Edizzjoni Provviżorja
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)
15 ta’ Ottubru 2026 (*)
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 2010/13/UE – Servizzi tal-midja awdjoviżiva – Artikolu 1(1)(a)(i) – Kunċett ta’ ‘servizz tal-media awdjoviżiva’ – Artikolu 6(1) – Protezzjoni tad-dinjità tal-bniedem – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprojbixxi x-xandiriet li jmorru kontra l-moralità – Responsabbiltà ta’ intermedjarji li jipprovdu servizz – Artikolu 11 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali – Libertà ta’ espressjoni – Artikolu 52(1) – Limitazzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet irrikonoxxuti mill-Karta”
Fil-Kawża C‑591/24,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Administrativen sad Sofia-grad (il-Qorti Amministrattiva ta’ Sofija, il-Bulgarija), permezz ta’ deċiżjoni tad‑29 ta’ Awwissu 2024, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil‑11 ta’ Settembru 2024, fil-proċedura
“Golf Bulgaria” EOOD
vs
Savet za elektronni medii,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),
komposta minn M. L. Arastey Sahún (Relatriċi), Presidenta tal-Awla, B. Smulders, E. Regan, J. Passer u D. Gratsias, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: T. Ćapeta,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– għall-Gvern Bulgaru, minn T. Mitova u R. Stoyanov, bħala aġenti,
– għall-Kummissjoni Ewropea, minn O. Gariazzo, C. Georgieva, P.‑J. Loewenthal u G. Meeßen, bħala aġenti,
wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstemgħet l-Avukata Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni, minn naħa, tad-Direttiva 2010/13/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑10 ta’ Marzu 2010 dwar il-koordinazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b’regolament jew b’azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar il-forniment ta’ servizzi tal-media awdjoviżiva (Direttiva dwar is-Servizzi tal-Media awdjoviżiva) (ĠU 2010, L 95, p. 1, rettifika fil-ĠU 2010, L 263, p. 15), kif emendata bid-Direttiva (UE) 2018/1808 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑14 ta’ Novembru 2018 (ĠU 2018, L 303, p 69) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2010/13”) kif ukoll, l-Artikolu 11 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).
2 Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn “Golf Bulgaria” EOOD, kumpannija rregolata mid-dritt Bulgaru, u s-Savet za elektronni medii (il-Kunsill tal-Media Elettronika, il-Bulgarija, iktar ’il quddiem is-“SEM”) dwar il-legalità ta’ deċiżjoni ta’ dan tal-aħħar li timponi fuq din il-kumpannija multa amministrattiva għax-xandir ta’ video li jmur kontra l-moralità (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kontenzjuża”).
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
Il-Karta
3 L-Artikolu 11 tal-Karta jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:
“Kull persuna għandha d-dritt għal-libertà ta' l-espressjoni. Dan id-dritt jinkludi l-libertà ta' opinjoni u l-libertà li tirċievi jew tagħti informazzjoni u ideat mingħajr indħil mill-awtorità pubblika u indipendentement mill-fruntieri.”
4 L-Artikolu 52(1) tal-Karta huwa fformulat kif ġej:
“Kull limitazzjoni fl-eżerċizzju tad-drittijiet u tal-libertajiet rikonoxxuti minn din il-Karta għandha tkun prevista mil-liġi u għandha tirrispetta l-essenza ta' dawk id-drittijiet u l-libertajiet. Bla ħsara għall-prinċipju ta' proporzjonalità, jistgħu jsiru limitazzjonijiet f'dawk il-każijiet biss fejn ikun meħtieġ u fejn ġenwinament jintlaħqu l-objettivi ta' interess ġenerali rikonoxxuti mill-Unjoni jew il-ħtieġa li jiġu protetti d-drittijiet u l-libertajiet ta' oħrajn.”
Id-Direttiva 2010/13
5 Skont l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2010/13:
“Għall-fini ta’ din id-Direttiva, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
(a) ‘servizz tal-media awdjoviżiva’ tfisser:
(i) servizz kif definit mill-Artikoli 56 u 57 [TFUE], fejn l-għan ewlieni tas-servizz jew taqsima separabbli tiegħu huwa ddedikat għall-forniment ta’ programmi, taħt ir-responsabbiltà editorjali ta’ fornitur ta’ servizz tal-media, lill-pubbliku ġenerali, sabiex jipprovdi informazzjoni, divertiment jew edukazzjoni, permezz ta’ netwerks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi fit-tifsira tal-punt (a) tal-Artikolu 2 tad-[Direttiva 2002/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑7 ta’ Marzu 2002 dwar kwadru [qafas] regolatorju komuni għan-networks ta’ komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi (Direttiva Qafas) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 349)]; tali servizz tal-media awdjoviżiva huwa jew xandira bit-televiżjoni kif definit fil-punt (e) ta’ dan il-paragrafu jew servizz tal-media awdjoviżiva on-demand kif definit fil-punt (g) ta’ dan il-paragrafu;
(ii) komunikazzjoni kummerċjali awdjoviżiva;
[...]
(b) ‘programm’: ‘programm’ tfisser sett ta’ immaġnijiet li jiċċaqalqu bil-ħoss jew mingħajru li jikkostitwixxu element individwali, irrispettivament mit-tul tiegħu, fi skeda jew katalgu stabbilit minn fornitur tas-servizzi tal-media, inkluż films prinċipali, videos qosra, avvenimenti sportivi, kummiedji sitwazzjonali (sitcoms), dokumentarji, programmi għat-tfal u drammi oriġinali;
(c) ‘responsabbiltà editorjali’: tfisser l-eżerċizzju ta’ kontroll effettiv kemm fuq is-selezzjoni tal-programmi u fuq l-organizzazzjoni tagħhom jew fi skeda kronoloġika, fil-każ ta’ xandiriet bit-televiżjoni, jew f’katalogu, fil-każ ta’ servizzi tal-media awdjoviżiva on-demand. Ir-responsabbiltà editorjali ma timplikax neċessarjament kwalunkwe responsabbiltà legali taħt il-liġi nazzjonali għall-kontenut jew is-servizzi pprovduti;
(d) l-isem tal-fornitur ta’ servizzi tal-media; ‘fornitur ta’ servizzi tal-media’ tfisser il-persuna fiżika jew ġuridika li għandha r-responsabbiltà editorjali għall-għażla tal-kontenut awdjoviżiv tas-servizz tal-media awdjoviżiv u li tiddetermina l-mod kif dan huwa organizzat;
[...]
(e) Xandir televiżiv jew ‘xandira televiżiva’ (jiġifieri servizz tal-media awdjoviżiva lineari): tfisser servizz tal-media awdjoviżiv ipprovdut minn fornitur ta’ servizzi tal-media għall-wiri simultanju ta’ programmi abbażi ta’ skeda ta’ programmi;
[...]
(g) ‘servizz on-demand tal-media awdjoviżiva)’ (i.e. servizz tal-media awdjoviżiv non-lineari) tfisser servizz tal-media awdjoviżiva pprovdut minn fornitur ta’ servizzi tal-media għall-wiri ta’ programmi fil-mument magħżul mill-utent u fuq it-talba individwali tiegħu abbażi ta’ katalogu ta’ programmi magħżul mill-fornitur ta’ servizzi tal-media;
[...]”
