IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 7.10.2019
COM(2019) 449 final
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI
LILL-PARLAMENT EWROPEW
dwar l-attivitajiet u l-konsultazzjonijiet tal-Grupp ta’ Koordinament Kontra t-Tortura msemmi fl-Artikolu 31 tar-Regolament (UE) 2019/125 dwar il-kummerċ ta’ ċerti oġġetti li jistgħu jintużaw għall-piena kapitali, it-tortura jew trattament jew pieni krudili, inumani jew degradanti oħra
1.Introduzzjoni
L-Artikolu 31(4) tar-Regolament (UE) 2019/125 tas-16 ta’ Jannar 2019 dwar il-kummerċ ta’ ċerti oġġetti li jistgħu jintużaw għall-piena kapitali, it-tortura jew trattament jew pieni krudili, inumani jew degradanti oħra (“ir-Regolament”) jesiġi li l-Kummissjoni tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew dwar l-attivitajiet, l-eżaminazzjonijiet u l-konsultazzjonijiet tal-Grupp ta’ Koordinament Kontra t-Tortura. Jispeċifika wkoll li r-rapport annwali għandu jitfassal billi titqies b’mod partikolari l-ħtieġa li ma jiġux kompromessi l-interessi kummerċjali ta’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi.
Minħabba l-informazzjoni pjuttost limitata fl-2017, dan ir-rapport jipprovdi informazzjoni dwar l-attivitajiet tal-Grupp ta’ Koordinament Kontra t-Tortura fl-2017 u fl-2018, jiġifieri mid-dħul fis-seħħ tar-Regolament (UE) 2016/2134 fit-23 ta’ Novembru 2016, li bih ġie stabbilit il-grupp.
2.Qafas Regolatorju
Ir-Regolament jenfasizza l-impenn tal-UE għall-qerda tat-tortura u tal-piena kapitali. Jipprojbixxi l-esportazzjonijiet u importazzjonijiet ta’ oġġetti ddisinjati speċifikament għall-piena kapitali, għat-tortura jew għal trattament jew pieni krudili, inumani jew degradanti oħra. Jesiġi wkoll li l-esportazzjonijiet ta’ oġġetti li jistgħu jintużaw għat-tortura u għal trattament jew pieni krudili, inumani jew degradanti oħra, jiġu soġġetti għal awtorizzazzjoni tal-esportazzjoni antiċipata maħruġa mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri.
Il-listi ta’ oġġetti pprojbiti u kkontrollati huma stabbiliti fl-Annessi II, III u IV tar-Regolament.
Ir-Regolament ġie emendat darba matul il-perjodu kopert minn dan ir-rapport. Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2018/181 tat-18 ta’ Ottubru 2017 żied ir-Repubblika Dominicana, São Tomé u Príncipe u t-Togo mal-lista tal-pajjiżi ta’ destinazzjoni li għalihom tapplika l-Awtorizzazzjoni Ġenerali għall-Esportazzjoni tal-Unjoni (bħalissa l-Anness V).
3.Attivitajiet tal-Grupp ta’ Koordinament Kontra t-Tortura
Il-Grupp ta’ Koordinament Kontra t-Tortura ġie stabbilit bir-Regolament (UE) 2016/2134 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill biex jeżamina mistoqsijiet li jirrigwardaw l-applikazzjoni tar-Regolament.
Il-grupp iservi bħala pjattaforma għall-esperti tal-Istati Membri u għall-Kummissjoni biex jaqsmu l-informazzjoni dwar il-prassi amministrattiva u jiddiskutu l-kwistjonijiet ta’ interpretazzjoni tar-Regolament, il-kwistjonijiet tekniċi fir-rigward tal-oġġetti elenkati, l-iżviluppi marbuta mar-Regolament u kull kwistjoni oħra li tista’ tinqala’. Barra minn hekk, meta tħejji atti delegati, il-Kummissjoni tikkonsulta l-grupp skont il-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet.
Fil-perjodu tar-rapportar il-grupp kellu żewġ laqgħat, fit-12 ta’ Lulju 2017 u fit-28 ta’ Ġunju 2018 rispettivament, biex jaqsam informazzjoni dwar għadd ta’ kwistjonijiet kurrenti dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament.
