajiet f’pajjiżi tal-UE. Ġiet żviluppata strateġija għall-alumni li tippermettilhom jagħmlu networking, jinvolvu ruħhom u jisfruttaw il-ħiliet u l-opportunitajiet permezz ta’ diversi avvenimenti.
Mill-2007, ingħataw aktar minn 2 275 borża ta’ studju lil studenti, li jkopru aktar minn 100 università u 23 pajjiż tal-UE. Dawn il-boroż ta’ studju jappoġġaw lill-istudenti matul l-ewwel sena tagħhom ta’ studji tal-ewwel grad, studenti gradwati fil-programmi tal-master jew tad-dottorat tagħhom, u riċerkaturi u professjonisti biex jiżviluppaw aktar il-ħiliet lingwistiċi u professjonali tagħhom madwar l-Istati Membri tal-UE.
L-Infopoint tal-UE huwa ġestit mill-Uffiċċju ta’ Appoġġ għall-Programm tal-UE flimkien mar-Rappreżentanza tal-Kummissjoni f’Ċipru. Fl-2024, permezz tal-attivitajiet tagħha kemm online kif ukoll offline, hija kisbet livell għoli ta’ viżibbiltà u sensibilizzazzjoni akbar dwar l-impatt tal-programm ta’ għajnuna u r-rwol tal-UE fil-proċess tas-saldu. L-Infopoint tal-UE u proġetti oħra ffinanzjati mill-UE organizzaw aktar minn 350 attività ta’ komunikazzjoni u ta viżibbiltà fl-2024, inklużi ċ-ċelebrazzjonijiet ta’ Jum l-Ewropa li ġabru madwar 5 000 parteċipant. Matul dan il-perjodu, il-Kummissjoni pproduċiet 37 skeda informattiva, ktieb żgħir u materjal awdjoviżiv.
4.2.5.
Objettivi 5-6: Il-preparazzjoni tal-komunità Turko-Ċiprijotta biex tintroduċi u timplimenta l-acquis
L-istrument TAIEX jintuża biex jiġu implimentati l-objettivi 5 u 6 tar-Regolament dwar l-Għajnuna. Dan jgħin biex il-komunità Turko-Ċiprijotta tkun ippreparata għall-implimentazzjoni tal-acquis fid-dawl tal-irtirar tas-sospensjoni tal-applikazzjoni tiegħu mad-dħul fis-seħħ ta’ soluzzjoni komprensiva.
L-istrument TAIEX jibqa’ għodda importanti biex jintlaħqu l-objettivi tal-programm ta’ għajnuna u biex jiġi appoġġat il-kummerċ minn naħa għall-oħra tal-Linja l-Ħadra. L-attivitajiet tat-TAIEX twettqu fi 13-il settur tal-acquis tal-UE, biex il-komunità Turko-Ċiprijotta tinġieb eqreb lejn l-istandards u l-proċeduri tal-UE. B’kollox ġew organizzati 110 missjoni ta’ esperti u workshop wieħed. Barra minn hekk, komplew l-isforzi biex tinbena bażi tad-data tat-testi legali kollha abbozzati bl-appoġġ tat-TAIEX u biex tiġi żgurata kwalità għolja tat-traduzzjoni u l-interpretazzjoni fil-komunità Turko-Ċiprijotta.
L-appoġġ għall-kummerċ minn naħa għall-oħra tal-Linja l-Ħadra (ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 866/2004) baqa’ l-aktar qasam attiv u intensiv fir-riżorsi tal-attivitajiet tat-TAIEX. Esperti indipendenti inkarigati mill-Kummissjoni wettqu spezzjonijiet fitosanitarji regolari ta’ frott u ħxejjex friski, prodotti tal-pjanti, patata, għasel u bastimenti tas-sajd biex jiżguraw li l-istandards tal-UE għall-prodotti tal-ikel innegozjati jkunu ġew issodisfati. F’April 2024, il-Ministeru tas-Saħħa tar-Repubblika ta’ Ċipru ħareġ ċirkolari li tippermetti l-kummerċ minn naħa għall-oħra tal-Linja l-Ħadra f’sitt kategoriji oħra ta’ ikel ipproċessat, jiġifieri l-kafè, il-luminati, il-ħaxix iffriżat, il-patata ffriżata, l-ikel ppreżervat fil-ħall u l-weraq imnixxef tal-ġuta. L-esperti tat-TAIEX żguraw standards u kwalità fil-livell tal-UE permezz ta’ kontrolli tal-konformità tal-faċilitajiet fiż-żoni mhux ikkontrollati mill-gvern.
4.3.Eżekuzzjoni finanzjarja (kuntratti u pagamenti)
4.3.1.Għoti ta’ kuntratti
Fl-2024, il-Kummissjoni ffirmat impenji legali li jammontaw għal EUR 37,5 miljun.
4.3.2.Pagamenti
Fl-2024, il-pagamenti totali kienu ta’ EUR 40,4 miljun (EUR 37,3 miljun fl-2023).
4.4.Monitoraġġ
Il-Kummissjoni hija direttament responsabbli għall-implimentazzjoni tal-biċċa l-kbira tal-proġetti (ġestjoni diretta). Il-livell ta’ monitoraġġ mill-persunal tal-Kummissjoni huwa għoli ħafna, b’kuntatti kostanti mal-kuntratturi, żjarat fuq il-post, laqgħat fuq il-post u laqgħat tal-kumitat ta’ tmexxija, kif ukoll kooperazzjoni akbar mal-koordinaturi lokali tal-finanzjament tal-UE. It-tim ta’ appoġġ għall-għotjiet kompla jipprovdi assistenza teknika biex jappoġġa lill-Kummissjoni fil-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-kuntratti tal-għotjiet, filwaqt li jgħin ukoll lill-benefiċjarji tal-għotjiet fl-applikazzjoni tar-regoli tal-UE dwar l-implimentazzjoni tal-kuntratti tal-għotjiet, inklużi regoli sekondarji tal-akkwist.