6 L-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2010/13 jipprevedi:
“L-Istati Membri għandhom jibqgħu liberi li jirrikjedu lill-fornituri tas-servizzi tal-media taħt il-ġurisdizzjoni tagħhom biex jikkonformaw ma' regoli aktar dettaljati jew aktar stretti fl-oqsma koordinati minn din id-Direttiva, dment li tali regoli jikkonformaw mal-liġi tal-Unjoni.”
7 L-Artikolu 6 ta’ din id-direttiva huwa fformulat kif ġej:
“1. Mingħajr preġudizzju għall-obbligu tal-Istati Membri li jirrispettaw u jħarsu d-dinjità umana, l-Istati Membri għandhom jiżguraw b'mezzi xierqa li s-servizzi tal-media awdjoviżiva pprovduti minn fornituri tas-servizzi tal-media taħt il-ġurisdizzjoni tagħhom ma jinkludu l-ebda:
(a) inċitament għall-vjolenza jew għall-mibegħda kontra grupp ta’ persuni jew membru ta’ grupp abbażi ta’ kwalunkwe waħda mir-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 21 tal-Karta;
(b) provokazzjoni pubblika sabiex jitwettaq reat terroristiku kif stabbilit fl-Artikolu 5 tad-Direttiva (UE) 2017/541 [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑15 ta’ Marzu 2017 dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/475/ĠAI u li temenda d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/671/ĠAI (ĠU 2017, L 88, p. 6)].
2. Il-miżuri meħuda għall-finijiet ta' dan l-Artikolu għandhom ikunu neċessarji u proporzjonati u għandhom jirrispettaw id-drittijiet u josservaw il-prinċipji mniżżla fil-Karta.”
8 L-Artikoli 28a u 28b tad-Direttiva 2010/13 jistabbilixxu d-dispożizzjonijiet applikabbli għas-servizzi ta’ pjattaformi ta’ kondiviżjoni ta’ videos.
Id-Direttiva (UE) 2018/1972
9 Skont il-punt 1 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva (UE) 2018/1972 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Diċembru 2018 li tistabbilixxi l-Kodiċi għall-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2018, Vol. 321, p. 36), li ssostitwixxiet l-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 2002/21:
“Għall-fini ta’ din id-Direttiva, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
(1) ‘netwerk tal-komunikazzjonijiet elettroniċi’ tfisser sistemi tat-trażmissjoni, ibbażati jew le fuq infrastruttura permanenti jew kapaċità tal-amministrazzjoni ċentralizzata, u, meta applikabbli, tagħmir għall-bdil jew għar-routing u riżorsi oħra, li jinkludi elementi tan-netwerk li mhumiex attivi, li jippermettu t-twassil tas-sinjali bil-wajer, bir-radju, b’mezzi ottiċi jew b’mezzi elettromanjetiċi oħrajn, inklużi netwerks tas-satellita, netwerks fissi (circuit-switched u packet-switched, inkluż l-internet) u netwerks mobbli, sistemi tal-kejbil tal-elettriku, sal-punt li dawn jintużaw għall-għan tat-trażmissjoni tas-sinjali, netwerks użati għax-xandir bir-radju u bit-televiżjoni, u netwerks tat-televiżjoni bil-kejbil, irrispettivament mit-tip ta’ informazzjoni mwassla”.
Id-dritt Bulgaru
10 L-Artikolu 10(1) taż-Zakon za radioto i televisiata (il-Liġi dwar ir-Radju u t-Televiżjoni), tat‑23 ta’ Settembru 1998 (DV Nru 138, tal‑24 ta’ Novembru 1998), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem iż-“ZRT”), jipprevedi:
“Fl-eżerċizzju tal-attività tagħhom, il-fornituri ta’ servizzi tal-media huma ggwidati mill-prinċipji li ġejjin:
1. il-garanzija tad-dritt għal-libertà tal-espressjoni;
2. il-garanzija tad-dritt għall-informazzjoni;
3. ir-rispett tal-kunfidenzjalità tas-sorsi ta’ informazzjoni;
4. il-protezzjoni tal-privatezza taċ-ċittadini;
5. il-projbizzjoni ta’ xandiriet li jinċentivaw l-intolleranza bejn iċ-ċittadini;
6. il-projbizzjoni ta’ xandiriet li jmorru kontra l-moralità, b’mod partikolari jekk ikun fihom pornografija, li jigglorifikaw jew jiskużaw il-krudeltà jew il-vjolenza, jew jinċitaw mibegħda għal raġunijiet ta’ razza, sess, reliġjon jew nazzjonalità;
7. il-garanzija tad-dritt ta’ tweġiba fil-programmi;
8. il-garanzija tad-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fuq ix-xandiriet u l-programmi;
9. is-salvagwardja tal-purità tal-lingwa Bulgara.”
11 L-Artikolu 17(1) u (2) ta’ din il-liġi jistabbilixxi:
“1. Il-fornituri ta’ servizzi tal-media huma responsabbli għall-kontenut tas-servizzi tal-media.
2. Il-fornituri ta’ servizzi tal-media huma obbligati li ma jwettqux jew li jagħmlu disponibbli għad-distribuzzjoni xandiriet li jiksru l-prinċipji msemmija fl-Artikolu 10 xandiriet li jinċentivaw l-intolleranza nazzjonali, politika, etnika, reliġjuża jew razzjali, li jigglorifikaw jew jiskużaw il-krudeltà jew il-vjolenza.”
12 L-Artikolu 20(1) u (2) tal-imsemmija liġi huwa fformulat kif ġej:
“1. Is-[SEM] huwa korp speċjalizzat indipendenti li jirregola s-servizzi tal-media u s-servizzi tal-pjattaformi ta’ kondiviżjoni ta’ videos fil-każijiet u l-modalitajiet previsti minn din il-liġi.
2. Fl-eżerċizzju tal-attivitajiet tiegħu, is-[SEM] għandu jeżerċita s-setgħat tiegħu b’mod imparzjali u trasparenti u skont l-għanijiet tad-[Direttiva 2010/13], għandu jkun iggwidat mill-interess pubbliku, jiżgura l-libertà tal-espressjoni, l-indipendenza tal-fornituri tas-servizzi tal-media, il-pluraliżmu tal-media, id-diversità kulturali u lingwistika, il-protezzjoni tal-konsumatur, l-aċċessibbiltà, in-nondiskriminazzjoni, il-funzjonament tajjeb tas-suq intern u l-promozzjoni ta’ kompetizzjoni ġusta.”
Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari
13 Fil‑5 ta’ April 2023, Golf Bulgaria, li f’din id-data kienet irreġistrata fir-reġistru pubbliku tas-SEM bħala fornitur ta’ servizzi ta’ media mhux lineari, ippubblikat fuq l-internet artiklu intitolat “Émilie Trottinette jiddieħaq b’tifel bi bżonnijiet speċjali” li jinkludi video li joriġina min-network soċjali Facebook. Dan il-video, miġbud ġewwa ċentru kummerċjali, wera tifel bi bżonnijiet edukattivi speċjali jiċċaqlaq fuq idejh u saqajh, jimita kelb, waqt li kien miżmum b’ċinga mill-persuna ppreżentata bħala li jisimha Emilie, waqt li kemm din tal-aħħar kif ukoll membri oħra ta’ grupp li kienet tagħmel parti minnu ordnawlu biex “joqgħod bilqiegħda”, “jagħti sieq” jew “jaqbad” tazza li tefgħulu u qalulu “bravu kelb” waqt li tawh daqqa ta’ ħarta fuq rasu meta wettaq dawn l-ordnijiet.