3.1.Notifiki dwar ċaħdiet u esportaturi pprojbiti
Il-Grupp ta’ Koordinament Kontra t-Tortura qasam informazzjoni teknika dwar l-għodod disponibbli fis-sistema elettronika għall-oġġetti b’użu doppju (DUeS), sistema sigura u kriptata li ħolqot il-Kummissjoni għall-iskambju ta’ ċerta informazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti. L-Artikolu 23(5) tar-Regolament jesiġi li l-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri jużaw id-DUeS biex jikkomunikaw informazzjoni dwar każijiet fejn talba għal awtorizzazzjoni tal-esportazzjoni tkun ġiet irrifjutata (l-hekk imsejħa ċaħdiet).
Fid-DUeS ġew introdotti għodod ġodda tan-notifika biex tiġi allinjata mar-Regolament (UE) 2016/2134 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill. Permezz tal-għodod, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jinnotifikaw:
I)data dwar l-esportaturi li ġew ipprojbiti milli jużaw l-Awtorizzazzjoni Ġenerali għall-Esportazzjoni tal-Unjoni (l-Artikolu 20(1));
II)data dwar assistenza teknika li ma ngħatatx awtorizzazzjoni għaliha (l-Artikolu 15(1)(a) u l-Artikolu 19(1)(a)) u
III)data dwar servizzi ta’ senserija li ma ngħatatx awtorizzazzjoni għalihom (l-Artikolu 15(1)(b) u l-Artikolu 19(1)(b))
3.2.Ir-rekwiżit tal-għoti ta’ awtorizzazzjoni preliminari tal-Artikoli 15 u 19 dwar l-assistenza teknika u s-servizzi ta’ senserija
Fir-rigward tar-rekwiżit tal-għoti ta’ awtorizzazzjoni preliminari għal ċerta assistenza teknika u servizzi ta’ senserija skont l-Artikoli 15 u 19 tar-Regolament, il-Membri tal-Grupp ta’ Koordinament Kontra t-Tortura ntalbu jaqsmu kwalunkwe gwida li setgħu żviluppaw dwar dawn il-kwistjonijiet, inkluż dwar id-definizzjoni ta’ ċerti termini, bħal “sensar” u “fornitur ta’ assistenza teknika”.
3.3.L-infurzar tal-projbizzjonijiet tal-Artikoli 8 u 9 dwar il-fieri kummerċjali u r-reklamar
Il-grupp wettaq skambju tekniku tal-informazzjoni dwar il-projbizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 8 u 9 tar-Regolament rigward il-fieri kummerċjali u r-reklamar, rispettivament. Dawn il-projbizzjonijiet ġew introdotti fl-emenda tar-Regolament tal-2016. Dawn daħlu fis-seħħ fis-16 ta’ Diċembru 2016. L-iskambju tal-informazzjoni kien jirrigwarda partikolarment il-possibbiltà ta’ gwida għall-awtoritajiet rilevanti kif ukoll il-modalitajiet tal-infurzar. Ġie nnutat li f’ċerti każijiet fuq xi siti ta’ fornituri Ewropej ġew irreklamati oġġetti li setgħu jwasslu għall-konklużjoni li l-projbizzjonijiet stabbiliti fir-Regolament mhumiex suffiċjenti.
3.4.Alleanza Globali għal Kummerċ Liberu mit-Torturi
Il-grupp ġie infurmat bl-iżviluppi ewlenin rigward l-Alleanza Globali għal Kummerċ Liberu mit-Torturi. L-Alleanza Globali, li ġiet promossa mill-Unjoni Ewropea u kosponserjata mill-Arġentina u mill-Mongolja, tnediet fit-18 ta’ Settembru 2017, fejn 57 membru adottaw dikjarazzjoni politika dwar il-prinċipji bażiċi, li tinkludi wkoll l-impenn li jittieħdu miżuri effettivi biex jiġi ristrett il-kummerċ f’oġġetti li jintużaw għat-tortura u għall-piena kapitali permezz ta’ leġiżlazzjoni domestika u infurzar effiċjenti.
Din l-inizjattiva għandha l-għan li tiġbed l-attenzjoni lejn ir-Regolament tal-UE u tinkoraġġixxi pajjiżi oħra biex jieħdu miżuri kummerċjali simili sabiex iwaqqfu jew jirrestrinġu l-kummerċ globali ta’ oġġetti użati għall-piena u għat-tortura. L-Istati Membri kollha ssieħbu fl-Alleanza Globali flimkien ma’ iktar minn tletin pajjiż.