Il-Kummissjoni timplimenta wkoll għadd ta’ kuntratti permezz ta’ ġestjoni indiretta. Il-korpi ta’ implimentazzjoni, bħall-UNDP, il-Bank Dinji, il-Goethe-Institut, u l-Aġenzija Ġermaniża għall-Kooperazzjoni Internazzjonali (GiZ, German Agency for International Cooperation), jirrapportaw lill-Kummissjoni f’konformità mal-ftehimiet rispettivi ta’ kontribuzzjoni u amministrazzjoni. Il-Kummissjoni hija involuta mill-qrib fil-monitoraġġ ta’ kuljum ta’ dawn l-azzjonijiet.
4.5.Awditu u kontrolli
Ir-rakkomandazzjonijiet tal-aħħar awditu mwettaq mis-Servizz tal-Awditjar Intern fl-2017, li kienu relatati mal-arranġamenti ta’ kontroll intern fil-qasam tal-akkwist pubbliku, issa ġew implimentati bis-sħiħ.
4.1.Evalwazzjoni
Fl-2022 ġiet ippubblikata evalwazzjoni indipendenti tal-programm ta’ għajnuna li tkopri l-perjodu 2013-2018. Ir-riżultati tal-evalwazzjoni kienu sodisfaċenti. L-evalwazzjoni kkonkludiet li l-programm għadu rilevanti u li l-impatt tiegħu kien ġeneralment pożittiv. Hija kkonfermat il-valur miżjud tal-UE u kkreditat lill-programm li żamm il-perspettiva tar-riunifikazzjoni ħajja. Hija enfasizzat ukoll il-konsistenza u l-effiċjenza ġenerali tal-programm. Fl-istess ħin, l-evalwazzjoni enfasizzat li l-programm ta’ għajnuna, waħdu, ma jistax jikseb ir-riunifikazzjoni ta’ Ċipru, li għaliha jibqgħu responsabbli ż-żewġ komunitajiet Ċiprijotti.
4.2.Informazzjoni, pubbliċità u viżibbiltà
B’mod ġenerali, fl-2024 ġew organizzati aktar minn 350 azzjoni ta’ viżibbiltà u ta’ komunikazzjoni biex jintwera l-kontribut tal-Unjoni Ewropea għall-iżvilupp tal-komunità Turko-Ċiprijotta u tal-proċess ta’ soluzzjoni ta’ Ċipru. Fl-2024, il-Kummissjoni ppubblikat rapport iddedikat li juri l-isforzi li saru taħt il-programm ta’ għajnuna għal soluzzjoni komprensiva tal-kwistjoni ta’ Ċipru biex jiġi żgurat futur aħjar għaċ-Ċiprijotti kollha u biex tgħin biex jinkisbu sigurtà u stabbiltà dejjiema fil-Lvant tal-Mediterran.
4.3.Konsultazzjonijiet mal-gvern tar-Repubblika ta’ Ċipru
Saru laqgħat regolari mar-rappreżentanti tal-gvern tar-Repubblika ta’ Ċipru. Il-Kummissjoni tkompli tiddependi fuq il-kooperazzjoni tal-gvern għall-verifika tad-drittijiet tal-proprjetà u l-faċilitazzjoni tal-ħidma tal-Kumitati Tekniċi bikomunali. Il-Kummissjoni tiltaqa’ regolarment mal-Ministeru tal-Affarijiet Barranin u r-Rappreżentanza Permanenti tar-Repubblika ta’ Ċipru għall-UE.
5.Konklużjonijiet
Permezz tal-ħidma li tagħmel f’konformità mal-objettivi tar-Regolament dwar l-Għajnuna, il-Kummissjoni tkompli tagħti assistenza skont ir-Regolament dwar l-Għajnuna biex tiffaċilita r-riunifikazzjoni ta’ Ċipru billi tinkoraġġixxi l-iżvilupp ekonomiku tal-komunità Turko-Ċiprijotta u tressaqha eqreb lejn l-Unjoni Ewropea.
Matul l-2024, l-assistenza kompliet tiffoka fuq oqsma li jippreżentaw problemi partikolari għall-konformità futura mal-acquis, filwaqt li żgurat ukoll li l-ħtiġijiet emerġenti jiġu indirizzati b’mod effiċjenti u f’waqtu.
L-enfasi fuq ir-rilevanza, il-maturità, is-sjieda u s-sostenibbiltà tal-proġetti tat riżultati pożittivi u se tkompli tiggwida d-diskussjonijiet futuri dwar l-ipprogrammar. Barra minn hekk, se jkomplu l-isforzi biex isir impatt akbar u fit-tul f’oqsma prijoritarji permezz ta’ azzjonijiet strateġiċi. Il-Kummissjoni tinsab lesta li tuża r-riżorsi kif meħtieġ, inkluż taħt il-programm ta’ għajnuna, biex tappoġġa n-negozjati għal soluzzjoni taħt l-awspiċji tan-NU u żviluppi ulterjuri marbuta mal-proċess.