14 Permezz ta’ deċiżjoni tad‑29 ta’ Ġunju 2023, is-SEM ikkonstata li, billi ppubblikat dan il-video, Golf Bulgaria kienet wettqet ksur amministrattiv, jiġifieri ksur tal-Artikolu 17(2) taż-ZRT, moqri flimkien mal-punt 6 tal-Artikolu 10(1) tiegħu, għax-xandir ta’ video li jmur kontra l-moralità.
15 Permezz tad-deċiżjoni kontenzjuża, adottata fis‑27 ta’ Lulju 2023, is-SEM impona multa amministrattiva ta’ 3 000 lev Bulgaru (BGN) (madwar EUR 1 534) fuq Golf Bulgaria. Peress li din id-deċiżjoni ġiet ikkonfermata, fil-kuntest ta’ proċedura ta’ appell, mis-Sofiyski rayonen sad (il-Qorti Distrettwali ta’ Sofija, il-Bulgarija), Golf Bulgaria ppreżentat appell quddiem l-Administrativen sad Sofia-grad (il-Qorti Amministrattiva tal-Belt ta’ Sofija, il-Bulgarija), li hija l-qorti tar-rinviju.
16 Fil-kuntest ta’ dan l-appell, Golf Bulgaria ssostni, l-ewwel nett, li d-deċiżjoni tas-Sofiyski rayonen sad (il-Qorti Distrettwali ta’ Sofija) hija illegali u żbaljata, peress li ngħatat bi ksur tad-dritt sostantiv u tar-rekwiżiti formali essenzjali, it-tieni nett, li, bl-adozzjoni ta’ deċiżjoni li tikkonstata ksur amministrattiv għax-xandir ta’ video li jmur kontra l-moralità, is-SEM eċċeda l-kompetenzi tiegħu fil-qasam tal-kontroll tal-kontenut peress li x-xandir tal-video inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jaqax taħt il-kunċett ta’ “servizz tal-media awdjoviżiva” u, it-tielet nett, li l-klassifikazzjoni ta’ dan il-video bħala li jmur kontra l-“moralità” ma kinitx suffiċjentement motivata, peress li l-imsemmi video kien jirrifletti avveniment iffilmjat f’post pubbliku, li kien diġà ġie mxandar fuq in-networks soċjali.
17 Min-naħa tiegħu, is-SEM jirreferi għall-ġurisprudenza nazzjonali dwar il-kunċett ta’ “moralità” u, b’mod partikolari, għal deċiżjoni tal-Konstitutsionen sad (il-Qorti Kostituzzjonali, il-Bulgarija) li skontha ġie deċiż li l-moralità pubblika tikkostitwixxi qasam li fih it-tradizzjonijiet u l-kultura nazzjonali huma awtorevoli qabel kollox, li l-projbizzjoni tal-ksur tal-moralità ma hijiex limitata għall-fatt li għandhom jiġu osservati r-rekwiżiti ta’ kondotta soċjali tajba kkostitwiti mit-tradizzjonijiet ta’ kumpannija partikolari, li huwa fl-interess pubbliku, pereżempju, li l-moralità tkun kriterju ta’ formazzjoni tal-adolexxenti, u għalhekk ma huwiex neċessarju li jkun hemm ksur effettiv fil-każijiet kollha. Minn din id-deċiżjoni jirriżulta li l-kunsiderazzjonijiet dwar l-osservanza tal-moralità jistgħu jinftiehmu bħala kriterji ta’ kondotta soċjali tajba żviluppati fis-soċjetà għas-salvagwardja tagħha, peress li l-interess primordjali f’dan ir-rigward huwa dak taż-żamma tal-integrità morali tal-kumpannija. Barra minn hekk, is-SEM isostni li, f’dan il-każ, huwa paċifiku li persuna li għandha bżonnijiet edukattivi partikolari kienet umiljata u ġarrbet ksur tad-dinjità tal-bniedem tagħha. Issa, id-dritt għal-libertà tal-espressjoni ma huwiex illimitat u ma għandux iwassal għax-xandir ta’ kontenut mimli “kalunnji” u “ta’ atti ċiniċi u maledukati kontra persuna vulnerabbli”. Barra minn hekk, is-SEM jenfasizza li l-fornituri ta’ servizzi tal-media jikkontribwixxu b’mod sostanzjali għall-formazzjoni tal-opinjoni pubblika u li, konsegwentement, materjal awdjoviżiv li jmur kontra l-moralità, it-tradizzjonijiet nazzjonali u l-kultura, bħall-video inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma jistax jiġi aċċettat.
18 Il-qorti tar-rinviju tirrileva li, skont il-ġurisprudenza nazzjonali, il-kunċett ta’ “moralità” jikkostitwixxi prinċipju ġenerali, li fih innifsu huwa regola ta’ kondotta, li għandu jiġi inkluż bħala tali f’dispożizzjoni legali speċifika li għandha l-għan li tirregola r-relazzjonijiet soċjali sabiex tikkostitwixxi regola valida. F’dan il-kuntest, il-Varhoven Kasatsionen sad (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni, il-Bulgarija) indikat li “l-kontenut tal-kunċett ta’ moralità [kien] imfittex f’kategoriji ġuridiċi oġġettivi li huma aċċettati fis-soċjetà, iżda li, minħabba n-natura soċjoetika tagħhom, ma humiex stabbiliti mil-liġi u huma essenzjalment marbuta mal-projbizzjoni li ssir ħsara lil ħaddieħor billi japprofittaw mis-sitwazzjoni sfavorevoli tiegħu fuq il-livell tal-età, [is-sitwazzjoni soċjali], is-saħħa jew is-sitwazzjoni materjali”.
19 F’dan il-kuntest, u fid-dawl taċ-ċitazzjoni tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2010/13 fit-talba għal deċiżjoni preliminari, jidher li l-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar jekk huwiex possibbli li jitqies li l-introduzzjoni, fil-leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti, tal-projbizzjoni tax-xandir ta’ xandiriet li jmorru kontra l-moralità tista’ titqies bħala miżura iktar iddettaljata jew iktar stretta, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, meta mqabbla mal-miżuri l-oħra previsti minn din id-direttiva.
20 Fl-aħħar nett, din il-qorti tistaqsi jekk l-użu tal-prinċipju ta’ moralità bħala bażi għall-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet fil-każ ta’ ksur tiegħu jirrestrinġix jew le l-libertà tal-espressjoni stabbilita fl-Artikolu 11 tal-Karta.
21 F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Administrativen sad Sofia-grad (il-Qorti Amministrattiva ta’ Sofija) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:
“Hija kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni dispożizzjoni legali nazzjonali li tipprevedi l-possibbiltà li, fil-kuntest tal-introduzzjoni fl-ordinament ġuridiku nazzjonali ta’ prinċipju ġenerali tad-dritt bħalma huwa l-prinċipju ta’ “moralità”, l-Istat Membru jistabbilixxi miżuri addizzjonali li jinkludu, abbażi ta’ dan il-prinċipju ta’ “moralità”, l-istabbiliment tar-responsabbiltà ta’ servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni fis-sens tad-[Direttiva 2010/13], u, fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv, l-invokazzjoni ta’ dan il-prinċipju astratt, bħala bażi għall-istabbiliment tar-responsabbiltà fil-każ ta’ ksur, tista’ titqies bħala restrizzjoni tal-libertà ta’ espressjoni ddikjarata fl-Artikolu 11 tal-[Karta]?”
Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
22 Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑14 ta’ Novembru 2024, din il-proċedura ġiet sospiża sakemm tingħata d-deċiżjoni li ttemm l-istanza fil-Kawżi C‑555/23 u C‑556/23.
23 Wara l-għoti tas-sentenza tas‑26 ta’ Ġunju 2025, Makeleio u Zougla (C‑555/23 u C‑556/23, EU:C:2025:484), il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja, fl‑1 ta’ Lulju 2025, innotifika din is-sentenza lill-qorti tar-rinviju, fejn stedinha tindikalha jekk, fid-dawl tal-imsemmija sentenza, hija xtaqitx iżżomm it-talba għal deċiżjoni preliminari.
24 Permezz ta’ ittra tat‑30 ta’ Lulju 2025, din il-qorti indikat li hija xtaqet iżżomm it-talba għal deċiżjoni preliminari. F’dan ir-rigward, hija rrilevat li, b’differenza mill-kawża li tat lok għall-istess sentenza, is-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali kien jirrigwarda l-possibbiltà tal-implimentazzjoni tad-Direttiva 2010/13 permezz tal-inkorporazzjoni, fl-ordinament ġuridiku nazzjonali, ta’ prinċipju ġenerali tad-dritt bħal dak tal-“moralità”, kif ukoll il-punt dwar sa fejn l-użu ta’ tali prinċipju astratt bħala bażi tar-responsabbiltà fil-każ ta’ ksur tiegħu kien jirrestrinġi l-libertà tal-espressjoni msemmija fl-Artikolu 11 tal-Karta.
Fuq l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari
25 Il-Gvern Bulgaru jikkontesta l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari billi jinvoka, minn naħa, l-assenza ta’ rabta bejn id-domanda magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja u s-suġġett tal-kawża prinċipali u, min-naħa l-oħra, l-assenza ta’ indikazzjoni tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tad-dritt tal-Unjoni li għandhom jiġu interpretati għall-finijiet tas-soluzzjoni ta’ din it-tilwima.
26 Fir-rigward, b’mod partikolari, tal-allegata assenza ta’ rabta invokata, dan il-gvern isostni li mill-motivazzjoni tat-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li din tirrigwarda l-fornituri ta’ pjattaformi ta’ kondiviżjoni ta’ videos. F’dan ir-rigward, fl-espożizzjoni tal-kuntest ġuridiku, il-qorti tar-rinviju ċċitat il-formulazzjoni tal-Artikoli 28a u 28b tad-Direttiva 2010/13, applikabbli għas-servizzi ta’ pjattaformi ta’ kondiviżjoni ta' videos, filwaqt li dawn l-artikoli ma humiex rilevanti għas-soluzzjoni tat-tilwima fil-kawża prinċipali. Barra minn hekk, id-domanda magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja, kif ifformulata minn din il-qorti, tikkonċerna fornitur ta’ “servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni, fis-sens tad-Direttiva 2010/13”, u l-possibbiltà li dan jinżamm responsabbli fil-każ ta’ ksur tar-rekwiżiti imposti mid-dritt nazzjonali ta’ Stat Membru. Issa, is-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni ma humiex irregolati minn din id-direttiva iżda mid-Direttiva 2000/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑8 ta’ Ġunju 2000 dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi minn soċjetà ta’ l-informazzjoni, partikolarment il-kummerċ elettroniku, fis-Suq Intern (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 25, p. 399), u mir-Regolament (UE) 2022/2065 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑19 ta’ Ottubru 2022 dwar Suq Uniku għas-Servizzi Diġitali u li jemenda d-Direttiva 2000/31/KE (l-Att dwar is-Servizzi Diġitali) (ĠU 2022, L 277, p. 1). Barra minn hekk, mill-fatti kif esposti fit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li Golf Bulgaria hija fornitur ta’ servizzi tal-media mhux lineari, li huwa kunċett differenti minn dak ta’ “fornitur tas-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni”.
27 Skont ġurisprudenza stabbilita, id-domandi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-qorti nazzjonali fil-kuntest legali u fattwali li hija tiddefinixxi taħt ir-responsabbiltà tagħha, u li ma huwiex il-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tivverifika l-eżattezza tiegħu, jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Ir-rifjut tal-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeċiedi dwar domanda magħmula minn qorti nazzjonali huwa possibbli biss jekk ikun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma għandha ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, meta l-problema hija ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex il-punti ta’ fatti u ta’ liġi neċessarji sabiex tagħti risposta b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (sentenza tat‑30 ta’ April 2026, Nekilnojamojo turto valdymas, C‑544/24, EU:C:2026:356, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).
28 F’dan il-każ, it-talba għal deċiżjoni preliminari tinkludi deskrizzjoni ddettaljata taċ-ċirkustanzi li fihom taqa’ l-kawża prinċipali u tirriproduċi l-kontenut tad-dispożizzjonijiet nazzjonali kkunsidrati bħala applikabbli għal din it-tilwima mill-qorti tar-rinviju u tal-ġurisprudenza nazzjonali meqjusa wkoll bħala rilevanti minnha. Barra minn hekk, il-motivazzjoni li tinsab f’din it-talba tippermetti li jinftiehem li d-dubji espressi minn din il-qorti jirrigwardaw il-konformità taż-ZRT mad-Direttiva 2010/13 u mal-Artikolu 11 tal-Karta, u li joriġinaw mill-fatt li l-Artikolu 17(2) taż-ZRT, li serva bħala bażi sabiex tissanzjona lil Golf Bulgaria għax-xandir tal-video deskritt fil-punt 13 ta’ din is-sentenza, huwa bbażat fuq prinċipju ġenerali tad-dritt nazzjonali, jiġifieri l-prinċipju ta’ “moralità”. Barra minn hekk, ir-rabta bejn, minn naħa, id-Direttiva 2010/13 u l-Artikolu 11 tal-Karta kif ukoll, min-naħa l-oħra, id-dispożizzjonijiet taż-ZRT applikabbli għall-kawża prinċipali tirriżulta b’mod suffiċjenti mill-elementi li jinsabu fl-imsemmija talba.
29 Huwa minnu li, kif irrileva l-Gvern Bulgaru, fit-talba għal deċiżjoni preliminari, il-qorti tar-rinviju tirreferi kemm għas-servizzi tal-media awdjoviżiva kif ukoll għas-servizzi ta’ pjattaformi ta’ kondiviżjoni ta’ videos u tiċċita kemm id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2010/13 dwar il-fornituri ta’ servizzi tal-media awdjoviżiva kif ukoll id-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva dwar il-fornituri ta’ tali pjattaformi. Barra minn hekk, fil-formulazzjoni tad-domanda preliminari, din il-qorti tirreferi għal servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni u ssemmi b’mod ġenerali d-Direttiva 2010/13 mingħajr ma tindika d-dispożizzjonijiet konkreti ta’ din id-direttiva li għandhom jiġu interpretati.
30 Madankollu, qabelxejn, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li, l-ewwel nett, mill-espożizzjoni tal-fatti li tinsab fit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li Golf Bulgaria kienet irreġistrata fir-reġistru pubbliku tas-SEM bħala fornitur ta’ servizzi tal-media mhux lineari. It-tieni nett, skont il-formulazzjoni tagħhom, il-punt 6 tal-Artikolu 10(1) u l-Artikolu 17 taż-ZRT, li abbażi tagħhom is-SEM ikkonstata t-twettiq, minn Golf Bulgaria, tal-ksur li ġie ssanzjonat mid-deċiżjoni kontenzjuża, jikkonċernaw il-fornituri ta’ servizzi tal-media. It-tielet, mill-motivazzjoni ta’ din it-talba jirriżulta li l-qorti tar-rinviju riedet tindirizza lill-Qorti tal-Ġustizzja l-ewwel mill-ħames domandi li Golf Bulgaria pproponitilha li tagħmel talba għal deċiżjoni preliminari, peress li din l-ewwel domanda tirreferi espliċitament għall-“fornituri ta’ servizzi tal-media awdjoviżiva mhux lineari”.
31 Għaldaqstant, dawn l-elementi jwasslu sabiex jitqies li minkejja, minn naħa, l-użu fil-formulazzjoni tad-domanda preliminari tal-kliem “servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni” u, min-naħa l-oħra, ir-riferiment fit-talba għal deċiżjoni preliminari għal “servizzi ta’ pjattaforma ta’ kondiviżjoni ta' videos”, l-imsemmija domanda tikkonċerna “servizz tal-media awdjoviżiva”, fis-sens tad-Direttiva 2010/13.
32 Sussegwentement, l-assenza ta’ indikazzjoni, fil-formulazzjoni tad-domandi magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja, ta’ dispożizzjonijiet konkreti tad-dritt tal-Unjoni ma tirrendix inammissibbli talba għal deċiżjoni preliminari sa fejn l-elementi li jinsabu f’din it-talba jippermettu lill-Qorti tal-Ġustizzja tidentifika d-dispożizzjonijiet ta’ dan id-dritt li l-interpretazzjoni tagħhom hija neċessarja sabiex il-qorti tar-rinviju tkun tista’ tiddeċiedi l-kawża prinċipali. Dan huwa l-każ hawnhekk, peress li l-motivazzjoni ta’ din it-talba għal deċiżjoni preliminari tippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja tidentifika d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2010/13 li għandhom jiġu interpretati għal dawn il-finijiet, kif ser jiġi espost fil-punti 50 sa 54 ta’ din is-sentenza.
33 Fl-aħħar nett, il-fatt li, fl-espożizzjoni tal-kuntest ġuridiku li fil-fehma tagħha huwa applikabbli, il-qorti tar-rinviju tiċċita dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li ma humiex rilevanti għall-finijiet tas-soluzzjoni tat-tilwima fil-kawża prinċipali ma jaffettwax l-ammissibbiltà ta’ talba għal deċiżjoni preliminari.
34 Għaldaqstant, it-talba preżenti għal deċiżjoni preliminari hija ammissibbli.
Fuq id-domanda preliminari
Kunsiderazzjonijiet preliminari
Fuq il-klassifikazzjoni tax-xandir tal-video inkwistjoni fil-kawża prinċipali bħala “servizz tal-media awdjoviżiva” u tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali bħala “fornitur ta’ servizzi tal-media”, fis-sens tad-Direttiva 2010/13
35 Kif jirriżulta mill-punti 30 u 31 ta’ din is-sentenza, id-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju għandha tinftiehem bħala li tirreferi għal “servizz tal-media awdjoviżiva”, fis-sens tad-Direttiva 2010/13, u, għaldaqstant, bħala li hija bbażata fuq il-premessa li x-xandir tal-video li ġie ssanzjonat mid-deċiżjoni kontenzjuża jaqa’ taħt dan il-kunċett.
36 Issa, kif ġie rrilevat fil-punt 16 ta’ din is-sentenza, fil-kuntest tal-appell li wassal għal din il-kawża, Golf Bulgaria allegat li x-xandir ta’ dan il-video ma kienx jaqa’ taħt l-imsemmi kunċett.
37 F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fil-kuntest tat-tqassim tal-kompetenzi bejn il-qrati tal-Unjoni u l-qrati nazzjonali, hija bħala prinċipju l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika li l-kundizzjonijiet fattwali li jinvolvu l-applikazzjoni ta’ regola tal-Unjoni huma ssodisfatti fil-kawża pendenti quddiemha, u l-Qorti tal-Ġustizzja, meta tiddeċiedi fuq ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari, tista’, jekk ikun il-każ, tagħti indikazzjonijiet intiżi sabiex jiggwidaw lill-qorti nazzjonali fl-interpretazzjoni tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Ġunju 2025, Makeleio u Zougla, C‑555/23 u C‑556/23, EU:C:2025:484, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).
38 Għaldaqstant, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tipprovdi lill-qorti tar-rinviju l-elementi ta’ interpretazzjoni neċessarji dwar il-kunċett ta’ “servizz tal-media awdjoviżiva”, fis-sens ta’ din id-direttiva, sabiex hija tivverifika jekk ix-xandir tal-video inkwistjoni fil-kawżi prinċipali jaqax effettivament taħt dan il-kunċett u jekk, fir-rigward ta’ dawn ix-xandiriet, Makeleio u Zougla għandhomx għalhekk jitqiesu li huma “fornituri ta’ servizzi tal-media”, fis-sens tal-imsemmija direttiva.
39 F’dan il-kuntest, għandu jitfakkar li, skont id-definizzjoni li tinsab fl-Artikolu 1(1)(a)(i) tad-Direttiva 2010/13, il-kunċett ta’ “servizz tal-media awdjoviżiva” jirreferi għal servizz kif iddefinit fl-Artikoli 56 u 57 TFUE, li għalih l-għan prinċipali tas-servizz innifsu jew ta’ parti separabbli minn dan is-servizz huwa l-provvista ta’ programmi lill-pubbliku ġenerali, taħt ir-responsabbiltà editorjali ta’ fornitur ta’ servizzi tal-media, bl-għan li jinforma, li jipprovdi divertiment jew li jeduka, permezz ta’ networks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, fis-sens tal-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 2002/21.
40 Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-Artikolu 1(1)(b) tad-Direttiva 2010/13, il-kunċett ta’ “programm”, fis-sens ta’ din id-direttiva, jirrigwarda “sett ta’ immaġnijiet li jiċċaqalqu li jikkostitwixxu element individwali, irrispettivament mit-tul tiegħu, fi skeda jew katalgu stabbilit minn fornitur tas-servizzi tal-media, inkluż films prinċipali, videos qosra, avvenimenti sportivi, kummiedji sitwazzjonali (sitcoms), dokumentarji, programmi għat-tfal u drammi oriġinali”.
41 Barra dan, konformement mal-Artikolu 1(1)(d) ta’ din id-direttiva, għall-finijiet ta’ din tal-aħħar, “fornitur ta’ servizzi tal-media” tfisser il-persuna fiżika jew ġuridika li għandha r-responsabbiltà editorjali għall-għażla tal-kontenut awdjoviżiv tas-servizz tal-media awdjoviżiv u li tiddetermina l-mod kif dan huwa organizzat.
42 F’dan il-każ, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li l-video inkwistjoni fil-kawża prinċipali ġie ppubblikat fuq sit internet li jqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku artikoli u kontenut awdjoviżiv.
43 Għaldaqstant, qabelxejn, jidher li dan il-video ġie mxandar permezz ta’ networks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2018/1972, li ssostitwixxa l-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 2002/21, fatt li madankollu għandu jiġi kkonfermat mill-qorti tar-rinviju.
44 Sussegwentement, bla ħsara wkoll għal verifika minn din il-qorti, jista’ jitqies li l-imsemmi video jaqa’ fl-iskeda jew fil-katalgu tal-offerta awdjoviżiva proposta fis-sit internet inkwistjoni fil-kawża prinċipali, b’tali mod li jikkostitwixxi “programm”, fis-sens tal-Artikolu 1(1)(b) tad-Direttiva 2010/13 (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑26 ta’ Ġunju 2025, Makeleio u Zougla, C‑555/23 u C‑556/23, EU:C:2025:484, punt 48), u li din l-offerta awdjoviżiva tissodisfa għanijiet informattivi jew ta’ divertiment.
45 Barra minn hekk, ma hemm xejn fil-proċess għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja li jissuġġerixxi li s-servizz ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ videos offrut fis-sit internet inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma għandux kontenut u funzjoni awtonomi meta mqabbel ma’ dawk ta’ servizzi oħra eventwalment offruti f’dan is-sit. Għalhekk, bla ħsara għal verifika mill-qorti tar-rinviju, għandu jitqies li x-xandir tal-video inkwistjoni fil-kawża prinċipali jaqa’ fil-kuntest ta’ servizz li l-għan prinċipali tiegħu jew dak ta’ parti separabbli minn dan is-servizz huwa l-provvista ta’ programmi lill-pubbliku ġenerali.
46 Fl-aħħar nett, kif jirriżulta mill-Artikolu 1(1)(a)(i), (c) u (d) tad-Direttiva 2010/13, il-pubblikazzjoni, minn Golf Bulgaria, tal-video inkwistjoni fil-kawża prinċipali fuq is-sit internet inkwistjoni fil-kawża prinċipali tista’ taqa’ taħt il-kunċett ta’ “servizz tal-media awdjoviżiva” biss jekk din il-kumpannija tassumi r-“responsabbiltà editorjali”, fis-sens ta’ din id-direttiva, tal-għażla tal-kontenut awdjoviżiv imqiegħed għad-dispożizzjoni fuq dan is-sit internet.
47 Dan ikun, b’mod partikolari, il-każ jekk hija Golf Bulgaria li għandha tiddeċiedi, b’mod partikolari, dwar it-tqegħid online u t-tneħħija tal-videos proposti fuq is-sit internet inkwistjoni, tal-kalendarju u tal-ħinijiet li jikkonċernaw it-trażmissjoni tal-videos fuq dan is-sit internet, tal-perijodu li matulu dawn ikunu aċċessibbli għall-utenti tal-internet, tal-istruttura tal-imsemmi sit internet, tal-mod kif jiġu ppreżentati l-videos u tal-għażla tagħhom, tas-sistema ta’ tfittxija tal-videos u tal-aġġornament tal-kontenut tal-istess sit internet (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑26 ta’ Ġunju2025, Makeleio u Zougla, C‑555/23 u C‑556/23, EU:C:2025:484, punt 53).
48 Peress li t-talba għal deċiżjoni preliminari ma tinkludi ebda indikazzjoni f’dan ir-rigward, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa, fid-dawl b’mod partikolari tal-kundizzjonijiet li jirregolaw il-pubblikazzjoni fuq is-sit internet inkwistjoni fil-kawża prinċipali tal-videos trażmessi mill-utenti, jekk Golf Bulgaria tirriżervax effettivament id-dritt li tiddeċiedi liema videos huma ppubblikati jew le fuq dan is-sit internet. Għalkemm minn din l-evalwazzjoni jirriżulta li d-deċiżjoni finali dwar tali pubblikazzjoni taqa’ fuq din il-kumpannija, ir-responsabbiltà editorjali tal-għażla tal-kontenut awdjoviżiv imqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku fuq l-imsemmi sit internet, fosthom il-video inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jaqa’ taħt l-imsemmija kumpannija, u dan anki jekk il-videos imqiegħda online jinħolqu u jintbagħtu minn utenti għall-pubblikazzjoni tagħhom fuq l-istess sit internet.
49 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, u bla ħsara għall-verifiki li għandha twettaq il-qorti tar-rinviju, hemm lok li tingħata risposta għad-domanda magħmula minn din il-qorti billi wieħed jitlaq mill-premessi li, minn naħa, ix-xandir tal-video ssanzjonat mid-deċiżjoni kontenzjuża jikkostitwixxi “servizz tal-media awdjoviżiva”, fis-sens tad-Direttiva 2010/13, u, min-naħa l-oħra, Golf Bulgaria taqa’ taħt il-kunċett ta’ “fornitur ta’ servizzi tal-media”, fis-sens ta’ din id-direttiva.
Fuq id-dispożizzjoni tad-Direttiva 2010/13 rilevanti għall-finijiet tas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali
50 Mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li l-video inkwistjoni fil-kawża prinċipali kien juri l-umiljazzjoni ta’ persuna li għandha bżonnijiet edukattivi partikolari. Dan il-fatt wassal b’mod partikolari lis-SEM sabiex jikklassifika dan il-video bħala kuntrarju għall-“moralità”, fis-sens tad-dritt nazzjonali, u, għaldaqstant, sabiex jissanzjona lil din il-kumpannija għax-xandir ta’ xandira li tmur kontra l-moralità, peress li s-SEM żied, quddiem il-qorti tar-rinviju, li din il-persuna kienet għalhekk ġarrbet ksur tad-dinjità tal-bniedem tagħha.
51 Issa, għandu jitfakkar li l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2010/13 jimponi fuq l-Istati Membri mhux biss l-obbligu li josservaw, iżda wkoll li jipproteġu d-dinjità tal-bniedem, peress li dan l-obbligu jimplika, b’mod partikolari, li huma dawn l-Istati li għandhom jadottaw il-miżuri neċessarji sabiex jiggarantixxu li l-kontenut tas-servizzi tal-media awdjoviżiva pprovduti mill-fornituri li jaqgħu taħt il-ġuriżdizzjoni tagħhom ma jippreġudikawx il-valur tad-dinjità tal-bniedem (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Ġunju 2025, Makeleio u Zougla, C‑555/23 u C-556/23, EU:C:2025:484, punt 67).
52 Għaldaqstant, l-obbligu li jiġi osservat il-valur tad-dinjità tal-bniedem u l-projbizzjoni ta’ xandir ta’ kontenut li jippreġudika dan il-valur jaqgħu taħt din id-dispożizzjoni (sentenza tas‑26 ta’ Ġunju 2025, Makeleio u Zougla, C‑555/23 u C‑556/23, EU:C:2025:484, punt 73).
53 Għaldaqstant, f’kuntest, bħal dak tal-kawża prinċipali, fejn leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprojbixxi x-xandir ta’ kontenut li jmur kontra l-moralità serviet bħala bażi għal deċiżjoni adottata sabiex jiġi ssanzjonat ksur tad-dinjità tal-bniedem, din il-leġiżlazzjoni nazzjonali tista’ taqa’ taħt l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2010/13. Min-naħa l-oħra, tali leġiżlazzjoni, sa fejn isservi biss sabiex timplimenta l-obbligu li tiġi osservata d-dinjità tal-bniedem u r-raġuni ta’ projbizzjoni bbażata fuq ksur tal-valur tad-dinjità tal-bniedem previsti f’dan l-Artikolu 6(1), ma tistax tiġi analizzata bħala li tinkludi regoli “aktar dettaljati” jew “aktar stretti”, fis-sens tal-Artikolu 4(1) ta’ din id-direttiva, u, konsegwentement, ma taqax taħt din l-aħħar dispożizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Ġunju 2025, Makeleio u Zougla, C‑555/23 u C‑556/23, EU:C:2025:484, punt 78).
54 Għalhekk, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża prinċipali, huwa fid-dawl tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2010/13 li hemm lok li tingħata risposta għad-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju.
Fuq id-domanda
55 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preliminari, għandu jitqies li, permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2010/13, moqri fid-dawl tal-Artikolu 11 tal-Karta, għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li Stat Membru jkun jista’, skont leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprojbixxi, abbażi ta’ prinċipju ġenerali tad-dritt ta’ dan l-Istat, ix-xandiriet li jmorru kontra l-moralità, jissanzjona fornitur ta’ servizzi tal-media għax-xandir ta’ video li jippreġudika d-dinjità tal-bniedem.
56 Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, għandu, fl-ewwel lok, jitfakkar li, skont il-kliem stess tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE, l-Istati Membri jibbenefikaw mill-għażla tal-forma u tal-mezzi ta’ implimentazzjoni tad-direttivi li jippermettu li jiġi ggarantit bl-aħjar mod ir-riżultat li dawn tal-aħħar ifittxu u li minn din id-dispożizzjoni jirriżulta li t-traspożizzjoni fid-dritt intern ta’ direttiva ma teħtieġx neċessarjament azzjoni leġiżlattiva f’kull Stat Membru (sentenza tal‑14 ta’ Frar 2012, Flachglas Torgau, C‑204/09, EU:C:2012:71, punt 60).
57 B’mod partikolari, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-eżistenza ta’ prinċipji ġenerali jew ta’ regoli ġenerali tista’ tirrendi superfluwa t-traspożizzjoni permezz ta’ miżuri leġiżlattivi jew regolatorji addizzjonali speċifiċi, bil-kundizzjoni, madankollu, li dawn il-prinċipji effettivament jiggarantixxu effettivament l-applikazzjoni sħiħa ta’ din id-direttiva u li, fil-każ fejn id-dispożizzjoni inkwistjoni tal-imsemmija direttiva tkun intiża li toħloq drittijiet għall-individwi, is-sitwazzjoni legali li tirriżulta minn dawn il-prinċipji tkun suffiċjentement preċiża u ċara, u li l-benefiċjarji jingħataw il-possibbiltà li jkunu jafu d-drittijiet kollha tagħhom kif ukoll, jekk ikun il-każ, li jinvokawhom quddiem il-qrati nazzjonali (sentenza tal‑10 ta’ Ġunju 2021, Ultimo Portfolio Investment (il-Lussemburgu), C‑303/20, EU:C:2021:479, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).
58 Fid-dawl ta’ din il-ġurisprudenza, jista’ jitqies li għalkemm, kif ġie rrilevat fil-punti 51 u 52 ta’ din is-sentenza, l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2010/13 jimponi fuq l-Istati Membri, fil-qasam tas-servizzi tal-media awdjoviżiva, l-obbligu li jipproteġu l-valur tad-dinjità tal-bniedem billi jiggarantixxu l-projbizzjoni ta’ kontenut li jippreġudika dan il-valur, ma huwiex, bħala prinċipju, eskluż li din id-dispożizzjoni tiġi trasposta fl-ordinament ġuridiku intern ta’ Stat Membru abbażi ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprojbixxi, skont prinċipju ġenerali tad-dritt ta’ dan l-Istat, ix-xandiriet li jmorru kontra l-moralità, sakemm is-sitwazzjoni legali li tirriżulta minn din il-leġiżlazzjoni nazzjonali tkun suffiċjentement preċiża u ċara sabiex tippermetti lill-fornituri ta’ servizzi tal-media jkunu jafu li x-xandir ta’ video li jippreġudika l-valur tad-dinjità tal-bniedem jaqa’ taħt il-kunċett ta’ xandira li tmur kontra l-moralità.
59 Barra minn hekk, għandu jitfakkar li l-prinċipju ta’ ċertezza legali jeżiġi, minn naħa, li d-dispożizzjonijiet legali jkunu ċari u preċiżi u, min-naħa l-oħra, li l-applikazzjoni tagħhom tkun prevedibbli għall-partijiet fil-kawża, b’mod partikolari meta dawn jista’ jkollhom konsegwenzi sfavorevoli. Dan il-prinċipju jeżiġi, b’mod partikolari, li leġiżlazzjoni tippermetti lill-partijiet ikkonċernati jkunu jafu b’eżattezza l-portata tal-obbligi li hija timponi fuqhom u li dawn tal-aħħar ikunu jistgħu jifhmu mingħajr ambigwità d-drittijiet u l-obbligi tagħhom u jirregolaw l-aġir tagħhom fid-dawl ta’ dawn tal-aħħar (sentenza tal‑21 ta’ Mejju 2026, Across Fiduciaria et, C‑684/24 u C‑685/24, EU:C:2026:410, punt 40 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
60 Barra minn hekk, dan ir-rekwiżit ta’ ċertezza legali huwa impost b’rigorożità partikolari fil-preżenza ta’ leġiżlazzjoni li tista’ tinvolvi konsegwenzi finanzjarji. B’mod partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li sanzjoni, anki ta’ natura mhux kriminali, tista’ tiġi imposta biss jekk tkun ibbażata fuq bażi legali ċara u mhux ambigwa (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Ottubru 2006, Koninklijke Coöperatie Cosun, C‑248/04, EU:C:2006:666, punti 79 u 80 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
61 F’dan il-kuntest, għandu jitfakkar li, fir-rigward tal-prinċipju ta’ nullum crimen, nulla poena sine lege stabbilit fl-Artikolu 49(1) tal-Karta, dispożizzjoni li tapplika għall-qasam kriminali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑1 ta’ Awwissu 2025, BAJI Trans, C-544/23, EU:C:2025:614, punt 62), dan il-prinċipju, li jikkostitwixxi espressjoni partikolari tal-prinċipju ġenerali ta’ ċertezza legali, jimplika, b’mod partikolari, li l-liġi tiddefinixxi b’mod ċar ir-reati u l-pieni li jissanzjonawhom sabiex tiġi żgurata l-prevedibbiltà f’dak li jirrigwarda kemm id-definizzjoni tar-reat kif ukoll id-determinazzjoni tal-piena. Din il-kundizzjoni hija ssodisfatta meta l-parti fil-kawża tkun tista’ tkun taf, mill-kliem tad-dispożizzjoni rilevanti u, jekk meħtieġ, bl-għajnuna tal-interpretazzjoni tagħha mogħtija mill-qrati nazzjonali kkonċernati, liema atti jew ommissjonijiet jinvolvu r-responsabbiltà kriminali tagħha (sentenza tas‑26 ta’ Ġunju 2025, Makeleio u Zougla, C‑555/23 u C‑556/23, EU:C:2025:484, punt 88 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). Issa, f’dan ir-rigward u fi kwalunkwe każ, ma jistax ikun mod ieħor fir-rigward tas-sanzjonijiet li ma humiex ta’ natura kriminali.
62 Għalhekk, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk fornitur ta’ servizzi tal-media jistax ikun jaf, fid-dawl tal-formulazzjoni taż-ZRT u, jekk ikun il-każ, bl-għajnuna tal-interpretazzjoni tiegħu mogħtija mill-Konstitutsionen sad (il-Qorti Kostituzzjonali) u mill-Varhoven Kasatsionen sad (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni), li l-projbizzjoni tax-xandir ta’ programmi li jmorru kontra l-moralità stabbilita minn din il-leġiżlazzjoni nazzjonali tapplika wkoll għax-xandir ta’ video li jippreġudika d-dinjità tal-bniedem.
63 Fit-tieni lok, fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk leġiżlazzjoni nazzjonali li għandha l-karatteristiċi stabbiliti fil-punt 55 ta’ din is-sentenza u li tissodisfa r-rekwiżiti ta’ ċarezza u ta’ preċiżjoni, fis-sens tal-ġurisprudenza stabbilita fil-punti 57 sa 61 ta’ din is-sentenza, tiksirx id-dritt għal-libertà tal-espressjoni stabbilit fl-Artikolu 11 tal-Karta, għandu jitfakkar li d-drittijiet u l-libertajiet stabbiliti f’dan l-Artikolu 11 ma humiex prerogattivi assoluti, iżda għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fir-rigward tal-funzjoni tagħhom fis-soċjetà. Madankollu, konformement mal-Artikolu 52(1) tal-Karta, kull limitazzjoni fl-eżerċizzju tad-drittijiet u tal-libertajiet iggarantiti mill-Karta għandha tkun prevista mil-liġi, għandha tirrispetta l-essenza ta’ dawn id-drittijiet u ta’ dawn il-libertajiet u, fl-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, għandha tkun neċessarja u effettivament tissodisfa għanijiet ta’ interess ġenerali rrikonoxxuti mill-Unjoni jew il-ħtieġa li jiġu protetti d-drittijiet u l-libertajiet ta’ oħrajn (sentenza tas‑26 ta’ Frar 2026, Il‑Kummissjoni vs L‑Ungerija (Dritt li jiġu pprovduti servizzi tal-media fi frekwenza tar-radju), C‑92/23, EU:C:2026:108, punti 365 u 367 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
64 F’dan ir-rigward, skont l-Artikolu 1 tal-Karta, id-dinjità tal-bniedem hija invjolabbli. Hija għandha tkun irrispettata u protetta.
65 Mill-Ispjegazzjonijiet dwar il-Karta jirriżulta li d-dinjità tal-persuna tal-bniedem, fis-sens ta’ dan l-Artikolu 1, ma hijiex biss dritt fundamentali fiha nnifisha, iżda tikkostitwixxi l-bażi stess tad-drittijiet fundamentali. F’dan ir-rigward, dawn l-ispjegazzjonijiet jirreferu b’mod partikolari għad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, adottata mill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti fl‑10 ta’ Diċembru 1948, li inkludiet id-dinjità tal-bniedem fil-preambolu tagħha, li tippreċiża li “r-rikonoxximent tad-dinjità inerenti għall-membri kollha tal-familja tal-bniedem u tad-drittijiet ugwali u inaljenabbli tagħhom jikkostitwixxi l-bażi tal-libertà, tal-ġustizzja u tal-paċi fid-dinja”. Minn dan jirriżulta, skont l-imsemmija spjegazzjonijiet, li l-ebda wieħed mid-drittijiet inklużi f’din il-karta ma jista’ jintuża sabiex jippreġudika d-dinjità ta’ persuna oħra u li d-dinjità tal-bniedem tagħmel parti mis-sustanza tad-drittijiet inklużi fiha. Għaldaqstant din ma tistax tiġi ppreġudikata, anki meta jkun hemm limitazzjoni ta’ dritt (sentenza tal‑21 ta’ April 2026, Il‑Kummissjoni vs L‑Ungerija (Valuri tal-Unjoni), C‑769/22, EU:C:2026:326, punt 486).
66 Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li obbligu relatat mal-osservanza tal-moralità, sa fejn jikkonsisti f’mezz li jippermetti li jiġi protett il-valur tad-dinjità tal-bniedem, billi jipprojbixxi x-xandir ta’ kontenut li jippreġudika dan il-valur, kif jimponi l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2010/13, minn naħa, jissodisfa raġuni leġittima sabiex tiġi ristretta l-libertà ta’ espressjoni u, min-naħa l-oħra, fid-dawl tar-restrizzjoni ta’ din il-libertà li tirriżulta minnha, jikkostitwixxi neċessarjament miżura proporzjonata, fis-sens tal-Artikolu 52(1) tal-Karta.
67 Għaldaqstant, sa tali punt, leġiżlazzjoni nazzjonali li għandha l-karatteristiċi stabbiliti fil-punt 55 ta’ din is-sentenza u li tissodisfa r-rekwiżiti ta’ ċarezza u ta’ preċiżjoni, fis-sens tal-ġurisprudenza stabbilita fil-punti 57 sa 61 ta’ din is-sentenza, ma tiksirx id-dritt għal-libertà tal-espressjoni stabbilit fl-Artikolu 11 tal-Karta.
68 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għad-domanda għandha tkun li l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2010/13, moqri fid-dawl tal-Artikolu 11 tal-Karta, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix li Stat Membru jkun jista’, skont leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprojbixxi, abbażi ta’ prinċipju ġenerali tad-dritt ta’ dan l-Istat, ix-xandiriet li jmorru kontra l-moralità, jissanzjona fornitur ta’ servizzi tal-media għax-xandir ta’ video li jippreġudika l-valur tad-dinjità tal-bniedem, sa fejn il-fornituri ta’ tali servizzi jistgħu jkunu jafu, fid-dawl tal-formulazzjoni ta’ din il-leġiżlazzjoni nazzjonali u, jekk ikun meħtieġ, bl-għajnuna tal-interpretazzjoni tagħhom mogħtija mill-qrati nazzjonali, li tali projbizzjoni tkopri x-xandiriet li jippreġudikaw dan il-valur.
Fuq l-ispejjeż
69 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:
L-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2010/13/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑10 ta’ Marzu 2010 dwar il-koordinazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b’regolament jew b’azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar il-forniment ta’ servizzi tal-media awdjoviżiva (Direttiva dwar is-Servizzi tal-Media awdjoviżiva), kif emendata bid-Direttiva (UE) 2018/1808 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑14 ta’ Novembru 2018, moqri fid-dawl tal-Artikolu 11 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,
għandu jiġi interpretat fis-sens li:
ma jipprekludix li Stat Membru jkun jista’, skont leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprojbixxi, abbażi ta’ prinċipju ġenerali tad-dritt ta’ dan l-Istat, ix-xandiriet li jmorru kontra l-moralità, jissanzjona fornitur ta’ servizzi tal-media għax-xandir ta’ video li jippreġudika l-valur tad-dinjità tal-bniedem, sa fejn il-fornituri ta’ tali servizzi jistgħu jkunu jafu, fid-dawl tal-formulazzjoni ta’ din il-leġiżlazzjoni nazzjonali u, jekk ikun meħtieġ, bl-għajnuna tal-interpretazzjoni tagħhom mogħtija mill-qrati nazzjonali, li tali projbizzjoni tkopri x-xandiriet li jippreġudikaw dan il-valur.
Firem
* Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru.